Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0324/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0324/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

7.6.2021 - (2021/2712(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Pedro Marques, Elena Yoncheva
f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0324/2021

Proċedura : 2021/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0324/2021
Testi mressqa :
B9-0324/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0324/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

(2021/2712(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Diċembru 2019[1] u tal-14 ta' Diċembru 2017[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Indja tal-4 ta' Mejju 2021 dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra l-Communiqué tal-Mibgħuta Speċjali u tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-NATO, in-Norveġja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tas-7 ta' Mejju 2021 dwar il-Proċess tal-Paċi fl-Afganistan,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2513 (2020) tal-10 ta' Marzu 2020 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,

 wara li kkunsidra l-Communiqué Politika Konġunta u l-Qafas ta' Sħubija tal-Afganistan, adottati fil-Konferenza ta' Ġinevra dwar l-Afganistan tat-23-24 ta' Novembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Istanbul dwar il-Proċess ta' Paċi fl-Afganistan tal-24 ta' April - 4 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra l-Liġi Afgana dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal li ġiet ratifikata fil-5 ta' Marzu 2019,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2020 dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tat-18 ta' Frar 2017 dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra[3],

 wara li kkunsidra l-ftehim dwar it-Triq Konġunta 'L Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE, iffirmat fit-3 ta' Ottubru 2016,

 wara li kkunsidra l-Istħarriġ dwar l-Oppju tal-Afganistan tal-2020 ippubblikat b'mod konġunt mill-Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Informazzjoni tal-Afganistan u mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità f'April 2021,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, mill-waqa' tal-gvern Taliban fl-2001, l-UE kellha preżenza attiva fl-Afganistan biex tappoġġja l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u tikkoordina l-assistenza internazzjonali;

B. billi l-vjolenza ilha tiżdied b'mod kostanti fl-Afganistan għal diversi snin; billi minn Settembru 2020 kien hemm żieda qawwija ulterjuri fir-ribelljonijiet; billi l-Afganistan ġie kklassifikat bħala l-aktar pajjiż affettwat fl-Indiċi Globali tat-Terroriżmu tal-2020;

C. billi fl-2018, l-Istati Uniti nedew negozjati mat-Taliban; billi fi Frar 2020 dan irriżulta fl-iffirmar ta' Ftehim Għall-Kisba tal-Paċi fl-Afganistan bejn l-Istati Uniti u t-Taliban; billi l-Gvern tal-Afganistan ma kienx parti għall-ftehim;

D. billi f'Settembru 2020 tnedew taħditiet ta' paċi diretti fost l-Afgani bejn il-Gvern tal-Afganistan, it-Taliban u partijiet ikkonċernati oħra f'Doha, il-Qatar; billi n-negozjati għadhom għaddejjin;

E. billi l-ftehim bejn l-Istati Uniti u t-Taliban inkluda impenn għall-irtirar tat-truppi tal-Istati Uniti; billi f'April 2021, l-Istati Uniti ħabbru li l-irtirar tat-truppi tagħhom se jkun sar kollu sal-11 ta' Settembru 2021;

F. billi l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat (RSM) immexxija min-NATO ilha topera fl-Afganistan minn Jannar 2015, u pprovdiet taħriġ, pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà tal-Afganistan; billi n-NATO u l-pajjiżi membri tagħha qablu li jtemmu l-RSM u li jirtiraw it-truppi nazzjonali sal-istess skadenza;

G. billi ż-żieda f'daqqa fil-vjolenza ta' dan l-aħħar seħħet fi sfond ta' vjolazzjonijiet mifruxin u fit-tul tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, imwettqa minn terroristi, gruppi armati u forzi tas-sigurtà, inklużi qtil ekstraġudizzjarju, tortura u vjolenza sesswali; billi huwa stmat li madwar 150 000 persuna mietu fil-gwerra ta' 20 sena, inkluż 35 000 persuna ċivili;

H. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan huma intimidati, mhedda u maqtula regolarment; billi fl-2020, in-NU talbet lill-Gvern tal-Afganistan biex iżid l-isforzi għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem wara li nqatlu disa' attivisti bejn Jannar u Awwissu 2020;

I. billi, mill-2001, sar progress dimostrabbli fid-drittijiet tan-nisa u tal-bniet fl-Afganistan, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivika u politika; billi dan it-titjib huwa probabbilment l-aktar kisba ta' suċċess fl-iżvilupp reċenti tal-kontea; billi dan il-progress parzjali issa jinsab taħt theddida u jrid jiġi ppreservat u msaħħaħ b'mod urġenti;

J. billi minkejja dan it-titjib, in-nisa u l-bniet ikomplu jiffaċċjaw theddid serju kuljum, inklużi ostakli għall-aċċess għal servizzi essenzjali u attakki li jinkludu vjolenza domestika, sesswali u bbażata fuq il-ġeneru; billi l-Indiċi tan-Nisa, tal-Paċi u tas-Sigurtà tal-2019/20 ikklassifika lill-Afganistan bħala t-tieni l-agħar pajjiż għan-nisa; billi mill-inqas 85 persuna nqatlu u 147 persuna ndarbu, il-biċċa l-kbira minnhom bniet tal-iskola, meta l-iskola tal-bniet Sayed al-Shuhada f'Kabul ġiet ibbumbardjata fit-8 ta' Mejju 2021; billi fit-2 ta' Marzu 2021, tliet ġurnalisti nisa nqatlu f'Jalalabad;

K. billi kważi tliet miljun persuna ġew spostati internament fl-Afganistan bħala riżultat tal-vjolenza; billi l-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari l-Iran, qed jospitaw għadd kbir ta' refuġjati;

L. billi l-Afganistan huwa wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, bl-għajnuna għall-iżvilupp tammonta għal madwar 40 % tal-prodott domestiku gross tal-pajjiż; billi aktar minn nofs l-Afgani jgħixu fil-faqar u 39 % tal-popolazzjoni tgħix f'faqar estrem; billi l-atturi umanitarji internazzjonali, inkluża l-UE, ta' spiss ma jkunux jistgħu jipprovdu għajnuna fejn din tkun meħtieġa minħabba żieda fil-vjolenza u fl-instabbiltà; billi l-Programm Dinji tal-Ikel kien sfurzat jissospendi l-appoġġ staġonali għas-sigurtà tal-ikel lid-distretti ta' Alishang u ta' Alingar f'Mejju 2021 minħabba ġlied intensifikat bejn il-forzi tal-gvern u r-ribelli;

M. billi l-UE impenjat aktar minn EUR 5.1 biljun lill-Afganistan bejn l-2002 u l-2020; billi sussegwentement impenjat EUR 1.2 biljun f'assistenza lill-Afganistan għall-2021-2025 fil-Konferenza ta' Ġinevra tal-2020; billi l-UE għamlitha ċara li din l-assistenza finanzjarja hija kondizzjonali fuq il-fatt li l-Afganistan jippreserva l-pluraliżmu demokratiku, l-ordni kostituzzjonali, it-trasparenza istituzzjonali u l-obbligu ta' rendikont u l-istat tad-dritt, il-promozzjoni ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, speċjalment għan-nisa, għat-tfal u għall-minoranzi, u inkluża l-libertà tal-istampa, u l-insegwiment tal-paċi, tal-iżvilupp u tal-prosperità sostenibbli;

N. billi l-Afganistan għandu qasma rurali-urbana profonda; billi aktar minn 70 % tal-popolazzjoni tgħix f'żoni rurali, u li ħafna minnha tbati minn livelli għoljin ħafna ta' faqar u mhijiex taħt il-kontroll tal-gvern;

O. billi l-kummerċ illeċitu tal-oppju jirrappreżenta madwar kwart tal-ekonomija tal-Afganistan; billi fl-2020, l-Afganistan ipproduċa 6 300 tunnellata ta' oppju f'żona totali ta' 24 000 ettaru, wieħed mill-akbar ħsad irreġistrat; billi l-kummerċ tal-oppju huwa sors sinifikanti ta' impjiegi fiż-żoni rurali u ta' fondi għat-Talibani;

P. billi t-Triq Konġunta 'L Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni ffirmata mill-UE u mill-Afganistan fl-2016, skadiet fl-2020; billi l-Parlament esprima l-oppożizzjoni tiegħu għan-nuqqas ta' kontroll parlamentari u sorveljanza demokratika ta' dan il-ftehim; billi f'April 2021, l-UE u l-Afganistan iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Migrazzjoni wara l-iskadenza tat-Triq Konġunta 'L Quddiem;

Q. billi t-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali inklużi n-nixfiet estremi joħolqu theddidiet enormi għall-ħajjiet u għall-għajxien fl-Afganistan;

R. billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-isfidi eżistenti fil-pajjiż; billi 63 % tan-nisa li jaħdmu fis-settur informali tilfu l-impjieg tagħhom sa mill-bidu tal-kriżi tas-saħħa; billi l-għeluq tal-iskejjel jhedded l-edukazzjoni fit-tul tat-tfal, b'mod partikolari l-bniet, u jżid it-theddida tal-vjolenza domestika, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal u n-nuqqas ta' aċċess għal faċilitajiet sanitarji u tas-saħħa għat-tfal;

1. Jiddeplora ż-żieda inkwetanti fil-vjolenza fl-Afganistan, inkluż il-qtil immirat tat-tfal, tal-ġurnalisti, tas-soċjetà ċivili u tal-membri tal-ġudikatura; jistieden lill-partijiet kollha u b'mod partikolari lit-Talibani biex iwaqqfu immedjatament l-attakki kontra l-popolazzjoni ċivili, b'mod partikolari fil-viċinanza tal-iskejjel, tal-isptarijiet u tal-moskej, u biex jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt umanitarju internazzjonali;

2. Jenfasizza l-impenn tiegħu għal proċess ta' paċi mmexxi mill-Afgani u li huwa sjieda tal-Afgani u rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt bħala l-unika triq kredibbli għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp inklużivi u fit-tul;

3. Jappoġġja f'dan ir-rigward it-taħditiet ta' paċi li għaddejjin f'Doha sabiex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kunflitt u għal waqfien mill-ġlied negozjat permanenti u mal-pajjiż kollu;

4. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ fit-tul tiegħu lil hinn mill-irtirar tat-truppi din is-sena biex jassisti lill-Afganistan fl-istabbiliment ta' paċi dejjiema; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lin-NATO u lill-Istati Uniti jibqgħu ffukati fuq dan l-objettiv;

5. Ifakkar li l-attakki terroristiċi fl-Afganistan jitwettqu minn diversi atturi inkluż mit-Talibani, mill-Al-Qaeda u mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku; jissottolinja r-riskju reali ta' instabbiltà u vjolenza akbar hekk kif it-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO jirtiraw; itenni, għalhekk, il-ħtieġa urġenti għall-UE li tikkoordina mal-partijiet ikkonċernati inkluż il-Gvern u l-forzi tas-sigurtà tal-Afganistan, l-Istati Uniti, in-NATO u n-NU biex tiżgura li t-tranżizzjoni tkun kemm jista' jkun bla xkiel;

6. Ifakkar li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp mingħajr sigurtà u viċi versa; jinnota f'dan ir-rigward li l-appoġġ internazzjonali lill-Afganistan wara l-irtirar tat-truppi jrid jiżgura approċċ olistiku biex jitkompla l-appoġġ finanzjarju u tekniku għar-riformi tas-sigurtà, politiċi, ekonomiċi u tal-iżvilupp, b'enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għan-nisa, għaż-żgħażagħ u għall-minoranzi;

7. Jibqa' mħasseb dwar il-klima perikoluża li fiha qed topera s-soċjetà ċivili, inklużi l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jipprovdu appoġġ sostantiv lis-soċjetà ċivili u biex ikomplu d-djalogu tagħhom mal-Gvern tal-Afganistan biex inaqqsu b'mod urġenti l-ostakli għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi;

8. Jisħaq li l-impunità u l-korruzzjoni jibqgħu ostakli serji għat-titjib tal-koordinazzjoni tas-sigurtà, għall-forniment ta' servizzi pubbliċi u għar-riforma ekonomika; jilqa' l-ħolqien tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni fl-Afganistan f'Novembru 2020 biex timplimenta l-istrateġija kontra l-korruzzjoni li għadha kif ġiet adottata, u jħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iżommu livelli għoljin ta' appoġġ tal-UE għall-indirizzar tal-korruzzjoni fil-pajjiż;

9. Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jinżamm il-progress li sar dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan matul l-aħħar 20 sena; jilqa' l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-taħditiet ta' paċi min-naħa tal-Gvern tal-Afganistan u jinsisti li ma jrid ikun hemm l-ebda kompromess dwar id-drittijiet tan-nisa fil-proċess ta' paċi; jenfasizza li l-progress dwar id-drittijiet tan-nisa f'oqsma tal-pajjiż li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern irid jiġi indirizzat ukoll fin-negozjati; jixtieq jara rappreżentanza akbar u konsultazzjoni sħiħa mal-organizzazzjonijiet tan-nisa matul it-taħditiet; jissottolinja li l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-fażi ta' wara r-rikostruzzjoni u fil-ħajja politika u ċivika fl-Afganistan hija prerekwiżit fundamentali għall-istabbiliment ta' paċi, sigurtà u żvilupp sostenibbli;

10. Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li n-nisa u l-bniet ikomplu jiffaċċjaw sfidi sinifikanti li jinkludu vjolenza domestika, sesswali u bbażata fuq il-ġeneru, żwieġ sfurzat u aċċess limitat għall-kura tas-saħħa; jinsisti li l-progress f'dawn l-oqsma jrid jibqa' prijorità għolja għall-UE; jilqa' l-proġetti ffinanzjati mill-UE li jappoġġjaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

11. Jilqa' l-progress li sar dwar id-drittijiet tat-tfal, iżda huwa estremament imħasseb biż-żieda reċenti fil-vjolenza, b'mod partikolari l-attakki fuq l-iskejjel; jinsisti li l-għoti ta' aċċess sikur għall-edukazzjoni għat-tfal kollha jrid ikun l-ogħla prijorità fin-negozjati għall-paċi;

12. Jappoġġja bil-qawwa l-kundizzjonijiet marbuta mal-wegħda finanzjarja reċenti tal-UE għall-Afganistan, b'mod partikolari dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa; jinnota li l-monitoraġġ tal-parametraġġ referenzjarju ta' dawn il-kundizzjonijiet huwa fundamentali biex jiġi żgurat li dawn ikunu effettivi; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan biex jerġgħu jtennu dawn il-kundizzjonijiet lill-Gvern tal-Afganistan u lil atturi oħrajn u biex jirrapportaw lura regolarment lill-Parlament dwar dan l-eżerċizzju;

13. Jenfasizza r-riskju li n-nuqqas ta' sigurtà fl-Afganistan joħloq għall-istabbiltà reġjonali, bil-potenzjal li l-vjolenza tinfirex fl-Asja Ċentrali; jinnota, barra minn hekk, li l-kooperazzjoni reġjonali permezz ta' qafas multilaterali hija għalhekk xprunatur importanti għall-paċi sostnuta fil-pajjiż;

14. Jilqa' l-involviment tal-Afganistan fl-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali, inkluż fil-Programm ta' Ġestjoni tal-Fruntieri fl-Asja Ċentrali; jinnota l-importanza ta' appoġġ kontinwat għall-kooperazzjoni transfruntiera fit-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali, fil-kontribut għall-konnettività reġjonali u għat-tkabbir ekonomiku, u fl-għeluq tal-qasma urbana-rurali;

15. Jinnota li l-UE jista' jkollha rwol kostruttiv, f'koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati reġjonali u internazzjonali, fil-faċilitazzjoni tad-djalogu politiku u fil-koordinazzjoni tal-għajnuna; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan ikomplu jagħtu prijorità lill-Afganistan fi djalogu politiku ta' livell għoli mas-sħab fir-reġjun, b'mod partikolari l-Iran, il-Pakistan u l-Indja;

16. Itenni d-dispjaċir tiegħu dwar in-nuqqas ta' sorveljanza parlamentari tal-ftehim informali ta' riammissjoni tat-Triq Konġunta 'L Quddiem bejn l-UE u l-Afganistan; jisħaq li d-deportazzjonijiet lejn l-Afganistan ipoġġu l-ħajja ta' persuni rimpatrijati f'riskju gravi u jsaħħu ċ-ċiklu ta' instabbiltà fil-pajjiż; jinnota li l-livell attwali ta' vjolenza huwa klima inaċċettabbli għar-rimpatrijazzjoni u għar-riammissjoni u jinsisti li l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom iżommu lura minn kwalunkwe ripatrijazzjoni furzata ta' Afgani; ifakkar li l-assistenza għall-iżvilupp ma tridx tkun kundizzjonali fuq il-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni, iżda trid tkun iffukata fuq fejn hija l-akbar ħtieġa, b'rispett għad-drittijiet fundamentali tar-refuġjati;

17. Huwa estremament imħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż, inkluż ta' persuni spostati internament; jinsisti li l-partijiet kollha, inkluż it-Talibani, jeħtiġilhom jirrispettaw bis-sħiħ il-liġi internazzjonali dwar l-għajnuna umanitarja għall-għoti mingħajr xkiel ta' assistenza lill-partijiet kollha tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Afganistan biex jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji jkunu jistgħu joperaw b'dewmien burokratiku minimu;

18. Jissottolinja l-importanza li jiġu indirizzati t-theddidiet urġenti għas-sigurtà tal-ikel bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, tan-nixfiet u tal-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ lis-SEAE u lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-operazzjonijiet Ewropej tal-protezzjoni Ċivili u tal-għajnuna Umanitarja biex jieħdu rwol ewlieni fl-iżgurar li l-għajnuna alimentari tiġi mmobilizzata u kkoordinata f'waqtha biex tiġi indirizzata l-insigurtà alimentari imminenti;

19. Ifakkar li l-impatt tal-kultivazzjoni tax-xaħxieħa jestendi lil hinn mill-fruntieri tal-Afganistan, u jaffettwa lill-pajjiżi ġirien u lill-Ewropa, li hija d-destinazzjoni ewlenija għall-eroina prodotta fl-Afganistan; itenni l-ħtieġa ta' żvilupp u assistenza fl-agrikoltura fit-tul biex jinħolqu impjiegi u introjtu affidabbli minn alternattivi għall-kultivazzjoni tal-oppju; jinnota li dan huwa pass meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kummerċ illeċitu tad-drogi, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan, u lill-President tar-Repubblika tal-Afganistan.

 

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza