Sajd u akkwakultura reżiljenti għat-tibdil fil-klima fl-UE
12.5.2021
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000034/2021
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Pierre Karleskind
f'isem il-Kumitat għas-Sajd
Fl-24 ta' Frar, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni bl-isem "Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima", li tistabbilixxi kif l-UE tista' tadatta għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima u ssir reżiljenti għat-tibdil fil-klima sal-2050. Il-miżuri ta' adattament huma kruċjali biex jiġu indirizzati l-effetti ta' klima li qed tinbidel billi jinbnew soċjetajiet reżiljenti li kapaċi jimminimizzaw l-impatti negattivi. L-istrateġija tissottolinja speċifikament il-ħtieġa li jiġu promossi miżuri ta' adattament f'setturi vulnerabbli ewlenin bħas-sajd u l-akkwakultura. Iż-żewġ setturi huma essenzjali għall-għajxien u għall-patrimonju kulturali ta' bosta komunitajiet kostali fl-Unjoni, speċjalment dawk fejn is-sajd kostali fuq skala żgħira għandu rwol importanti.
Peress li l-età medja f'ħafna komunitajiet tas-sajd hija 'l fuq minn 50 sena, it-tiġdid ġenerazzjonali u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet għadhom sfida, u l-impatti negattivi inevitabbli tat-tibdil fil-klima u t-telf relatat ta' impjiegi joħolqu theddida serja. F'dan il-kuntest, napprezzaw it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin:
- 1.Il-Kummissjoni x'miżuri se tipproponi biex jitrawmu setturi tas-sajd u tal-akkwakultura reżiljenti għat-tibdil fil-klima fl-UE? B'mod partikolari, peress li l-istrateġija proposta ma tipprevedi l-ebda mira u objettiv legalment vinkolanti, liema għanijiet u miri konkreti huma previsti biex jitkejjel il-progress?
- 2.Fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha dwar il-funzjonament tal-politika komuni tas-sajd (PKS), il-Kummissjoni kif se tkopri l-aspett tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, jiġifieri l-PKS kif tindirizza l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih? X'miżuri konkreti huma previsti biex jiġu indirizzati, mitigati u miġġielda l-impatti negattivi u t-telf probabbli ta' impjiegi f'setturi affettwati mit-tibdil fil-klima bħalma huma s-sajd u l-akkwakultura? Il-Kummissjoni xi proposti se tippreżenta lill-koleġiżlaturi biex dawn is-setturi jsiru reżiljenti?
- 3.Il-Kummissjoni xi proposti se tressaq biex tintegra l-kunsiderazzjonijiet dwar ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima fil-ġestjoni tar-riżorsi bħas-sajd (b'ġestjoni konġunta ma' sħab oħra) jew il-protezzjoni tal-bijodiversità f'żoni lil hinn mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali, jiġifieri dawk regolati mill-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar? Il-Kummissjoni kif se timpenja ruħha mal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd f'dan ir-rigward biex tippromwovi r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima?
Imressqa: 12.5.2021
Skadenza: 13.8.2021