Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0327/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0327/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

7.6.2021 - (2021/2712(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Bernard Guetta, Karin Karlsbro, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Samira Rafaela, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0324/2021

Proċedura : 2021/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0327/2021
Testi mressqa :
B9-0327/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0327/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

(2021/2712(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra, iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana dwar in-Negozjati għall-Paċi fl-Afganistan tad-9 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra l-kummenti tal-President Biden dwar it-triq 'il quddiem fl-Afganistan tal-14 ta' April 2021,

 wara li kkunsidra l-Qafas għall-Awtodipendenza permezz ta' Responsabbiltà Reċiproka, maqbul fil-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-4-5 ta' Ottubru 2016,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Istati Uniti ħadu d-deċiżjoni unilaterali li jirtiraw it-truppi kollha mill-Afganistan sal-11 ta' Settembru 2021; billi l-alleati tan-NATO jsegwu l-prinċipju ta' "flimkien ġewwa, flimkien barra", u se jirtiraw fl-istess ħin;

B. billi t-taħditiet ta' paċi fl-Afganistan bejn il-gvern Afgan u t-Talibani bdew fl-2020 f'Doha; billi l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied ma ġiex segwit, u attwalment it-taħditiet tal-paċi jinsabu weqfin, bit-Talibani qegħdin jistennew l-irtirar tat-truppi alleati;

C. billi r-rappreżentanza tan-nisa u tad-drittijiet tagħhom fit-taħditiet ta' paċi fl-Afganistan mhijiex proporzjonali, u huwa meħtieġ approċċ aktar impenjat dwar dan mill-partijiet fin-negozjati;

D. billi n-nisa, it-tfal u l-minoranzi etniċi se jkunu l-aktar milquta mill-falliment tat-taħditiet ta' paċi fl-Afganistan u mit-tentattivi ta' segwiment ta' soluzzjoni militari għall-kunflitt; billi n-nisa Afgani diġà bdew jillimitaw il-movimenti tagħhom biex inaqqsu r-riskju, u l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni u l-logħob huwa mxekkel mit-theddida tal-vjolenza; billi dan l-aħħar, skola tal-bniet f'Kabul ġiet ibbumbardjata, fejn mietu mal-85 ruħ, fosthom ħafna bniet tal-iskola;

E. billi n-nisa u l-bniet kontinwament jiffaċċjaw diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u vjolenza fl-Afganistan kollu, li tibqa' ftit li xejn irrapportata; billi n-nisa u l-bniet spiss jibżgħu mill-irvellijiet u ma jafdawx lill-awtoritajiet, u dawk li jafdawhom, jesperjenzaw in-nuqqas persistenti tal-awtoritajiet li jinvestigaw każijiet ta' vjolenza mmirata kontrihom;

F. billi huwa ta' importanza kbira li jiġi ppreservat il-progress tal-aħħar żewġ deċennji fl-Afganistan, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

G. billi l-pandemija tal-COVID-19 żiedet drastikament ir-rata tal-faqar fl-Afganistan; billi l-miżuri relatati mal-COVID-19 u s-sitwazzjoni ta' sigurtà li qed tiddeterjora rriżultaw f'restrizzjonijiet għall-aċċess tal-għajnuna umanitarja għall-poplu Afgan;

H. billi sa mill-bidu tal-pandemija, l-UE mmobilizzat kważi EUR 147 miljun għall-indirizzar tal-kriżi immedjata tas-saħħa u biex tipprovdi għajnuna umanitarja lill-persuni fil-bżonn;billi l-UE dan l-aħħar ħabbret appoġġ addizzjonali ta' EUR 35 miljun għall-indirizzar tal-pandemija li għaddejja u biex jiġu mmitigati l-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija fl-Afganistan;

I. billi fl-2021, l-Afganistan qed jistenna li jiffaċċja nixfa, li se żżid l-għadd attwali ta' 5.5 miljun persuna li qed jesperjenzaw nuqqas ta' sigurtà tal-ikel f'livell ta' emerġenza, bi 17.6-il miljun oħra mistennija jiffaċċjaw nuqqas qawwi ta' sigurtà tal-ikel;

J. billi l-UE hija l-fornitur ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp fl-Afganistan, billi pprovdiet aktar minn EUR 4 biljun f'għajnuna għall-iżvilupp mill-2002;

K. billi fil-Konferenza ta' Ġinevra tal-2020 dwar l-Afganistan, l-UE wegħdet EUR 1.2 biljun kemm f'għajnuna fit-tul kif ukoll f'għajnuna ta' emerġenza lill-Afganistan għall-perjodu 2021-2025; billi din il-wegħda kienet akkumpanjata minn komunikazzjoni mill-UE u minn pajjiżi li flimkien jammontaw għal madwar 80 % tat-total tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lill-Afganistan, li tissottolinja l-elementi ewlenin għall-pajjiż biex ikompli jirċievi l-għajnuna, inkluż impenn kontinwu għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem;

L. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan qed tmur għall-agħar b'mod gradwali, u n-numru ta' attakki kontra l-forzi Afgani qed jiżdied, kif qed jiżdiedu l-assassinji mmirati ta' attivisti Afgani, ħaddiema tal-media, edukaturi, tobba, imħallfin u uffiċjali tal-gvern;

