MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi
7.6.2021 - (2021/2741(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Viola Von Cramon‑Taubadel, Gwendoline Delbos‑Corfield, Heidi Hautala, Markéta Gregorová, Jordi Solé, Alice Kuhnke, Jakop G. Dalunde, Pär Holmgren, Bronis Ropė, Hannah Neumann, Erik Marquardt, Ignazio Corrao, Mounir Satouri, Tineke Strik, Francisco Guerreiro, Grace O’Sullivan, Ciarán Cuffe
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0328/2021
B9‑0332/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Mejju 2021 dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tal-24 ta' Mejju 2021 dwar id-devjazzjoni furzata tat-titjira ta' Ryanair FR4978 lejn Minsk fit-23 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-ministri barranin tal-G7 u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' Mejju 2021 dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Marzu 2021 dwar l-appoġġ tal-UE għall-Pjattaforma tal-Obbligu ta' Rendikont Internazzjonali għall-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata fis-7 ta' Diċembru 1944, u l-Konvenzjoni ta' Montreal dwar is-suppressjoni ta' atti illeċiti kontra s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, konkluża fit-23 ta' Settembru 1971,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-23 ta' Mejju 2021, l-awtoritajiet Belarussi, f'att ta' terroriżmu tal-Istat, ġiegħlu ajruplan ċivili jwettaq inżul ta' emerġenza f'Minsk; billi l-ajruplan, proprjetà ta' kumpanija tal-UE, li jtir bejn żewġ bliet kapitali tal-UE (minn Ateni għal Vilnius) u li kien qed iġorr aktar minn 170 passiġġier u ekwipaġġ, kien imġiegħel jinżel minn inġenji tal-ajru militari Belarussi bl-użu ta' allegata theddida ta' bomba bħala pretest;
B. billi tnejn mill-passiġġieri tat-titjira, Raman Pratasevich, ġurnalist indipendenti mill-Belarussja u kofundatur tal-kanal ta' oppożizzjoni Nexta, u Sofia Sapega, studenta fl-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi f'Vilnius, ġew miżmuma mill-awtoritajiet Belarussi u ma tħallewx jitilgħu fuq l-ajruplan fl-ajruport ta' Minsk lejn id-destinazzjoni oriġinali tiegħu; billi dan l-inċident għadu tentattiv ċar ieħor mill-awtoritajiet Belarussi biex jagħlqu l-ħalq l-esponenti kollha tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti;
C. billi m'hemmx biżżejjed għarfien dwar is-sekwenza ta' avvenimenti li wasslu għall-inżul ta' emerġenza tal-ajruplan ċivili f'Minsk, jew ir-rwol tas-servizzi tal-intelligence Russi fih; billi l-awtoritajiet Belarussi semmew allegata email bħala s-sors tat-theddida, li ntbagħtet wara li l-bdoti ġew avżati dwar l-allegata theddida ta' bomba mill-awtoritajiet Belarussi; billi erba' persuni mhux identifikati wkoll żbarkaw f'Minsk, flimkien ma' Raman Pratasevich u Sofia Sapega;
D. billi huwa ċar, madankollu, li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali, jiġifieri tal-Konvenzjonijiet ta' Chicago u ta' Montreal, u pperikolaw is-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ abbord din it-titjira; billi dan l-inċident juri li r-reġim sar theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
E. billi Raman Pratasevich deher f'diversi biċċiet ta' filmati mxandrin mill-istazzjon tat-televiżjoni tal-Istat Belarussu, bi ġrieħi viżibbli fuq il-ġilda tiegħu; billi l-President Lukashenka hedded li jistieden lill-investigaturi mir-reġjun ta' Donbas okkupat mir-Russja jinterrogaw lis-Sur Pratasevich;
F. billi l-elezzjonijiet presidenzjali frawdolenti tal-2020 fil-Belarussja wasslu għal protesti mingħajr preċedent li talbu elezzjonijiet ħielsa u ġusti ġodda u għal trażżin vjolenti kontra l-oppożizzjoni għar-reġim, b'għexieren ta' eluf ta' arresti arbitrarji, kif ukoll rapporti ta' tortura, trattament ħażin u qtil;
G. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja qed tkompli tmur għall-agħar, b'għadd dejjem akbar ta' priġunieri politiċi; billi l-awtoritajiet Belarussi wrew indifferenza terribbli għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-poplu Belarussu, kif ukoll għal ħajjithom, billi wettqu r-repressjoni tal-popolazzjoni tagħhom stess; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-politiċi tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti indipendenti u attivisti oħrajn huma sistematikament soġġetti għal intimidazzjoni, fastidju u restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali tagħhom;
H. billi m'hemm l-ebda indikazzjoni li l-awtoritajiet Belarussi qed jinvestigaw l-eluf ta' rapporti ta' brutalità min-naħa tal-pulizija li ġew ippreżentati minn nofs Awwissu 2020, jew il-qtil ta' dimostranti; billi minn Ġunju 2021, hemm aktar minn 450 priġunier politiku fil-Belarussja; billi l-impunità mifruxa għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tipperpetwa s-sitwazzjoni ddisprata tal-poplu tal-Belarussja; billi l-assenza tal-istat tad-dritt timpedixxi d-dritt tal-vittmi li jkollhom proċess ġust; billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li fiha għadha tapplika l-piena kapitali;
I. billi wara diversi xhur ta' detenzjoni, il-priġunier politiku Vitold Ashurak miet fil-ħabs f'ċirkostanzi suspettużi; billi taħt il-pressjoni fiżika u psikoloġika enormi li huma soġġetti għaliha, ħafna persuni detenuti ppruvaw jew wettqu suwiċidju, bħal, pereżempju, Stepan Latypov li pprova jagħmel suwiċidju matul is-seduta tal-qorti tiegħu, u Dmitry Stakhovsky ta' 18-il sena, li kkometta suwiċidju wara li ġie investigat mill-awtoritajiet Belarussi talli ħa sehem fil-protesti kontra r-reġim;
J. billi l-politiku tal-oppożizzjoni Belarussa Paval Sevyarynets, l-attivisti Ewropej tal-kampanja ċivili tal-Belarussja Maksim Vinyarski, Andrey Voynich, Paval Yukhnevich u Yauhen Afnahel kif ukoll l-amministratur tal-kanal tat-Telegram Iryna Shchasnaya u l-blogger Dzmitry Kazlou, ġew ikkundannati għal minn erba' sa seba' snin ħabs fuq akkużi marbutin ma' attivitajiet politiċi u ċiviċi mhux issanzjonati fi proċess magħluq fil-Qorti Reġjonali ta' Mahilyou fil-25 ta' Mejju 2021;
K. billi fil-31 ta' Mejju 2021, l-aġenzija tas-sigurtà tal-fruntieri tal-Belarussja ħabbret restrizzjoni serja tar-regoli diġà stretti li jillimitaw il-kapaċità taċ-ċittadini li joħorġu mill-pajjiż, billi essenzjalment imblukkat il-qsim kollu tal-fruntieri tal-art; billi l-UE ddeċidiet li tipprojbixxi t-titjiriet li jgħaddu fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE mil-linji tal-ajru Belarussi u tipprevjeni l-aċċess għall-ajruporti tal-UE ta' titjiriet operati minn dawn il-linji tal-ajru, li jagħmilha saħansitra aktar diffiċli għan-nies li jitilqu mill-pajjiż u ġġegħilhom jivvjaġġaw mir-Russja;
1. Ikompli jsostni b'mod sod f'solidarjetà mal-poplu tal-Belarussja, li jkompli jġarrab f'idejn l-awtoritajiet Belarussi; jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u r-repressjoni użati mill-awtoritajiet Belarussi kontra d-dimostranti paċifiċi, il-politiċi tal-oppożizzjoni, il-media indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-akkademiċi u t-trade unions, l-avukati u ċittadini Belarussi oħrajn;
2. Jitlob it-tmiem immedjat tal-vjolenza, tal-persekuzzjoni u tad-detenzjonijiet illegali; jisħaq fuq il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet u t-tneħħija tal-akkużi kollha kontra l-priġunieri politiċi kollha, inkluż Raman Pratasevich u Sofia Sapega;
3. Ikompli jitlob djalogu nazzjonali inklużiv sabiex tinstab soluzzjoni paċifika u demokratika għall-kriżi attwali u jsiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti ġodda, sostnuti minn media indipendenti u ħielsa u soċjetà ċivili b'saħħitha;
4. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenti li tiffunzjona fil-Belarussja, u l-waqfien tar-repressjoni, il-persekuzzjoni, it-trattament ħażin, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u t-tortura kollha, kif ukoll l-abolizzjoni permanenti immedjata tal-piena tal-mewt;
5. Jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ ibiddlu l-approċċ tagħhom fil-konfront tal-Belarussja u ma jibqgħux iħallu lir-reġim għaddej bir-repressjoni tal-massa u l-ksur tad-dritt internazzjonali, iżda joħorġu b'rispons determinat u jieħdu azzjoni lil hinn mill-miżuri attwali;
6. Jinsisti li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jżidu l-involviment mal-attivisti tas-soċjetà ċivili, mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u mal-media indipendenti fil-Belarussja u barra mill-pajjiż, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u l-appoġġ finanzjarju, u jżidu l-appoġġ għall-Fond Ewropew għad-Demokrazija fl-attivitajiet tagħhom fil-prattika;
7. Jitlob lill-Kummissjoni tniedi programm ta' assistenza mmirat tal-UE biex jgħin lill-vittmi ta' repressjoni politika u brutalità min-naħa tal-pulizija, kif ukoll jiġu ffaċilitati r-rekwiżiti għal viża, jittejbu l-proċessi tal-ażil għal dawk li jfittxu rifuġju mill-Belarussja, tiżdied l-offerta ta' boroż ta' studju u għotjiet għall-istudenti u l-akkademiċi, u tikkunsidra li tistabbilixxi università fl-eżilju fl-UE fejn l-akkademiċi Belarussi jistgħu jaħdmu fil-lingwi nazzjonali tagħhom;
8. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet tat-trasport fuq il-linji tal-ajru Belarussi u jagħtihom parir li jreġġgħu lura s-sanzjonijiet fuq bażi selettiva u temporanja, sabiex jiffaċilitaw it-tentattivi tan-nies li jitilqu mill-pajjiż;
9. Itenni t-talba tiegħu lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi nazzjonali fil-Belarussja biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni u l-proċessi ta' priġunieri politiċi individwali fuq il-post, joffrulhom kwalunkwe appoġġ li jista' jkollhom bżonn u jaħdmu flimkien biex jiżguraw il-ħelsien malajr tagħhom, kif ukoll iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza, u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE;
10. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-SEAE jikkooperaw ma' sħab internazzjonali, bħall-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fuq il-post, biex jiġu żgurati l-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u rappurtar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sussegwentement jiġi stabbilit l-obbligu ta' rendikont u tingħata ġustizzja lill-vittmi; jilqa' u jappoġġja l-istabbiliment tal-Pjattaforma tal-Obbligu ta' Rendikont Internazzjonali għall-Belarussja;
11. Jimpenja ruħu li jgħin fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi demokratiċi, fit-titjib tar-rwol tas-soċjetà ċivili, fl-appoġġ tad-djalogu politiku sħiħ li jwassal għal trasferiment paċifiku tal-poter fil-Belarussja, kif ukoll ta' mexxejja politiċi żgħażagħ u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, permezz tal-mekkaniżmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament;
12. Jilqa' l-pakkett ta' appoġġ ekonomiku ta' EUR 3 biljun tal-Kummissjoni għall-Belarussja demokratika futura; jitlob lill-Kummissjoni tikkondividi l-pjanijiet tagħha għat-tranżizzjoni demokratika tal-Belarussja u l-pakkett ta' appoġġ ekonomiku mal-Parlament, u torganizza konferenza politika internazzjonali ta' livell għoli dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi fil-Belarussja, li għandha ssir mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tkun lesta li timmobilizza donaturi internazzjonali oħrajn biex jikkontribwixxu b'mod addizzjonali għall-pakkett ta' appoġġ ekonomiku;
13. Jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment internazzjonali, inklużi diskussjonijiet fin-NU u fin-NATO, u appoġġ għall-investigazzjoni internazzjonali, immexxija mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, tal-inċident tat-23 ta' Mejju biex jiġi aċċertat il-ksur tar-regoli internazzjonali dwar l-avjazzjoni, kif ukoll tinkiseb ċarezza dwar ir-rwol tar-Russja f'dan l-inċident;
14. Iħeġġeġ lill-Kunsill jipproċedi immedjatament bir-raba' pakkett ta' sanzjonijiet u jħejji bil-lest dak li jmiss, immirat lejn uffiċjali li ħadu sehem jew kienu kompliċi fil-frodi elettorali u fil-ksur sussegwenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-persekuzzjoni ta' ġurnalisti u bloggers indipendenti, kif ukoll kumpaniji li jappoġġjaw lil Lukashenka u r-reġim tiegħu, u l-persuni li pparteċipaw f'dawn l-aktar azzjonijiet reċenti, bħall-uffiċjali tal-intelligence u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni;
15. Jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jikkunsidraw azzjonijiet ulterjuri, bħall-projbizzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE milli jkollhom bonds tat-teżor Belarussi, sanzjonijiet settorjali, pereżempju fis-setturi taż-żejt, tal-potassa, tal-metall jew tal-injam, jew is-sospensjoni temporanja tal-Belarussja mis-sistema SWIFT; jitlob l-introduzzjoni ta' salvagwardji effettivi kontra l-bejgħ dirett jew indirett tal-elettriku Belarussu prodott fl-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravets lejn is-swieq tal-UE; jitlob li l-kumpaniji rreġistrati fl-UE, b'mod partikolari Siemens AG, jieqfu jikkollaboraw mal-awtoritajiet Belarussi permezz tal-kondiviżjoni tat-teknoloġija u l-għarfien espert;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiċħdu kwalunkwe tip ta' appoġġ finanzjarju lill-Gvern Belarussu u jżommu lura mill-investimenti barranin ġodda kollha fil-Belarussja u milli jagħtu linji ta' kreditu ġodda lill-banek tal-Belarussja, inkluż it-twaqqif ta' investimenti mill-pajjiżi tal-UE għal proġetti ta' infrastruttura tal-enerġija fil-Belarussja;
17. Jitlob azzjoni tal-UE aktar miftiehma biex jiġi indirizzat b'mod effettiv in-negozju tal-kuntrabandu tas-sigaretti mill-Belarussja;
18. Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jtejbu l-iskambju tal-intelligence madwar l-UE, kif ukoll il-kapaċitajiet tas-SEAE bħala pjattaforma ta' koordinazzjoni, b'mod partikolari dwar l-attivitajiet tas-servizzi ta' sigurtà barranin li joperaw fl-UE u t-tkeċċija ta' spiji potenzjali, sabiex jiġu evitati aktar inċidenti;
19. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Latvja wara t-tkeċċija tad-diplomatiċi tagħha mill-Belarussja; jikkundanna t-tnedija ta' investigazzjoni kriminali mill-Prosekutur Ġenerali tal-Belarussja kontra l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Latvja, kif ukoll is-Sindku ta' Riga; jikkundanna t-tentattivi kollha mill-awtoritajiet Belarussi biex jeżerċitaw pressjoni fuq l-Istati Membri tal-UE, inkluża t-talba tal-prosekuturi Belarussi biex jagħmlu mistoqsijiet lill-eks president tal-Litwanja Valdas Adamkus, abbażi tal-allegati konnessjonijiet tiegħu ma' battaljun awżiljarju tal-pulizija subordinat għall-SS li wettaq operazzjonijiet punittivi fil-Belarussja matul it-Tieni Gwerra Dinjija;
20. Ifaħħar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Ukrajna li jingħaqad mal-Istati Membri tal-UE fl-impożizzjoni ta' sanzjonijiet tat-trasport fuq il-linji tal-ajru Belarussi, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimponu miżuri punittivi fuq il-linja tal-ajru Belavia u l-passiġġieri tagħha li jtiru lejn il-Krimea annessa mar-Russja;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Belarussja.