Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0509/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0509/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-protezzjoni tat-trobbija tal-bhejjem u ta' karnivori kbar fl-Ewropa

21.11.2022 - (2022/2952(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ulrike Müller, Róża Thun und Hohenstein
f'isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0503/2022

Proċedura : 2022/2952(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0509/2022
Testi mressqa :
B9-0509/2022
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0509/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tat-trobbija tal-bhejjem u ta' karnivori kbar fl-Ewropa

(2022/2952(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2022 dwar il-protezzjoni tal-bhejjem u ta' karnivori kbar fl-Ewropa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-azzjoni leġiżlattiva, bħad-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats[1], u t-trattati internazzjonali, bħall-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta' Berna), ikkontribwiet għall-irkupru tal-karnivori kbar, li jinkludu l-lupu griż, l-ors kannella, il-linċi tal-Ewrasja u l-wolverine; billi l-għadd ta' karnivori kbar fl-Ewropa kontinentali preżenti fl-2012[2] kien jammonta għal 9 000 linċi tal-Ewrasja, 17 000 ors kannella, 1 250 wolverine u 12 000 lupu; billi l-għadd għall-ilpup żdied b'mod sinifikanti fl-aħħar għaxar snin għal 17 000, skont valutazzjoni li twettqet fl-2018[3], filwaqt li l-għadd għal speċijiet oħra baqa' simili; billi l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) ikklassifikat tlieta minn disa' popolazzjonijiet tal-lupu, tlieta minn 10 popolazzjonijiet tal-ors kannella u tlieta minn 11-il popolazzjoni tal-linċi tal-Ewrasja fl-Ewropa bħala li huma kwistjoni tal-anqas tħassib; billi ż-żewġ popolazzjonijiet tal-wolverine fl-Ewropa għadhom mhedda u l-linċi tal-Iberja għadu fil-periklu;

B. billi l-biċċa l-kbira tal-popolazzjonijiet tal-karnivori kbar fl-Ewropa huma transkonfinali; billi l-popolazzjonijiet individwali jistgħu jkopru firxiet ġeografiċi kbar madwar pajjiżi differenti, fi ħdan l-UE u barra minnha, li jwasslu għal sitwazzjonijiet li fihom l-istess popolazzjoni f'reġjun wieħed tista' titqies bħala li tinsab fi stat ta' konservazzjoni favorevoli, filwaqt li f'reġjun ġar tista' tiġi kklassifikata bħala li teħtieġ protezzjoni stretta; billi huwa meħtieġ approċċ ibbażat fuq ix-xjenza u monitoraġġ ikkoordinat madwar l-Istati Membri;

C. billi l-metodi ta' monitoraġġ ivarjaw bejn l-Istati Membri tal-UE, u dan iwassal għal kwalità u kwantità eteroġeni ta' data dwar il-livelli tal-popolazzjoni tal-karnivori kbar[4], u b'hekk il-komparabbiltà u l-istandardizzazzjoni tad-data u l-interpretazzjoni tagħha jsiru diffiċli ħafna;

D. billi bejn l-1992 u l-2019 intefqu medja ta' EUR 3,6 miljun fis-sena fuq proġetti li jagħmlu enfasi fuq miżuri għall-mitigazzjoni tal-ħsarat mill-karnivori kbar permezz tal-programm LIFE u ngħataw EUR 36 miljun oħra għal proġetti li għaddejjin li jipprovdu gwida speċifika għall-kuntest dwar l-effettività ta' miżuri ta' mitigazzjoni bħal xatbiet elettriċi, it-tħaris attiv minn ragħaj u l-użu ta' klieb tal-għassa mal-bhejjem f'ħafna reġjuni differenti tal-UE; billi l-istandards tal-effettività tal-kejl u tar-rapportar kienu, madankollu, b'mod ġenerali relattivament baxxi, u b'hekk kien diffiċli li jiġi evalwat is-suċċess tagħhom[5]; billi hemm bżonn ta' proġetti addizzjonali fir-reġjuni u fir-rigward ta' speċijiet ta' karnivori kbar li għadhom ma ġewx indirizzati;

