Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0059/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0059/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

12.1.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Cristiana Muscardini, Adam Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka, Konrad Szymański, Eugenijus Maldeikis, Ryszard Czarnecki u Marcin Libicki
f'isem il-Grupp UEN
dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0051/2009

Proċedura : 2009/2504(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0059/2009
Testi mressqa :
B6-0059/2009
Testi adottati :

B6‑0059/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża, tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani, tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża u tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242 (1967), 338 (1973) u 1860 (8 ta' Jannar 2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra (1949),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Diċembru 2009, l-Iżrael fetaħ attakk militari f'Gaża bħala reazzjoni għall-attakki ripetuti bir-rokits minn Ħamas fin-Nofsinhar tal-Iżrael, bħala mezz ta' difiża tiegħu nnifsu u sabiex jiżgura s-sigurtà tiegħu fil-fruntieri tiegħu tan-Nofsinhar,

B.  billi Ħamas baqa' jirrifjuta li jirrikonoxxi l-Istat tal-Iżrael u għaldaqstant kien ostaklu kbir għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; billi Ħamas iddeċieda unilateralment li jikser il-waqfien mill-ġlied, minkejja t-talbiet ripetuti u l-pariri kontra mill-pajjiżi Għarab, ksur li ħoloq aktar riskju u periklu għall-popolazzjoni tal-Iżrael li tgħix mal-fruntiera tan-Nofsinhar; billi Ħamas ħa l-kontroll sħiħ tal-Medda ta' Gaża permezz tal-użu tal-vjolenza u tal-forza f'Ġunju tal-2007, filwaqt li nqatlu bosta membri u partitarji ta' Al Fataħ; billi Ħamas għadu fil-lista s-sewda tal-Kunsill ta' organizzazzjonijiet internazzjonali akkużati b'terroriżmu,

C.  billi skont l-aħħar rapporti l-operazzjoni tal-Iżrael wasslet għal għadd kbir ta' vittmi f'Gaza, li l-biċċa l-kbira minnhom huma tfal u nisa, u kkaġunat korrimenti u l-qerda ta' djar, skejjel u ta' infrastrutturi ċivili importanti oħra,

D.  billi l-postijiet ta' qsim tal-fruntiera lejn Gaża u barra minnha ilhom magħluqin għal tmintax-il xahar u l-embargo fuq il-moviment tal-persuni u tal-prodotti affettwa l-ħajja ta' kuljum tal-abitanti u kompla pparalizza l-ekonomija fil-Medda, u billi din il-politika ta' iżolazzjoni tal-Medda ta' Gaża falliet kemm fil-livell politiku u kif ukoll f'dak umanitarju,

E.   billi l-Unjoni Ewropea, permezz tal-appoġġ finanzjarju konsiderevoli tagħha lill-Palestinjani, kellha rwol importanti biex tkun evitata katastrofi umanitarja fil-Medda ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent; billi l-Unjoni Ewropea għadha tipprovdi, anke permezz ta' UNWRA, għajnuna umanitarja lin-nies u sussidji diretti lill-impjegati tal-Awtorità Palestinjana fil-Medda ta' Gaża, permezz tal-mekkaniżmu ta' finanzjament PEGASE tal-UE kif ukoll permezz ta' għajnuna internazzjonali oħra għat-Territorji Palestinjani,

F.  billi d-deċiżjoni tat-tmexxija politika Iżraeljana tas-7 ta' Jannar 2009 biex jitwaqqfu l-attakki fuq Gaża City għal perjodu ta' tliet sigħat kuljum ipprovdiet "kuritur umanitarju" għall-poplu tal-belt, iżda madankollu ma titqiesx bħala pass importanti lejn il-waqfien mill-ġlied,

G.  billi l-attivitajiet tal-għalliema u l-ideoloġisti radikali marbuta mal-fraternitajiet Musulmani għadhom sors ewlieni ta' radikaliżmu fost il-popolazzjoni Palestinjana ta' Gaża,

1.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu għall-fatt li l-kriżi fil-Medda ta' Gaża marret għall-agħar; jirrikonoxxi l-irwol u r-responsabilitajiet ta' Ħamas, li dejjem oppona l-proċess ta' paċi, iżda jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu għaż-żieda fl-attakki militari li qed jissoktaw u li qed jikkawżaw mijiet ta' vittmi, il-biċċa l-kbira minnhom ċivili u inkluż għadd kbir ta' nisa u tfal; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjoni ċivili innoċenti affettwata mill-vjolenza f'Gaża u fin-Nofsinhar tal-Iżrael;

2.  Jisħaq fuq ir-responsabilità konġunta ta' Ħamas, li kiser waqfien mill-ġlied ta' sitt xhur u qed jissokta bl-attakki tiegħu fuq il-popolazzjoni ċivili Iżraeljana, u għalhekk għandu jitqies responsabbli għas-sitwazzjoni traġika attwali tal-popolazzjoni Palestinjana ċivili;

3.  Jitlob waqfien mill-ġlied minnufih u bla kundizzjonijiet u waqfien itwal, li għandu jkun iggarantit minn mekkaniżmu li għandu jitwaqqaf mill-komunità internazzjonali li permezz tiegħu tintbagħat forza tas-sigurtà multinazzjonali bħala parti minn objettiv politiku globali bil-għan li jkunu żgurati l-fiduċja reċiproka u s-sigurtà ugwali għall-Iżrael u għall-Palestinjani;

4.  Jistieden lill-partijiet kollha biex jagħmlu kull sforz possibbli biex jerġgħu jibdew u jintensifikaw il-proċess ta' paċi bil-għan ta' soluzzjoni ta' zewġ Stati, b'Iżrael u l-Palestina bħala żewġ stati sovrani fi ħdan fruntieri sikuri; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Iżrael biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali u l-liġi umanitarja internazzjonali; jistieden lil Ħamas biex iwaqqaf l-attakki bir-rokits u biex jassumi r-responsabilitajiet tiegħu billi jimpenja ruħu favur proċess politiku bil-għan li jerġa' jinbeda d-djalogu inter-Palestinjan kif ukoll li jagħti kontribut lill-proċess ta' negozjati li għaddej bħalissa;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1860 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-8 ta' Jannar 2009 u, minkejja in-nuqqas ta' impenn għall-implimentazzjoni tagħha miż-żewġ naħat, jistieden lill-partijiet kollha biex jirrispettaw għalkollox id-dispożizzjonijiet tagħha, u jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE biex jużaw il-pressjoni diplomatika biex titwaqqaf il-vjolenza li qed tissokta;

6.   Jaqbel dwar il-ħtieġa li jiġu pprovduti b'mod urġenti arranġamenti u garanziji f'Gaża kif mitlub b'insistenza mir-Riżoluzzjoni 1860 tal-UNSC, sabiex ikun appoġġjat waqfien mill-ġlied dewwiem, inkluż l-appoġġ għall-ftuħ mill-ġdid tal-postijiet ta' qsim tal-fruntiera, kif ukoll biex ikun evitat it-traffikar illeċitu ta' armi u munizzjon;

7.  Jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Iżraeljani jippermettu l-forniment ta' ikel, għajnuna medika urġenti u fjuwil lill-Medda ta' Gaża permezz tal-ftuħ tal-postijiet tal-qsim tal-fruntiera u t-tneħiija tal-imblokk, kif ukoll li jiggarantixxu fluss kontinwu u suffiċjenti ta' għajnuna mill-kuritur umanitarju f'Rafah; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jippermettu lill-istampa internazzjonali jsegwu dak li qed iseħħ;

8.   Iqis li l-implimentazzjoni mill-ġdid immedjata tal-Ftehima dwar Il-Moviment u l-Aċċess (AMA) u tal-Prinċipji Miftiehma għall-Post ta' Qsim tal-Fruntiera f'Rafah (APRC), konklużi f'Settembru 2005 minn Iżrael u mill-Awtorità Palestinjana wara l-irtirar unilaterali ta' Iżrael mill-Medda ta' Gaża, trid tkun iggarantita bla ebda restrizzjoni u jistieden lill-Kunsill biex jerġa' jibda l-missjoni ta' monitoraġġ tal-UE f'Rafah;

9.  Jirriafferma li m'hemmx soluzzjoni militari għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani, u jqis li wasal iż-żmien għal ftehim ta' paċi komprensiv u dewwiem fuq il-bażi tan-negozjati li tmexxew sal-lum miż-żewġ naħat;

10.  Jitlob li ssir Konferenza Internazzjonali, li għandha tkun promossa mill-Kwartett bil-parteċipazzjoni tal-partijiet reġjonali kollha, fuq il-bażi tal-ftehim preċedenti li ntlaħaq bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u tal-inizjattiva tal-Lega Għarbija;

11.  Jenfasizza l-importanza kbira li jiġġeddu l-isforzi għar-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' konnessjoni ġeografika permanenti u ta' riunifikazzjoni politika paċifika u dewwiema bejn il-Medda ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent taħt it-tmexxija tal-President leġittimu, Mahmud Abbas;

12.  Huwa mħasseb dwar il-kosegwenzi serji tal-bidu mill-ġdid tal-kunflitt għall-prospetti politiċi fir-reġjun, u jenfasizza l-fatt li din it-tensjoni kbira tista' tkun ta' ħsara għall-ftehim u d-djalogu bejn il-komunitajiet kollha fl-Ewropa;

13.  Jistieden lill-UE biex ikollha rwol politiku aktar b'saħħtu u magħqud, u jistieden lill-Kunsill biex jieħu l-opportunità biex jikkopera mal-Amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti sabiex jitwaqqaf il-kunflitt bi ftehim ibbażat fuq is-soluzzjoni taż-żewġ Stati, soluzzjoni li tagħti lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani l-possibilità li jgħixu fil-paċi ma' xulxin fi ħdan fruntieri sikuri u rikonoxxuti internazzjonalment u bil-għan li tinbena struttura ġdida ta' sigurtà reġjonali għall-paċi fil-Lvant Nofsani;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Eġittu.