MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi
7.6.2021 - (2021/2741(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Pedro Marques, Tonino Picula, Robert Biedroń
f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0328/2021
B9‑0339/2021
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2020 dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, b'mod partikolari l-qtil ta' Raman Bandarenka[1], u tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[2], u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE, b'mod partikolari dik tal-24 ta' Mejju 2021 dwar id-devjazzjoni furzata tat-titjira tar-Ryanair FR4978 lejn Minsk fit-23 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Mejju 2021 dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri Barranin tal-G7 u r-Rappreżentant Għoli tas-27 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-5 ta' Novembru 2020 dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat mal-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020 fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata fis-7 ta' Diċembru 1944, u l-Konvenzjoni ta' Montreal għas-suppressjoni ta' atti illeċiti kontra s-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, konkluża fit-23 ta' Settembru 1971,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-23 ta' Mejju 2021, l-awtoritajiet Belarussi, fuq l-ordni diretta ta' Alexander Lukashenko, interċettaw it-titjira tar-Ryanair FR4978 minn Ateni ftit qabel ma din kienet qed tħalli l-ispazju tal-ajru Belarussu biex tinżel f'Vilnius u ddevjawha lejn l-ajruport ta' Minsk bl-iskuża ta' theddida falza ta' bomba, u b'hekk ipperikolaw b'mod serju s-sigurtà tal-avjazzjoni internazzjonali u s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-membri tal-ekwipaġġ kollha abbord;
B. billi, mal-inżul, il-ġurnalist Belarussu Raman Pratasevich u s-sieħba tiegħu, l-istudenta Russa Sofia Sapiega, inżammu taħt arrest u ma tħallewx ikomplu jtiru lejn Vilnius flimkien mal-maġġoranza tal-170 passiġġier l-oħra li allegatament kienu abbord it-titjira;
C. billi Raman Pratasevich – il-kofundatur u dak li qabel kien il-kap editur tal-kanal tal-oppożizzjoni Nexta, sors ewlieni ta' informazzjoni indipendenti għaċ-ċittadini Belarussi – ikkontribwixxa għad-divulgazzjoni tar-repressjoni sistematika tar-reġim u tal-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u kien ilu jgħix fl-eżilju fil-Polonja u fil-Litwanja mill-2019 sabiex jevita persekuzzjoni u akkużi kriminali fabbrikati; billi d-detenzjoni illegali u t-trattament inuman tiegħu mir-reġim Belarussu, inklużi l-konfessjonijiet sfurzati f'intervista organizzata minn qabel imxandra mit-televiżjoni tal-Istat Belarussu, huma tal-akbar tħassib għall-komunità internazzjonali u jissottolinjaw l-urġenza ta' azzjoni internazzjonali kkoordinata, b'mod partikolari peress li l-Belarussja tibqa' l-uniku pajjiż Ewropew li għadu japplika l-piena kapitali, u għalhekk mhijiex membru tal-Kunsill tal-Ewropa;
D. billi dan l-inċident ta' inġenju tal-ajru ċivili interċettat huwa att ta' terroriżmu tal-Istat, li mhux biss jikkostitwixxi ksur serju tal-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, iżda jenfasizza wkoll il-konsegwenzi internazzjonali tar-repressjoni kontinwa u bla waqfien fil-Belarussja għas-sigurtà fl-Ewropa u juri b'mod ċar li r-reġim sar theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
E. billi, bħala konsegwenza tal-ħtif ta' Raman Pratasevich minn ajruplan ċivili tal-UE li jtir bejn żewġ bliet kapitali tal-UE, l-attivisti tal-oppożizzjoni Belarussi eżiljati fl-Istati Membri tal-UE issa qed jibżgħu għas-sikurezza personali tagħhom filwaqt li n-nies tal-Belarussja għadhom qed ipoġġi ħajjithom f'riskju għal-libertà politika u personali u jbatu minn vjolenza u repressjoni kontinwi mill-awtoritajiet tal-Istat, inklużi tortura u trattament ħażin iddokumentati sew;
F. billi fil-31 ta' Mejju 2021, il-Belarussja ħabbret restrizzjoni serja ta' regoli diġà stretti li jillimitaw il-kapaċità taċ-ċittadini li joħorġu mill-pajjiż, li essenzjalment timblokka l-qsim kollu tal-fruntieri tal-art; billi l-Federazzjoni Russa żammet diversi attivisti tal-oppożizzjoni Belarussi li ħarbu lejn Moska u tkompli tappoġġja r-reġim Belarussu; billi dawn l-aħħar żviluppi, flimkien mal-ajruplan ċivili interċettat tal-UE, jistgħu jipperikolaw aktar is-sikurezza personali, is-saħħa u l-ħajja taċ-ċittadini Belarussi taħt repressjoni u li jaħarbu mill-pajjiż;
G. billi l-poplu tal-Belarussja ilu jsofri vjolenza u repressjoni ordnati mill-Istat, inklużi t-tortura u t-trattament ħażin, sa minn mindu faqqgħu l-protesti wara l-elezzjoni presidenzjali ffalsifikata b'mod massiv tad-9 ta' Awwissu, u għalhekk sa issa diġà għal perjodu ta' 10 xhur; billi dan kien akkumpanjat minn ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema, u minn repressjoni kontinwa fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-mezzi tal-media indipendenti, il-pjattaformi online u l-ġurnalisti, kif muri mir-repressjoni kontra l-aktar entità tal-media online influwenti Tut.by;
H. billi r-rapporteur tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE, fir-rapport tiegħu tal-5 ta' Novembru 2020, ivvaluta l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-awtoritajiet Belarussi b'reazzjoni għal dimostrazzjonijiet u protesti paċifiċi bħala enormi, sistematiċi u ppruvati mingħajr l-ebda dubju;
I. billi r-repressjoni sistematika fil-Belarussja diġà tammonta għal aktar minn 470 detenut politiku, kif iddokumentat miċ-ċentru tad-drittijiet tal-bniedem Viasna, għal aktar minn 35 000 persuna li nżammu taħt arrest jew ġew immultati, għal aktar minn 3 000 każ kriminali għall-parteċipazzjoni fi protesti kontra l-gvern miftuħa kontra ċittadini paċifiċi, għal aktar minn 4 000 każ iddokumentat ta' tortura u trattament ħażin, u diġà wasslet għall-mewt ta' diversi persuni;
J. billi diversi rapporti jindikaw eskalazzjoni tar-repressjoni kontra d-detenuti politiċi fil-Belarussja li huma soġġetti għal kundizzjonijiet ta' detenzjoni inumani u ta' theddida għall-ħajja u għat-tortura; billi l-attivist u d-detenut politiku Vitold Ashurak miet fil-ħabs, allegatament vittma ta' attakk tal-qalb, u Stsiapan Latypau pprova jagħmel suwiċidju fl-awla tal-qorti wara li l-investigaturi heddew li jniedu proċedimenti legali kontra l-familja u l-ġirien tiegħu jekk ma kienx se jammetti li huwa ħati li inċita kunflitti soċjali;
K. billi l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-figuri tal-oppożizzjoni bħal Pavel Sevyarynets, Yauhen Afnahel, Andrei Voinich, Maksim Viniarski, Pavel Yukhnevich, Dzmitry Kazlou u Iryna Shchasnaya ġew ikkundannati sa seba' snin ħabs fuq akkużi ffabbrikati ta' estremiżmu, filwaqt li attivisti oħra x'aktarx jiffaċċjaw sentenzi simili fil-futur qrib;
1. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jirrilaxxaw immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lill-ġurnalist Belarussu Raman Pratasevich u lis-sieħba tiegħu Sofia Sapiega kif ukoll lid-detenuti politiċi u lill-persuni l-oħra kollha miżmuma taħt arrest għall-parteċipazzjoni tagħhom fi protesti kontra l-frodi elettorali, il-vjolenza u r-repressjoni jew għall-espressjonijiet ta' appoġġ tagħhom għal dawn il-protesti; jikkundanna u jitlob bil-qawwa li jintemmu minnufih il-vjolenza u r-repressjoni mill-awtoritajiet tal-Istat fil-Belarussja, u b'mod partikolari d-detenzjoni illegali, it-tortura, it-trattament ħażin fid-detenzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali ta' ċittadini paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà tiegħu mas-soċjetà Belarussa;
2. Jitlob li ssir valutazzjoni ddettaljata u bir-reqqa tal-konsegwenzi tal-ħtif minn ajruplan ċivili interċettat, mhux biss għat-trasport internazzjonali bl-ajru u għas-sikurezza tal-avjazzjoni iżda wkoll għas-sigurtà ġenerali fl-Ewropa u, fuq kollox, is-sikurezza taċ-ċittadini Belarussi eżiljati jew li qed ifittxu kenn jew ażil fl-Istati Membri tal-UE; jinnota, f'dan ir-rigward, id-direttiva dwar is-sikurezza maħruġa mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) fit-2 ta' Ġunju 2021 li tistieden lill-Istati Membri tal-UE jawtorizzaw l-evitar tal-ispazju tal-ajru Belarussu kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-4 ta' Ġunju 2021 li tipprojbixxi t-titjiriet li jgħaddu minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE u l-aċċess tat-trasportaturi Belarussi ta' kull tip għall-ajruporti tal-UE;
3. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja, li ilha għaddejja sa mill-bidu tal-protesti wara l-elezzjoni presidenzjali ffalsifikata b'mod massiv tad-9 ta' Awwissu 2020, kif ukoll dwar it-terroriżmu dirett kontra l-popolazzjoni kollha u l-atmosfera ta' impunità fil-pajjiż;
4. Jitlob li ssir investigazzjoni malajr u effettiva kif ukoll prosekuzzjoni konsistenti tal-awturi kollha tal-brutalità mingħajr paragun kontra d-dimostranti, dawk li jappoġġjaw il-protesti, il-ġurnalisti indipendenti, il-bloggers li jirrapportaw dwarhom u l-persuni li sempliċement ikunu fil-qrib, kif ukoll kontra t-trejdjunjonisti, l-istudenti, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u r-rappreżentanti tal-minoranzi nazzjonali;
5. Iħeġġeġ li, fin-nuqqas tar-rieda tal-awtoritajiet Belarussi li jistabbilixxu l-istat tad-dritt u l-obbligu ta' rendikont, il-komunità internazzjonali jeħtiġilha tieħu azzjoni biex tgħin tiżgura evidenza ta' reati u tiżgura investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli tul il-katina sħiħa ta' kmand u sal-ogħla livell tal-Istat;
6. Jilqa' l-inizjattivi minn diversi Stati Membri tal-UE biex japplikaw il-prinċipju tal-ġuriżdizzjoni universali u jikkompilaw u jħejju każijiet tal-qorti kontra l-awturi ta' repressjoni Belarussi u jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra kollha tal-UE jsegwu l-eżempju tagħhom; jitlob appoġġ attiv għall-inizjattivi internazzjonali kollha li jfittxu li jindirizzaw l-impunità fil-Belarussja, bħall-Pjattaforma Internazzjonali Kontra l-Impunità u ċ-Ċentru tal-Ġustizzja f'Vilnius; jitlob li s-sħubija tal-Belarussja fl-Interpol tiġi sospiża;
7. Jistieden lill-Kunsill jaqbel u jimplimenta malajr sanzjonijiet ekonomiċi, li jridu jkunu sostanzjali u jkollhom, kemm jista' jkun, effett immedjat fuq ir-reġim tal-Belarussja, il-persuni li jappoġġjawh u l-atturi ekonomiċi li jkomplu jiżguraw is-sopravivenza tar-reġim; jitlob li dawn is-sanzjonijiet ekonomiċi jimmiraw lejn banek tal-Istat u intrapriżi kkontrollati direttament mir-reġim jew marbuta mill-qrib mal-interessi kummerċjali tar-reġim permezz ta' network personali jew magħrufa li jkeċċu l-impjegati tagħhom minħabba li jipparteċipaw fi strajk jew fi protesti; jitlob li s-sanzjonijiet settorjali jimmiraw b'mod partikolari lejn l-industriji taż-żejt u tal-prodotti taż-żejt naturali, tal-potassa, tal-azzar u tal-ipproċessar tal-injam, kif ukoll li n-negozju tal-kuntrabandu tas-sigaretti jiġi investigat u indirizzat, peress li sar sors importanti ta' dħul għar-reġim Belarussu; jitlob ukoll li jintemmu l-kooperazzjoni u l-finanzjament għall-banek tal-Istat Belarussi u li jiġu limitati l-linji ta' kreditu mill-banek internazzjonali għall-banek sussidjarji fil-Belarussja;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiċħdu b'mod strett kwalunkwe appoġġ finanzjarju lir-reġim Belarussu u għalhekk jirrifjutaw kwalunkwe linja ta' kreditu ġdida lill-banek Belarussi u jwaqqfu kwalunkwe investiment fi proġetti ta' infrastruttura jew f'impriżi ekonomiċi fil-Belarussja; jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri biex twaqqaf lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej milli jakkwistaw bonds jew kwalunkwe strument finanzjarju ieħor maħruġ mill-Gvern Belarussu u mill-istituzzjonijiet pubbliċi affiljati; jilqa' l-fatt li l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp issospendew il-finanzjament ta' proġetti fis-settur pubbliku Belarussu u jitlob li ssir investigazzjoni dwar kif il-fondi mhux użati jistgħu jiġu orjentati mill-ġdid lejn is-soċjetà ċivili u s-settur privat meta dan ma jkunx relatat mar-reġim; jistieden lill-Fond Monetarju Internazzjonali u lill-Istati Membri tal-UE ma jipprovdux appoġġ baġitarju dirett lir-reġim fl-ebda ċirkostanza, u jżommu lura milli jużaw il-proċess speċjali ta' prelevament imħabbar għall-2021;
9. Ifakkar lin-negozji kollha tal-UE li joperaw fil-Belarussja fit-talba preċedenti tiegħu biex jeżerċitaw diliġenza partikolari u jiddefendu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jitlobhom ukoll iżommu lura minn kwalunkwe investiment ġdid u li jipprotestaw ukoll pubblikament kontra r-repressjoni kontinwa tal-awtoritajiet Belarussi fil-pajjiż; jissottolinja li l-ebda software, tagħmir għall-irvellijiet jew kwalunkwe tip ieħor ta' tagħmir li jista' jintuża mir-reġim biex jikkawża aktar vjolenza u oppressjoni ma għandu jiġi esportat mit-territorju tal-UE lejn il-Belarussja jew minn sussidjarji ta' kumpaniji tal-UE li joperaw f'pajjiżi terzi;
10. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) jikkoordinaw mill-qrib is-sanzjonijiet ekonomiċi u settorjali ma' sħab tal-istess fehma bħall-Istati Uniti, il-Kanada jew ir-Renju Unit u li jfittxu kooperazzjoni mas-sħab tal-UE u allinjament wiesa' min-naħa tagħhom, b'mod partikolari fil-viċinat Ewropew bħall-Ukrajna, sabiex jinkiseb l-ogħla impatt possibbli tas-sanzjonijiet fuq ir-reġim Belarussu;
11. Jistieden lill-Kunsill jadotta malajr miżuri restrittivi addizzjonali kontra għadd sostanzjalment akbar ta' uffiċjali Belarussi responsabbli għar-repressjoni, it-tortura u t-trattament ħażin, inklużi l-imħallfin, il-prosekuturi, il-pulizija, il-persunal tas-servizzi tal-ħabsijiet, il-membri tal-parlament u tal-gvern, u l-aġenti li jaħdmu għar-reġim fl-oqsma tal-propaganda, il-media, id-diżinformazzjoni u d-diskors ta' mibegħda, filwaqt li jitqies li aktar minn 35 000 ċittadin Belarussu paċifiku diġà nżammu taħt arrest jew ġew immultati u nfetħu aktar minn 3 000 każ kriminali għall-parteċipazzjoni paċifika fi protesti kontra l-gvern filwaqt li ma nfetaħx każ kriminali wieħed kontra uffiċjali tal-Istat involuti fir-repressjoni; jirrakkomanda li l-Kunsill jinkludi dawk li pparteċipaw fl-interċettazzjoni reċenti ta' ajruplan ċivili tal-UE, bħall-uffiċjali tal-intelligence u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni;
12. Jissottolinja l-ħtieġa li jinżammu u li jiġu estiżi l-kuntatti u l-kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi f'Minsk, f'Vilnius u f'Varsavja, u b'mod partikolari ma' Sviatlana Tsikhanouskaya u mal-membri tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni u tal-Ġestjoni Nazzjonali Kontra l-Kriżijiet; jingħaqad għalhekk mat-talbiet biex jiġu mistiedna r-rappreżentanti tagħhom fl-okkażjoni tas-Summit tal-G7 tal-11-13 ta' Ġunju 2021 u tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fl-2021 u jirrakkomanda li jkomplu jiġu mistiedna għal laqgħat bilaterali ta' livell għoli fil-livell governattiv, kif ukoll għal sessjonijiet parlamentari u laqgħat interparlamentari, u jinħolqu gruppi ddedikati għall-Belarussja fil-parlamenti nazzjonali kollha tal-Istati Membri tal-UE;
13. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jqajmu s-sitwazzjoni fil-Belarussja fl-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali rilevanti kollha bħall-OSKE jew in-NU u l-korpi speċjalizzati tagħha bil-għan li tiġi żgurata azzjoni internazzjonali urġenti dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja u li jingħeleb l-imblukkar tar-Russja u ta' pajjiżi oħra għal tali azzjoni;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi assistenza umanitarja urġenti lill-persuni kollha fil-mira tar-repressjoni, kif ukoll lill-familji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-uffiċċji konsulari tagħhom fil-Belarussja jkomplu jagħtu viżi għal raġunijiet umanitarji u edukattivi; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE fir-rigward tal-għoti tal-ażil f'każijiet ta' persekuzzjoni koperti mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Refuġjati u jkomplu jiffaċilitaw il-proċedura għall-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u l-għoti ta' kenn temporanju fil-pajjiżi tal-UE; itenni t-talba tiegħu lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi nazzjonali fil-Belarussja biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni u l-proċessi tad-detenuti politiċi, joffru lilhom u lill-familji tagħhom kwalunkwe appoġġ li jista' jkollhom bżonn u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-ħelsien malajr tagħhom; jistieden f'dan ir-rigward lir-reġim itemm minnufih kwalunkwe azzjoni li għandha t-tendenza li tintimida jew tagħti fastidju lill-membri tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali jew Ewropej, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Belarussja fl-ambitu tal-Konvenzjonijiet ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari, u b'mod partikolari fir-rigward tal-missjonijiet tas-servizzi diplomatiċi biex tinġabar informazzjoni dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-proċessi politiċizzati tal-attivisti;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jiddeterminaw, flimkien man-NU, l-OSKE u s-sħab internazzjonali, assistenza konkreta li l-UE tista' tagħti lill-isforzi internazzjonali għall-organizzazzjoni ta' konferenza internazzjonali ta' livell għoli dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi fil-Belarussja, għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati mill-awtoritajiet Belarussi kontra l-poplu tal-Belarussja u rwol ta' medjazzjoni mmexxi mill-OSKE;
16. Itenni t-talba tiegħu biex l-UE tmexxi l-organizzazzjoni ta' konferenza internazzjonali tad-donaturi għal Belarussja demokratika, li tlaqqa' flimkien l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-pajjiżi tal-G7, l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet, u oħrajn lesti li jikkommettu pakkett finanzjarju ta' diversi biljuni ta' euro biex jappoġġjaw l-isforzi futuri ta' riforma u r-ristrutturar tal-ekonomija; jesprimi dispjaċir għall-fatt li s'issa ma ttieħdet l-ebda miżura f'dan ir-rigward; jilqa' l-pakkett ta' appoġġ ekonomiku ta' EUR 3 biljun tal-Kummissjoni biex jappoġġja Belarussja demokratika futura;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-entitajiet tal-media indipendenti Belarussi, inklużi proġetti fuq il-kanali YouTube u Telegram;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2020)0331.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2020)0231.
- [3] Testi adottati, P9_TA(2020)0280.