MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fid-19 u l-20 ta' Diċembru 2013
9.12.2013 - (2013/2626(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marisa Matias, Alda Sousa, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0565/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fid-19 u l-20 ta' Diċembru 2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro tad-29 ta’ Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina: Koordinazzjoni ex-ante ta' pjanijiet għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika" (COM(2013)0166) u " Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina: L-introduzzjoni ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività" (COM(2013)0165),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ,
– wara li kkunsidra l-ftehim politiku li ntlaħaq mill-Kunsill fit-28 ta' Frar 2013 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' garanzija għaż-żgħażagħ,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 77, 78, 79 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa[2],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0197),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea, anke minħabba l-isfond storiku tagħha, għandha l-obbligu imperattiv li tkun attur u medjatur affidabbli u mhux vjolenti fuq livell globali, billi tfittex biss soluzzjonijiet ċivili u paċifiċi għall-konflitti u fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħha, tkun protagonista li tippromwovi l-qerda tal-faqar permezz tal-iżvilupp sostenibbli, il-kontroll tal-armi u d-diżarm, waqt li tagħti preferenza għal relazzjonijiet ekonomiċi bbilanċjati, kummerċ ġust u tqassim ġust tar-riżorsi u l-ġid tad-dinja b'mod li jiġu żgurati l-istabilità u l-prosperità fl-UE u fid-dinja;
B. billi l-qawwa militari kif ġiet żviluppata mill-UE – b'mod partikolari mid-dikjarazzjoni ta' Saint Malo fl-1998, mill-2003 meta tfasslet il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża (PESD) u b'segwitu għall-bidu tal-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona – mhix meqjusa sempliċiment bħala assi għal meta ma jifdalx alternattivi oħra li tieħu prominenza f'ċirkostanzi eċċezzjonali, imma pjuttost hi meqjusa bħala utli għal firxa wiesgħa ta' funzjonijiet ta' "sigurtà siekta" li jmorru oltre d-difiża u li jinkludu l-intelligence, ir-rikonjizzjoni, is-sorveljanza fuq skala massiva, id-deterrenza u l-użu tal-ispazju għal skopijiet militari;
C. billi xi think tanks internazzjonali (inklużi dawk li jmexxu l-European Global Strategy[3]) u l-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli nnifisha jargumentaw favur ambitu ġeografiku għall-azzjoni tal-PSDK li jkun effettivament jirriżulta f'imperu Ewropew neokolonjali, peress li jargumentaw favur il-fatt li "L-Ewropa jkollha tassumi responsabilità akbar għas-sigurtà proprja tagħha u għal dik tal-viċinat tagħha [...] L-Unjoni għandu jkollha l-possibilità li taġixxi b'mod deċiżiv permezz tal-PSDK bħala fornitur ta' sigurtà, meta jkun possibbli bi sħubija iżda b'mod awtonomu meta jkun meħtieġ, fil-viċinat tagħha, anke permezz ta' intervent dirett. L-awtonomija strateġika trid l-ewwel tieħu forma materjali fil-viċinat tal-UE [...] Qed jintlaqtu dejjem iżjed anke "l-ġirien tal-ġirien", eż. fis-Saħel jew fil-Qarn tal-Afrika, żewġ reġjuni fejn l-Unjoni qed tmexxi ħames missjonijiet għall-ġestjoni ta' kriżijiet"[4];
D. billi, skont l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, l-isfidi ta' sigurtà li taffaċċja l-UE li jistgħu jipprovokaw reazzjonijiet militari mhumiex limitati għal theddid ta' natura strettament militari imma jestendu biex jinkludu s-sigurtà tal-enerġija, il-flussi migratorji u t-tibdil fil-klima;
E. billi l-kriżi ekonomika u soċjali attwali ġiet serjament iggravata mill-politiki ekonomiċi u l-istruttura tal-Unjoni Monetarja Ewropea u mill-politiki neoliberali tal-Unjoni Ewropea ta' promozzjoni tad-deregolamentazzjoni tas-swieq finanzjari, liberalizzazzjoni tas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, żieda fil-finanzjalizzazzjoni tal-ekonomija u miżuri għat-tnaqqis tal-investiment pubbliku u t-tiżjid tad-deregolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol;
F. billi dawn il-politiki kkontribwixxew bil-kbir għaż-żieda fil-qgħad b'mod ġenerali, u tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod partikolari, biex ġew iġġenerati aktar esklużjoni soċjali u faqar, u b'hekk wasslu għal rigressjoni soċjali serja;
G. billi l-mekkaniżmi ta' trażmissjoni monetarja jibqgħu distorti ħafna u l-politika ta' mgħax baxx immens tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kull ma għamlet kien li talimenta l-ispekulazzjoni fis-swieq finanzjarji; billi s-self lill-ekonomija reali jibqa' mrażżan u mill-bogħod qed jitfaċċaw pressjonijiet deflazzjonarji;
H. billi għad fadal banek 'żombi' li joperaw madwar l-UE u li qed jostakolaw kwalunkwe rkupru ekonomiku;
I. billi l-proġett tal-Unjoni Bankarja mhux se jbiddel il-mod kif joperaw is-swieq finanzjarji u l-protagonisti tagħhom; billi hemm bżonn urġenti ta' tibdil sinifikanti għall-istrutturi bankarji għal irkupru ekonomiku sostenibbli u bbilanċjat fuq livell soċjali;
J. billi r-rabta bejn il-kriżi finanzjarja u dik tad-dejn sovran għadha teżisti u l-banek għadhom qed jagħmlu profitti enormi għad-detriment tal-ħaddiema ordinarji;
K. billi xi Stati Membri jinjoraw kontinwament l-iżbilanċji makroekonomiċi ovvji fl-UE, li issa qed jiġu rikonoxxuti saħansitra mill-Kummissjoni nnifisha, u qed ikomplu bil-politiki deflazzjonarji tagħhom fl-oqsma tal-pagi u tas-suq tax-xogħol, li jagħmlu ħsara għal min fl-Ewropa hu l-aktar vulnerabbli; billi, b'mod speċjali fil-Ġermanja, il-paga minima proposta hi sempliċiment eżerċizzju ta' tiżjin fieragħ u qarrieqi aktar milli soluzzjoni reali għall-problema;
L. billi t-tweġibiet mogħtija mill-UE, il-BĊE u l-FMI (it-'Trojka') għall-kriżi ekonomika kienu kemm politikament u kemm ekonomikament ħżiena; billi, b'kuntrast mat-tbassir, is-sitwazzjoni ekonomika għadha qed tiddeterjora, u qed twassal għal ċirku vizzjuż estensiv ta' reċessjoni, faqar, esklużjoni soċjali u qgħad;
M. billi l-istrutturi demokratiċi, inkluż il-funzjonament tal-parlamenti nazzjonali, ġew sfrattati serjament minħabba l-politiki ta' "dixxiplina fis-suq" u ta' awsterità imposti mill-UE, mit-'Trojka' u mill-gvernijiet tal-Istati Membri; billi l-istituzzjonijiet għall-ġestjoni tal-kriżi (it-'Trojka') u l-mekkaniżmi ta' finanzjament Ewropej (inklużi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja) huma nieqsa mill-obbligu demokratiku li jagħtu rendikont ta' għemilhom;
N. billi l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni ex ante tar-riformi tal-politika ekonomika u l-introduzzjoni ta’ strument ta' konverġenza u kompetittività japprofondixxu l-politiki ekonomiċi neoliberali u huma mmirati biex ikomplu jneħħu l-għażliet politiki minn idejn l-Istati Membri, peress li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-ambitu għal azzjoni u politiki alternattivi;
O. billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li sar dan l-aħħar u r-rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija relatat għadhom qed jippreskrivu l-mediċina l-ħażina taħt preżunzjonijiet diskutibbli;
P. billi l-aħħar traġedji li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa ħallew tal-inqas 400 migrant mejjet, b'ħafna oħrajn li baqgħu ma nstabux;
Q. billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, minn tal-inqas 20 000 persuna mietu fuq il-baħar mill-1993, filwaqt li għal darba oħra indikat il-ħtieġa li jsir dak kollu li hu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f'periklu, u l-bżonn li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom rigward is-salvataġġ mill-baħar;
Rigward il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
1. Jeżiġi li jittieħed impenn ċar favur politika esterna strettament ċivili u li tiġi implimentata din il-politika, li għandha tinkludi bħala objettivi prijoritarji l-qerda tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, il-kontroll tal-armi, ir-Reġim tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, id-diżarm sħiħ mill-armi nukleari u dawk konvenzjonali, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti, waqt li tingħata preferenza għal relazzjonijiet ekonomiċi bbilanċjati, kummerċ ġust u tqassim ġust tar-riżorsi u l-ġid tad-dinja b'mod li jiġu żgurati l-istabilità u l-prosperità fl-UE u fid-dinja;
2. Jikkundanna l-militarizzazzjoni ulterjuri tal-UE, ir-rabta sħiħa tagħha man-NATO, it-tiswir ta' unjoni militari u l-ambizzjoni ta' awtonomija militari permezz ta' investiment akbar fl-armamenti u l-kapaċitajiet, b'mod li jiġu żgurati l-interessi ekonomiċi u ġeostrateġiċi u l-proġetti espansjonistiċi tal-UE u dawk tal-bliet kapitali l-kbar Ewropej u l-Istati Membri ewlenin;
3. Jiddeplora n-nuqqas ta' rieda politika għall-promozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-konflitti ċivili, waqt li minflok l-attenzjoni qed tingħata għad-difiża, l-intervenzjoni, il-militarizzazzjoni u s-sorveljanza fil-livell tal-UE; jikkundanna f'dan ir-rigward l-attenzjoni li qed tingħata għal dawn il-punti kruċjali li ġejjin, li ripetutament ġew indirizzati fir-rapport annwali dwar il-PSDK u r-rapporti rilevanti l-oħra tal-Parlament Ewropew:
• ir-rikatt li jkun qed iwettaq min isostni li t-tnaqqis fil-qasam tad-difiża hu ta' riskju għas-sigurtà Ewropea, meta jiddikjara li kieku titrażżan u tiġi kkontrollata minn setgħat terzi;
• id-domanda biex jiġu stabbiliti suq tad-difiża uniku, kooperazzjoni, akkomunament u kondiviżjoni tal-armamenti, id-domanda f'livell globali għall-amplifikazzjoni tar-riċerka militari u ta' sigurtà, b'mod partikolari għall-missjonijiet PSDK u l-investiment miżjud fir-riċerka ċivili għal użu militari, b'mod partikolari permezz tal-programm Orizzont 2020;
• it-tisħiħ tas-settur tad-difiża u militari tal-UE, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn is-setturi ċivili u militari u, permezz tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB), l-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri ta' kumpless militari industrijali;
• l-użu akbar tal-għajnuna għall-iżvilupp (Fond Ewropew għall-Iżvilupp) għall-finanzjament tal-operazzjonijiet u l-missjonijiet ta' sigurtà/tal-PSDK, u s-subordinament tal-oqsma politiki bħall-politika kummerċjali u ta' żvilupp għall-PSDK
• kooperazzjoni strutturata permanenti vinkolanti bħala bażi għal 'skema u garanzija ta' sigurtà tal-provvista għall-UE kollha';
• l-appell għal finanzjament tal-UE tal-operazzjonijiet militari (fondi għall-bidu tal-attività) u l-ħtieġa li jitkabbar il-mekkaniżmu ATHENA;
• l-appoġġ għal Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) b'saħħitha u għal kwartieri ġenerali tal-UE mgħammra b'appoġġ ta' intelligence lil hinn mill-kontroll parlamentari jew pubbliku demokratiku, b'mod li jiġu żviluppati b'mod ċentralizzat il-kapaċitajiet politiki u t-tagħmir militari tal-UE;
• l-appell biex jintużaw il-gruppi ta' battalja u d-domanda għal forzi ta' battalja permanenti fi stat ta' tlestija allerta b'kompenenti tal-art, tal-ajru, tal-baħar u tal-forzi speċjali u livell għoli ta' ambizzjoni, speċjalment armata tal-UE;
4. Jappella biex jiġu indirizzati mill-ġdid il-fondi mill-baġits għad-difiża militari, kemm dawk tal-Unjoni u kemm dawk nazzjonali, b'mod li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi tal-poplu, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, titwaqqaf l-awsterità, isir investiment fl-industrija u fl-iżvilupp ċivili, u jinħolqu l-impjiegi;
5. Jenfasizza li l-investiment fil-militar hu ta' ħsara kbira għall-ekonomija u mod ineffikaċi ħafna kif jinħolqu l-impjiegi; jappella biex jiġi indirizzat mill-ġdid il-finanzjament mill-baġits għad-difiża militari, kemm dawk tal-Unjoni u kemm dawk nazzjonali, b'mod li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi tal-poplu, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, titwaqqaf l-awsterità, isir investiment fl-industrija u fl-iżvilupp ċivili, u jinħolqu l-impjiegi;
Rigward l-Unjoni Bankarja
6. Itenni l-appell tiegħu għal settur bankarju pubbliku b'saħħtu u għal kontroll pubbliku b'saħħtu fuq is-settur finanzjarju, kif ukoll għat-tnaqqis tad-daqs tiegħu, b'mod li ma jibqax ikun ta' theddida għas-soċjetà u eventwalment jaqdi l-ħtiġijiet tal-ekonomija reali;
7. Jikkundanna b'mod qawwi l-prattiki frodulenti applikati minn xi istituzzjonijiet finanzjarji u jeżiġi li l-gvernijiet tal-Istati Membri jobbligaw lill-banek jaħdmu fl-interess tal-pubbliku ġenerali aktar milli biex jimmassimizzaw il-profitti għal ftit azzjonisti;
8. Iqis li l-proposti rigward l-Unjoni Bankarja huma kompletament difettużi f'dak li għandu x'jaqsam mal-indirizzar tal-problemi radikati sew fis-settur finanzjarju; jappella lill-Kunsill Ewropew jirrevedi fuq livell fundamentali l-qagħda politika tiegħu rigward is-settur finanzjarju;
9. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-politika tal-BĊE, li s'issa qdiet biss l-interessi tal-industrija finanzjarja u tal-protagonisti tas-suq kapitali, minflok dawk tal-poplu ordinarju; jistieden lill-Kunsill Ewropew jinvolvi ruħu f'dibattiti serji dwar ir-riforma tal-BĊE sabiex ikun jista' finalment jaqdi lill-poplu tal-Ewropa minflok lis-swieq finanzjarji;
Rigward l-approfondiment tal-UEM
10. Jinsab konvint li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, għandhom jiżvolġu rwol kruċjali fil-kwistjonijiet kollha fil-qasam tat-tfassil tal-politiki ekonomiċi;
11. Ifakkar li l-livelli ta' dejn żdiedu fl-UE minn 18 % fl-2008 għal 25 % fl-2012, filwaqt li fl-istess ħin is-sinjuri saru saħansitra aktar għonja; jikkundanna l-politika ta' awsterità tal-UE u jeżiġi li l-Kunsill Ewropew jinvertiha; jikkunsidra li l-għodda eżistenti għall-koordinament tal-politika ekonomika huma kompletament inadegwati biex isolvu l-kriżi u biex jittrasformaw lill-Istati Membri tal-UE f'soċjetajiet demokratiċi u inklużivi għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha;
12. Jikkundanna l-loġika impliċita tal-karrotta u l-bastun, travestita bħala mekkaniżmu ta' solidarjetà, tal-hekk imsejjaħ 'strument għall-konverġenza u l-kompetittività', li jimmira biss li jixtri lin-nies b'mod li jaqblu ma' miżuri politiki ħżiena, immirati biex idgħajfu d-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet soċjali u li se jkomplu jwessgħu d-distakk bejn is-sinjuri u l-foqra; jiċħad kwalunkwe forma ta' ftehimiet kuntrattwali li se jkomplu jneħħu l-għażliet alternattivi u progressivi fil-qasam tal-politika ekonomika minn idejn l-Istati Membri;
13. Jeżiġi t-tħassir tal-hekk imsejħa 'memoranda ta' qbil' bejn l-Istati Membri u t-'Trojka', kif ukoll tal-miżuri li joħorġu minn dawn il-memoranda; jeżiġi, barra minn hekk, ix-xoljiment tat-'Trojka'; jemmen b'mod qawwi li hemm bżonn li l-Istati Membri jirrevedu u jinnegozjaw mill-ġdid id-dejn pubbliku tagħhom;
14. Jeżiġi li d-djun tal-banek ma jitqiegħdux għal darb'oħra fuq spallejn il-poplu, u jinsisti li ma għandhomx isiru aktar salvataġġi finanzjarji ta' banek bil-fondi pubbliċi u li kwalunkwe intervent tal-MES fil-ġejjieni għandu jitwettaq taħt kontroll demokratiku totali; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li jsir stralċ tal-banek "żombi" u li bank pubbliku b'aċċess sħiħ għall-finanzjament mill-ġdid tal-BĊE għandu jiżgura finanzjament għall-ekonomija reali;
Rigward l-impjiegi u l-aspetti soċjali tal-UEM
15. Jappella għal interruzzjoni fil-promozzjoni tar-riformi strutturali neoliberali tas-suq tax-xogħol u għat-tfassil ta' Strateġija Ewropea għall-Impjiegi abbażi tal-kunċett ta' "xogħol tajjeb" u l-Aġenda għal Xogħol Diċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b'attenzjoni qawwija fuq il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli, fuq l-eliminazzjoni gradwali tal-forom ta' impjiegi prekarji, l-abolizzjoni tal-programmi ta' ħidma soċjali ('workfare'), il-promozzjoni tal-kwalità fix-xogħol, it-titjib tas-sigurtà soċjali, it-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-promozzjoni ta' inqas ħin ta' xogħol kollettiv mingħajr ebda telf ta' paga u r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata;
16. Jemmen li r-riformi strutturali tas-suq tax-xogħol għandhom joħolqu suq tax-xogħol inklużiv, waqt li jippromwovu l-kwalità tax-xogħol, itejbu l-livelli tal-edukazzjoni u jwessgħu l-programmi ta' taħriġ, itejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tan-nisa, il-migranti, il-ħaddiema żgħażagħ u l-ħaddiema ta' età akbar u ta' gruppi żvantaġġati oħra fis-suq tax-xogħol;
17. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu tnaqqis ġeneralizzat fil-ħin tax-xogħol, mingħajr telf ta' pagi għall-ħaddiema, u l-ħolqien ta' impjiegi addizzjonali sabiex tiġi evitata żieda fl-ammont ta' xogħol, li possibilment jistgħu jingħataw assistenza permezz ta' tnaqqis fl-għajnuna għan-negozji fuq perjodu ta' tranżizzjoni matul iż-żminijiet ta' staġnar ekonomiku;
18. Jiddikjara li Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini kollha ma setgħatx tinkiseb biss permezz tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea, imma tirrikjedi wkoll unjoni soċjali;
Rigward it-Task Force għall-Mediterran
19. Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2013 dwar il-ħidma tat-Task Force għall-Mediterran (COM(2013)0869) u jiddeplora t-tiġdid tal-approċċ politiku ta' kontroll imsaħħaħ tal-fruntieri, li wassal għal Ewropa Fortizza u jikkawża t-traġedji fuq il-baħar; jinsab profondament imħasseb dwar il-fatt li l-prijoritajiet stabbiliti mit-task force għall-prevenzjoni tal-fatalitajiet fuq il-baħar jikkonsistu prinċipalment fl-iżvilupp ulterjuri ta' azzjonijiet fil-pajjiżi terzi li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassumu r-responsabilitajiet tal-UE fl-affrontar tat-traġedji fuq il-baħar;
20. Jistieden lill-Kunsill Ewropew, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joqogħdu lura minn kull kooperazzjoni fil-kontroll tal-fruntieri, l-iskambju ta' data u l-ġestjoni tal-flussi migratorji mal-pajjiżi terzi li ma jissodisfawx kompletament l-obbligi internazzjonali tagħhom fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tar-rifuġjati;
21. Jilqa' pożittivament l-esplorazzjoni ta' possibilitajiet ulterjuri għal dħul protett fl-UE bħala prijorità għall-ġejjieni fil-qasam tal-Intern, b'mod partikolari fir-rigward ta' strateġija umanitarja għall-għoti tal-viżi u proġett pilota għall-ipproċessar konġunt tat-talbiet għal protezzjoni; iwissi, madankollu, dwar ir-riskji li jista' jinvolvi kwalunkwe pproċessar tat-talbiet li jsir barra t-territorju tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li s-solidarjetà tal-UE tiġi appoġġata b'mekkaniżmi konkreti għall-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet għar-rifuġjati u għal min japplika għal ażil;
22. Hu tal-opinjoni li l-UE għandha tiftaħ kanali legali ulterjuri għall-migrazzjoni għal skopijiet ta' xogħol u ta' studju, u għandha tippermetti li l-migranti li qed ifittxu ħajja aħjar jaħdmu f'kundizzjonijiet legali u sikuri; jemmen li dan l-approċċ jiżgura l-possibilità li l-migranti jikkontribwixxu b'mod pożittiv għas-soċjetajiet tagħna u jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-għadd tal-vittmi tal-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU C 353 E, 3.12.2013, p.16.
- [2] P7_TA(2013)0448.
- [3] Il-European Global Strategy hija proċess li jaħdem permezz ta' think tank u li tfassal biex iqanqal id-dibattitu dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea fil-ġejjieni: "L-influwenza globali tal-UE se tiġi dejjem iżjed deċiża mill-azzjonijiet tagħha fil-viċinat strateġiku tagħha [...] L-UE għandha tkun lesta wkoll li twettaq b'mod awtonomu l-ispettru sħiħ ta' missjonijiet ċivili u militari fil-viċinat strateġiku tagħha bi qbil mad-dritt internazzjonali, meta u fejn dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interess vitali Ewropej. Dan jimplika l-ħila li tipproteġi kemm il-kapaċitajiet ċivili kif ukoll dawk militari." 2013, paġna 11f.
- [4] Diskors minn Catherine Ashton VP/RGħ u Kap tas-SEAE waqt il-konferenza annwali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) fi Brussell fil-21 ta' Marzu 2013, paġni 2 u 5.