E. billi l-annimali domestikati, b'mod partikolari dawk fil-mergħat u f'sistemi ta' ragħa miftuħa, huma f'riskju ogħla ta' predazzjoni (skont il-miżuri stabbiliti u l-effettività tagħhom) mill-preżenza dejjem akbar ta' karnivori kbar, speċjalment f'reġjuni muntanjużi u dawk skarsament popolati li fihom huwa meħtieġ ir-ragħa biex jiġu kkonservati dawn il-ħabitats ta' prijorità; billi f'żoni b'popolazzjoni densa bi ftit mill-ispeċijiet tal-priża naturali għal karnivori kbar, jista' jkun hemm ukoll riskju akbar għall-annimali domestikati;

F. billi l-attitudnijiet tal-pubbliku fir-rigward tal-karnivori kbar ivarjaw ħafna bejn pajjiżi differenti u fost diversi gruppi ta' interess, b'mod partikolari f'reġjuni fejn il-karnivori kbar kienu neqsin għal perjodi itwal ta' żmien; billi l-biża' ta' attakki u n-nuqqas ta' appoġġ suffiċjenti mill-awtoritajiet biex tiġi evitata l-ħsara jistgħu jwasslu għall-qtil illegali ta' speċijiet protetti;

G. billi s-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż, li huma l-aktar vulnerabbli għal attakki predaturi minn karnivori kbar, diġà kienu taħt pressjoni ekonomika minħabba raġunijiet soċjoekonomiċi usa' għal diversi deċennji; billi dan is-settur fraġli jista' jipprovdi valur miżjud ambjentali permezz ta' ragħa estensiv, billi jikkontribwixxi għaż-żamma tal-bijodiversità f'pajsaġġi miftuħa f'ħafna żoni b'restrizzjonijiet naturali jew b'fertilità baxxa, bħal mergħat Alpini, u billi jgħin fil-ġlieda kontra fenomeni bħall-erożjoni u n-nirien fil-foresti;

H. billi l-mergħat u s-sistemi ta' ragħa tradizzjonali Alpini qed jiġu abbandunati dejjem aktar bħala riżultat ta' sfidi ambjentali, agrikoli u soċjoekonomiċi; billi l-isfidi marbuta mal-biedja qrib ħafna ta' karnivori kbar jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' objettivi f'termini tal-protezzjoni ta' speċijiet karnivori kbar minn naħa u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-bijodiversità tal-mergħat;

I. billi miżuri ta' prevenzjoni biex jiġu evitati kunflitti ta' koeżistenza mill-proġetti LIFE f'xi reġjuni tal-UE ġew irrapportati bħala metodi ta' suċċess għat-tnaqqis tal-ħsara kkawżata mill-karnivori kbar; billi l-effettività ta' dawn il-miżuri tista', madankollu, tiġi affettwata minn ċirkostanzi ġeografiċi u kundizzjonijiet lokali; billi dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal żieda fix-xogħol u għal spejjeż sproporzjonati għall-bdiewa, speċjalment f'reġjuni fejn il-karnivori kbar qed jirritornaw jew jespandu, u jista' jkollhom ukoll impatt sinifikanti fuq il-pajsaġġ; billi l-pagamenti ta' kumpens, li huma regolati fil-livell nazzjonali, ivarjaw fi ħdan l-UE u mhux dejjem jiksbu kumpens sħiħ tal-ħsara mġarrba;

J. billi t-telf ta' annimali domestikati u l-korrimenti li jsofru minħabba attakki ta' karnivori kbar mhux biss jikkawżaw ħsara ekonomika lill-bdiewa u lin-nissiela, iżda għandhom ukoll konsegwenzi emozzjonali konsiderevoli għas-sidien tagħhom;

K. billi l-prattiki tradizzjonali tat-trobbija tal-bhejjem bi protezzjoni għolja tal-bhejjem minn predaturi bħall-użu ta' rgħajja, klieb tal-għassa mal-bhejjem u l-irkupru bil-lejl biex tiġi żgurata s-sorveljanza diretta u kontinwa tal-bhejjem li jirgħu ilhom jintużaw għal sekli sħaħ fl-Ewropa iżda ġew abbandunati gradwalment minħabba għadd ferm inqas ta' attakki minn predaturi; billi minħabba l-bidla fl-użu tal-art b'approċċ aktar multifunzjonali fiż-żoni agrikoli, l-importanza akbar tat-turiżmu u l-pressjoni soċjoekonomika attwali li qed tiffaċċja l-biedja tal-UE, bi tnaqqis kbir fl-għadd tal-bdiewa u pagi taħt il-medja, jista' jkun diffiċli li dawn il-prattiki antiki jirritornaw bis-sħiħ fuq skala kbira f'xi reġjuni, speċjalment mingħajr appoġġ pubbliku; jisħaq li se jkun hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet innovattivi biex il-biedja moderna tiġi adattata għall-preżenza tal-ilpup;

L. billi hija meħtieġa l-koeżistenza kostruttiva bejn karnivori kbar u t-trobbija tal-bhejjem, fejn minn naħa, l-istat ta' konservazzjoni ta' karnivori kbar jista' jkompli jiżviluppa b'mod favorevoli, filwaqt li l-bdiewa jingħataw l-għodod u finanzjament suffiċjenti biex jindirizzaw u jipprevjenu attakki fuq l-annimali tal-azjendi agrikoli; billi se jkunu meħtieġa aktar diskussjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati u l-bdiewa f'żoni fejn il-karnivori kbar ilhom neqsin għal għexieren ta' snin, u se jkunu meħtieġa aktar sforzi f'termini tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex jiġi appoġġat l-użu ta' miżuri preventivi u jinkiseb aċċess għall-finanzjament; billi ż-żieda fil-preżenza ta' karnivori kbar jista' jkollha effetti pożittivi fuq il-funzjonament u r-reżiljenza tal-ekosistema, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-proċessi ekoloġiċi, li jikkontribwixxu, fost l-oħrajn, għar-regolazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ungulati selvaġġi; jenfasizza wkoll li, speċjalment fil-parks nazzjonali, il-preżenza ta' karnivori kbar tikkontribwixxi għall-valur rikreattiv tal-foresti u għat-turiżmu bbażat fuq in-natura li dejjem qed jiżdied[6];

1. Jisħaq li żvilupp ibbilanċjat tal-ispeċijiet u l-ekosistemi kollha f'xi każijiet jista' jkun jirrikjedi ġestjoni; jilqa' r-riżultati pożittivi tal-politiki dwar il-bijodiversità fir-rigward tar-restawr ta' speċijiet ta' karnivori kbar fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut li tali bidliet fil-livelli tal-popolazzjoni ta' ċerti speċijiet jistgħu jwasslu għal diversi sfidi ambjentali, agrikoli u soċjoekonomiċi kif ukoll opportunitajiet; jirrikonoxxi li l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats diġà fih il-flessibbiltà li jiġu indirizzati b'mod effettiv dawn is-sinerġiji u l-kompromessi u jitqies xieraq għall-iskop tiegħu;

2. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod regolari l-progress fil-kisba ta' stat ta' konservazzjoni favorevoli għall-ispeċijiet fil-livelli tar-reġjuni bijoġeografiċi u tal-popolazzjonijiet madwar l-UE, sabiex tivvaluta l-espansjoni ta' karnivori kbar abbażi ta' evidenza xjentifika, billi tqis il-mobbiltà transfruntiera għolja tal-ispeċijiet; jirrikonoxxi li l-istat ta' konservazzjoni ta' popolazzjonijiet differenti tal-istess speċi jista' jvarja bejn ir-reġjuni, u li l-istat ta' konservazzjoni ta' popolazzjoni jista' jiġi affettwat mill-istat ta' popolazzjonijiet ġirien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw aktar il-kollaborazzjoni transfruntiera u l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' ġestjoni transkonfinali li jikkoinċidu mar-reġjuni bijoġeografiċi u/jew mal-livell tal-popolazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi għall-istudji dwar il-bijodiversità, pereżempju fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa, immirati lejn l-aġġornament tal-mapep tad-distribuzzjoni u tad-densità ta' karnivori kbar; iqis li, sabiex jiġu prodotti stimi preċiżi, dawn l-istudji għandhom jitwettqu madwar l-Ewropa, meta rilevanti;

3. Jisħaq li l-monitoraġġ tajjeb huwa prerekwiżit bażiku għall-ġestjoni b'suċċess tal-karnivori kbar u dan ma għandux jinkludi biss il-monitoraġġ taż-żona okkupata minn karnivori kbar u l-abbundanza tagħhom, iżda wkoll ix-xejriet fl-okkorrenza tal-ħsara, il-hotspots spazjali u l-effettività tal-programmi għall-mitigazzjoni tal-ħsarat (inklużi l-kumpens u l-prevenzjoni); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jużaw metodi ta' monitoraġġ xierqa għal kull waħda mill-ispeċijiet differenti ta' karnivori kbar u l-ħsara assoċjata li se jippermettu l-kompilazzjoni ta' data ta' kwalità għolja, komparabbli u standardizzata għal valutazzjoni effettiva tal-livelli tal-popolazzjoni u tal-politiki dwar il-mitigazzjoni tal-ħsarat; jisħaq li għandhom jiġu esplorati għażliet biex jitqies aħjar il-moviment bejn il-fruntieri ta' karnivori kbar, inkluż bejn il-fruntieri ma' pajjiżi mhux tal-UE, fil-proċeduri ta' monitoraġġ għal dawn il-popolazzjonijiet; jenfasizza li l-ġbir u l-analiżi tad-data għandhom jitwettqu minn korp wieħed tal-UE; jitlob li r-riżultati tal-monitoraġġ u tal-metodoloġija użati jsiru disponibbli għall-pubbliku fil-ħin u b'mod trasparenti;

4. Jisħaq fuq l-importanza li tittejjeb is-sorveljanza tas-saħħa tal-organiżmi selvaġġi, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-effetti pożittivi li l-ilpup jista' jkollhom fuq is-saħħa tal-ekosistema kollha; jitlob li titfassal politika standardizzata għall-identifikazzjoni tal-ibridi u approċċ trasparenti, inkluż l-iskambju transfruntier ġeneralizzat ta' kampjuni tad-DNA tal-lupu bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka;

5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lir-reġjuni li qed jiffaċċjaw kunflitti ta' koeżistenza li qed jiżdiedu biex jiċċaraw kif għandhom jagħmlu użu xieraq u responsabbli mill-flessibbiltà li diġà teżisti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-linji gwida eżistenti dwar il-protezzjoni stretta tal-ispeċijiet, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, fid-dawl taż-żieda fil-popolazzjonijiet tal-karnivori kbar u ż-żieda fil-kunflitti ta' koeżistenza; iħeġġeġ, fl-istess ħin, lill-Istati Membri jużaw aħjar il-linji gwida eżistenti u jaġixxu b'mod effettiv biex jipprevjenu, jimmitigaw u jikkumpensaw il-ħsarat ikkawżati minn karnivori kbar; jirrimarka li dan għandu jqis id-diversità madwar l-Unjoni Ewropea u għandu jiġi żviluppat f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet ikkonċernati biex jiġi żgurat approċċ ta' ġestjoni fil-livell tar-reġjuni bijoġeografiċi u fil-livell tal-popolazzjonijiet madwar l-Istati Membri;

6. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-użu ta' derogi għall-kontroll ta' karnivori kbar, inklużi l-orsijiet, ikun separat b'mod ċar mill-attività tal-kaċċa; jisħaq li sistema ta' derogi ma tistax titqabbel ma' sistema bbażata fuq il-kwoti tal-kaċċa fejn ma jiġi stabbilit l-ebda objettiv ċar bl-allokazzjoni tan-numri ta' intervent, b'mod partikolari jekk ma jkunux ġew eżawriti soluzzjonijiet alternattivi u miżuri preventivi, u jekk ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti l-effetti tal-implimentazzjoni tagħha;

7. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jippromwovu modi u mezzi biex jimminimizzaw u, meta jkun possibbli, isibu soluzzjonijiet għal kunflitti bejn l-interessi tal-bniedem u l-preżenza ta' speċijiet ta' karnivori kbar billi jiskambjaw l-għarfien u billi jaħdmu flimkien b'mod miftuħ, kostruttiv u b'rispett reċiproku;

8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu kampanji ċari ta' sensibilizzazzjoni u jtejbu l-kooperazzjoni u l-għarfien transkonfinali dwar il-koeżistenza tal-bniedem ma' karnivori kbar fl-Ewropa, bi tweġiba għat-tħassib tal-bdiewa u taċ-ċittadini;

9. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-preżenza dejjem akbar ta' karnivori kbar fl-Ewropa fuq il-vijabbiltà tat-trobbija tal-bhejjem, il-bijodiversità, il-komunitajiet rurali u t-turiżmu rurali, inkluż it-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura, fil-kuntest tal-fatturi soċjoekonomiċi li għandhom impatt fuq il-vijabbiltà tat-trobbija tal-bhejjem; jisħaq li l-mekkaniżmi ta' pagament ta' kumpens għandhom jitfasslu b'tali mod li t-trobbija tal-bhejjem u l-preżenza ta' karnivori kbar ma jirriżultawx f'telf fil-profitti għall-bdiewa; jisħaq ukoll li l-miżuri protettivi ma għandhomx ikunu għaljin b'mod sproporzjonat;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw l-impatt li l-attakki minn karnivori kbar jista' jkollhom fuq il-benessri tal-annimali, inklużi l-korrimenti, l-abort, it-tnaqqis fil-fertilità, it-telf tal-annimali, it-telf tal-integrità tal-merħla, u l-imwiet ta' klieb tal-għassa u ta' klieb tal-kaċċa, kif ukoll l-impatt fuq l-introjtu tal-bdiewa u spejjeż ogħla tal-manodopera u tal-materjal, filwaqt li jitqies ukoll jekk ġewx implimentati miżuri preventivi u kemm kienu effettivi;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw valutazzjoni solida u komprensiva tat-theddid u l-pressjonijiet rilevanti kollha fuq kull speċi ta' karnivori kbar u l-ħabitats tagħhom fil-livell Ewropew u f'kull Stat Membru, jew permezz ta' kawżi naturali jew fatturi kkawżati mill-bniedem, bħall-qtil illegali (kaċċa illegali), il-qbid u l-qtil inċidentali jew it-tnaqqis fid-daqs jew fil-kwalità tal-ħabitats tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jidentifikaw ukoll żoni ta' konnettività ta' prijorità għall-popolazzjonijiet tal-karnivori kbar u jidentifikaw l-aktar kurituri ekoloġiċi importanti, ostakli ta' tixrid, sezzjonijiet ta' toroq b'mortalità għolja u karatteristiċi importanti oħra tal-pajsaġġ li jappartjenu għan-natura fframmentata tad-distribuzzjoni ta' karnivori kbar sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-ħabitat;

12. Jisħaq li l-azjendi agrikoli tal-bhejjem fir-reġjun bijoġeografiku tal-Alpi u żoni muntanjużi oħra huma partikolarment vulnerabbli għall-attakki mill-ilpup li qed jiżdiedu; jirrimarka li l-azjendi f'dawn ir-reġjuni spiss ikunu żgħar u jiffaċċjaw spejjeż addizzjonali għoljin, filwaqt li għandhom rwol importanti fil-preżervazzjoni tal-pajsaġġi muntanjużi u fis-salvagwardja tal-bijodiversità f'xi reġjuni inospitabbli fejn l-erbivori selvaġġi kbar ikunu sparixxew jew ikunu għadhom ma ġewx introdotti mill-ġdid, peress li huma għodda kosteffettiva bbażata fuq in-natura għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta' fenomeni bħall-erożjoni, u n-nirien fil-foresti; jirrimarka li żoni bħall-mergħat Nardus għonja fl-ispeċijiet, fuq substrati siliċiċi f'żoni muntanjużi u mergħat kalkarji Alpini u sub-Alpini huma partikolarment siewja għall-konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats; jirrimarka li fattur ewlieni għall-konservazzjoni ta' dawn iż-żoni huwa ragħa estensiv, pereżempju mill-bovini u ż-żwiemel, jew it-tħaris minn ragħaj li jservi ta' gwida; jinnota li ż-żieda fil-popolazzjonijiet tal-karnivori kbar, flimkien mal-imprattikabbiltà ta' miżuri protettivi f'postijiet topografiċi estremi, bħal f'żoni muntanjużi u skarsament popolati, tista' twassal għall-abbandun gradwali tar-ragħa; jistieden lill-Kummissjoni tipproteġi u tippreżerva prattiki agrikoli tradizzjonali, bħall-pastoraliżmu, il-mudell tar-ragħa agrikolu, il-prattika ta' transumanza rikonoxxuta mill-UNESCO u l-istil ta' ħajja tal-bdiewa pastorali, permezz ta' soluzzjonijiet konkreti; jirrikonoxxi li wħud minn dawn il-prattiki jistgħu jiġu koperti mil-lista proposta ta' prattiki agrikoli potenzjali ffinanzjati mill-iskemi ekoloġiċi;

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-miżuri preventivi disponibbli bħalissa, inklużi x-xatbiet u l-klieb tal-għassa, li jkollhom suċċess f'xi reġjuni tal-UE, jistgħu jippreżentaw piżijiet finanzjarji u tax-xogħol addizzjonali għall-bdiewa, mhux dejjem ikunu appoġġjati minn finanzjament tal-UE jew nazzjonali u jkollhom grad differenti ta' effiċjenza u effettività skont il-kundizzjonijiet lokali; jisħaq, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ finanzjarju għall-miżuri preventivi għandu jkun akkumpanjat minn appoġġ konsultattiv lil dawk li jrabbu l-bhejjem, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni komprensiva u f'waqtha tagħhom; jenfasizza li n-natura tat-terren, iċ-ċirkostanzi ġeografiċi, l-istorja ta' koeżistenza ma' karnivori kbar u fatturi prevalenti oħra, bħat-turiżmu, li spiss ikun essenzjali għaż-żoni kkonċernati, jeħtieġ li jitqiesu meta jiġu implimentati miżuri preventivi u meta jitqiesu d-derogi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu, f'każijiet li fihom il-popolazzjonijiet ta' karnivori kbar qed jespandu, l-importanza li jiġu żviluppati u implimentati strateġiji ta' mitigazzjoni b'mod proattiv f'konformità mad-Direttiva dwar il-Ħabitats, abbażi ta' evidenza xjentifika;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw u jappoġġjaw xjentifikament l-aħjar miżuri preventivi fattibbli biex jitnaqqsu l-attakki u l-ħsarat tal-predazzjoni tal-bhejjem minn karnivori kbar, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi reġjonali u lokali tal-Istati Membri u biex il-bdiewa jiġu appoġġjati ħalli japplikaw għal dawn il-miżuri preventivi; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi rekwiżiti xierqa għall-kejl u r-rapportar tal-effettività tal-miżuri ta' mitigazzjoni tal-ħsarat investigati fi proġetti ffinanzjati mill-UE, bħal permezz tal-programm LIFE, filwaqt li tagħti prijorità lill-metodi ta' valutazzjoni oġġettivi u kwantitattivi, filwaqt li jiġu evitati piżijiet amministrattivi sproporzjonati li jistgħu jiskoraġġixxu lill-applikanti tal-proġetti; jitlob, barra minn hekk, li ssir valutazzjoni tal-impatt dwar l-implimentazzjoni ta' metodi ta' ġestjoni attiva;

15. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw pjanijiet komprensivi ta' azzjoni dwar l-ispeċijiet jew pjanijiet ta' konservazzjoni u/jew ta' ġestjoni, li fihom l-ebda wieħed minnhom ma jkun diġà stabbilit; jinnota li l-ippjanar tal-ġestjoni għandu jqis id-densitajiet tal-bniedem, l-istrutturi tal-pajsaġġ, it-trobbija tal-annimali f'mergħat fil-ftuħ, l-istat ta' konservazzjoni, attivitajiet rilevanti oħra tal-bniedem u l-popolazzjonijiet ta' ungulati selvaġġi;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw opportunitajiet ta' finanzjament adegwati u fit-tul għal miżuri preventivi xierqa u kumpens adegwat għall-bdiewa mhux biss għal kwalunkwe telf imġarrab u spejjeż li jirriżultaw minn attakki ta' karnivori kbar, iżda wkoll għall-miżuri ta' mitigazzjoni implimentati, sabiex jiġu żgurati l-koeżistenza ta' karnivori kbar u prattiki sostenibbli tat-trobbija tal-bhejjem; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-għadd dejjem akbar ta' attakki minn karnivori kbar ifisser li kemm ir-riżorsi ddedikati għall-protezzjoni tal-annimali domestikati kif ukoll il-ħlasijiet ta' kumpens qed jiżdiedu wkoll; iqis li l-kumpens li jitħallas lil dawk li jrabbu l-bhejjem wara attakk ivarja minn Stat Membru għal ieħor; jistieden lill-Kummissjoni tqis li temenda l-linji gwida agrikoli tagħha li jirrikonoxxu l-kumpens għall-ħsarat ikkawżati minn predaturi kbar bħala għajnuna mill-Istat, peress li t-telf li jġarrbu l-produtturi ma għandu l-ebda rabta mal-attività agrikola tagħhom;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Novembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza