Id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament
22.4.2021
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000030/2021
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Antonio Tajani, Domènec Ruiz Devesa
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Wara l-proposta biex tiġi sostitwita d-Deċiżjoni 95/167 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament, li ġiet adottata mill-Parlament fis-16 ta' April 2014, il-Kunsill u l-Kummissjoni esprimew ir-rieda istituzzjonali u politika tagħhom li jibdew djalogu bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar test legali ġdid.
F'dokument informali ta' Mejju 2018, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali ssuġġerixxa formulazzjoni ġdida għall-proposta adottata, filwaqt li aċċetta xi tħassib espress mill-Kunsill. Madankollu, il-Kunsill qajjem "tħassib legali u istituzzjonali serju" rigward partijiet mit-test il-ġdid issuġġerit, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, minkejja l-ftuħ tal-Parlament.
Wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta' April 2019 dwar in-negozjati mal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-proposta leġiżlattiva għal regolament dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew, il-Konferenza tal-Presidenti ddeċidiet, fis-16 ta' Ottubru 2019, li terġa' tibda l-proċedura abbażi tal-proposta inizjali tal-Parlament.
Il-Kunsill u l-Parlament għandhom b'mod ċar interpretazzjoni differenti tal-proċedura leġiżlattiva speċjali stabbilita fl-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li teħtieġ il-kunsens tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Filwaqt li l-interpretazzjoni tal-Parlament hija li din il-bażi legali tirrikjedi li t-tliet istituzzjonijiet jaħdmu in bona fede lejn ftehim dwar test komuni, il-Kunsill ma jħossux marbut li jidħol f'negozjati u qed jirrifjuta li jiddiskuti r-regolament li ġie ssuġġerit mill-Parlament.
Il-Kummissjoni tista' tispjega r-raġunijiet għal dan l-imblokk u tipprovdi soluzzjonijiet istituzzjonali għal dan il-proċess speċifiku ta' djalogu politiku, filwaqt li tqis in-natura speċjali tal-proċedura leġiżlattiva u r-rwol li t-tliet istituzzjonijiet għandhom fiha, bil-ħsieb li jinkiseb djalogu kostruttiv li jmur lil hinn mir-rifjut totali tat-test leġiżlattiv?
Il-Kummissjoni tista' tassigura lill-Parlament li se tidħol malajr fi djalogu politiku miegħu biex jintlaħaq ftehim li jippermetti li l-proċedura tiġi konkluża, u biex jiġi stabbilit il-qafas legali xieraq għall-implimentazzjoni tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament, li jirrappreżenta pedament tad-demokrazija parlamentari?
Imressqa: 22.4.2021
Skadenza: 23.7.2021