Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0335/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0335/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-iskrutinju tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza

7.6.2021 - (2021/2738(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Roberts Zīle
f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2021/2738(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0335/2021
Testi mressqa :
B9-0335/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0335/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iskrutinju tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza

(2021/2738(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ir-Regolament dwar l-RRF)[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi r-Regolament dwar l-RRF ġie adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

B. billi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) huwa strument mingħajr preċedent f'termini ta' volum u mezzi ta' finanzjament; billi l-Kummissjoni qed tħejji biex toħroġ id-dejn, peress li l-Istati Membri tal-UE issa kollha rratifikaw b'suċċess id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji[2];

C. billi l-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-RRF jistabbilixxi djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiżgura trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar u biex il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni lill-Parlament;

D. billi l-Parlament jista' jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet relativi għad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza, inkluż permezz ta' skambji mal-Kummissjoni;

E. billi bħala regola, l-Istati Membri kellhom jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni sat-30 ta' April 2021; billi sal-lum, 23 Stat Membru ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni;

1. Iqis li l-RRF tikkostitwixxi strument storiku tal-UE biex tgħin lill-Istati Membri jtaffu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19, jistabbilixxu l-ekonomiji tagħhom fuq trajettorji ta' tkabbir b'saħħithom u sostenibbli, iħejju lill-UE biex tindirizza sfidi fit-tul sabiex jitrawwmu l-koeżjoni u l-konverġenza ekonomiċi, soċjali u territorjali, u jiġġeneraw valur miżjud tal-UE;

2. Jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi valutazzjonijiet profondi u komprensivi, filwaqt li jilqa' l-isforzi tagħha biex tiżgura l-adozzjoni rapida tad-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill marbuta mal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza qabel is-sajf, u l-komunikazzjoni kontinwa tagħha mal-Istati Membri biex tgħinhom jelaboraw pjanijiet ta' kwalità għolja;

3. Jemmen li filwaqt li jeżerċita s-setgħat ta' skrutinju tiegħu, il-Parlament għandu joqgħod lura milli jinterferixxi, prinċipalment minħabba n-natura speċifika tal-RRF, kif iffinanzjata minn fondi straordinarji barra mill-baġit tal-UE, mislufa bl-approvazzjoni tal-Istati Membri individwali;

4. Jinsab konvint li l-fondi jridu jitqassmu b'mod ġust bejn is-soċjetajiet biex jiġi żgurat l-ogħla impatt possibbli fuq il-konverġenza soċjali 'l fuq u territorjali;

5. Jilqa' b'mod partikolari l-miżuri fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza ppreżentati biex jappoġġaw it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, isaħħu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja, jiġġieldu l-faqar, jippromwovu l-kultura u l-edukazzjoni, jiżviluppaw il-kompetenzi u l-ħiliet, jappoġġaw lit-tfal u liż-żgħażagħ, iżidu t-tħejjija għall-kriżijiet u l-kapaċità ta' rispons għall-kriżijiet, u jimmitigaw l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-ekonomija;

6. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-investimenti għandhom ikunu akkumpanjati minn riformi u jħeġġiġha tiżgura li l-investimenti retroattivi approvati kollha jkunu akkumpanjati b'mod ċar minn stadji importanti u minn miri korrispondenti; jinnota li n-nuqqas ta' proġetti verament addizzjonali ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jista' jillimita l-impatt makroekonomiku tagħha;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa fir-rigward tal-iskeda ta' żmien għall-approvazzjoni tal-atti delegati sussegwenti għar-Regolament dwar l-RRF u tqis l-elementi rilevanti tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza għall-approvazzjoni rapida tagħhom;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssegwi approċċ miftuħ, trasparenti u kostruttiv matul id-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza;

9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza