Kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (dibattitu)
David Casa (PPE). – Sinjura President, nirringrazzja l-ewwel nett lir-Rapporteur għal dan ix-xogħol illi għandna quddiemna għaliex matul is-snin ix-xogħol inbidel u issa aħna rridu nadattaw għal din ir-realtà ġdida u biex naslu għal dan, ir-regoli tal-Unjoni Ewropea jridu jkunu aġġornati u modernizzati. Dan hu pass żgħir, imma pass ieħor biex noħolqu Ewropa soċjali illi ilna naħdmu għaliha, speċjalment f'dawn l-aħħar ħames snin, u hawn irrid nirringrazzja lill-Kummissarju Marianne Thyssen kif ukoll lill-President Jean-Claude Juncker u flimkien mal-membri ta' din il-kamra, speċjalment lill-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali, l-Affarijiet tax-Xogħol għamilna ħilitna kollha biex inħallu l-Ewropa iktar soċjali milli hija llum.
U din id-Direttiva li għandna quddiemna, din id-dikjarazzjoni, hija bżonjuża għaliex illum ix-xogħol hu diġitali u għandna tipi ta' kuntratti ġodda u anki forom differenti ta' impjiegi. Ir-realtà hi li l-kuntratti "short term", qosra, kuntratti magħrufa bħala "zero hours" u kuntratti "on demand" infirxu kullimkien, u issa din id-Direttiva qiegħda tagħmel indirizz fuq dan it-tip ta' kuntratti. U allura aħna għandna issa mod ta' kif nipproteġu iktar lill-ħaddiema, fuq dawk li qed jaħdmu fuq pjattaformi diġitali. U allura għal darba oħra nirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti biex illum għandna dan id-dokument quddiemna.