MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-tisħiħ tal-appoġġ konsistenti tal-UE lill-Ukrajna kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u ż-żieda fil-kooperazzjoni militari bejn il-Korea ta’ Fuq u r-Russja
26.11.2024 - (2024/2940(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B10‑0191/2024 (Verts/ALE)
B10‑0192/2024 (PPE)
B10‑0193/2024 (S&D)
B10‑0198/2024 (Renew)
B10‑0200/2024 (ECR)
Michael Gahler, Danuše Nerudová, Sandra Kalniete, Andrzej Halicki, David McAllister, Sebastião Bugalho, Željana Zovko, Siegfried Mureşan, Nicolás Pascual de la Parte, Isabel Wiseler‑Lima, Mika Aaltola, Wouter Beke, Krzysztof Brejza, Daniel Caspary, Jan Farský, Rasa Juknevičienė, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Mirosława Nykiel, Ana Miguel Pedro, Paulius Saudargas, Davor Ivo Stier, Michał Szczerba, Alice Teodorescu Måwe, Ingeborg Ter Laak, Matej Tonin, Pekka Toveri, Inese Vaidere
f’isem il-Grupp PPE
Yannis Maniatis, Nacho Sánchez Amor, Sven Mikser, Thijs Reuten, Raphaël Glucksmann, César Luena, Evin Incir
f’isem il-Grupp S&D
Joachim Stanisław Brudziński, Adam Bielan, Rihards Kols, Mariusz Kamiński, Reinis Pozņaks, Alexandr Vondra, Veronika Vrecionová, Michał Dworczyk, Sebastian Tynkkynen, Roberts Zīle, Assita Kanko, Charlie Weimers, Aurelijus Veryga, Jaak Madison, Jadwiga Wiśniewska, Maciej Wąsik, Małgorzata Gosiewska
f’isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Dan Barna, Benoit Cassart, Olivier Chastel, Veronika Cifrová Ostrihoňová, Engin Eroglu, Bart Groothuis, Karin Karlsbro, Ľubica Karvašová, Michał Kobosko, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Marie‑Agnes Strack‑Zimmermann, Hilde Vautmans, Lucia Yar, Dainius Žalimas
f’isem il-Grupp Renew
Villy Søvndal
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Per Clausen, Hanna Gedin, Jonas Sjöstedt, Li Andersson, Merja Kyllönen, Jussi Saramo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-appoġġ konsistenti tal-UE lill-Ukrajna kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u ż-żieda fil-kooperazzjoni militari bejn il-Korea ta’ Fuq u r-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja, b’mod partikolari dawk tas-17 ta’ Lulju 2024 dwar il-ħtieġa tal-appoġġ kontinwu tal-UE għall-Ukrajna[1] u tad-19 ta’ Settembru 2024 dwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE[2], u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjonijiet ta’ The Hague, il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Att Finali ta’ Helsinki, il-Karta ta’ Pariġi għal Ewropa Ġdida u l-Memorandum ta’ Budapest dwar il-Garanziji ta’ Sigurtà,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna[3], ir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni tas-Self għall-Ukrajna u li jipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna[4], u forom oħra ta’ appoġġ tal-UE lill-Ukrajna,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Korea Cho Tae-yul u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Josep Borrell tal-4 ta’ Novembru 2024, dwar il-Kooperazzjoni bejn ir-RDPK u r-Russja,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy lill-Parlament Ewropew fid-19 ta’ Novembru 2024, li jimmarka 1 000 jum mill-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja tal-Ukrajna,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Korea ta’ Fuq, inkluża r-Riżoluzzjoni 1718 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-14 ta’ Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana tat-8 ta’ Novembru 2024 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea tal-2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2 u 4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-Russja ilha mill-24 ta’ Frar 2022 twettaq gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u inġustifikata kontra l-Ukrajna, b’kontinwazzjoni tal-aggressjoni preċedenti tagħha mill-2014, inkluża l-annessjoni illegali tal-Krimea u l-okkupazzjoni ta’ partijiet mir-reġjuni ta’ Donetsk u ta’ Luhansk, u tikser b’mod persistenti, sfaċċat u gravi l-prinċipji tal-Karta tan-NU u tad-dritt umanitarju internazzjonali, kif stabbilit mill-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949;
B. billi l-forzi tar-Russja attakkaw b’mod sistematiku u mhux diskriminatorju ż-żoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili, u dan ikkawża l-imwiet ta’ eluf ta’ ċivili Ukreni u l-qerda ta’ proprjetà pubblika u privata; billi l-forzi Russi huma responsabbli għad-deportazzjonijiet u għall-għajbien furzati, inkluż tat-tfal, għall-priġunerija illegali, għat-tortura, għall-eżekuzzjonijiet ta’ ċivili, ta’ suldati u ta’ priġunieri tal-gwerra, u għall-atti ta’ terroriżmu, inkluż l-użu ta’ vjolenza sesswali u ta’ stupru tal-massa bħala armi tal-gwerra, u jkomplu jbiddlu l-kompożizzjoni etnika tat-territorji okkupati tal-Ukrajna;
C. billi r-Russja eskalat l-attakki mill-ajru tagħha kontra l-Ukrajna, u użat għadd sinifikanti ta’ missili u droni kontra l-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-elettriku madwar il-pajjiż kollu, u dan wassal għall-qtugħ fl-enerġija u l-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ razzjonar mal-pajjiż kollu mħabbra minn Ukrenergo, il-fornitur primarju tal-elettriku tal-Ukrajna, biex jistabbilizzaw is-sistema tal-enerġija;
D. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jinsabu f’solidarjetà mal-Ukrajna, billi impenjaw appoġġ umanitarju, finanzjarju u militari sinifikanti biex jgħinu d-difiża tal-Ukrajna sakemm din tkun tista’ tirbaħ u tirkupra; billi, madankollu, għad hemm livell insuffiċjenti ta’ għajnuna militari kemm f’termini ta’ kwalità u kemm ta’ kwantità kif ukoll dewmien fil-kunsinna effettiva ta’ armi u munizzjon lill-Ukrajna wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kunsinna; billi għadd sinifikanti tas-sistemi li l-Ukrajna kellha tirċievi wara d-deċiżjoni meħuda fis-Summit tan-NATO għadhom ma ġewx fornuti;
E. billi għadd ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-Iran, il-Korea ta’ Fuq u l-Belarussja, ipprovdew lir-Russja kunsinni sostanzjali ta’ armi u munizzjon, u l-Belarussja ppermettiet lir-Russja tuża t-territorju tagħha biex attakka lill-Ukrajna;
F. billi t-Trattat dwar Sħubija Strateġika Komprensiva bejn ir-Russja u l-Korea ta’ Fuq, iffirmat fit-18 ta’ Ġunju 2024, jagħti mandat għal assistenza militari reċiproka, inkluż appoġġ nukleari u konvenzjonali, f’każ ta’ aggressjoni armata, u b’hekk jissaħħu r-rabtiet militari bejn iż-żewġ nazzjonijiet; billi dan l-iżvilupp jgħaqqad sfidi sinifikanti għas-sigurtà kemm fl-Asja kif ukoll fl-Ewropa, filwaqt li jkompli jikkomplika l-istabbiltà globali;
G. billi l-Korea ta’ Fuq u r-Russja eskalaw b’mod dirett il-kunflitt fl-Ukrajna bl-iskjerament ta’ truppi Nord Koreani flimkien mal-forzi Russi, li jimmarka espansjoni perikoluża tal-gwerra, b’implikazzjonijiet serji għas-sigurtà reġjonali u globali; billi t-trasferimenti tal-armi tal-Korea ta’ Fuq lejn ir-Russja, inkluż il-forniment ta’ munizzjon u tagħmir militari, jikkostitwixxu ksur ċar tas-sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mmirati lejn il-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi mill-Korea ta’ Fuq;
H. billi l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy irrapporta li 11 000 suldat Nord Koreani diġà ġew skjerati qrib il-fruntieri tal-Ukrajna, u dan il-kontinġent potenzjalment jista’ jkompli jiżdied; billi l-Korea ta’ Fuq, bi skambju għall-forniment ta’ munizzjon u truppi, tirċievi ikel, żejt u flus tant meħtieġa mir-Russja, u possibbilment assistenza fl-iżvilupp ta’ għarfien dwar l-armi nukleari u t-teknoloġija tal-missili;
I. billi l-Korea ta’ Fuq eskalat it-theddid tagħha, abbandunat il-politika tagħha ta’ unifikazzjoni u kompliet il-provokazzjonijiet fir-reġjun, b’mod partikolari permezz ta’ testijiet ta’ missili u dimostrazzjonijiet militari, li jżidu r-riskju ta’ kunflitt militari u jimminaw l-isforzi għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt Korean;
J. billi allegatament il-forzi armati tar-Russja rreklutaw mijiet ta’ merċenarji Houthi Jemeniti biex jiġġieldu fil-kunflitt fl-Ukrajna, iffaċilitati minn operazzjoni ta’ traffikar misterjuża li turi r-rabtiet dejjem akbar bejn Moska u l-grupp tar-ribelli Houthi;
K. billi l-Iran ittrasferixxa kunsinni ta’ missili ballistiċi għal użu fuq medda qasira Fath-360 lejn ir-Russja; billi l-UE, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit introduċew sett ġdid ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran b’rispons għal dan;
L. billi ċ-Ċina llum hija l-akbar fornitur ta’ oġġetti b’użu doppju u oġġetti militari li jsostnu l-bażi militari tar-Russja u l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; billi l-UE għandha evidenza konklużiva li d-droni armati qed jiġu prodotti għall-militar Russu fir-reġjun tal-Punent taċ-Ċina Xinjiang;
M. billi l-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni li għadhom kif ġew eletti wiegħdu minnufih li jżommu l-appoġġ sod tagħhom għall-Ukrajna; billi l-President elett tal-Istati Uniti huwa mistenni jagħmel l-istess; billi kwalunkwe ħaġa għajr ir-rebħa għall-Ukrajna titqies b’mod wiesa’ bħala telfa strateġika kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-Istati Uniti u jkollha konsegwenzi estensivi għas-sigurtà tagħhom;
N. billi l-President tal-Istati Uniti Joe Biden awtorizza lill-Ukrajna tuża Army Tactical Missile Systems (ATACMS) magħmula fl-Istati Uniti fir-reġjun ta’ Kursk tal-Federazzjoni Russa; billi Franza u r-Renju Unit ipprovdew lill-Ukrajna missili kruċieri Storm Shadow/SCALP, biż-żewġ pajjiżi jippermettu l-użu tagħhom kontra miri Russi; billi l-Ġermanja qed tkompli l-politika tagħha li żżomm lura milli twassal missili fuq distanzi twal, l-hekk imsejħa Taurus, lill-Ukrajna;
O. billi fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, id-dritt tal-Ukrajna għad-difiża leġittima jinkludi azzjoni militari proporzjonali li testendi lil hinn mit-territorju tagħha stess; billi l-Ukrajna allegatament użat is-sistemi ta’ armi għal użu fuq medda twila mogħtija b’donazzjoni kontra bersalli militari fit-territorju Russu wara t-tneħħija reċenti tar-restrizzjonijiet minn pajjiżi donaturi;
P. billi r-Russja attakkat il-belt Ukrena ta’ Dnipro fil-21 ta’ Novembru 2024 b’missila ballistika ta’ medda intermedja;
Q. billi minn Frar 2022 ’l hawn, l-UE adottat 14-il pakkett ta’ sanzjonijiet bil-għan li b’mod partikolari jillimitaw kemm jista’ jkun il-kapaċità tal-Kremlin li jiffinanzja l-gwerra li beda; billi dawn is-sanzjonijiet huma stabbiliti għal perjodu ta’ sitt xhur kull darba; billi ma ġietx adottata proposta biex it-tul tas-sanzjonijiet jiġi estiż għal tliet snin; billi l-proposta ġiet imblukkata mill-veto tal-Ungerija, li jfixkel l-istabbiltà u l-appoġġ siguri u fit-tul għal din l-istruttura ta’ self;
R. billi l-appoġġ militari ġenerali tal-UE għall-Ukrajna – ipprovdut permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) u mill-Istati Membri direttament – jammonta għal madwar EUR 43,5 biljun; billi f’Awwissu 2024, l-UE mmobilizzat biss l-ewwel segment – EUR 1,4 biljun – ta’ profitti mhux mistennija minn assi ffriżati tal-Bank Ċentrali tar-Russja permezz tal-EPF biex tappoġġja ulterjorment assistenza militari għall-Ukrajna;
S. billi l-UE, flimkien mal-pajjiżi tal-G7, adottat il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna, li juża l-profitti mhux mistennija mill-assi Russi ffriżati biex iħallas lura s-self ipprovdut mill-UE lill-Ukrajna; billi dawn l-assi ffriżati għadhom mhumiex qed jintużaw direttament biex jappoġġjaw lill-Ukrajna finanzjarjament, iżda l-profitti mhux mistennija ta’ dawn l-assi ffriżati biss; billi l-UE se tipprovdi sa EUR 35 biljun f’assistenza makrofinanzjarja ġdida bħala parti mill-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna;
T. billi l-Ungerija qed timblokka kemm il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna ta’ EUR 5 biljun li ġie stabbilit reċentement f’Marzu 2024 fi ħdan l-EPF kif ukoll it-tmien segment tar-rimborżi tal-EPF għall-Istati Membri li ilhom jagħtu għajnuna militari lill-Ukrajna għal kważi sentejn; billi l-Prim Ministru Ungeriż u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tiegħu vvjaġġaw lejn Moska biex jiddjalogaw ma’ stat aggressur;
U. billi l-President Volodymyr Zelenskyy, fid-diskors tiegħu lill-Verkhovna Rada fid-19 ta’ Novembru 2024, ippreżenta l-Pjan ta’ Reżiljenza Interna tal-Ukrajna, li jinkludi 10 punti ewlenin: l-unità, il-front, l-armament, il-flus, l-enerġija, is-sigurtà, il-komunitajiet, il-kapital uman, is-sovranità kulturali u l-politika dwar l-eroj; billi l-President Zelenskyy ippreżenta l-Formula ta’ Paċi tal-Ukrajna f’Settembru 2022, li tiddeskrivi 10 rekwiżiti għal paċi ġusta għall-Ukrajna u għar-restawr tal-ordni bbażata fuq ir-regoli;
1. Itenni l-kundanna tiegħu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li damet għal aktar minn 1 000 jum, mingħajr ma tingħadd l-aggressjoni li bdiet fl-2014, u tal-involviment u l-appoġġ ta’ pajjiżi terzi f’din il-gwerra; jitlob li r-Russja twaqqaf minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna, tirtira mingħajr kundizzjoni l-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna, tirrilaxxa lill-priġunieri tal-gwerra tal-Ukrajna u lill-persuni ċivili tal-Ukrajna miżmuma illegalment, tirritorna t-tfal tal-Ukrajna sekwestrati u tikkumpensa lill-Ukrajna għad-danni kkawżati lill-persuni, lill-art, lin-natura u lill-infrastruttura;
2. Jikkundanna wkoll l-eskalazzjoni kontinwa tar-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, b’mod partikolari l-ibbumbardjar tagħha fuq il-persuni ċivili u infrastruttura kritika, ir-rikors tagħha għall-Korea ta’ Fuq biex tipprovdi truppi għall-ġlieda kontra l-armata tal-Ukrajna u l-ittestjar tagħha ta’ missili ballistiċi ġodda fl-Ukrajna; iqis li dawn il-passi eskalatorji reċenti jirrappreżentaw fażi ġdida fil-gwerra u riskju ġdid għas-sigurtà tal-Ewropa kollha kemm hi; jappella għal rispons xieraq min-naħa tal-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab l-oħra tal-Ukrajna;
3. Ifakkar li kwalunkwe theddida nukleari mir-Russja mhux se tiskoraġġixxi lill-UE milli tipprovdi aktar assistenza lill-Ukrajna għall-awtodifiża tagħha; iħeġġeġ lill-istati kollha jirrifjutaw in-normalizzazzjoni tal-intimidazzjoni nukleari;
4. Jesprimi s-solidarjetà assoluta tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna; itenni l-impenn sod tal-UE għas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ solidarjetà akbar u aċċellerata tal-UE fl-għoti ta’ appoġġ politiku, militari, umanitarju, ekonomiku u finanzjarju lill-Ukrajna sar-rebħa tal-Ukrajna, sabiex tintemm il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u l-Ukrajna titħalla tillibera l-poplu kollu tagħha; itenni li l-Ukrajna, bħala vittma ta’ aggressjoni, għandha dritt leġittimu għall-awtodifiża f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; itenni l-impenn tal-UE għal paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna, ibbażata fuq is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha, u jappoġġja l-Formula ta’ Paċi tal-Ukrajna bħala qafas għall-involviment internazzjonali;
5. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b’mod attiv biex jinżamm u jinkiseb l-aktar appoġġ internazzjonali mifrux possibbli għall-Ukrajna u jidentifikaw soluzzjoni paċifika għall-gwerra, li trid tkun ibbażata fuq ir-rispett sħiħ tal-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-obbligu ta’ rendikont għad-delitti tal-gwerra u għad-delitt ta’ aggressjoni mwettqa mir-Russja, u l-kumpens u pagamenti oħra min-naħa tar-Russja għad-dannu enormi materjal u immaterjali kkawżat fl-Ukrajna; jinsisti li l-ebda negozjati dwar l-Ukrajna ma jistgħu jsiru mingħajr l-Ukrajna; jappella għall-involviment tal-UE u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Formula ta’ Paċi tal-Ukrajna u fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex isir it-tieni Summit dwar il-Paċi, filwaqt li jiġu involuti wkoll pajjiżi min-Nofsinhar Globali; huwa konvint li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jipparteċipaw fl-istabbiliment tal-garanziji ta’ sigurtà robusti futuri tal-Ukrajna, abbażi tal-Formula ta’ Paċi u l-Pjan ta’ Vittmi tal-Ukrajna, bi strateġija ċara, għanijiet speċifiċi u pjan direzzjonali konkret; jiddispjaċih dwar it-telefonata reċenti tal-Kanċillier Ġermaniż ma’ Vladimir Putin;
6. Jiddenunzja l-Iran, il-Belarussja u l-Korea ta’ Fuq għall-appoġġ militari tagħhom lir-Russja, u b’mod partikolari l-appoġġ militari kollu tal-Korea ta’ Fuq għar-Russja, li jkompli jaggrava l-kunflitt; itenni li kemm il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Korea ta’ Fuq fil-gwerra u l-programmi nukleari u tal-missili tagħha jikkostitwixxu theddid serju għall-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; jikkundanna l-iffirmar u r-ratifika reċenti tat-Trattat dwar Sħubija Strateġika Komprensiva bejn ir-Russja u l-Korea ta’ Fuq, reġim li jinsab sottomess għal reġim ta’ sanzjonijiet l-aktar komprensiv impost min-NU; iħeġġeġ lill-Korea ta’ Fuq tirtira t-truppi tagħha u ttemm il-kooperazzjoni militari mar-Russja; jistieden lir-Russja twaqqaf il-forom kollha ta’ kooperazzjoni militari u teknoloġika mal-Korea ta’ Fuq u tirrispetta l-obbligi tagħha skont it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni u diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; iwissi dwar l-implikazzjonijiet serji ta’ din is-sħubija militari biex tispira reġimi awtokratiċi oħra ħalli jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’kunflitti militari;
7. Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, il-provvista taċ-Ċina ta’ oġġetti b’użu doppju u oġġetti militari lejn ir-Russja; ifakkar liċ-Ċina dwar ir-responsabbiltajiet tagħha, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex tiddefendi l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, u għalhekk jitlob lil Beijing biex ittemm l-assistenza kollha tagħha militari jew ta’ użu doppju lir-Russja u l-gwerra tagħha ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; jissottolinja li rifjut li tinbidel id-direzzjoni dwar din il-kwistjoni joħloq riskju li jista’ jaffettwa serjament ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina; jenfasizza l-influwenza sinifikanti taċ-Ċina fuq il-Korea ta’ Fuq u r-Russja u jħeġġeġ liċ-Ċina tgħin biex tnaqqas it-tensjonijiet u tipprevjeni ż-żieda ulterjuri fl-ostilitajiet; jesprimi tħassib serju dwar l-effett li għandhom id-dipendenzi Ewropej fuq iċ-Ċina fuq il-kredibbiltà tal-kapaċità tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali tagħhom u l-UE kollha kemm hi;
8. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tieħu azzjoni rapida u deċiżiva biex tindirizza din l-eskalazzjoni allarmanti; jappella għal kooperazzjoni internazzjonali msaħħa biex jiġi pprevenut it-trasport tal-armi mill-Korea ta’ Fuq lejn ir-Russja, inklużi mekkaniżmi msaħħa ta’ monitoraġġ u infurzar fl-qafas tan-NU u permezz ta’ alleanzi multilaterali; iħeġġeġ lill-UE tieħu azzjoni deċiżiva biex tissanzjona individwi u entitajiet fil-Korea ta’ Fuq li huma involuti fit-trasferimenti tal-armi u tat-truppi, kif ukoll intermedjarji li jiffaċilitaw dawn it-tranżazzjonijiet; jilqa’ l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex trażżan il-kummerċ illeċitu tal-armi tal-Korea ta’ Fuq u jenfasizza l-ħtieġa ta’ pressjoni sostnuta fuq Pyongyang biex twaqqaf l-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni tagħha; jitlob lill-Istati Membri kollha tal-UE u tan-NU jagħmlu ħilithom biex jiżguraw l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rigward il-Korea ta’ Fuq u biex jimblukkaw b’mod proattiv kwalunkwe rotta għall-Korea ta’ Fuq biex tikseb finanzjament, materjali jew għarfien għall-programmi tagħha dwar l-armi illegali;
9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jwessgħu u jsaħħu r-reġim ta’ sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq, il-Belarussja u l-Iran fid-dawl tal-appoġġ militari ta’ dawn il-pajjiżi għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u jżidu mal-listi ta’ sanzjonijiet tal-UE l-entitajiet u l-individwi Ċiniżi ewlenin kollha li jappoġġjaw direttament il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u s-settur ta’ difiża u sigurtà tar-Russja;
10. Jesprimi tħassib serju dwar il-possibbiltà ta’ kwalunkwe trasferiment ta’ teknoloġija relatata mal-missili ballistiċi jew nukleari lejn il-Korea ta’ Fuq, li ddgħajjef l-isforzi internazzjonali ta’ nonproliferazzjoni u toħloq theddida serja għall-paċi u l-istabbiltà fil-Peniżola Koreana u globalment; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f’kooperazzjoni mas-sħab tal-G7 u tal-G20, biex jiżviluppaw u jippromwovu mekkaniżmu alternattiv għall-Panel ta’ Esperti tan-NU sabiex jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar effiċjenti tas-sanzjonijiet fuq il-Korea ta’ Fuq;
11. Jesprimi tħassib serju dwar il-ksur gravi u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta’ Fuq, fejn il-politiki oppressivi tar-reġim u n-negliġenza sistemika tal-ħtiġijiet bażiċi rriżultaw fi tbatija mifruxa fost il-poplu fil-pajjiż; jikkundanna d-devjazzjoni tar-riżorsi lejn attivitajiet militari u kunflitti esterni, inkluż l-appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, b’detriment għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji urġenti fil-Korea ta’ Fuq; jappella lill-UE u lis-sħab internazzjonali jsaħħu l-isforzi biex iżommu lir-reġim Nord Korean responsabbli għall-abbużi tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ aktar appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu biex jiddokumentaw l-abbużi u jipprovdu għajnuna liċ-ċittadini Nord Koreani; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż iwaqqaf il-prattiki ta’ refoulement u jipprovdi lir-rifuġjati Nord Koreani aċċess għall-protezzjoni internazzjonali; jitlob lill-Korea ta’ Fuq tagħti lill-korpi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU aċċess għall-pajjiż biex jivvalutaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-għajbien furzat u l-kundizzjonijiet tad-detenuti u r-rifuġjati rritornati, inklużi l-każijiet ta’ Kim Cheol-ok u l-missjunarji Sud Koreani Kim Jung-wook, Kim Kook-kie u Choi Chun-gil;
12. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ strateġija komprensiva tal-UE biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet usa’ ta’ alleanzi awtoritarjani, b’mod partikolari bejn ir-Russja, il-Korea ta’ Fuq, il-Belarussja, l-Iran, iċ-Ċina u stati oħra li jimminaw l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; jappella għal sforzi attivi mill-UE u mill-Istati Membri tagħha biex jippromwovu r-reġim globali tan-nonproliferazzjoni nukleari u għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-sħab internazzjonali biex jitnaqqsu t-tensjonijiet fir-reġjun Indo-Paċifiku;
13. Jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jsaħħu l-appoġġ militari tagħhom għall-Ukrajna, inkluż permezz tal-forniment ta’ inġenji tal-ajru, missili għal użu fuq medda twila inklużi missili Taurus, sistemi moderni tad-difiża tal-ajru, inklużi Patriots u SAMP/T, u munizzjon, kif ukoll MANPADS, programmi ta’ artillerija u taħriġ għall-forzi tal-Ukrajna, u jappella għal kunsinna aċċellerata tat-tagħmir imwiegħed biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet urġenti tal-Ukrajna; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv u individwali biex jappoġġjaw lill-Ukrajna b’mod militari, b’mhux anqas minn 0,25 % tal-PDG tagħhom kull sena; jilqa’ l-iffirmar tal-impenji konġunti ta’ sigurtà bejn l-UE u l-Ukrajna u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu malajr biex jimplimentaw b’mod effettiv l-impenji li saru; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħtu prijorità biex il-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni spazjali Ewropej tal-IRIS2 isiru kompletament operazzjonali u biex jagħtu aċċess lill-Ukrajna (u lit-Tajwan) mill-aktar fis possibbli;
14. Jitlob lill-Kunsill jestendi s-sanzjonijiet tiegħu kontra r-Russja; jappella għal aktar sanzjonijiet kontra setturi ta’ importanza ekonomika speċjali għar-Russja (is-setturi metallurġiċi, nukleari, kimiċi, agrikoli u bankarji) u fuq il-materja prima Russa, bħall-aluminju, il-prodotti tal-azzar, l-uranju, it-titanju u n-nikil, għal embargo sħiħ fuq l-importazzjonijiet fl-UE tal-fjuwils fossili Russi u tal-gass naturali likwifikat, u biex il-limitu massimu tal-prezz fuq il-prodotti tal-petroleum Russi jitnaqqas aktar f’koordinazzjoni mas-sħab tal-G7, sabiex jieqaf jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja; jappella għal sanzjonijiet aktar b’saħħithom u aktar immirati kontra l-flotta mistura tar-Russja; jissottolinja l-ħtieġa li titwaqqaf kwalunkwe kooperazzjoni mar-Russja fis-settur tal-enerġija nukleari;
15. Jitlob, b’mod partikolari, lil dawk l-Istati Membri li mhumiex jissodisfaw l-impenji tagħhom rigward il-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża u l-appoġġ dirett għall-kapaċitajiet ta’ produzzjoni rilevanti biex jinvolvu ruħhom f’impriżi konġunti mal-Ukrajna jew li jagħmlu ordnijiet direttament fl-Ukrajna; jitlob lill-Istati Membri jaċċelleraw l-investimenti diretti biex iżidu l-kapaċità industrijali militari tal-Ukrajna, skont il-mudell użat mid-Danimarka; jappella lill-UE tinkludi dan il-mudell fil-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna;
16. Jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkontribwixxu b’mod attiv sabiex iżommu l-unità tas-sanzjonijiet u jsegwu malajr l-adozzjoni tal-15-il pakkett ta’ sanzjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu pressjoni attiva fuq l-Ungerija biex ittemm l-imblokk irresponsabbli tagħha tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, inkluż il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna li għadu kif ġie stabbilit, li pprevjena r-rilaxx ta’ EUR 6,6 biljun f’rimborżi parzjali lill-Istati Membri li qed jipprovdu appoġġ militari lill-Ukrajna; jisħaq li jekk l-EPF tibqa’ mblukkata sal-Kunsill Ewropew li jmiss, irid jiġi stabbilit minnufih format ġdid li jinkludi biss dawk l-Istati Membri li huma lesti u kapaċi jipprovdu għajnuna militari lill-Ukrajna, jew il-kontribuzzjonijiet nazzjonali jridu jiġu rimborżati sabiex ma jixxekkilx il-finanzjament bla xkiel tal-għajnuna bilaterali;
17. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri jindirizzaw b’mod sistematiku l-kwistjoni ta’ ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet minn kumpaniji u individwi bbażati fl-UE, partijiet terzi u stati mhux tal-UE u jadottaw u jimplimentaw b’mod strett miżuri restrittivi kontra l-entitajiet kollha li jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u jipprovdu lill-kumpless militari tar-Russja teknoloġiji u tagħmir militari u ta’ użu doppju, filwaqt li jiżguraw li ma tiġi sfruttata l-ebda lakuna biex jingħaddu armi jew riżorsi lir-Russja; iqis li huwa essenzjali li jissaħħu l-kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-manutenzjoni ta’ tagħmir ta’ teknoloġija avvanzata prodott fl-UE, u li jiżdiedu l-miżuri tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni biex tiġi pprevenuta ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jappella li jiġi intensifikat b’mod urġenti r-rieżami tal-kummerċ tal-Istati Membri tal-UE mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, kif ukoll mat-Turkija u l-Ażerbajġan fost oħrajn, peress li dawn jintużaw b’mod ċar fl-evażjoni tas-sanzjonijiet tal-UE;
18. Itenni l-appell tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrevedu t-tul attwali tas-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja, u jestendu l-perjodu ta’ validità mis-sitt xhur attwali għal tliet snin aktar robusti u strateġiċi; jinnota li tali miżura ttejjeb il-konsistenza u l-prevedibbiltà tal-pożizzjoni tal-politika barranija tal-UE u tipproteġiha minn strumentalizzazzjoni abbużiva tar-rekwiżiti tal-unanimità, issaħħaħ l-impatt tas-sanzjonijiet u tibgħat messaġġ ċar ta’ impenn għaż-żamma tad-dritt internazzjonali u tas-sigurtà Ewropea, filwaqt li tnaqqas ukoll il-piż amministrattiv ta’ tiġdid frekwenti;
19. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-President Joe Biden tal-Istati Uniti li tippermetti lill-Ukrajna tuża sistemi ta’ rokits avvanzati fuq bersalli militari fit-territorju Russu, filwaqt li jenfasizza li din l-awtorizzazzjoni tirrispetta d-dritt leġittimu tal-Ukrajna għall-awtodifiża skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jadottaw miżuri simili, filwaqt li jneħħu r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ sistemi militari għal operazzjonijiet ta’ difiża leġittimi lil hinn mill-fruntieri tal-Ukrajna biex jiskoraġġixxu aktar l-aggressjoni Russa;
20. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom mal-amministrazzjoni li jmiss f’Washington biex isaħħu l-kooperazzjoni trans-Atlantika ta’ benefiċċju reċiproku, filwaqt li jenfasizzaw l-interess strateġiku kondiviż li l-Ukrajna tiġi appoġġjata, u jenfasizzaw li r-Russja u l-alleati tagħha jippreżentaw mhux biss theddida għall-istabbiltà Ewropea iżda wkoll periklu sinifikanti għas-sigurtà globali u għall-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; jistenna li l-amministrazzjoni li jmiss ta’ Trump iżżomm l-appoġġ għall-Ukrajna u tibqa’ soda fl-impenn tagħha lejn in-NATO, u sadanittant iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isarrfu l-kliem f’azzjoni u jistabbilixxu Unjoni tad-Difiża ġenwina, anke bħala pilastru Ewropew tan-NATO, billi jibdew isaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tagħha;
21. Jappella għal obbligu ta’ rendikont għad-delitti tal-gwerra u l-ksur tad-dritt internazzjonali mwettaq mir-Russja u mill-alleati tagħha, inkluża l-Korea ta’ Fuq, permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-Qorti Kriminali Internazzjonali u ma’ korpi ġudizzjarji oħra; iħeġġeġ lill-UE u lis-sħab internazzjonali jintensifikaw l-isforzi biex l-awturi kollha jinżammu responsabbli;
22. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri addizzjonali biex tappoġġja l-ekonomija tal-Ukrajna billi tipprovdi aktar appoġġ finanzjarju u tiffaċilita l-opportunitajiet ta’ investiment; jilqa’ l-ftehim mal-Kunsill dwar l-assistenza makrofinanzjarja għall-Ukrajna sa EUR 35 biljun, li jagħmel użu ta’ assi Russi ffriżati kif ukoll tal-Mekkaniżmu l-ġdid ta’ Kooperazzjoni ta’ Self tal-Ukrajna; jappella għall-implimentazzjoni malajr taż-żewġ għodod sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tibbenefika malajr kemm jista’ jkun minn dawn il-possibbiltajiet ġodda ta’ finanzjament;
23. Itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu passi aktar sostantivi lejn l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet kreattivi taħt reġim legali sod li jippermetti l-konfiska ta’ assi tal-Istat Russu ffriżati mill-UE, u biex dawn jintużaw ħalli jindirizzaw id-diversi implikazzjonijiet tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluża l-prevenzjoni ta’ aktar qerda u telf ta’ ħajja, ir-rikostruzzjoni tal-pajjiż u l-kumpens għall-vittmi tal-aggressjoni tar-Russja; jisħaq li kwalunkwe talba futura mir-Russja għal dawn l-assi tista’ tiġi solvuta biss wara kunsiderazzjoni ġenerali tal-kumpens pendenti dovut lill-Ukrajna; jisħaq fuq l-importanza tal-Faċilità tal-Ukrajna bħala mekkaniżmu għall-appoġġ finanzjarju fit-tul, għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni u rkupru, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni rapida u effiċjenti tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi assistenza finanzjarja fit-tul lil hinn mill-2027 għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tal-Faċilità tal-Ukrajna;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq qafas aktar stabbli u prevedibbli għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ukrajna; jitlob lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, taċċellera l-konsultazzjonijiet mal-Ukrajna skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u jħeġġeġ liż-żewġ naħat jaqblu dwar l-aktar livell ambizzjuż ta’ liberalizzazzjoni possibbli; jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi mill-qrib lill-Parlament fir-rieżami taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA); jinnota r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti agroalimentari mill-Ukrajna imposti unilateralment minn diversi Stati Membri, li jittrattaw il-kompetenza esklużiva tal-UE għall-kummerċ skont il-politika kummerċjali komuni u l-obbligi tal-UE skont id-DCFTA mal-Ukrajna; jitlob lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet Ewropej għal distorsjonijiet potenzjali tas-suq ikkawżati minn żieda fl-influssi ta’ prodotti agroalimentari tal-Ukrajna, f’konsultazzjoni mal-Ukrajna u mal-Istati Membri rilevanti;
25. Jappella, bil-ħsieb tax-xhur qliel tax-xitwa, għal żieda sinifikanti fl-għajnuna umanitarja tal-UE biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni mwiegħra kkawżata mill-attakki sistematiċi tar-Russja fuq l-infrastruttura ċivili, b’mod partikolari l-infrastruttura tal-enerġija, li ħalliet miljuni ta’ Ukreni mingħajr servizzi essenzjali; jirrikonoxxi l-ħidma ta’ ħafna organizzazzjonijiet tal-Ukrajna u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fl-assistenza lill-familji ta’ tfal tal-Ukrajna maħtufa, lill-priġunieri tal-gwerra u lill-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna miżmuma illegalment u l-isforzi tagħhom bla heda biex iġibu lill-għeżież tagħhom id-dar; jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex jappoġġjaw l-attivitajiet tagħhom u jużaw il-fora internazzjonali kollha disponibbli ħalli jagħmlu pressjoni lir-Russja biex tirritorna t-tfal Ukreni maħtufa, il-priġunieri tal-gwerra Ukreni u l-popolazzjoni ċivili Ukrena miżmuma illegalment;
26. Jiddeplora l-qtil intenzjonat u t-trattament ħażin tal-priġunieri tal-gwerra Ukreni mir-Russja u jitlob lir-Russja tikkonforma mal-obbligi internazzjonali tagħha, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, u tippermetti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar biex iżuru l-priġunieri tal-gwerra u jivvalutaw l-istat tas-saħħa tagħhom; jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali, b’mod partikolari lin-NU, biex jirrieżaminaw u jadattaw il-konvenzjonijiet internazzjonali u l-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti għar-realtajiet tal-lum u biex jagħmluhom aktar sensittivi għall-ħtiġijiet tal-priġunieri tal-gwerra;
27. Jinnota bi tħassib li r-Russja qed tirrekluta b’mod attiv individwi minn reġjuni mbiegħda, inklużi l-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Amerka Latina, bl-użu tal-qerq jew tal-koerċizzjoni, sabiex tibgħathom jiġġieldu kontra l-poplu tal-Ukrajna; jitlob lin-NU, lill-Unjoni Afrikana, u lill-pajjiżi li l-popolazzjonijiet tagħhom huma fil-mira ta’ Moska, jieħdu miżuri attivi biex jiġġieldu dan ir-reklutaġġ;
28. Jenfasizza mill-ġdid ir-rwol kostruttiv tal-Korea t’Isfel fl-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, inkluż l-impenn sod tagħha lejn l-Ukrajna; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom mal-Korea t’Isfel u jfittxu li jibdlu l-pożizzjoni tagħha dwar l-armamenti tal-Ukrajna, sabiex jipprovdu riżorsi militari sinifikanti biex jgħinu l-operazzjonijiet ta’ difiża tal-Ukrajna; jilqa’ l-ewwel Djalogu Strateġiku li qatt sar bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea, f’Seoul fl-4 ta’ Novembru 2024, u s-Sħubija sussegwenti dwar is-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Korea t’Isfel; jappoġġja l-approfondiment tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Korea t’Isfel u l-kooperazzjoni bilaterali msaħħa dwar is-sigurtà u d-difiża; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha, f’kooperazzjoni mal-Ukrajna u mal-Korea t’Isfel, jinkoraġġixxu u jkunu lesti għad-diżerzjoni possibbli ta’ membri tal-Armata tal-Poplu tal-Korea; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Korea t’Isfel dwar il-futur tal-Ukrajna, billi jiffukaw fuq l-aspirazzjonijiet tagħha tal-UE, il-garanziji tas-sigurtà u r-rikostruzzjoni tagħha; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ sħab oħra tal-istess fehma, b’mod partikolari l-Ġappun, l-Awstralja u t-Tajwan, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ djalogu akbar fl-Indo-Paċifiku;
29. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jipprovdu appoġġ lill-oppożizzjoni demokratika Russa, jiżguraw il-protezzjoni tagħhom u jħeġġuhom jiġġieldu kontra r-reġim ta’ Putin, b’mod partikolari s-sentiment militarist, xovinist u imperjalist fis-soċjetà Russa, u jesprimu u jfittxu appoġġ qawwi u attiv għall-Ukrajna;
30. Jikkundanna l-atti reċenti fil-Baħar Baltiku li għamlu ħsara lill-infrastruttura kritika Ewropea; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu investigati dawn l-inċidenti serji u li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar l-awturi u l-intenzjonijiet tagħhom; jissottolinja li diversi rappreżentanti tal-gvernijiet Ewropej jemmnu li l-aktar inċident reċenti jikkostitwixxi att serju ta’ sabotaġġ; jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Istati Membri jirrispondu b’miżuri xierqa kontra kwalunkwe attur statali jew mhux statali responsabbli, jekk l-evidenza turi l-involviment tagħhom;
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, lill-Gvern Russu, lill-gvernijiet Sud u Nord Koreani u lill-gvernijiet l-oħra kkonċernati, u lin-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠU C, C/2024/6129, 22.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6129/oj.
- [2] Testi adottati, P10_TA(2024)0012.
- [3] ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj.
- [4] ĠU L, 2024/2773, 28.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2773/oj.