MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi
7.6.2021 - (2021/2741(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Karin Karlsbro, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Javier Nart, Urmas Paet, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0328/2021
B9‑0340/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Belarussja tal-24 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra l-komunikat tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel dwar l-inċident li involva nżul ta' emerġenza ta' titjira ta' Ryanair f'Minsk, il-Belarussja, fit-23 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tal-24 ta' Mejju 2021 dwar id-devjazzjoni furzata tat-titjira ta' Ryanair FR4978 lejn Minsk fit-23 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-ministri barranin tal-G7 u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' Mejju 2021 dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija parti tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-2020 tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lill-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-23 ta' Mejju 2021, it-titjira ta' Ryanair FR4978, titjira internazzjonali tal-passiġġieri minn Ateni lejn Vilnius, waqt li kienet fl-ispazju tal-ajru Belarussu, ġiet iddevjata b'mod furzat fuq l-ordnijiet ta' Aliaksandr Lukashenka u ġiet skortata minn ajruplan tal-gwerra Belarussu lejn l-Ajruport Nazzjonali ta' Minsk abbażi tal-pretensjoni falza ta' theddida ta' bomba, u dan ipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ abbord it-titjira;
B. billi f'Minsk, tnejn mill-passiġġieri tagħha, il-ġurnalist u l-attivist tal-oppożizzjoni Raman Pratasevich u s-sieħba tiegħu Sofia Sapega, ġew arrestati mill-awtoritajiet;
C. billi Raman Pratasevich huwa ġurnalist u attivist Belarussu, u wieħed mill-eks edituri tal-istazzjon influwenti ta' Telegram Nexta, li kellu rwol ċentrali fl-għoti ta' informazzjoni lill-popolazzjoni dwar l-abbużi mwettqa mill-awtoritajiet u fil-mobilizzazzjoni ta' protesti fil-Belarussja; billi Raman Pratasevich kien ilu jgħix fl-eżilju mill-2019 biex jevita akkużi kriminali foloz u kien ingħata ażil politiku fil-Litwanja;
D. billi wara l-inċident ta' Ryanair, ir-Russja qablet li tirrilaxxa self imdewwem ta' USD 500 miljun lill-Belarussja u kkritikat il-miżuri tal-UE;
E. billi fit-18 ta' Mejju 2021, l-awtoritajiet Belarussi rrejdjaw l-uffiċċji ta' Tut.by, l-akbar sit tal-aħbarijiet Belarussu indipendenti, arrestaw lill-persunal tiegħu u mblukkaw is-sit web tiegħu;
F. billi aktar minn 34 000 Belarussu huma stmati li ġew miżmuma f'xi ħin talli pprotestaw kontra r-reġim, qabel u wara l-elezzjonijiet tad-9 ta' Awwissu 2020; billi hemm aktar minn 450 priġunier politiku fil-Belarussja;
G. billi l-awtoritajiet Belarussi komplew bir-repressjoni tagħhom kontra l-poplu Belarussu paċifiku, b'ħafna ċittadini li ġew ippersegwitati, arrestati u kkundannati talli esprimew oppożizzjoni għar-reġim jew għall-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħ fil-Belarussja;
H. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw mijiet ta' każijiet ta' tortura u trattament ħażin, filwaqt li diversi persuni jinsabu neqsin jew instabu mejtin; billi t-trattament inuman, it-tortura u r-rifjut intenzjonat li tingħata kura medika jkomplu fiċ-ċentri ta' detenzjoni u fil-ħabsijiet Belarussi, fejn diversi dimostranti, bħal Vitold Ashurak, mietu, filwaqt li oħrajn, bħal Dzmitry Stakhouski u Stsiapan Latypou ta' 17-il sena, ġew ippersegwitati u mhedda sal-punt li ppruvaw jagħmlu suwiċidju;
I. billi fil-25 ta' Mejju 2021, l-attivisti Belarussi Ewropej Yauhen Afnahel, Pavel Yukhnevich, Maksim Viniarski u Andrei Voinich, il-kap tal-oppożizzjoni Pavel Seviarynets, il-blogger Dzmitry Kazlou, u l-attivista tal-komunità Iryna Shchasnaya ġew ikkundannati sa seba' snin priġunerija fuq akkużi foloz ta' "estremiżmu"; billi fit-2 ta' Ġunju 2021, il-priġunier politiku Dzmitry Furmanau, flimkien ma' Yauhen Raznichenka u Uladzimir Kniha, ġew ikkundannati sa erba' snin priġunerija f'dak li huwa magħruf bħala l-"każ ta' Tsikhanouski"; billi fit-3 ta' Ġunju 2021, il-qorti kkundannat il-ħames grupp ta' konvenuti, li jikkonsisti mill-priġunieri politiċi Aliaksandr Khrapko, Radzivon Medusheuski, Ihar Vinakurau, Andrei Aniskevich, Alena Loika, Halina Chuhunova, Andrei Niamirski, Dzmitry Kurhanau, Katsiaryna Smirnova, Mikita Uvarau, Safiya Nisht, Siarhei Ksenzhuk u Illia Palkhouski, fil-"proċess tal-protesta biż-żfin" billi tat sentenzi minn 18-il xahar f'konfinament domiċiljari sa sena priġunerija; billi fit-3 ta' Ġunju 2021, il-priġunier politiku Siarhei Piarfiliyeu ġie kkundannat għal sentejn priġunerija u ibnu Stanislau Piarfiliyeu għal sentejn ta' libertà ristretta (konfinament domiċiljari);
J. billi l-awtoritajiet Belarussi qed ikomplu bir-repressjoni u l-persekuzzjoni tagħhom kontra ġurnalisti Belarussi indipendenti u qed jinvolvu ruħhom f'tentattivi intenzjonati biex ifixklu r-rappurtar oġġettiv;
K. billi skont l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti Belarussi, unjoni tal-istudenti indipendenti, aktar minn 460 student ġew miżmuma, li kważi terz minnhom huma nisa, u aktar minn 150 student ġew imkeċċija b'mod arbitrarju mill-universitajiet, b'ħafna li ħarbu lejn pajjiżi ġirien beżgħana għas-sikurezza tagħhom;
L. billi l-awtoritajiet Belarussi komplew jirrestrinġu r-regoli diġà stretti li jillimitaw il-kapaċità taċ-ċittadini Belarussi li joħorġu mill-pajjiż, inklużi dawk li għandhom permessi ta' residenza fit-tul barra mill-pajjiż;
M. billi l-Belarussja bdiet l-operazzjoni kummerċjali tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets mingħajr ma indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet ta' sikurezza kollha li jinsabu fir-rapport tal-UE dwar is-simulazzjoni ta' kriżi tal-2018, u b'riżultat ta' dan l-NPP ta' Astravyets mhuwiex sikur u jippreżenta theddid serju għas-sikurezza nukleari għall-Ewropa kollha;
N. billi l-Unjoni Ewropea s'issa imponiet sanzjonijiet kontra 7 entitajiet u 88 individwu Belarussu, inkluż Aliaksandr Lukashenka;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif u l-inżul ta' emerġenza tat-titjira ta' Ryanair FR4978 f'Minsk fit-23 ta' Mejju u d-detenzjoni mill-awtoritajiet Belarussi tal-ġurnalist Raman Pratasevich u s-sieħba tiegħu, Sofia Sapega;
2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Raman Pratasevich u Sofia Sapega, kif ukoll tal-ġurnalisti u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha miżmuma fil-Belarussja;
3. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jissaħħu l-miżuri restrittivi eżistenti billi tiġi introdotta projbizzjoni fuq it-trasportaturi Belarussi ta' kull tip milli jidħlu fl-ispazju tal-ajru tal-UE u jaċċessaw l-ajruporti tal-UE; jisħaq li l-prekundizzjoni għall-effettività tar-rispons tal-UE hija ddeterminata mill-punt sa fejn is-sanzjonijiet tal-UE jimmiraw lejn intrapriżi tal-istat Belarussi ewlenin;
4. Jistieden lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jinvestigaw u jieħdu l-miżuri xierqa rigward dan l-inċident inaċċettabbli, li jmur kontra n-normi u l-istandards internazzjonali; jistieden lil Ryanair tikkoopera u taqsam mal-awtoritajiet l-informazzjoni rilevanti kollha dwar dan l-inċident;
5. Jistieden lill-Kunsill jestendi kemm jista' jkun malajr il-listi ta' persuni u entitajiet taħt is-sanzjonijiet tal-UE billi jinkludi l-individwi u l-entitajiet involuti fil-ħtif u l-inżul ta' emerġenza tat-titjira ta' Ryanair FR4978 u fid-detenzjoni ta' Raman Pratasevich u Sofia Sapega;
6. Iħeġġeġ lill-Kunsill jipproċedi bl-akbar urġenza bir-raba' pakkett ta' sanzjonijiet kontra l-individwi u l-entitajiet li ħadu sehem fi jew li kienu kompliċi fi frodi elettorali jew fil-ksur sussegwenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u bloggers, u jibda jaħdem fuq pakkett sussegwenti; jitlob is-sanzjonar tal-prosekuturi, l-imħallfin u l-impjegati tal-infurzar tal-liġi li għandhom rwol fir-repressjoni u l-kundanna inġusta tal-kritiċi tar-reġim;
7. Jistieden lill-Kunsill biex barra minn hekk jadotta sanzjonijiet ekonomiċi mmirati, li jiffukaw fuq kumpaniji pubbliċi u privati li jappoġġjaw u jiffinanzjaw ir-reġim ta' Lukashenka; jitlob lill-UE tikkoordina l-miżuri tagħha mal-Istati Uniti, mas-sħab tal-G7 u ma' demokraziji oħra tal-istess fehma; jinkoraġġixxi azzjoni ta' solidarjetà tal-UE kkordinata biex jiġu kkumpensati d-diffikultajiet ekonomiċi għall-Istati Membri l-aktar affettwati mis-sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-Belarussja;
8. Jisħaq li għalkemm l-aħjar opportunitajiet tal-UE biex tindirizza kif xieraq l-istati illegali huma permezz ta' mekkaniżmi ta' sanzjonijiet, l-UE, minbarra sanzjonijiet fuq intrapriżi tal-istat Belarussi, għandha tuża l-pressjonijiet interni eżistenti fil-Belarussja billi tappoġġja s-soċjetà ċivili Belarussa;
9. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet ta' intelligence rigward il-kriżi fil-Belarussja u jkeċċu uffiċjali tal-intelligence Belarussi magħrufa u suspettati attivi madwar l-Unjoni kollha;
10. Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kuntrabandu sostanzjali tas-sigaretti mill-Belarussja lejn l-UE, li jipprovdi fondi lir-reġim ta' Lukashenka;
11. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri fil-Belarussja jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi individwali fil-Belarussja, inkluż dik ta' Raman Pratasevich, joffrulhom appoġġ u jaħdmu biex jiżguraw il-ħelsien tagħhom;
12. Jikkundanna s-sentenzi ħarxa u inġusti tal-qorti li ngħataw reċentement lil bosta priġunieri u detenuti politiċi, inkluż il-kap tal-oppożizzjoni Pavel Seviarynets, u l-proċessi kontra personaġġi tal-oppożizzjoni Belarussi demokratiċi bħal Viktar Babaryka, Mikola Statkevich u Siarhei Tsikhanouski;
13. Ikompli jappoġġja lill-poplu tal-Belarussja fit-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet tal-bniedem, għar-rappreżentanza demokratika, għall-parteċipazzjoni politika u għad-dinjità;
14. Jappoġġja l-organizzazzjoni ta' konferenza politika ta' livell għoli dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi u l-futur ta' Belarussja demokratika – il-Konferenza dwar Trasformazzjoni Demokratika fil-Belarussja – immexxija mill-UE u li attendew għaliha mexxejja ta' nazzjonijiet demokratiċi tal-istess fehma, li tibgħat sinjal qawwi ta' appoġġ lill-poplu Belarussu;
15. Jitlob li jitwaqqfu minnufih il-vjolenza u r-repressjoni, it-tortura u t-trattament ħażin tal-Belarussi; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontra l-persuni kollha detenuti għal raġunijiet politiċi;
16. Jikkundanna s-soppressjoni tal-media u tal-aċċess għall-internet, kif ukoll is-swat, l-arrest u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti u tal-bloggers; jissottolinja d-dritt tal-poplu tal-Belarussja li jkollu aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni;
17. Jikkundanna l-miżuri reċenti meħuda mill-awtoritajiet Belarussi li pprojbixxew lill-biċċa l-kbira taċ-ċittadini Belarussi milli jitilqu mill-pajjiż, inklużi ħafna detenturi ta' permessi għal residenza barranija;
18. Jirrifjuta t-theddid inaċċettabbli ta' Aliaksandr Lukashenka li l-awtoritajiet Belarussi mhux se jwaqqfu l-migranti irregolari u t-traffikar tad-droga u jesprimi t-tħassib tiegħu rigward iż-żieda fil-migrazzjoni irregolari mill-Belarussja lejn l-UE u dwar l-involviment potenzjali tal-awtoritajiet Belarussi f'dan il-fenomenu; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jsegwu l-iżviluppi f'dawn l-oqsma u jieħdu l-miżuri xierqa;
19. Jikkundanna l-użu ħażin mit-tmexxija Belarussa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal finijiet politiċi; jistieden lill-Interpol tirrieżamina minnufih u bir-reqqa t-talbiet attwali u futuri magħmula mill-Belarussja u tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipprevjeni lill-Belarussja milli tuża ħażin l-Interpol għal finijiet politiċi;
20. Jissottolinja l-ħtieġa ta' investigazzjoni komprensiva tar-reati mwettqa mir-reġim ta' Lukashenka kontra l-poplu tal-Belarussja;
21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-appoġġ dirett għall-oppożizzjoni Belarussa, għas-soċjetà ċivili u għall-media indipendenti; jilqa' f'dan il-kuntest il-qafas għal pjan komprensiv ta' appoġġ ekonomiku ta' EUR 3 biljun għal Belarussja demokratika futura ppreżentat mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jiżviluppaw u jippromwovu dan il-pjan u jikkomunikaw b'mod ċar li ladarba sseħħ il-bidla demokratika fil-Belarussja, l-UE se tkun lesta tipprovdi assistenza tanġibbli biex il-pajjiż jitqiegħed f'perkors ta' riforma u modernizzazzjoni;
22. Jistieden lill-UE tikkoordina mal-Istati Uniti, mas-sħab tal-G7 u ma' demokraziji oħra tal-istess fehma biex titwaqqaf il-kooperazzjoni mas-settur pubbliku ta' Lukashenka u tiġi orjentata mill-ġdid il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili Belarussa u ma' kumpaniji privati Belarussi li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim;
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jiffaċilitaw il-proċeduri għall-kisba ta' viżi u residenza għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi jew għal dawk li jirrikjedu trattament mediku minħabba l-vjolenza mwettqa kontrihom, u joffru lilhom u lill-familji tagħhom l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa;
24. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joffru boroż ta' studju lill-istudenti u lill-akkademiċi Belarussi mkeċċija mill-universitajiet u miżmuma l-ħabs minħabba l-pożizzjoni prodemokratika tagħhom;
25. Jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma Internazzjonali ta' Obbligu ta' Rendikont għall-Belarussja u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-funzjonament tagħha; jimpenja ruħu għall-funzjonament effettiv tal-Pjattaforma tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-impunità fil-Belarussja u għall-koordinazzjoni ta' reazzjoni internazzjonali f'waqtha għall-iżviluppi fil-Belarussja;
26. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU) li tissospendi s-sħubija mal-EBU tax-xandar Belarussu BTRC; jitlob is-sospensjoni tal-Belarussja minn korpi sportivi internazzjonali u avvenimenti sportivi internazzjonali, inklużi kampjonati Ewropej u dinjija u l-Logħob Olimpiku f'Tokyo;
27. Iħeġġeġ lill-President tiegħu jillimita l-aċċess għall-Parlament Ewropew għall-persunal tal-Ambaxxata tal-Belarussja fi Brussell, inkluż l-aċċess fiżiku u remot għal-laqgħat ospitati mill-Parlament Ewropew, u jirrieżamina l-komunikazzjoni tal-Parlament mal-Ambaxxata tal-Belarussja;
28. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi indirizzat it-theddid għas-sikurezza nukleari maħluq mill-NPP ta' Astravyets, jinsisti li l-Belarussja tinvolvi ruħha fis-sikurezza nukleari tal-NPP ta' Astravyets bi trasparenza sħiħa u timpenja ruħha għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami bejn il-pari tal-impjant mill-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG), u jappoġġja l-projbizzjoni tal-importazzjonijiet tal-enerġija mill-NPP ta' Astravyets lejn is-suq tal-UE;
29. Jitlob lill-UE biex ma toqgħodx lura, billi taġixxi malajr u b'mod proattiv; jisħaq li n-nuqqas ta' dan mhux biss jaggrava s-sitwazzjoni għall-poplu tal-Belarussja, iżda jservi wkoll bħala falliment fir-rigward tal-ambizzjoni ġeopolitika tal-UE fid-dinja;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.