MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik politika f'Kuba
7.6.2021 - (2021/2745(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Leopoldo López Gil, Michael Gahler, Isabel Wiseler‑Lima, Gabriel Mato, Antonio López‑Istúriz White
f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0341/2021
B9‑0341/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik politika f'Kuba
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Novembru 2018[1] dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, tat-3 ta' Diċembru 2019[2] dwar il-każ ta' José Daniel Ferrer, u tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni (PDCA)[3] bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat f'Diċembru 2016 u applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Novembru 2017[4],
– wara li kkunsidra s-smigħ dwar Kuba tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, li sar fil-11 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-vidjokonferenza informali tal-membri tal-Kunsill Konġunt tal-UE-Kuba, li saret fl-20 ta' Jannar 2021[5],
– wara li kkunsidra t-tielet Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem skont il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni tas-26 ta' Frar 2021[6],
– wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar Kuba ta' Mejju 2018,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2020 tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR),
– wara li kkunsidra s-smigħ pubbliċi tal-179 Perjodu ta' Sessjonijiet tal-IACHR,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-IACHR 7/2021, 14/2021 u 24/2021,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984 u li Kuba hija Stat Parti tagħha,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Kuba hija pajjiż firmatarju tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; billi flimkien mal-kunsens tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li titlob lill-UE tapprova l-fehmiet tal-Parlament dwar id-demokrazija, id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni, l-għaqda u l-assoċjazzjoni politika, u l-libertà tal-informazzjoni fil-forom kollha tagħha; billi bil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, iż-żewġ partijiet affermaw mill-ġdid ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni inkluda l-hekk imsejħa "klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem", li tikkostitwixxi element essenzjali standard tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE li ppermetta li dan il-Ftehim jiġi sospiż f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;
B. billi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà u d-dinjità u l-benesseri tan-nies huma rrappreżentati u difiżi bl-aħjar mod f'demokrazija, li jfisser, fost affarijiet oħra, l-alternazzjoni tal-poter, elezzjonijiet ħielsa u ġusti u r-rispett għall-pluraliżmu politiku; billi l-Artikolu 5 tal-Kostituzzjoni Kubana li ġiet approvata reċentament jissottolinja l-Partit Komunista ta' Kuba bħala l-awtorità statali finali, imsaħħaħ mill-Artikoli 4 u 229 li jissottolinjaw is-soċjaliżmu bħala sistema irriversibbli; billi mill-approvazzjoni tal-Kostituzzjoni Kubana l-ġdida fl-10 ta' April 2019, u bejn dak iż-żmien u April 2021, ġew adottati 1 946 norma legali għad-detriment tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;
C. billi mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni kważi erba' snin ilu, ma sar l-ebda progress konkret f'Kuba fir-rigward tal-prinċipji u l-objettivi ġenerali segwiti mill-ftehim; billi għall-kuntrarju, ir-reġim Kuban żied ir-repressjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu fuq il-gżira; billi mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, ma kienx hemm bidla sinifikattiva waħda lejn it-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fuq il-gżira, jew lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini Kubani; billi s-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora fis-soċjetà Kubana kollha, u pproduċiet mewġa ġdida ta' reżistenza u dimostrazzjonijiet paċifiċi minn setturi sinifikanti tas-soċjetà Kubana, li ġew imrażżna u soppressi brutalment mill-awtoritajiet Kubani u mill-istrutturi ripressivi tar-reġim;
D. billi April kien l-aktar xahar ripressiv mill-bidu tal-2021, peress li l-Osservatorju tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Kuba (OCDH) iddokumenta aktar minn 1 018-il azzjoni ripressiva kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti indipendenti, li minnhom 206 kienu detenzjonijiet arbitrarji u 13 kienu jinvolvu vjolenza serja; billi l-awtoritajiet Kubani daħlu b'mod illegali fid-dar tal-artist indipendenti u koordinatur tal-Moviment ta' San Isidro, Luis Manuel Otero Alcántara, u żammewh arbitrarjament għal diversi sigħat mingħajr l-ebda akkuża; billi skont l-organizzazzjoni tad-Difensuri tal-Priġunieri, bħalissa hemm 150 priġunier politiku f'Kuba; billi bejn Marzu u Mejju 2021, ġew irreġistrati 31 każ ġdid; billi fl-aħħar 12-il xahar sal-1 ta' Ġunju 2021, 199 każ ta' priġunieri politiċi f'Kuba kienu parti minn dik il-lista, b'65 każ ġdid ta' priġunerija politika, li bħala medja tirrappreżenta 5.4 każijiet ġodda ta' priġunerija politika kull xahar; billi matul l-aħħar ftit xhur, l-għadd ta' denunzji ta' tortura u trattament ħażin ta' priġunieri politiċi fil-ħabs żdied;
E. billi l-Kodiċi Kriminali ta' Kuba jinkludi dispożizzjonijiet bħal "stat ta' periklu" u "miżuri ta' sigurtà prekriminali" li għalihom aktar minn 8 000 persuna qed jinżammu l-ħabs mingħajr l-ebda reat attribwibbli, u 2 500 oħra ġew ikkundannati għax-xogħol furzat;
F. billi l-Kodiċi Kriminali ta' Kuba jikkastiga lill-impjegati ċivili kollha li ma jtemmux il-missjonijiet mediċi jew li jiddeċiedu li ma jmorrux lura lejn Kuba, b'sentenzi ta' tmien snin ħabs; billi r-Riżoluzzjoni 168 tal-2010 tal-Ministeru tal-Kummerċ Internazzjonali u l-Investiment Barrani ta' Kuba, timponi fuq l-impjegati ċivili kollha barra mill-pajjiż li jaħdmu għall-Istat jew għall-intrapriżi tal-Istat, inkluż il-persunal mediku, id-dmirijiet u l-obbligi mhux iġġustifikati li jiksru d-dinjità tal-bniedem u l-aktar drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem, li jridu jiġu rikonoxxuti għall-bnedmin kollha; billi dawn il-missjonijiet mediċi jistgħu jitqiesu bħala forma moderna ta' skjavitù; billi Kuba qed tikser il-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ix-xogħol furzat; billi Kuba qed tikser l-Artikolu 38 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni;
G. billi r-Rapport Annwali tal-IACHR tal-2020 jindika serje ta' allegazzjonijiet ta' abbużi u ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-Istat Kuban kontra l-persunal tal-kura tas-saħħa tiegħu assenjat biex jaħdem barra mill-pajjiż taħt il-pretensjoni tal-hekk imsejħa missjonijiet mediċi; billi d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (CUB 6/2019) dwar il-missjonijiet mediċi Kubani ssottolinjat il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u inumani tal-persunal mediku, allegazzjonijiet li kienu appoġġjati mill-Human Rights Watch u 622 xhud;
H. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Lebsin l-Abjad fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi r-rebbieħa ta' Sakharov u l-qraba tagħhom għadhom jingħataw fastidju u jiġu intimidati b'mod regolari, u ma jitħallewx jitilqu mill-pajjiż u jipparteċipaw f'avvenimenti internazzjonali jew f'avvenimenti organizzati mill-Parlament Ewropew;
I. billi r-rebbieħa tal-Premju Sakharov bħal Berta Soler, u attivisti bħal Jose Daniel Ferrer, Luis Manuel Otero Alcántara u Reinaldo Escobar, ġew mistiedna diversi drabi mill-Parlament, l-aktar reċentement fil-11 ta' Diċembru 2020; billi l-awtoritajiet Kubani evitaw b'mod sistematiku l-parteċipazzjoni tagħhom, kif kien il-każ f'Diċembru 2020, billi arrestaw b'mod arbitrarju lil Berta Soler u lil Reinaldo Escobar u, barra minn hekk, billi rrestrinġew il-konnessjoni tal-internet tal-parteċipanti l-oħra; billi l-President tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Viċi President tal-Parlament iffirmaw dikjarazzjoni konġunta li tirrifjuta l-fastidju tal-attivisti; billi la s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lanqas id-Delegazzjoni tal-UE f'Kuba qatt ma għamlu dikjarazzjoni li tiddefendihom jew urew xi tip ta' appoġġ pubbliku jew privat;
J. billi hemm ftehim ċar, jew tal-anqas impliċitu, bejn is-SEAE u r-reġim Kuban biex pubblikament ma ssir l-ebda kritika ta' ksur possibbli tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim Kuban; billi l-Ambaxxatur tal-UE f'Havana, Alberto Navarro, iffirma ittra indirizzata lill-President tal-Istati Uniti, fejn talab, fost affarijiet oħra, it-tneħħija tal-embargo tal-Istati Uniti fuq il-gżira, kif ukoll in-nuqqas ta' interferenza fl-affarijiet Kubani; billi dan il-fatt jikkostitwixxi eċċess ċar tal-mandat diplomatiku tal-Ambaxxatur u juri r-rwol politiku kbir li għandha l-Ambaxxata tal-UE f'Havana; billi s-Sur Navarro għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi li jaffermaw li "Kuba mhijiex dittatorjat";
K. billi t-tielet Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u Kuba sar fis-26 ta' Frar 2021 u ma wassal għall-ebda riżultat, kif kien ukoll il-każ bid-djalogi preċedenti; billi kwalunkwe djalogu politiku jrid jinkludi djalogu intensiv dirett mas-soċjetà ċivili indipendenti u mal-atturi politiċi kollha tal-oppożizzjoni mingħajr restrizzjonijiet, kif enfasizzat fl-Artikolu 36 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; billi r-reġim Kuban ċaħad lil diversi NGOs u organizzazzjonijiet indipendenti d-dritt li jipparteċipaw matul dawn id-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi s-SEAE approva l-veto tar-reġim fis-skiet; billi d-djalogu huwa maħsub biex jipproduċi riżultati tanġibbli u ma jistax jitqies bħala għan fih innifsu;
L. billi l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, stieden lir-rappreżentanti diplomatiċi tal-Gvern Kuban għal smigħ u attivitajiet rigward Kuba; billi dawn l-istedini mhux biss ġew irrifjutati, iżda wieġbu għalihom ukoll fil-forma ta' ittra mimlija insulti u akkużi bla bażi kontra l-Parlament u l-Membri tiegħu; billi l-Parlament huwa probabbilment l-unika istituzzjoni tal-UE li ma ngħatatx permess biex iżżur il-pajjiż wara d-dħul fis-seħħ proviżorju tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, attitudni li tikkontradixxi b'mod ċar l-element essenzjali li fuqu għandu jkun ibbażat ftehim ta' djalogu politiku;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-eżistenza ta' priġunieri politiċi, il-persekuzzjoni politika persistenti u permanenti, l-atti ta' fastidju u d-detenzjonijiet arbitrarja ta' dissidenti f'Kuba; jikkundanna wkoll l-attakki attwali kontra l-artisti tal-Moviment San Isidro, id-dissidenti paċifiċi, il-ġurnalisti indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tal-oppożizzjoni politika; jitlob it-tmiem immedjat ta' dawn l-azzjonijiet u l-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u ta' dawk detenuti arbitrarjament unikament talli eżerċitaw il-libertà tagħhom ta' espressjoni u ta' għaqda; jitlob garanziji aħjar għad-dritt għal proċess ġust u għall-indipendenza tal-ġudikatura, u biex jiġi żgurat li l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal avukat indipendenti, kif enfasizzat fl-Artikolu 24 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni;
2. Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni arbitrarja ta' Aymara Nieto Muñoz, Mitzael Díaz Paseiro, Iván Amaro Hidalgo, Edilberto Ronal Arzuaga Alcalá, Yandier García Labrada, Denis Solís González, Luis Robles Elizástegui u l-64 priġunier minħabba twemmin; iIħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani biex jeħilsuhom minnufih;
3. Jesprimi dispjaċir kbir għan-nuqqas ta' impenn u rieda tar-reġim Kuban li jagħmel ħiltu biex javvanza lejn progress anke minimu lejn il-bidla jew biex jiftaħ kanali li jistgħu jippermettu modi kif ir-reġim jiġi rriformat, li jtejbu l-parteċipazzjoni soċjali u politika tas-soċjetà Kubana, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini, u r-rifjut tar-reġim ta' kwalunkwe miżura demokratika; jesprimi dispjaċir għall-fatt li, minkejja d-dħul fis-seħħ tad-Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; kważi erba' snin ilu, is-sitwazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija ma tjibitx u ma wasslet għall-ebda riżultat pożittiv sostanzjali u tanġibbli għall-poplu Kuban; iqis li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni kkontribwixxa biss għall-ħabi tar-reġim Kuban u għar-rikonoxximent uffiċjali tiegħu quddiem il-komunità internazzjonali, meta fil-fatt huwa ċar li dan huwa każ ta' anomalija antidemokratika fir-reġjun li issa ilha għaddejja għal aktar minn sitt deċennji;
4. Jirrikonoxxi d-dritt tal-poplu Kuban li jitlob id-demokratizzazzjoni ta' pajjiżu permezz ta' djalogu mas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika sabiex jiġi stabbilit pjan direzzjonali lejn elezzjonijiet demokratiċi b'diversi partiti;
5. Jistieden lis-SEAE jinsisti li l-awtoritajiet Kubani jissodisfaw l-obbligi vinkolanti stabbiliti fil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali elementari, kif enfasizzat fl-Artikolu 1(5) tal-ftehim;
6. Jikkundanna l-ksur sistemiku tax-xogħol u tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Istat Kuban kontra l-persunal tal-kura tas-saħħa tiegħu assenjat biex jaħdem barra mill-pajjiż fuq il-missjonijiet mediċi, li jmorru kontra l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO ratifikati minn Kuba; iħeġġeġ lil Kuba timplimenta u tikkonforma b'mod effettiv mal-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-ILO rispettivament;
7. Ifakkar li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jinkludi dispożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-ftehim li għandha tapplika fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti għalhekk li l-Unjoni Ewropea ssegwi u tissorvelja mill-qrib ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, u li tissottometti rapporti regolari dwar dan lill-Parlament; iqis li l-priġunerija ta' Denis Solís González, Luis Robles Elizástegui, Maykel Castillo Pérez ("Osorbo"), u ta' aktar minn 120 priġunier politiku u ta' persuni ħatja minħabba twemmin, u l-azzjonijiet arbitrarji u ripressivi kollha rreġistrati f'April u f'Ġunju 2021, inklużi dawk kontra l-membri tal-Moviment San Isidro u l-awturi tal-vidjo "Patria y Vida", li jikkostitwixxu każ ta' urġenza speċjali, kif stabbilit fl-Artikolu 85(3)(b) tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jistieden lill-UE ssejjaħ laqgħa urġenti f'dan ir-rigward kif xieraq;
8. Itenni li d-drittijiet tal-bniedem huma parti essenzjali mill-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni kif enfasizzat fl-Artikoli 1(5), 2(c), 5, 22 u 43(2) rispettivament; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill biex japplika d-dispożizzjonijiet dwar it-twettiq tal-obbligi ssottolinjati fl-Artikolu 85 tal-ftehim, inkluża s-sospensjoni tiegħu, jekk l-awtoritajiet Kubani jkomplu jiksru d-drittijiet tal-bniedem, li jikkostitwixxu ksur materjali tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni minħabba l-ksur ta' "l-elementi essenzjali tal-ftehim, kif deskritti fl-Artikolu 1(5) u fl-Artikolu 7";
9. Jitlob li l-Gvern Kuban jimplimenta riformi legali sabiex jiggarantixxi l-libertà tal-istampa, tal-assoċjazzjoni u tad-dimostrazzjoni, u jvara r-riformi politiċi li jippermettu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi li jqisu r-rieda sovrana u espressa liberament tal-poplu Kuban; iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali ddefiniti fl-istatuti, fid-dikjarazzjonijiet u fl-istrumenti internazzjonali li Kuba hija firmatarja tagħhom u jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-atturi politiċi tal-oppożizzjoni jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja politika u soċjali mingħajr restrizzjonijiet;
10. Jiddenunzja bħala li tmur kontra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni ċ-ċaħda sistematika tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili indipendenti Kubana u Ewropea fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem li saru bejn l-UE u Kuba, b'mod partikolari matul it-tielet Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar fis-26 ta' Frar 2021, bħala konsegwenza tar-rifjut tal-Gvern Kuban li jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu, li jistipula li l-UE ma għandhiex taċċettaha; jitlob, għalhekk, li jsir djalogu istituzzjonalizzat, formali, miftuħ u pubbliku bejn l-UE u Kuba, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, biex b'hekk jiġu rrispettati l-pilastri tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, simili għal dawk li jsiru ma' pajjiżi oħra li magħhom l-UE għandha ftehimiet ta' kooperazzjoni; ifakkar lis-SEAE u lill-Istati Membri li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jissottolinja l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili bħala essenzjali għall-iżvilupp tad-djalogu fil-qafas tal-ftehim (il-Preambolu u l-Artikoli 19, 36, 42(1), 47(6)(e) u 59(2)); jindika, għalhekk, li l-esklużjoni tas-soċjetà ċivili bejn l-UE u Kuba u l-atturi politiċi kollha tal-oppożizzjoni tfisser tneħħija ta' komponent essenzjali tan-natura tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni;
11. Ifakkar li l-preferenza tal-organizzazzjonijiet jew tal-individwi affiljati mal-Gvern Kuban biss, u l-esklużjoni tal-organizzazzjonijiet tal-oppożizzjoni jew ta' rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili mill-fondi, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jitlob, għalhekk, li jiġu inklużi l-partijiet ikkonċernati kollha fil-fondi ta' kooperazzjoni, irrispettivament mill-approvazzjoni tal-Gvern Kuban;
12. Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-awtoritajiet Kubani ma ħallewx lill-kumitati, lid-delegazzjonijiet tal-Parlament u lil xi gruppi politiċi jżuru Kuba minkejja li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu lill-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet biex b'mod immedjat jippermettu d-dħul fil-pajjiż;
13. Jitlob li l-UE tappoġġja l-viżjoni tal-Parlament dwar id-demokrazija, id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni politika, u l-libertà ta' informazzjoni fil-forom kollha tagħha, u tal-"politika globali ta' appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem" tagħha matul dan id-djalogu; jikkonferma, madankollu, li bħalissa d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma evitawx detenzjonijiet motivati politikament f'Kuba; jindika li, għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni Kubana għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali (CCDHRN), dawn it-tipi ta' detenzjoni żdiedu b'mod sinifikanti matul l-aħħar ftit snin;
14. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jirrikonoxxi l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika għall-Gvern Kuban, u għalhekk biex jinkludiha fid-djalogu politiku bejn l-UE u Kuba kif xieraq; jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri jindirizzaw kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem matul iż-żjarat tagħhom lill-awtoritajiet Kubani u jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov meta jivvjaġġaw lejn Kuba, sabiex jiggarantixxu l-implimentazzjoni koerenti interna u esterna tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Setgħa tal-Poplu f'Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠU C 363, 28.10.2020, p. 70.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2019)0073.
- [3] ĠU C 334, 19.9.2018, p. 99.
- [4] ĠU L 337, 13.12.2016, p. 3.
- [5] Kunsill Konġunt tal-UE-Kuba, 20 ta' Jannar 2021
- [6] Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem skont il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni tas-26 ta' Frar 2021.