Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0328/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0328/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi

7.6.2021 - (2021/2741(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sandra Kalniete, Michael Gahler, Paulo Rangel, David McAllister, Jerzy Buzek, Andrius Kubilius, Radosław Sikorski, Traian Băsescu, Vladimír Bilčík, Tomasz Frankowski, Andrzej Halicki, Rasa Juknevičienė, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Liudas Mažylis, Luděk Niedermayer, Janina Ochojska, Michaela Šojdrová, Eugen Tomac, Isabel Wiseler‑Lima
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0328/2021

Proċedura : 2021/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0328/2021
Testi mressqa :
B9-0328/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0328/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi

(2021/2741(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2020 dwar il-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tal-24 ta' Mejju 2021 dwar id-devjazzjoni furzata tat-titjira ta' Ryanair FR4978 lejn Minsk fit-23 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Mejju 2021 dwar il-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-ministri barranin tal-G7 u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' Mejju 2021 dwar il-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/908 tal-4 ta' Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja[1], li introduċiet projbizzjoni fuq it-titjiriet li jgħaddu minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE u dwar l-aċċess għall-ajruporti tal-UE minn trasportaturi Belarussi ta' kull tip,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi nhar il-Ħadd 23 ta' Mejju 2021, l-awtoritajiet Belarussi, bl-iskuża falza ta' theddida ta' bomba, interċettaw it-titjira ta' Ryanair FR4978 bl-involviment ta' ajruplan tal-ġlied Belarussu Air Force MiG-29 u ddevjawha biex iġieġħlu l-ajruplan jagħmel inżul ta' emerġenza;

B. billi l-awtoritajiet Belarussi ma skoprew l-ebda apparat splussiv, iżda arrestaw żewġ passiġġieri – Raman Pratasevich, ċittadin Belarussu, u t-tfajla tiegħu Sofia Sapega, ċittadina Russa u studenta tal-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi f'Vilnius;

C. billi Raman Pratasevich huwa ġurnalist u blogger Belarussu u wieħed mill-fundaturi tal-istazzjon Nexta Telegram, li kellu rwol ċentrali fil-mobilizzazzjoni tal-protesti fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali ffalsifikati tad-9 ta' Awwissu 2020; billi Raman Pratasevich kien qed jirrisjedi b'mod permanenti f'eżilju fil-Polonja u fil-Litwanja sabiex jevita li jiġi arrestat fil-Belarussja abbażi ta' akkużi fabbrikati fil-konfront tiegħu; billi Raman Pratasevich tqiegħed fuq il-lista ta' sorveljanza tat-terroristi mill-awtoritajiet Belarussi u issa jista' jiffaċċja l-piena kapitali, peress li l-Belarussja tibqa' l-uniku pajjiż fl-Ewropa li jinforza l-piena tal-mewt;

D. billi tliet passiġġieri oħra ma telgħux fuq l-ajruplan tat-titjira FR4978 wara l-inżul ta' emerġenza f'Minsk;

E. billi kemm Raman Pratasevich kif ukoll Sofia Sapega ġew murija fuq il-media tal-massa Belarussa nhar it-Tnejn 24 ta' Mejju; billi Raman Pratasevich iddikjara li kien f'saħħtu u li kien qed jiġi ttrattat tajjeb u ammetta li s-sena l-oħra kellu rwol fl-organizzazzjoni ta' protesti tal-massa f'Minsk; billi Raman Pratasevich kellu ħafna make-up fuqu possibbilment biex jitgħattielu t-tbenġil li għamlulu r-rappreżentanti tas-servizzi tas-sigurtà Belarussi wara l-arrest tiegħu; billi Raman Pratasevich ta intervista fuq l-istazzjon tal-Istat ONT nhar l-Erbgħa 2 ta' Ġunju li fiha għamel aktar "konfessjonijiet"; billi bħal fid-dehra preċedenti tiegħu fuq il-media, Raman Pratasevich ma kienx jidher bħala persuna li kienet qed tagħmel konfessjoni mir-rieda libera tagħha; billi l-avukati tiegħu għadhom ma jistgħux jarawh;

F. billi l-inżul ta' emerġenza tat-titjira FR4978 poġġa f'periklu l-ħajja ta' 171 passiġġier u membru ieħor tal-ekwipaġġ, li ħafna minnhom kienu ċittadini tal-UE;

G. billi l-inżul furzat tat-titjira FR4978 kien qed jikser ħafna standards legali internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Konvenzjoni ta' Montreal għas-Suppressjoni ta' Atti Illeċiti kontra s-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili;

H. billi hemm aktar minn 400 detentut politiku rikonoxxut fil-Belarussja, inklużi seba' minorenni; billi mill-protesti wara l-elezzjonijiet presidenzjali misruqa tad-9 ta' Awwissu 2020, intbagħtu l-ħabs 35 000 persuna, inbdew madwar 3 000 każ kriminali motivati minn raġunijiet politiċi kontra d-dimostranti, u rriżultaw aktar minn 4 600 dikjarazzjoni ta' tortura, vjolenza u trattament ħażin;

I. billi r-reġim Belarussu jikser b'mod sistematiku d-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem tal-poplu tiegħu; billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiż marru għall-agħar b'mod sinifikanti mit-tħejjija għall-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020 u l-organizzazzjoni tagħhom u warajhom;

J. billi l-għeluq ta' mezzi tal-media indipendenti fil-Belarussja, l-arresti intensifikati ta' ġurnalisti, studenti, ħaddiema tat-trade unions, attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-partiti politiċi, il-fabbrikazzjoni tal-każijiet tagħhom fl-hekk imsejħa "qrati", l-intimidazzjoni, it-tortura u t-tikkettar ta' detenuti politiċi b'badges sofor, u l-attakki fuq ċittadini innoċenti fit-triq u fi djarhom jikkwalifikaw bħala terroriżmu sistemiku mill-Istat;

K. billi l-għadd ta' vittmi li jisfaw mejta taħt ir-reġim Belarussu qed jiżdied b'rata allarmanti, bit-tentattivi reċenti ta' persuni detenuti li jwettqu suwiċidju wara li jesperjenzaw tortura fiżika u mentali waqt li jkunu l-ħabs;

L. billi l-inżul furzat tat-titjira FR4978 u l-arrest ta' għadu tar-reġim Belarussu kellhom l-għan li jibagħtu sinjal ta' tkexkix lill-avversarji kollha tiegħu, b'mod partikolari lil dawk li jgħixu barra mill-pajjiż, li r-reġim huwa determinat li jsibhom u jaqbadhom u li mhumiex sikuri barra mill-pajjiż;

1. Jikkundanna l-ħtif u l-inżul furzat tat-titjira FR4978 mill-awtoritajiet Belarussi; iqis li dan l-att orribbli jikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali li jikkostitwixxi att ta' terroriżmu tal-Istat;

2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Raman Pratasevich u Sofia Sapega; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għall-ħelsien tad-detenuti politiċi l-oħra kollha miżmuma mill-awtoritajiet Belarussi;

3. Jiddeplora s-sentenza ta' Pavel Sevyarynets, Yauhen Afnahel, Andrei Voynich, Pavel Yukhnevich, Zmitser Kazlou, Maksim Vinyarski u Iryna Shchasnaya fi proċess magħluq fil-belt ta' Mahilyou;

4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jwaqqfu kull forma ta' trattament ħażin u tortura kontra d-detenuti u d-detenuti politiċi u jippermettulhom jaċċessaw trattament mediku u pariri legali;

5. Itenni n-nuqqas ta' rikonoxximent tiegħu tal-elezzjoni ta' Alexander Lukashenko għall-kariga ta' President tal-Belarussja; iqis ir-reġim attwali fil-Belarussja bħala illeġittimu, illegali u kriminali; jikkundanna r-repressjoni tal-eluf ta' Belarussi li pprotestaw b'mod paċifiku għad-difiża tad-dritt tagħhom għal-libertà, għad-demokrazija u għad-dinjità;

6. Jikkundanna l-attakki sistemiċi tar-reġim kontra l-popolazzjoni ċivili, li mill-elezzjonijiet misruqa f'Awwissu 2020 ġiegħel lil 14 000 Belarussu jaħarbu mill-pajjiż, permezz tal-vjolenza, tal-intimidazzjoni u ta' forom oħra ta' koerċizzjoni; itenni li din il-kampanja ta' repressjoni li għaddejja bħalissa u l-ispostament furzat taċ-ċittadini jirrappreżentaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

7. Jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali hija prova tal-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea u tal-effettività tat-tfassil tal-politika barranija tagħna; ifakkar li s-sitwazzjoni fil-Belarussja, pajjiż ġar u membru tas-Sħubija tal-Lvant, għandha impatt dirett fuq l-UE u li din tal-aħħar għandha turi biżżejjed determinazzjoni biex toffri appoġġ tanġibbli u fit‑tul lill-forzi demokratiċi li jagħmlu ħilithom biex iġibu l-libertà u d-demokrazija fil-Belarussja;

8. Itenni li l-UE għandha tkompli tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja billi timmobilizza l-komunità internazzjonali b'appoġġ għall-poplu Belarussu, inkluż permezz tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa;

9. Jisħaq li l-libertà tal-kelma u l-libertà għal protesta, l-indipendenza tal-media tal-massa, id-dritt għal proċess ġust, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem b'mod ġenerali huma valuri komprensivi li jinsabu fil-bażi proprja tas-soċjetajiet demokratiċi u tal-Unjoni Ewropea; jiddeplora l-fatt li l-Belarussja bħalissa hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu jinforza l-piena tal-mewt;

10. Jisħaq li sabiex jingħelbu r-reġimi awtoritarji bħall-Belarussja ta' Lukashenko u r-Russja ta' Putin u jiġu promossi l-valuri demokratiċi fir-reġjun, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw bis-sħiħ il-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi assoċjati mis-Sħubija tal-Lvant (il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna); jenfasizza li l-ħolqien ta' spazju demokratiku b'saħħtu fil-fruntiera tal-Ewropa tal-Lvant u eżempji konkreti ta' trasformazzjoni demokratika ta' suċċess jistgħu jkunu ta' benefiċċju kemm għas-sigurtà kif ukoll għall-prosperità taċ-ċittadini tagħna kif ukoll għad-demokratizzazzjoni tal-Belarussja u tal-Federazzjoni Russa;

11. Jappoġġja bil-qawwa l-idea li titnieda konferenza politika ta' livell għoli dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi fil-Belarussja, li għandha ssir mingħajr dewmien; itenni t-talba preċedenti tiegħu, appoġġjata mill-maġġoranza l-kbira tal-Membri u l-gruppi politiċi tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ lill-President u lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew jibdew missjoni ta' livell għoli li tinvolvi lill-eks uffiċjali Ewropej ta' livell għoli biex jesploraw kull mezz possibbli ħalli jitwaqqfu l-vjolenza u jiġu liberati d-detenuti politiċi, li jista' jgħin biex jinħoloq ambjent li jwassal għal djalogu politiku domestiku inklużiv fil-Belarussja;

12. Jistieden lill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali jwettqu investigazzjoni urġenti dwar dan l-att bla preċedent ta' terroriżmu sponsorizzat mill-istat kontra inġenju tal-ajru ċivili rreġistrat fl-UE sabiex jiġi vvalutat jekk it-trasport bl-ajru u s-sikurezza tal-passiġġieri tpoġġewx fil-periklu; jenfasizza li dan l-inċident gravi kiser b'mod sinifikanti l-fiduċja u li kull stat jaġixxi b'mod responsabbli fit-twettiq tal-obbligi tiegħu skont il-Konvenzjoni ta' Chicago sabiex l-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu joperaw b'mod sikur u sigur; jisħaq li investigazzjoni bħal din għandha tesplora l-possibbiltà li ċ-ċittadini Russi kellhom sehem fl-atti terroristiċi mwettqa mir-reġim Belarussu; jissottolinja li jekk dan jitqies li kien il-każ, kwalunkwe ċittadin Russu involut direttament jew indirettament fl-operazzjoni għandu jiġi sanzjonat skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE);

13. Jenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-UE fl-investigazzjoni, inkluż permezz tal-involviment ta' korpi tal-UE bħall-Europol, il-Eurojust jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-ħidma ta' skwadri ta' investigazzjoni u operazzjonijiet konġunti;

14. Jistieden lill-Interpol tirrieżamina bir-reqqa t-talbiet għal Avviżi Ħomor li saru mill-Belarussja u tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni lill-Belarussja milli tuża ħażin l-Interpol għal skopijiet politiċi;

15. Jilqa' r-rispons pożittiv ħafna tat-trasportaturi tal-ajru tal-UE biex jevitaw jew jippruvaw jevitaw it-titjir fuq l-ispazju tal-ajru Belarussu; jiddeplora l-fatt li f'xi każijiet huma mxekkla li jagħmlu dan mill-kontroll tat-traffiku tal-ajru Russu; jilqa' l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-UE għat-trasportaturi tal-ajru Belarussi; jisħaq li l-projbizzjoni tal-UE milli jintuża l-ispazju tal-ajru tal-UE mit-trasportaturi tal-ajru Belarussi għandha tibqa' fis-seħħ sakemm ikunu nħelsu d-detenuti politiċi kollha, inklużi Raman Pratasevich u Sofia Sapega; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tintroduċi r-raba' pakkett antiċipat tagħha ta' sanzjonijiet, li għandu jkun aktar ambizzjuż u mmirat; jirrakkomanda li għandhom jiġu introdotti sanzjonijiet settorjali u jinkludu projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti taż-żejt, fertilizzanti tal-potassa, prodotti tal-metall, injam u prodotti tal-injam; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġu sanzjonati l-intrapriżi rilevanti kollha mmexxija mill-Istat li jikkontribwixxu għall-appoġġ tar-reġim permezz tad-dħul mill-kambju; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-ġlieda kontra n-negozju tal-kuntrabandu tas-sigaretti mill-Belarussja, li saret sors serju ħafna ta' dħul għar-reġim Belarussu;

16. Iqis li l-lista ta' individwi sanzjonati li ġew ipprojbiti milli jidħlu fl-UE u li l-assi tagħhom ġew iffriżati jeħtieġ li titkabbar b'mod sostanzjali u tinkludi dawk kollha marbuta mar-repressjoni tal-Istat, iżda wkoll dawk li qed iħeġġu r-reġim u jagħtuh appoġġ ekonomiku jew kwalunkwe tip ieħor ta' assistenza, bħall-ġurnalist tar-reġim Marat Markov, li intervista lil Raman Pratasevich fuq l-istazzjon tal-Istat ONT fit-2 ta' Ġunju 2021; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-ħtieġa li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-għażliet għal miżuri restrittivi fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE); jagħti parir lill-Istati Membri jikkunsidraw it-tkeċċija tal-persunal diplomatiku tal-Belarussja, li huwa magħruf li jaħdmu mas-servizzi sigrieti tal-Belarussja;

17. Jissottolinja li l-miżuri punittivi kollha kontra l-Belarussja għandhom jiġu kkoordinati u introdotti flimkien mas-sħab mill-G7 u sħab oħra li jaħsbuha bl-istess mod; jilqa' s-summits li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Istati Uniti u r-Russja u jqishom opportunitajiet importanti biex jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet bejn l-UE u s-sħab tagħha; ifakkar lill-President Putin dwar il-konsegwenzi ta' appoġġ ulterjuri għar-reġim ta' Alexander Lukashenko; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu introdotti aktar sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa għar-rwol tagħha fl-appoġġ tar-reġim Belarussu;

18. Jirrimarka r-responsabbiltà morali u politika tal-partiti politiċi fl-UE li volontarjament jibbenefikaw minn riżorsi finanzjarji mogħtija mill-Federazzjoni Russa bi skambju għal appoġġ politiku u ta' xorta oħra offrut fil-Parlament Ewropew u bnadi oħra għall-politiki Russi u li għandu l-għan li jagħmel ħsara lill-interessi u l-valuri tal-UE;

19. Jitlob l-istabbiliment ta' tribunal internazzjonali biex jipproċedi kontra r-reati tar-reġim Belarussu u kontra Alexander Lukashenko b'mod partikolari talli wettaq gwerra fuq iċ-ċittadini tal-Belarussja; jistieden lill-UE tieħu l-azzjoni meħtieġa, inkluż billi tuża l-pjattaformi tal-UE biex tfittex ġustizzja u tiġġieled l-impunità, bħall-Pjattaforma tal-Impunità tal-Parlament Ewropew, iċ-Ċentru tal-Ġustizzja tal-UE u n-networks ta' ġuriżdizzjoni universali;

20. Jissottolinja l-impenn kontinwu tal-UE għal Belarussja demokratika; jilqa' l-abbozz tal-Kummissjoni tal-pakkett ta' appoġġ ekonomiku tagħha ta' EUR 3 biljun għal Belarussja demokratika futura; jinnota li l-UE jeħtieġ li tipproponi sett komprensiv ta' azzjonijiet biex tħejji l-forzi demokratiċi tal-Belarussja għall-implimentazzjoni ta' dan il-pakkett; jenfasizza li dan il-pakkett jagħti l-messaġġ importanti li l-UE se tkun lesta li tipprovdi assistenza tanġibbli u multidimensjonali lil Belarussja demokratika, u li tpoġġi lill-pajjiż fit-triq tar-riforma u l-modernizzazzjoni; jenfasizza l-importanza li l-UE tħejji għal ftehim bilaterali ambizzjuż biex tħaddan bidla demokratika fil-Belarussja;

21. Itenni l-importanza tal-media u l-ġurnalisti Belarussi indipendenti u r-rwol importanti li jaqdu fis-soċjetà Belarussa; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku lill-mezzi tal-media u l-ġurnalisti indipendenti kollha biex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom li jinfurmaw lis-soċjetà dwar l-iżviluppi li għaddejjin fil-Belarussja; itenni, f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu għal aktar assistenza għall-istazzjon tat-televiżjoni Bielsat;

22. Itenni t-talbiet preċedenti tiegħu biex tiġi estiża l-assistenza lis-soċjetà ċivili Belarussa, b'enfasi partikolari fuq dawk li jsibu kenn fl-UE u jkomplu l-ġlieda tagħhom minn hemm; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lil dawn l-individwi bi protezzjoni personali u opportunitajiet biex jiffukaw fuq il-ħidma ċivika tagħhom billi jiffaċilitaw il-kisba ta' viżi u jissimplifikaw ir-regoli ta' residenza, u joffru appoġġ, inkluż appoġġ finanzjarju, lil istituzzjonijiet eżiljati, bħall-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi f'Vilnius, li qed irawmu ġenerazzjoni ġdida ta' Belarussi li jikkontestaw is-sistema korrotta u illeġittima tagħhom;

23. Jitlob li l-Belarussja titneħħa minn korpi sportivi internazzjonali, inkluż il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali; iħeġġeġ lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) tneħħi d-drittijiet tax-xandir għat-turnew tal-futbol EURO 2020 mit-televiżjoni tal-Istat Belarussu TVR u tassenjahom lill-istazzjon tat-televiżjoni indipendenti Bielsat TV mingħajr ħlas;

24. Itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jieħdu pożizzjoni unifikata fir-rispons għat-terroriżmu sponsorizzat mill-Istat orkestrat mir-reġim ta' Alexander Lukashenko u appoġġjat mill-Kremlin; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-azzjonijiet tal-gvern proviżorju fil-Bulgarija maħtur mill-President fir-rigward tat-tkeċċija ta' uffiċjali tas-sigurtà ta' livell għoli involuti fl-iskoperta tan-networks tal-ispjunaġġ Russi li jaġixxu fl-UE;

25. Jissottolinja l-importanza li l-UE tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja fi ħdan l-UE, kif ukoll forom oħra ta' theddid ibridu mwettqa minn partijiet terzi f'dan ir-rigward;

26. Jesprimi solidarjetà mal-Latvja wara t-tkeċċija mhux ġustifikata tad-diplomatiċi tagħha mill-Belarussja; jikkundanna t-tnedija ta' investigazzjoni kriminali mill-Prosekutur Ġenerali tal-Belarussja kontra l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Latvja, kif ukoll is-Sindku tal-belt kapitali Riga;

27. Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' repressjoni u l-azzjonijiet ostili mwettqa mill-awtoritajiet kontra r-rappreżentanti tal-minoranza Pollakka u kontra s-sistema tal-iskola Pollakka fil-Belarussja; jappella, f'dan ir-rigward, għall-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet ta' Andżelika Borys, Andrzej Poczobut u detenuti politiċi oħra;

28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza