MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan
7.6.2021 - (2021/2712(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
David Lega, Michael Gahler, David McAllister, Agnès Evren, Tom Vandenkendelaere
f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0324/2021
B9‑0326/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'L Quddiem bejn l-Afganistan u l-UE dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni tat-2 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tat-18 ta' Frar 2017 dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra[1],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "L-elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan" tal-24 ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra "Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja - Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE" adottata mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin f'Ottubru 2018,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2513 (2020) tal-10 ta' Marzu 2020 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tad-29 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi Ministerjali tal-2020 (Konferenza tal-Afganistan) li saret fit-23 u fl-24 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Diċembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi mill-2001, ħafna Stati Membri tal-UE, sħab tan-NATO u pajjiżi alleati kkontribwew riżorsi militari u ċivili għall-istabbilizzazzjoni u għall-iżvilupp tal-Afganistan, u sofrew bosta mwiet u telf kbir; billi Afganistan stabbli u indipendenti li jista' jipprovdi għalih innifsu u jiċħad rifuġju sikur lil gruppi terroristiċi għadu fl-interessi vitali tas-sigurtà tal-UE, tan-NATO u tal-Istati Membri tagħha;
B. billi kważi 3 miljun ruħ qed jgħixu fi spostament intern minħabba l-vjolenza u 1 miljun oħra minħabba diżastri naturali; billi l-Iran u l-Pakistan jospitaw bosta miljuni ta' rifuġjati u ta' migranti Afgani;
C. billi l-kontribut tal-UE lill-Afganistan matul l-aħħar 20 sena wassal għal gwadanji sostanzjali - fl-għomor, fil-litteriżmu, fil-mortalità materna u tat-tfal u fid-drittijiet tan-nisa; billi l-UE wegħdet EUR 1.2 biljun kemm f'għajnuna fit-tul kif ukoll f'għajnuna ta' emerġenza għall-perjodu 2021-2025; billi bejn l-2002 u l-2020, l-UE pprovdiet aktar minn EUR 4 biljun; billi l-Afganistan huwa l-pajjiż benefiċjarju li jirċievi l-aktar għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fid-dinja;
D. billi l-gvern Afgan effettivament jikkontrolla madwar 55 % tad-distretti tal-pajjiż, fejn fihom tgħix madwar 63 % tal-popolazzjoni tal-pajjiż;
E. billi l-COVID-19 ikkawżat diffikultajiet kemm umanitarji kif ukoll ekonomiċi minbarra l-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u l-vulnerabbiltà klimatika li jinsabu diġà f'livell serju;
F. billi fid-29 ta' Frar 2020 f'Doha, l-Istati Uniti u t-Talibani laħqu l-Ftehim biex Tinġieb il-Paċi fl-Afganistan, li talab li jsiru taħditiet ta' paċi diretti intra-Afgani bejn it-Talibani, il-gvern Afgan u gruppi oħrajn; billi dan il-ftehim ippreveda skeda ta' żmien għall-irtirar tal-forzi barranin kollha mill-Afganistan sa Mejju 2021, u min-naħa tagħhom, it-Talibani wiegħdu li jimpedixxu milli t-territorju taħt il-kontroll tagħhom jintuża minn gruppi terroristiċi;
G. billi n-Negozjati ta' Paċi fl-Afganistan bejn il-gvern Afgan u t-Talibani bdew fit-12 ta' Settembru 2020 f'Doha bil-għan li tinstab soluzzjoni politika inklużiva u paċi permanenti u komprensiva; billi n-negozjati bħalissa jinsabu f'sitwazzjoni staġnata;
H. billi l-vjolenza fl-Afganistan żdiedet ħafna f'daqqa mill-ħarifa tal-2020, u kompliet sejra għall-agħar fl-2021;
I. billi fl-14 ta' April 2021, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Anthony Blinken, ħabbar l-irtirar totali tat-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO sal-11 ta' Settembru 2021;
J. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż kollu għadha ħażina ħafna, b'livelli għoljin ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili u kontra l-forzi tas-sigurtà Afgani; billi l-kapaċitajiet limitati tal-Forzi Nazzjonali Afgani għad-Difiża u s-Sigurtà (ANDSF) jibqgħu wieħed mill-fatturi kritiċi li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan; billi matul ir-Ramadan biss inqatlu aktar minn 220 persuna ċivili, u ndarbu aktar minn 500;
K. billi l-UE tappoġġja b'mod sħiħ r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Diċembru 2020, li la tappoġġja u lanqas tirrikonoxxi r-restawr tal-Emirat Iżlamiku tal-Afganistan;
1. Iqis li l-Afganistan jinsab f'mument kritiku, minħabba li l-konfluwenza tas-sitwazzjoni domestika fraġli, sitwazzjoni ta' sigurtà li sejra għall-agħar, taħditiet ta' paċi intra-Afgani effettivament f'sitwazzjoni staġnata u d-deċiżjoni li t-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO jiġu rtirati sal-11 ta' Settembru 2021, dan kollu jista' jġib inċertezzi ġodda, inqas stabbiltà, periklu ta' intensifikazzjoni tal-kunflitti interni u vakwu li fl-agħar xenarju possibbli se jimtela mit-Talibani; jesprimi tħassib li din tkun perspettiva inkwetanti ħafna għall-pajjiż u għas-sostenibbiltà tal-kisbiet u tal-progress soċjopolitiċi tal-aħħar 20 sena; ifakkar li t-Talibani għandhom l-għan li joħolqu gvern Iżlamiku teokratiku, u dan jista' ma jkunx lest li jidħol f'arranġament ta' kondiviżjoni tal-poter ma' gvern elett b'mod demokratiku;
2. Jafferma mill-ġdid l-impenn politiku bbażat fuq prinċipji tal-Unjoni Ewropea biex tappoġġja lill-poplu tal-Afganistan fit-triq tiegħu lejn il-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà, id-demokrazija, il-prosperità u l-awtodipendenza, għall-benefiċċju tal-Afgani kollha; ifakkar li Afganistan fil-paċi u għani, ħieles mit-terroriżmu huwa pedament għall-istabbiltà u għall-iżvilupp tiegħu stess, kif ukoll għal dak tar-reġjun kollu u lil hinn minnu; ifakkar li l-impenn tal-Unjoni Ewropea mhuwiex se jinbidel bl-irtirar tat-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO mill-pajjiż;
3. Jafferma mill-ġdid li soluzzjoni politika negozjata li twassal għall-paċi trid tibni fuq il-kisbiet ekonomiċi, soċjali u politiċi ta' dawn l-aħħar 20 sena; jissottolinja li l-atturi Afgani kollha jeħtiġilhom jimpenjaw ruħhom b'mod attiv għal proċess ta' paċi sinifikattiv, inklużiv u sostanzjali, li huwa sjieda tal-Afgani u mmexxi mill-Afgani u li huwa appoġġjat fuq livell internazzjonali; jenfasizza li dan huwa aktar importanti minn qatt qabel peress li d-data tal-irtirar tat-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO daqt tasal;
4. Jisħaq li l-impenn u l-livell ta' kooperazzjoni li ntwera llum mill-atturi kollha fl-Afganistan, b'mod partikolari mit-Talibani, se jiddeterminaw l-appoġġ politiku u finanzjarju mill-UE għall-futur tal-pajjiż; ifakkar li l-appoġġ tal-UE huwa soġġett għat-titjib effettiv tal-governanza inklużiva u kontabbli, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-pluraliżmu demokratiku, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-media indipendenti, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għall-Afgani kollha, speċjalment in-nisa, it-tfal u l-persuni kollha li jappartjenu għal minoranzi u gruppi f'riskju; ifakkar li d-dritt tal-bniet għall-edukazzjoni, li huwa kisba kbira tal-aħħar 20 sena, ma għandux jiġi kkontestat;
5. Ifakkar li sabiex jibni fuq il-kisbiet tal-aħħar 20 sena, l-istat Afgan għandu jkun ġenwinament impenjat biex jiġġieled u jipprevjeni t-terroriżmu u ta' gruppi armati, il-produzzjoni u t-traffikar tad-droga, l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u l-ġestjoni tagħha; l-indirizzar tal-instabbiltà reġjonali; it-tħabrik għall-qerda tal-faqar; il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti; il-ġlieda kontra l-impunità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;
6. Jesprimi tħassib dwar il-livell għoli kontinwu ta' vjolenza u dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà volatili fl-Afganistan, b'mod partikolari l-livell għoli ta' mwiet fost il-popolazzjoni ċivili, inkluż il-qtil immirat ta' ġurnalisti tal-media, attivisti ċivili u impjegati taċ-ċivil; iħeġġeġ lin-naħat kollha biex jaqblu immedjatament fuq waqfien mill-ġlied permanenti u komprensiv; jinsab imħasseb dwar il-fraġilità u l-instabbiltà tal-gvern Afgan u tan-nuqqas ta' kontroll tiegħu fuq ħafna mill-pajjiż, sitwazzjoni li tiggrava l-impatt tal-vjolenza fuq il-popolazzjoni ċivili;
7. Iħeġġeġ lill-gvern Afgan isegwi obbligu ta' rendikont ġenwina u jinvestiga bir-reqqa ż-żieda fl-għadd ta' attakki fuq faċilitajiet ċivili, inklużi l-iskejjel u l-moskej, bħall-attakk tat-8 ta' Mejju 2021 fuq l-iskola Syed Al-Shahda Hazara fejn inqatlu 85 tifla jew l-attakk tat-12 ta' Mejju 2020 fuq il-fergħa tal-maternità tal-isptar Dasht-e Barchi f'Kabul, liema sptar huwa appoġġjat minn Médecins Sans Frontières;
8. Jirrikonoxxi li s-sigurtà u l-istabbiltà huma vitali għall-iżvilupp u għall-progress sostenibbli; jesprimi tħassib dwar it-theddida maħluqa mit-terroriżmu għall-Afganistan u għar-reġjun, b'mod partikolari l-preżenza kontinwa tal-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant (ISIL-Da'esh) u l-affiljati tagħhom, b'mod partikolari l-ISIL-Khorasan Province u Al-Qaida; jikkundanna kull attività terroristika u kull attakk terroristiku fl-Afganistan; jissottolinja l-importanza tal-ġlieda effettiva kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu u taż-żarmar tan-networks finanzjarji li jappoġġjaw it-terroriżmu; ifakkar li ż-żieda fil-vjolenza ma twassalx għal prospetti ta' paċi vijabbli; jenfasizza l-għadd kbir u sostnut ta' vittmi fost l-ANDSF, u jfakkar fil-ħtieġa li jiġi pprovdut finanzjament sostnut fit-tul lill-ANDSF;
9. Ifakkar li l-Afganistan huwa pajjiż mingħajr kosta li jinsab bejn l-Asja u l-Lvant Nofsani u jirrikonoxxi li appoġġ u kooperazzjoni pożittiva minn pajjiżi ġirien u setgħat reġjonali, b'mod partikolari ċ-Ċina, l-Iran, l-Indja, ir-Russja u l-Pakistan, huma essenzjali għall-istabilizzazzjoni, għall-iżvilupp u għall-vijabbiltà ekonomika tal-Afganistan; jissottolinja r-rwol kruċjali ta' dawn il-pajjiżi fl-istabbilizzazzjoni tal-Afganistan u biex ma jħalluhx jidħol f'kaos ladarba t-truppi barranin jitilqu; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Afganistan sabiex jinżamm rwol importanti għalihom fl-Afganistan sa fejn ikun possibbli;
10. Jirrikonoxxi li l-għan aħħari tal-għajnuna tal-UE lill-Afganistan huwa li tgħin lill-gvern u lill-ekonomija tal-pajjiż jeqirdu l-faqar u jiżviluppaw fi stat ta' indipendenza u tkabbir bi żvilupp intern u kooperazzjoni reġjonali permezz ta' kummerċ estern u investiment pubbliku sostenibbli, sabiex titnaqqas id-dipendenza żejda mill-għajnuna barranija, billi jkun hemm kontribut għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali tal-Afganistan; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 kompliet taggrava l-isfidi ekonomiċi li diġà huma serji fl-Afganistan;
11. Jissottolinja l-kwistjoni li għadha mhijiex solvuta tal-kultivazzjoni, tal-produzzjoni, tal-kummerċ u tat-traffikar tad-droga illegali fl-Afganistan, li hija theddida għall-paċi u għall-istabbiltà fl-Afganistan u fir-reġjun; jenfasizza l-ħtieġa li l-gvern Afgan iżid l-isforzi tiegħu biex jiġġieled din it-theddida, li fiha għandu jkun appoġġjat bis-sħiħ mill-komunità internazzjonali; ifakkar f'dan ir-rigward fil-problema tat-traffikar tal-bnedmin;
12. Jirrikonoxxi li t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19 qed ikollu impatt devastanti fl-Afganistan, bi sfidi profondi għas-sistema tas-saħħa tal-pajjiż u għas-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi u umanitarji tiegħu, u aggrava l-kriżi tal-ikel u żied il-faqar; iqis li l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija fuq perjodu ta' żmien qasir u twil se jirrikjedi l-appoġġ tal-partijiet Afgani kollha u tal-komunità internazzjonali; ifakkar li l-UE mmobilizzat EUR 147 miljun biex tindirizza l-kriżi immedjata tas-saħħa u bħala għajnuna umanitarja lill-Afganistan mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, flimkien ma' EUR 35 miljun oħra fil-bidu tal-2021 għall-ġlieda kontra l-pandemija;
13. Ifakkar fir-responsabbiltà tal-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jirtiraw it-truppi tagħhom mill-Afganistan biex jipproteġu u, jekk ikun hemm bżonn, jirrimpatrijaw lil eluf ta' persunal lokali, b'mod partikolari tradutturi, li kienu qed jappoġġjaw l-isforzi tagħhom u li ħajjithom tista' issa tkun f'periklu kbir;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan.
- [1] ĠU L 67, 14.3.2017, p. 3.