MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (19-20 ta' Diċembru 2013)
9.12.2013 - (2013/2626(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Sven Giegold, Daniel Cohn-Bendit f'isem il-Grupp Verts/ALE
B7‑0566/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (19-20 ta' Diċembru 2013)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea fl-UEM futura1, tat-23 ta' Mejju 2013 dwar proposti leġiżlattivi futuri dwar l-UEM rispons għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni2 u tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)3,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi saru sforzi determinati mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri sabiex jerġgħu jinkisbu l-kredibilità u l-istabilità finanzjarja, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u l-adozzjoni tal-qafas ġdid tal-governanza ekonomika; billi dawn l-isforzi għandhom jitwettqu minn Unjoni Bankarja reali;
B. billi hija meħtieġa koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika sabiex jissaħħu l-kompetittività, is-sostenibilità u l-ħolqien ta' impjiegi fl-UE;
C. billi l-"metodu Komunitarju" huwa l-approċċ adattat sabiex jiġu ttrattati l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-UE u l-munita tagħha;
D. billi d-deċiżjonijiet kollha għandhom ikunu sostnuti mir-responsabilità u mill-iskrutinju parlamentari fil-livell li jkunu ttieħdu;
E. billi r-rispett sħiħ għad-dritt tal-UE, u l-applikazzjoni bir-reqqa tiegħu, huma l-elementi bażiċi ta' din il-politika;
1. Ifakkar lill-Kunsill Ewropew fl-impenn politiku bil-għan li għandu jintlaħaq qbil fuq il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni qabel tmiem il-mandat leġiżlattiv attwali; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill li n-negozjati dwar id-Direttiva ta' Garanzija tad-Depożiti u l-qafas ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu konklużi b'suċċess qabel tmiem l-2013;
Dwar l-approfondiment tal-UEM
2. Jistieden lill-Kunsill Ewropew jagħmel impenn politiku fir-rigward tal-preparazzjoni leġiżlattiva, abbażi tat-Trattati, għal koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika; jistenna li l-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jaqblu, qabel tmiem il-mandat leġiżlattiv attwali, fuq il-fatturi ewlenin ta' din il-koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika;
3. Jitlob li, abbażi tal-koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika msemmija hawn fuq, att legali dwar "linji gwida ta' konverġenza" għandu jiġi adottat taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li tistabbilixxi, għal perjodu definit, għadd limitat ħafna ta' miri għall-miżuri ta' riforma l-aktar urġenti;
4. Itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri jiżguraw li l-programmi ta' riforma nazzjonali, li għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-linji gwida ta' konverġenza msemmija hawn fuq u verifikati mill-Kummissjoni, huma diskussi u adottati mill-parlamenti nazzjonali tagħhom; iqis li dan huwa essenzjali sabiex jissaħħu s-sjieda u r-responsabilità demokratika tal-proċess kollu;
5. Iqis li huwa xieraq li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom sabiex jimplimentaw bis-sħiħ il-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom, kif verifikat; jissuġġerixxi li, fuq din il-bażi, l-Istati Membri jistgħu jidħlu fi "sħubija ta' konverġenza" mal-istituzzjonijiet tal-UE, bil-possibilità ta' finanzjament kundizzjonali għall-attivitajiet ta' riforma;
6. Itenni li l-kooperazzjoni ekonomika aktar b'saħħitha għandha timxi id f'id mal-mekkaniżmu bbażat fuq l-inċentivi; iqis li kull finanzjament jew strument addizzjonali, bħall-mekkaniżmu ta' solidarjetà, għandhom ikunu parti integrali tal-baġit tal-UE, iżda barra mil-limiti miftiehma tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);
7. Ifakkar li t-Trattat dwar l-Istabilità, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) għandu jkun integrat fid-dritt tal-UE sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza mal-implimentazzjoni tiegħu, kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-TSKG;
8. Ifakkar fil-pożizzjoni fundamentali tiegħu li l-UEM msaħħa ma għandhiex tifred lill-UE iżda, għall-kuntrarju, għandha tistabbilixxi integrazzjoni aktar profonda u governanza aktar b’saħħitha, li għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha li mhumiex fiż-żona tal-euro, fuq bażi volontarja;
9. Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jikkonforma bis-sħiħ mal-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);
Dwar il-politika tad-difiża
10. Jindika li, skont it-Trattati, l-għan tal-UE huwa li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha (Artikolu 3 tat-TUE) u li l-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali għandha tfittex li tikkonsolida u tappoġġja d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u biex tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f’konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-prinċipji tal-Att Finali ta’ Helsinki u l-għanijiet tal-Karta ta’ Pariġi; jinsab konvint li l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) taqdi dawn l-għanijiet. ifakkar li l-Artikoli 42(1) u 43(1) tat-TUE jiddeskrivu l-ispettru tal-missjonijiet tal-PSDK bħala operazzjonijiet konġunti ta' diżarm, missjonijiet umanitarji u ta' salvataġġ, missjonijiet ta' għoti ta' pariri u ta' assistenza fi kwistjonijiet militari, missjonijiet ta' prevenzjoni ta' kunflitti u taż-żamma tal-paċi, u missjonijiet ta' forzi ta' kumbattiment fl-immaniġġjar ta' kriżijiet, inklużi l-istabbiliment tal-paċi u l-istabbilizzazzjoni wara l-kunflitti;
11. Ifakkar lill-Istati Membri, il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża li, aktar minn għoxrin sena wara l-Gwerra l-Bierda u billi kienu kapaċi jieħdu vantaġġ mill-baġits ta' difiża nazzjonali relattivament għoljin, l-Istati Membri ma kinux kapaċi jissodisfaw l-Objettivi Primarji ta' Ħelsinki; għalhekk ma jinsabx konvint mill-argument li tnaqqis attwali fil-baġits tad-difiża nazzjonali jista' awtomatikament iwassal għal differenzi fil-kapaċitajiet fir-rigward tal-PSDK, u li bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-baġit tad-difiża nazzjonali, il-baġit tal-UE jrid jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet;
12. Ifakkar li l-ftuħ tal-baġit tal-UE għar-riċerka dwar id-difiża jew għall-akkwist ta’ merkanzija u teknoloġija militari jirrappreżenta żball strateġiku, billi l-introduzzjoni ta’ flus supplimentari jista’ biss itawwal id-defiċits strutturali attwali li jirriżultaw, fost l-oħrajn, mill-ineffiċjenza, id-duplikazzjoni, il-korruzzjoni, il-frammentazzjoni u l-akkwist ta’ merkanzija u teknoloġija militari mhux meħtieġa; għalhekk jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jibqgħu lura milli jniedu azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka relatata mal-PSDK;
13. Jenfasizza l-fatt li l-operazzjonijiet militari ta’ suċċess jirrikjedu funzjoni ċara ta’ kmand u kontroll; jitlob għat-twaqqif ta’ kapaċità ta’ ppjanar u aġir militari permanenti; jinnota b’dispjaċir in-nuqqas ta’ progress f'din il-kwistjoni u r-reżistenza qawwija min-naħa ta' xi Stati Membri; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jistieden lill-VP/HR sabiex tressaq proposti li jimplimentaw għal kollox id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari fir-rigward tal-Fond ta' Tnedija (Artikolu 41(3) tat-TUE), li jagħmlu l-azzjoni bikrija u xierqa fil-livell tal-UE inqas dipendenti fuq Stati Membri individwali;
14. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom għal dawn l-aspetti ta' difiża li huma relevanti għal PSDK effettiva; jistieden lill-Istati Membri biex ikunu aktar ambizzjużi rigward il-proċess tal-ippuljar u tal-qsim;
15. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-implimentazzjoni tal-"Pakkett ta' Difiża" kif propost fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti" (COM(2013)0542), u biex jaħdmu flimkien lejn it-tneħħija gradwali ta' rekwiżiti ta' kumpens; jistieden lill-Istati Membri biex jużaw ukoll ir-rieżami li ġej tad-Direttiva dwar l-Akkwist fil-Qasam tad-Difiża (2009/81/KE) biex jiġi indirizzat il-bejgħ bejn gvern u ieħor;
16. Mhuwiex konvint mit-twaqqif ta' komunità ta' utenti għal użu preżenti u futur qarib u mill-preparazzjoni ta' programm dwar sistemi tal-inġenji tal-ajru telepilotati, b'reżistenza twila u ta' altitudni medja (RPAS) fil-perjodu 2020-2025; jistieden lill-Istati Membri biex jibqgħu lura milli jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-RPAS (inġenji tal-ajru mingħajr pilota); jiddeplora wkoll in-nuqqas totali ta' diskussjoni fil-livell tal-UE dwar in-normi tal-UE li għandhom jirregolaw ir-riċerka dwar inġenji tal-ajru mingħajr pilota armati u mhux armati, u l-iżvilupp, l-akkwist, l-użu u l-esportazzjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw l-iżvelar pubbliku tal-bażi legali għall-użu ta' inġenji tal-ajru mingħajr pilota, ir-responsabilità operattiva, il-kriterji tal-miri, l-impatt tagħhom, informazzjoni dwar il-ksur, l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet allegati, u biex jiżguraw li l-kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà nazzjonali ma jintużawx biex jiġġustifikaw iż-żamma ta' dejta metodoloġika statistika u bażika ta' dan it-tip;
17. Iħeġġeġ lill-kapijiet ta' stati u gvernijiet, fid-dawl tal-importanza strateġika tad-difiża Ewropea u l-iskala tal-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni, biex jerġgħu jqisu f'Diċembru 2015 il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2013, abbażi ta' rapport ta' implimentazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà;
°
° °
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.