M. billi n-numru ta' attakki mit-Talibani żdied b'mod sinifikanti mill-bidu tat-taħditiet ta' paċi fl-Afganistan, bil-għan li jieħdu kontroll tat-territorji kkontrollati mill-gvern;

N. billi l-ispiża ekonomika tat-terroriżmu fl-Afganistan kienet ekwivalenti għal kważi 20 % tal-PDG tiegħu fl-2018, u ċċaħħad lit-tfal Afgani mill-futur tagħhom, mill-possibbiltà li jiksbu edukazzjoni, minn prospetti għal impjieg u servizzi stabbli bħall-kura tas-saħħa pprovduta mill-istat;

O. billi n-negozji Afgani jsofru minn estorsjoni tat-Talibani, li fiha l-bdiewa huma mġiegħla jaħdmu fuq il-kultivazzjoni tal-oppju u attivitajiet illegali ta' estrazzjoni;

P. billi l-Afganistan huwa wieħed mill-pajjiżi l-inqas li jgawdi paċi fid-dinja u għandu wieħed mill-ogħla numru ta' rifuġjati reġistrati;

Q. billi erba' miljuni mill-popolazzjoni tal-pajjiż ta' 36 miljun huma persuni spostati; billi 2.5 miljun Afgan diġà ħarbu mill-pajjiż biex ifittxu s-sigurtà;

R. billi l-qawmien mill-ġdid tat-Talibani u l-kollass tal-gvern Afgan jistgħu jwasslu għal żieda mill-ġdid tal-migrazzjoni lejn l-Ewropa;

1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fil-vjolenza fl-Afganistan, u jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki terroristiċi u l-livell inaċċettabbli ta' vjolenza mwettqa mit-Talibani kontra l-forzi nazzjonali tal-Afganistan u ċ-ċivili, u l-qtil immirat ta' attivisti tad-drittijiet ċivili, ħaddiema tal-media, edukaturi, tobba, imħallfin u uffiċjali tal-gvern; jesprimi l-kondoljanzi u l-appoġġ kbir tiegħu lill-vittmi tal-attakki terroristiċi u lill-familji tagħhom;

2. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sejbiet tar-rapport tat-Tim ta' Monitoraġġ tan-NU li jindika li r-relazzjoni bejn it-Talibani u al-Qaida saret aktar profonda, u t-twissija tiegħu li t-Talibani se jkunu kontra t-taħditiet ta' paċi u jippreferu teħid ta' kontroll militari; jieħu nota, barra minn hekk, tar-rapporti li jindikaw li t-Talibani qegħdin iħejju operazzjonijiet militari b'mod attiv fl-2021;

3. Jitlob li ssir investigazzjoni kredibbli u trasparenti taħt l-awspiċi tan-NU dwar l-attakk li kien immirat lejn l-iskola tal-bniet, fejn inqatlu 85 persuna, l-aktar bniet, mill-minoranza Hazara Shia, li kellhom bejn 11 u 17-il sena; jistieden ukoll lin-NU tistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga n-numru akbar ta' attakki fuq faċilitajiet ċivili, inkluż fuq skejjel u moskej;

4. Jitlob li jerġgħu jinbdew immedjatament it-taħditiet ta' paċi fl-Afganistan u waqfien mill-ġlied immedjat, permanenti u komprensiv, li huwa prerekwiżit biex tinħoloq il-fiduċja u jintwera l-impenn ġenwin tat-Talibani għal rikonċiljazzjoni dejjiema;

5. Itenni l-ħtieġa għal appoġġ kontinwu tal-UE biex jgħin lill-Afganistan fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, jipprovdi lill-Afgani bit-tilqim, u jgħin fl-organizzazzjoni tal-isforzi tat-tilqim;

6. Jappoġġja l-proċess ta' paċi mmexxi mill-Afgani u li jkun sjieda tal-Afgani; jistieden lill-partijiet jaslu għal ftehim li jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-Afgani kollha, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal u l-minoranzi, u jibnu fuq il-kisbiet ekonomiċi, soċjali, politiċi u ta' żvilupp miksuba mill-2001 fl-ambitu ta' qafas kostituzzjonali demokratiku;

7. Jissottolinja li soluzzjoni politika biss toffri tama għal paċi dejjiema; jirrakkomanda li l-partijiet ifittxu għajnuna minn medjatur parti terza, bħan-Nazzjonijiet Uniti, biex jgħin biex jintlaħaq qbil fuq pjan ta' direzzjoni politiku għal Afganistan prosperu, għall-paċi fi ħdanu u mal-ġirien tiegħu;

8. Jinnota li l-Afganistan għadu jiġi kkunsidrat bħala wieħed mill-aktar pajjiżi fid-dinja li fih imutu tfal; jistieden lill-UE u lill-gvern Afgan jiżguraw protezzjoni adegwata għat-tfal biex ma jitħallewx jiġu reklutati ħalli jiġġieldu għall-gruppi armati jew għall-forzi tas-sigurtà Afgani;

9. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi evitat xenarju ta' "Stat fallut", u jerġa' jikkonferma l-impenn qawwi tiegħu li jkompli bl-appoġġ tiegħu għall-Afganistan u għall-gvern Afgan biex jiffinanzja r-rikostruzzjoni ċivili u jgħin biex jiġu konklużi n-negozjati ta' paċi li għaddejjin bħalissa;

10. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħejju strateġija komprensiva għal kooperazzjoni futura mal-Afganistan wara l-irtirar tat-truppi tal-alleati tan-NATO;

11. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali effettiva mal-istati ġirien tal-Afganistan għal ħidma lejn l-istabbiltà u l-paċi dejjiema;

12. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' punti ta' riferiment ċari u mekkaniżmi ta' monitoraġġ biex jitkejjel il-progress li sar u l-użu effiċjenti u trasparenti tal-fondi Ewropej;

13. Jenfasizza li l-għajnuna Ewropea se tibqa' kkundizzjonata għall-kisbiet tal-aħħar 20 sena fil-bini tal-istat, tad-drittijiet tan-nisa u tal-edukazzjoni;

14. Jirrikonoxxi l-ħidma tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali u internazzjonali, li jipprovdu servizzi, assistenza u għajnuna lill-poplu Afgan minkejja r-riskji għas-sigurtà;

15. Jissottolinja li l-UE għandha interess li tinvesti fl-istabbiltà Afgana sabiex jiġu evitati l-isfidi tal-migrazzjoni, tal-produzzjoni u tat-traffikar tad-droga illegali u l-għoti ta' kenn lill-ġellieda terroristiċi;

16. Iwissi li l-komunità internazzjonali jeħtiġilha tiżgura li l-Afganistan ma jerġax jintuża minn gruppi terroristiċi biex jheddu s-sigurtà ta' pajjiżi oħrajn;

17. Jenfasizza s-sinifikat ta' kooperazzjoni effettiva bejn l-UE u n-NATO wara l-irtirar tat-truppi fl-assistenza lill-forzi nazzjonali Afgani fil-provvista tas-sigurtà lill-poplu tal-Afganistan; jappoġġja l-finanzjament u t-taħriġ kontinwu tal-forzi tas-sigurtà Afgani;

18. Jerġa' jikkonferma l-impenn tal-UE li jiġi miġġieled it-terroriżmu fil-forom u fil-manifestazzjonijiet kollha tiegħu, inkluż il-finanzjament tiegħu, l-iżmantellament tal-infrastrutturi terroristiċi u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

19. Jinnota li l-għajnuna umanitarja se tkompli tkun meħtieġa għall-futur prevedibbli, u li l-aċċess tal-atturi umanitarji u tal-iżvilupp irid jiġi żgurat fil-pajjiż kollu b'konformità sħiħa mal-prinċipji umanitarji u mad-dritt umanitarju internazzjonali; jitlob li jkun hemm żieda fl-appoġġ għas-sistema tas-saħħa Afgana, b'mod partikolari għall-kura tas-saħħa tan-nisa;

20. Jitlob li jkun hemm żieda fil-kontribuzzjoni tal-UE għar-rispons umanitarju sabiex jiġi mmitigat l-impatt tan-nixfa mbassra fl-Afganistan, b'mod partikolari biex jitnaqqas id-distakk fil-finanzjament sabiex jiġu pprovduti assistenza umanitarja fl-ikel u appoġġ għal partijiet u awtoritajiet governattivi li jkunu f'kunflitt biex jiġi żgurat aċċess umanitarju;

21. Jindika t-tkabbir ekonomiku potenzjali li l-Afganistan jista' jiżviluppa bl-użu tar-riżorsi naturali tiegħu bħal-litju, il-gass naturali, il-kobalt, id-deheb u depożiti minerali oħrajn;

22. Jisħaq li l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp tal-infrastruttura u l-promozzjoni tax-xogħol fil-minjieri tista' tkun ta' benefiċċju għall-poplu Afgan billi tipprovdi impjiegi u riżorsi għal servizzi pubbliċi kritiċi;

23. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jintużaw il-fondi Ewropej biex isir investiment fit-titjib tal-konnettività reġjonali biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u t-tranżitu, u dan jagħti lill-Afganistan il-mezzi biex jikber mill-aspett ekonomiku;

24. Jesprimi r-rieda tiegħu għal impenn aktar mill-qrib mal-awtoritajiet Afgani, b'mod partikolari mal-Assemblea Nazzjonali, u mas-soċjetà ċivili Afgana;

25. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw preżenza kontinwa u sikura tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Afganistan, u biex jikkooperaw mal-komunità internazzjonali sabiex jippermettu preżenza diplomatika, ta' żvilupp u umanitarja kontinwa;

26. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu viżi lill-persunal lokali abbażi ta' riskju ġġustifikat għal ħajjithom bħala riżultat tal-kooperazzjoni tagħhom mal-forzi alleati u s-servizz lilhom; jitlob li dan ikun preċedut minn valutazzjoni individwali bir-reqqa, li tqis b'mod sħiħ l-aspetti kollha tal-eliġibbiltà u tas-sigurtà;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza