MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan
7.6.2021 - (2021/2712(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Anna Fotyga, Raffaele Fitto, Assita Kanko, Valdemar Tomaševski, Jadwiga Wiśniewska, Carlo Fidanza, Elżbieta Kruk, Ryszard Czarnecki, Angel Dzhambazki, Bogdan Rzońca, Adam Bielan
f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0324/2021
B9‑0329/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR), li r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan hija parti għaliha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi Żmien ta' Gwerra,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp (CAPD) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra[1],
– wara li kkunsidra l-Communiqué tal-Mibgħuta Speċjali u tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea, ta' Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, tan-NATO, tan-Norveġja, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti tas-7 ta' Mejju 2021 dwar il-Proċess tal-Paċi fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 għall-Afganistan fl-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Konferenza tal-2020 dwar l-Afganistan li saret f'Ġinevra,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Settembru 2018 bit-titolu "The situation in Afghanistan and its implications for international peace and security" (Is-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-implikazzjonijiet tagħha għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali),
– wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'L Quddiem (JWF) dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2210 (2015) u 2344 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA), riżoluzzjoni 2513 tal-UNSC (2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fi Frar 2020, l-Istati Uniti u t-Talibani ffirmaw ftehim li witta t-triq għall-ewwel taħditiet diretti bejn it-Talibani u r-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Afganistan mill-2001;
B. billi fl-14 ta' April 2021, l-Istati Uniti ħabbru formalment pjanijiet li se ttemm il-preżenza militari tal-Amerka fl-Afganistan u li se tirtira l-2 000 truppa li fadal mill-pajjiż sa Settembru, u dan se jikkoinċidi mal-20 anniversarju mill-attakki terroristiċi tal-2001;
C. billi wara l-attakki tal-11 ta' Settembru (9/11), in-NATO invokat l-Artikolu 5 tat-trattat fundatur tagħha, li jirrappreżenta l-unika darba li n-NATO qatt invokat id-difiża kollettiva tagħha, u issa, 20 sena wara, in-nazzjonijiet alleati qed jaqblu fuq id-deċiżjoni li jirtiraw il-forzi tagħhom u li jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq il-bini tal-kapaċitajiet u fuq l-appoġġ għall-iżvilupp tal-forzi Afgani;
D. billi min-naħa tagħhom, it-Talibani impenjaw ruħhom li jipprevjenu li t-territorju taħt il-kontroll tagħhom jintuża minn gruppi terroristiċi u li jidħlu f'negozjati mal-Gvern tal-Afganistan;
E. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż kollu għadha ħażina ħafna, b'livelli għoljin ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili u kontra l-forzi tas-sigurtà tal-Afganistan anki waqt li t-Talibani ma baqgħux jattakkaw lill-forzi tal-Istati Uniti;
F. billi l-feġġa tat-theddida terroristika mill-grupp relatat mad-Da'esh magħruf bħala l-Provinċja ta' Khorasan tal-Istat Iżlamiku (IS-KP) ikkontribwiet b'mod sinifikanti biex is-sitwazzjoni tas-sigurtà tkompli tmur għall-agħar;
G. billi l-unità politika tal-Afganistan għadha fraġli peress li t-Talibani ftit li xejn jaħdmu biex jiżguraw liċ-ċittadini li t-trattament tagħhom tal-Afgani se jinbidel mir-restrizzjonijiet estremi li ilhom jiġu infurzati brutalment sa mis-snin disgħin;
H. billi l-COVID-19 ikkawżat diffikultajiet kemm umanitarji kif ukoll ekonomiċi minbarra l-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u l-vulnerabbiltà klimatika li jinsabu diġà f'livell serju;
I. billi l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp (CAPD) jirrifletti l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li fuqhom se tkun ibbażata s-sħubija futura bejn l-UE u l-Afganistan, inkluż il-klawżoli dwar l-elementi essenzjali dwar id-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt, inkluż il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra n-narkotiċi;
J. billi sa mill-2002, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kollettivament kienu l-akbar donatur internazzjonali għall-Afganistan u għall-poplu tiegħu, u pprovdew aktar minn EUR 17.2-il biljun għall-iżvilupp u għall-għajnuna umanitarja; billi l-ekonomija Afgana għadha qed tħabbat wiċċha ma' għadd ta' sfidi bħalma huma l-korruzzjoni, il-ġbir baxx mit-taxxi, infrastruttura dgħajfa u minn pass anemiku fil-ħolqien ta' impjiegi; billi l-programm indikattiv pluriennali attwali tfassal biex jiżgura flessibbiltà massima, filwaqt li jitqiesu l-isfidi attwali u futuri, bil-possibbiltà li l-attivitajiet jiġu sospiżi jew iffokati mill-ġdid jekk is-sitwazzjoni tkun teħtieġ dan;
K. billi, mill-2001, ħafna Stati Membri tal-UE, sħab tan-NATO u pajjiżi alleati kkontribwew b'riżorsi militari u ċivili għall-istabbilizzazzjoni u għall-iżvilupp tal-Afganistan, u sofrew bosta mwiet u telf kbir; billi Afganistan stabbli u indipendenti li jista' jipprovdi għalih innifsu u jiċħad rifuġju sikur lil gruppi terroristiċi għadu fl-interessi vitali tas-sigurtà tal-UE, tan-NATO u tal-pajjiżi membri tagħha;
L. billi hemm 2.5 miljun rifuġjat irreġistrat, u bejn 2 u 3 miljun Afgan bla dokumenti fl-Iran u fil-Pakistan; billi hemm aktar minn 2 miljun persuna spostati internament fl-Afganistan, li aktar minn 300 000 minnhom ġew spostati fl-2018; billi ħafna minn dawn in-nies isofru minn nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, kenn mhux adegwat, aċċess insuffiċjenti għal faċilitajiet sanitarji u tas-saħħa u nuqqas ta' protezzjoni, u billi ħafna minnhom huma tfal ikklassifikati bħala partikolarment vulnerabbli għar-riskju ta' tħaddim tat-tfal, abbuż sesswali jew reklutaġġ potenzjali għal gruppi kriminali u terroristiċi;
M. billi aktar minn 450 000 persuna Afgana rritornaw lejn l-Afganistan jew ġew deportati mill-Iran mill-bidu tal-2018; billi l-Gvern tal-Pakistan ħabbar li l-1.7 miljun rifuġjat Afgan irreġistrati fil-pajjiż jeħtieġ li jiġu rritornati bil-forza lejn l-Afganistan;
N. billi, skont in-NU, il-korruzzjoni fl-Afganistan timmina l-leġittimità tal-Istat, u dan joħloq theddida serja għall-governanza tajba u għall-iżvilupp sostenibbli billi jipprevjeni "ekonomija reali milli tiżviluppa";
1. Jibqa' impenjat għall-implimentazzjoni ta' proċess ta' paċi inklużiv immexxi mill-Afgani u li huwa sjieda tal-Afgani li jwassal għal paċi ġusta, komprensiva u dejjiema, u li jwieġeb għall-ħtiġijiet u għat-tħassib tal-Afganistan kollha; jitlob f'dan ir-rigward li jitħaffef il-pass tan-negozjati u tat-taħditiet dwar il-paċi u li jissokta l-appoġġ għall-Gvern tal-Afganistan fl-isforzi tiegħu biex jibni futur sikur u stabbli għall-poplu tal-Afganistan, billi jitwettqu riformi prinċipali sabiex jitjiebu l-governanza u l-istat tad-dritt, jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-estremiżmu, jinkisbu paċi u żvilupp sostenibbli, jinbnew istituzzjonijiet demokratiċi leġittimi u jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
2. Iħeġġeġ it-tkomplija immedjata, mingħajr prekundizzjonijiet, ta' negozjati sostantivi dwar il-futur tal-Afganistan bil-għan li jiġu żviluppati u nnegozjati pożizzjonijiet ta' kompromess realistiċi dwar il-kondiviżjoni tas-setgħat li jistgħu jwasslu għal gvern inklużiv u leġittimu u għal soluzzjoni ġusta u dejjiema li ssostni u tibni fuq il-gwadanji ekonomiċi, soċjali, politiċi u ta' żvilupp miksub mill-2001;
3. Jissottolinja li l-iżvilupp fit-tul tal-Afganistan se jiddependi mill-obbligu ta' rendikont, mill-governanza tajba, mill-provvista sostenibbli tas-sigurtà tal-bniedem, inkluż it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg, l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem;
4. Jibqa' impenjat għal sħubija b'saħħitha u dejjiema mal-Afganistan, mal-istituzzjonijiet ta' tmexxija u ta' sigurtà tiegħu, u man-nies tiegħu, inkluż il-mobilizzazzjoni ta' appoġġ internazzjonali għar-rikostruzzjoni wara ftehim ta' paċi, abbażi tal-kundizzjonijiet kif stabbiliti fid-dokumenti tal-eżitu tal-Konferenza ta' Ġinevra tal-2020; jinsab imħasseb dwar il-fraġilità u l-instabbiltà tal-gvern ċentrali u n-nuqqas ta' kontroll li jeżerċita fil-biċċa l-kbira tal-pajjiż, qagħda li tiggrava l-impatt tal-kunflitt fuq il-popolazzjoni ċivili;
5. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza kontinwa fl-Afganistan li t-Talibani huma fil-biċċa l-kbira responsabbli għaliha u jitlob li l-partijiet kollha jieħdu passi immedjati u meħtieġa biex inaqqsu l-vjolenza u, b'mod partikolari, jevitaw vittmi ċivili sabiex joħolqu ambjent li jwassal għall-ilħuq ta' soluzzjoni politika; iħeġġeġ lin-naħat kollha jaqblu minnufih fuq passi li jippermettu l-implimentazzjoni b'suċċess ta' waqfien mill-ġlied permanenti u komprensiv;
6. Jinsisti li t-Talibani u l-Gvern tar-Repubblika Iżlamika jeħtiġilhom jissodisfaw l-impenji tagħhom ta' kontra t-terroriżmu, inkluż li al-Qaida, Da'esh jew gruppi u individwi terroristiċi oħrajn jitwaqqfu milli jużaw l-art tal-Afganistan biex jheddu jew jiksru s-sigurtà ta' kwalunkwe pajjiż ieħor, ma jospitawx membri ta' dawn il-gruppi, u ma jitħallewx jirreklutaw, iħarrġu jew jiġbru fondi;
7. Jistieden lill-UE tassisti fl-isforzi kontra t-tendenza fit-tul ta' tensjonijiet interetniċi li tikkontribwixxi għad-diżintegrazzjoni tal-poter ċentrali u għall-appoġġ tan-nisġa multietnika rikka tas-soċjetà Afgana;
8. Jenfasizza l-appoġġ fit-tul tiegħu għal elezzjonijiet kredibbli, ħielsa, ġusti u trasparenti, f'konformità mal-istandards internazzjonali, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-osservazzjonijiet elettorali fil-pajjiż;
9. Jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' aktar koordinazzjoni politika bejn l-UE u l-Istati Uniti u djalogu dwar l-Afganistan u kwistjonijiet reġjonali;
10. Jistieden lill-Afganistan jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, il-priġunieri minħabba twemmin u l-ġurnalisti detenuti u kkundannati sempliċement għaliex eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u tal-assemblea paċifika;
11. Jissottolinja li l-iżvilupp fit-tul tal-Afganistan se jiddependi mill-obbligu ta' rendikont tal-governanza, il-provvista sostenibbli tas-sigurtà tal-bniedem, u l-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem;
12. Ifakkar li l-Afganistan huwa influwenzat ħafna mill-pajjiżi ġirien u mis-setgħat reġjonali, b'mod partikolari miċ-Ċina, mill-Iran, mill-Indja, mir-Russja u mill-Pakistan; jesprimi dispjaċir li Afganistan stabbli u ta' suċċess mhux dejjem huwa l-għan aħħari ta' dawn l-atturi reġjonali u jissottolinja r-rwol kruċjali mhux biss ta' dawn il-pajjiżi, iżda wkoll tat-Turkija u ta' atturi oħrajn li jixtiequ jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni, għall-proċess ta' paċi u għal żvilupp ulterjuri tal-Afganistan;
13. Jilqa' rwol estiż għan-NU fil-kontribut għall-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni tal-Afganistan, inkluż bl-ingranaġġ tal-esperjenza u l-għarfien konsiderevoli tagħha fl-appoġġ ta' proċessi oħra ta' paċi;
14. Iħeġġeġ lill-UE żżid l-isforzi tagħha lejn djalogu u kooperazzjoni mas-sħab reġjonali biex jiġġieldu kontra t-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Uffiċċju Eżekuttiv tal-Presidenza, lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan u lill-Parlament Afgan.
- [1] ĠU C 23, 21.1.2021, p. 270.