Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0052/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0052/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni politika fir-Russja (2012/2505(RSP))

8.2.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Hannes Swoboda, Libor Rouček, Knut Fleckenstein, Ana Gomes, Pavel Poc, Kristian Vigenin, Mitro Repo f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0052/2012

Proċedura : 2012/2505(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0052/2012
Testi mressqa :
B7-0052/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0052/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni politika fir-Russja (2012/2505(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li ġie estiż fl-istennija li jkun hemm ftehim ġdid minfloku,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-‘Sħubija għall-Modernizzazzjoni' li nbdiet fl-2010,

 wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011[1] dwar l-elezzjoni tad-Duma tal-Istat u tas-7 ta’ Lulju 2011[2] dwar it-Tħejjijiet għall-elezzjonijiet ta' Diċembru 2011 tad-Duma tal-Istat Russu,

 wara li kkunsidra r-Rapport Finali ta’ Osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR tat-12 ta’ Jannar dwar l-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat tal-4 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali ta’ osservazzjoni tat-23 ta’ Jannar 2012 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) dwar l-elezzjonijiet parlamentari Russi u d-dikjarazzjoni tad-delegazzjoni ta’ wara l-elezzjoni għar-Russja tal-21 ta’ Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikulari l-aħħar laqgħa li saret f'dan il-kuntest fl-29 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar l-elezzjonijiet tad-Duma fil-Federazzjoni Russa tas-6 ta’ Diċembru 2011 u d-diskorsi tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2011 fi Strasburgu dwar is-Samit EU-Russja u tal-1 ta’ Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni politika fir-Russja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, tal-15 ta’ Diċembru 2011 wara s-Samit UE-Russja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja qegħdin jiżviluppaw kontinwament matul l-għexieren ta' snin li għaddew, li jwasslu għal interdipendenza komprensiva u profonda, li x'aktarx se tiżdied aktar fil-futur;

B.  billi l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tibqa’ ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp u l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-koperazzjoni bejn iż-żewġt isħab;

C. billi għad hemm tħassib dwar il-progress fil-Federazzjoni Russja fir-rigward tar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal prinċipji demokratiċi, regoli elettorali u proċeduri rikonoxxuti b'mod komuni; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi fit-12 ta' April 2011, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat sentenza kontra l-proċeduri kkumplikati ta' reġistrazzjoni għall-partiti politiċi fir-Russja, li mhumiex konformi mal-istandards elettorali stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OSKE; billi l-limitazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi u l-kandidati tirrestrinġi l-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu fir-Russja;

E.  billi minkejja inizjattivi limitati adottati dan l-aħħar biex jittejbu l-liġijiet elettorali, ir-regoli ġenerali għadhom kumplessi wisq u f’xi każijiet iwasslu għal applikazzjoni inkonsistenti tal-bażi legali;

F.  billi, skont ir-Rapport Finali ta’ Osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet tad-DUMA tal-4 ta’ Diċembru 2011 ma rrispettawx bis-sħiħ l-istandards ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti u kienu kkaratterizzati minn konverġenza bejn l-istat u l-partit fil-gvern, inkluż in-nuqqas ta’ indipendenza tal-amministrazzjoni elettorali, il-parzjalità tal-midja u l-interferenza mill-istat f’livelli differenti; billi, skont ir-rapport, l-elezzjonijiet tad-DUMA wasslu għal għadd kbir ta’ vjolazzjonijiet proċedurali, dak li deher bħala manipulazzjoni u indikazzjonijet serji ta’ tfigħ ta’ voti żejda;

G. billi permezz ta’ għadd ta’ manifestazzjonijiet tal-massa mill-elezzjonijiet tad-Duma fl-4 ta’ Diċembru 2011, il-poplu Russu esprima l-appoġġ tiegħu għal aktar demokrazija u għal riforma komprensiva tas-sistema elettorali, partikolarment l-hekk imsejħa dimostranti ‘white ribbon’;

H. billi l-pluraliżmu politiku huwa element fundamentali tad-demokrazija u ta’ soċjetà moderna, u sors ta' leġittimità politika; billi t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet presidenzjali jeħtieġ li jiggarantixxu proċess ħieles u ġust b’opportunitajiet ugwali għall-kandidati kollha;

1.  Jieħu nota tar-rapporti tal-OSKE/ODIHR u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-elezzjonijiet tad-Duma li ddikjaraw li l-elezzjonijiet ma ssodisfawx l-istandards elettorali definiti mill-OSKE u kienu kkaratterizzati mill-konverġenza tal-istat u tal-partit fil-gvern, minn vjolazzjonijiet proċedurali, minn dak li deher li kien manipulazzjoni u nuqqas ta’ indipendenza tal-amministrazzjoni elettorali;

2.  Jistieden lil-awtoritajiet Russi jkomplu jinvestigaw b’mod komprensiv u trasparenti r-rapporti kollha ta’ frodi u intimidazzjoni bil-ħsieb li jikkastigaw lil dawk misjuba responsabbli, u li jerġgħu jorganizzaw il-votazzjoni fejn tingħata prova ta’ irregolaritajiet; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni elettorali Russa tipprovdi għal appell u rettifika; jirrimarka, madankollu, li l-amministrazzjoni tal-ilmenti mill-Kumitat Elettorali Ċentrali kienet nieqsa mit-trasparenza u ma indirizzatx l-ilmenti b’mod effikaċi u fil-waqt;

3.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar mogħtija mill-President Medvedev ta' riformi komprensivi tas-sistema politika inkluża s-simplifikazzjoni tant meħtieġa tar-regoli li jirregolaw ir-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi; jitlob li jkun hemm impenn serju wkoll biex jiġu indirizzati l-problemi tal-libertà tal-midja, tal-libertà ta’ għaqda u ta’ espressjoni; itenni r-rieda tal-UE li tikkoopera mar-Russja b’kull mod possibbli, inkluż il-qafas ipprovdut mis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, biex ittejjeb ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali u l-effikaċja ta’ sistema indipendenti ta’ stat ta’ dritt fir-Russja;

4.  Jenfasizza li d-dimostrazzjonijiet paċifiċi fir-Russja jesprimu r-rieda tal-poplu Russu għal aktar demokrazija; jistieden lill-awtoritajiet Russi jqisu l-protesti riċenti bħala opportunità biex iwieġbu għat-talba tal-poplu Russu għal aktar demokrazija, jirriformaw il-liġijiet elettorali kif ukoll jikkonformaw mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni ta’ Venezja;

5.  Ifakkar li r-restrizzjonijiet fuq il-pluraliżmu politiku matul it-tħejjija għall-elezzjonijiet tad-Duma kienu wieħed min-nuqqasijiet ewlenin f’dawk l-elezzjonijiet; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-esklużjoni ta’ kandidati tal-oppożizzjoni milli joħorġu għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-4 ta’ Marzu 2012 li għal darba oħra qed iddgħajjef il-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu politiku;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-oppożizzjoni u jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom li jiċħdu r-reġistrazzjoni għall-kampanja tal-elezzjoni presidenzjali lill-mexxej tal-oppożizzjoni Grigory Yavlinsky; jistieden lill-awtoritajiet Russi jiggarantixxu elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, ġusti u demokratiċi f’Marzu b’opportunitajiet ugwali għall-kandidati kollha;

7.  Jistieden lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa jsegwu l-investigazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet kif ukoll jimmonitorjaw mill-qrib it-tħejjija tal-elezzjonijiet presidenzjali u l-infurzar tar-regoli elettorali, kif diġà miftiehem mal-awtoritajiet Russi;

8.  Jieħu nota li 600 osservatur internazzjonali huma mistennija jissorveljaw l-elezzjonijiet presidenzjali Russi (se jkun hemm osservaturi mill-OSKE/ODIHR, il-PACE, l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shangai u s-CIS); jenfasizza li l-osservazzjoni elettorali nazzjonali u internazzjonali għandha tintuża bis-sħiħ, u jkun evitat indħil u tfixkil mill-awtoritajiet Russi, kif kien rappurtat fil-każ tal-elezzjonijiet tad-Duma;

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward it-tul tal-investigazzjoni kriminali u l-proċess fil-każ tal-mewt ta’ Sergei Magnitsky; jitlob għal kjarifika rapida ta’ din il-mewt traġika u l-kastig għall-ħatja;

10. Iħeġġeġ bis-saħħa lir-Russja li tingħaqad mal-kunsens internazzjonali, u tippermetti lill-Kunsill tas-Sigurtà jaġixxi fuq il-bażi tal-proposti tal-Lega Għarbija fis-soluzzjoni tal-kriżi tas-Sirja; jenfasizza li, bħala Membru Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, hemm bżonn li r-Russja terfa’ r-responsabilità tagħha għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali serjament;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.