MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "End the cage age" (Daqshekk annimali fil-gaġeġ)
2.6.2021 - (2021/2633(RSP))
Francisco Guerreiro
f'isem il-Grupp Verts/ALE
B9‑0302/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "End the cage age" (Daqshekk annimali fil-gaġeġ)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) "End the cage age" (Daqshekk annimali fil-gaġeġ) (ECI(2018)000004),
– wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ pubbliku dwar l-IĊE "End the cage age" (Daqshekk annimali fil-gaġeġ) tal-15 ta' April 2021,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja[1],
– wara li kkunsidra l-Ewrobarometru 442 dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-benessri tal-annimali, li kkonkluda li 82 % taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li l-benessri tal-annimali mrobbija fl-irziezet għandu jkun protett aħjar milli hu bħalissa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 222(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (3637/2018), b'mod partikolari l-emenda 65,
A. billi l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jqis l-annimali bħala esseri sensibbli u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-benessri tagħhom;
B. billi, skont id-definizzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), il-benessri tal-annimali jfisser li annimal ikun b'saħħtu, ikollu biżżejjed spazju, ikun mitmugħ tajjeb, iħossu sikur, ikun liberu li jesprimi mġiba normali u ma jsofrix sentimenti bħal biża', uġigħ u tbatija;
C. billi l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" tirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jittejjeb il-benessri tal-annimali u li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, filwaqt li tissottolinja l-benefiċċji ġġenerati għall-annimali, il-kwalità tal-ikel, it-tnaqqis fil-bżonn ta' medikazzjoni u l-preservazzjoni tal-bijodiversità;
D. billi l-IĊE "End the Cage Age" (Daqshekk annimali fil-gaġeġ) ġabret 1.4 miljun firma vvalidata, u hija l-ewwel inizjattiva valida dwar l-annimali tal-irziezet;
E. billi l-IĊE hija għodda importanti li għall-ewwel darba tippermetti liċ-ċittadini jagħtu bidu għal proposti għal regolamenti, direttivi u żviluppi ta' natura politika oħra;
F. billi kull sena, aktar minn 300 miljun annimal tal-irziezet fl-UE jitqiegħdu f'gaġeġ għal parti minn ħajjithom jew għal ħajjithom kollha, fatt li jikkostitwixxi tbatija bla bżonn u evitabbli, peress li jeżistu sistemi ta' trobbija tal-annimali mingħajr gaġeġ;
G. billi l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni appella għal tmiem gradwali u ppjanat għat-trobbija fil-gaġeġ fl-Unjoni Ewropea kollha;
H. billi studju kkummissjonat mill-Parlament Ewropew ikkonkluda li sistemi ta' alloġġ mingħajr gaġeġ huma possibbiltà fl-Ewropa, filwaqt li jirrakkomanda miżuri finanzjarji u politiċi fl-immedjat u leġiżlazzjoni fit-tul;
I. billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet biċ-ċar li l-prattiki tal-biedja industrijali u l-qerda tal-ħabitats naturali assoċjata magħhom joħolqu riskju li jitfaċċaw pandemiji ġodda;
J. billi għandu jiġi żgurat appoġġ xieraq f'termini ta' investimenti finanzjarji biex jiġu adottati sistemi ta' alloġġ mingħajr gaġeġ f'qasir żmien, kif ukoll redditu ekonomiku aktar ġust fil-katina tal-provvista sabiex ikunu koperti l-ispejjeż tal-produzzjoni;
K. billi dan l-appoġġ finanzjarju għandu jiġi, partikolarment, minn fondi u miżuri fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK);
L. billi r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-Benessri tal-Annimali fl-UE nnota li l-Istati Membri għamlu użu limitat mill-fondi tal-PAK biex jindirizzaw l-objettivi tal-benessri tal-annimali;
M. billi studju tal-Institute for European Environmental Policy jikkonkludi li t-tmiem tat-tqegħid tal-annimali fil-gaġeġ, bħala parti minn bidla trasformattiva fit-trobbija tal-annimali, jista' jagħmel il-biedja aktar sostenibbli u jwassal għal impjiegi rurali ta' kwalità ogħla[2];
1. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja, inkluża t-tneħħija gradwali tal-użu tal-gaġeġ fit-trobbija tal-annimali fl-UE sal-2027;
2. Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lill-bdiewa f'din il-bidla lejn biedja aktar sostenibbli billi jitfasslu inċentivi adegwati u jsir użu aħjar minn programmi finanzjarji; jinnota li tali inċentivi u programmi finanzjarji ħafna drabi diġà jeżistu, partikolarment fil-qafas tal-PAK, u għandhom jintużaw bis-sħiħ min-naħa tal-Istati Membri;
3. Ifakkar li xi Stati Membri tal-UE diġà adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur lil hinn mill-istandards minimi tal-UE biex jipprojbixxu ċerti forom ta' trobbija fil-gaġeġ, u dan iżid l-urġenza ta' azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-UE biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa fl-UE kollha;
4. Jinnota li l-gaġeġ diġà huma pprojbiti għal maġġoranza kbira tal-ispeċijiet fil-biedja organika fl-UE, u li estensjoni ta' din il-projbizzjoni għas-sistemi agrikoli kollha tista' tistimula t-tkabbir tas-settur organiku b'mod sinifikanti, f'konformità mal-miri tal-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" tal-2030;
5. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma użatx l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" biex tirrevedi l-PAK; jenfasizza li l-ebda wieħed mill-objettivi u l-ebda waħda mill-miri stabbiliti mill-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt", inkluż it-titjib fil-benessri tal-annimali, mhuma se jintlaħqu mingħajr miri u miżuri korrispondenti fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-pjanijiet strateġiċi jkunu adatti għall-objettivi tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" meta tivvalutahom; jinsisti li s-sistema ta' monitoraġġ tal-PAK trid titfassal b'mod li jippermetti l-monitoraġġ tal-kontribut tal-PAK għall-objettivi u l-miri tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt";
6. Jenfasizza li prattiki intensivi fit-trobbija tal-annimali, inkluża t-trobbija fil-gaġeġ, iżidu r-riskju li tiġi żviluppata reżistenza għall-antimikrobiċi u li jitfaċċaw pandemiji ġodda, bħalma ħareġ biċ-ċar waqt il-pandemija tal-COVID-19, mhux biss minħabba d-densità għolja ta' annimali, iżda anke minħabba l-invażjoni tal-produzzjoni fl-ekosistemi naturali u l-bijodiversità tagħhom; jitlob lill-UE ma tkomplix tappoġġja modi ta' produzzjoni intensivi, pari passu mal-isforzi biex jitnaqqas il-konsum tal-laħam;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, permezz ta' rieżami komprensiv, li l-politika kummerċjali tal-UE tkun allinjata mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jitlob projbizzjoni fuq prodotti impurtati li ma jkunux konformi mal-istandards tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, inkluża projbizzjoni fuq l-użu ta' gaġeġ fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw kontrolli effettivi fuq il-prodotti impurtati biex, flimkien mar-rekwiżiti attwali dwar il-kwalità u s-sikurezza, tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tal-UE dwar il-benessri tal-annimali;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.