MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik politika f'Kuba
9.6.2021 - (2021/2745(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0341/2021 (PPE)
B9-0343/2021 (Renew)
B9-0346/2021 (ECR)
Leopoldo López Gil, Michael Gahler, Isabel Wiseler-Lima, Gabriel Mato, Antonio López-Istúriz White
f'isem il-Grupp PPE
Javier Nart, Malik Azmani, Olivier Chastel, Dita Charanzová, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Karen Melchior, Urmas Paet, Frédérique Ries, Nicolae Ştefănuță, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Anna Fotyga, Hermann Tertsch, Ryszard Czarnecki, Witold Jan Waszczykowski, Bogdan Rzońca, Assita Kanko, Charlie Weimers, Valdemar Tomaševski, Adam Bielan, Jadwiga Wiśniewska, Ryszard Antoni Legutko, Carlo Fidanza, Elżbieta Kruk, Raffaele Fitto, Elżbieta Rafalska, Ruža Tomašić
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik politika f'Kuba
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Novembru 2018[1] dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, tat-3 ta' Diċembru 2019[2] dwar il-każ ta' José Daniel Ferrer, u tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra[3],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat f'Diċembru 2016 u applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Novembru 2017[4],
– wara li kkunsidra s-smigħ dwar Kuba tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, li sar fil-11 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-vidjokonferenza informali tal-membri tal-Kunsill Konġunt tal-UE-Kuba, tal-20 ta' Jannar 2021[5],
– wara li kkunsidra t-tielet Djalogu Formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni (PDCA), li sar fis-26 ta' Frar 2021[6],
– wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar Kuba, ta' Mejju 2018,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), u r-rakkomandazzjonijiet ġenerali tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra r-rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħal Human Rights Watch, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u Prisoners Defenders, il-kapitolu IV.B dwar Kuba tar-Rapport Annwali tal-2020 tal-IACHR, il-Komunikazzjoni tat-6 ta' Novembru 2019 lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tar-Rapporteur Speċjali dwar il-forom kontemporanji ta' skjavitù, inklużi l-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu, u r-Rapporteur Speċjali dwar it-traffikar tal-persuni, speċjalment tan-nisa u tat-tfal, dwar is-servizzi mediċi Kubani, u l-konklużjonijiet tal-aħħar Rieżami Perjodiku Universali ta' Kuba 2018, dwar is-servizzi mediċi Kubani,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Osservatorju Kuban għad-Drittijiet tal-Bniedem mit-12-il xahar sa Mejju 2021 dwar azzjonijiet repressivi u detenzjonijiet arbitrarji,
– wara li kkunsidra s-smigħ pubbliċi tal-179 Perjodu ta' Sessjonijiet tal-IACHR,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-IACHR 7/2021, 14/2021 u 24/2021,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984, li Kuba hija Stat Parti tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Kuba hija pajjiż firmatarju tagħha,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni ta' Kuba u l-Kodiċi Penali tagħha,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 168 tal-Ministeru tal-Kummerċ Barrani u l-Investiment tar-Repubblika ta' Kuba tad-29 ta' Marzu 2010, il-Liġi 1312 tat-12 ta' Settembru 1976 (l-hekk imsejħa "Liġi dwar il-Migrazzjoni") u d-digrieti regolatorji tagħha Nru 26 tat-18 ta' Diċembru 2015 u Nru 306 tat-12 ta' Ottubru 2012, il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapport annwali tal-2020 tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' April 2021,
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ratifikati minn Kuba,
– wara li kkunsidra d-definizzjoni ta' "organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili" fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi bil-PDCA, li ġie ffirmat fl-2016, iż-żewġ partijiet affermaw mill-ġdid ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-PDCA bejn l-UE u Kuba;
B. billi l-Parlament adotta riżoluzzjoni fl-2017 li fiha afferma mill-ġdid il-fehmiet tiegħu dwar id-demokrazija, id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni politika, u l-libertà tal-informazzjoni fil-forom kollha tagħha;
C. billi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-dinjità u l-benesseri tan-nies huma rrappreżentati u difiżi bl-aħjar mod f'demokrazija, u dan ifisser, fost affarijiet oħra, alternanza tal-poter, elezzjonijiet ħielsa u ġusti u rispett għall-pluraliżmu politiku; billi l-Artikolu 5 tal-Kostituzzjoni Kubana li ġiet approvata reċentament jissottolinja l-Partit Komunista ta' Kuba bħala l-awtorità statali finali, imsaħħaħ mill-Artikoli 4 u 229 li jissottolinjaw is-soċjaliżmu bħala sistema irriversibbli; billi l-Kostituzzjoni l-ġdida tal-2019 serviet mhux biss biex tipproteġi s-sistema u tiffriża kwalunkwe proċess ta' riforma tal-libertajiet u d-drittijiet, iżda wkoll biex testendi l-limitazzjoni tagħhom; billi r-reġim jirrestrinġi serjament lill-persuni bi twemmin politiku differenti milli jipparteċipaw fil-ħajja politika pubblika u li jkollhom kariga politika; billi hemm nuqqas kontinwu ta' kundizzjonijiet li jipprovdu garanziji għall-indipendenza ġudizzjarja, speċjalment b'rabta ma' każijiet li jinvolvu attivisti u dissidenti;
D. billi d-Digriet 349 jirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni tal-artisti billi jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel għal prestazzjonijiet u esibizzjonijiet pubbliċi u privati; billi d-Digriet 370 dwar il-kontenut online jistabbilixxi qafas ambigwu li jippermetti l-persekuzzjoni tal-attivisti u tal-ġurnalisti indipendenti, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; billi l-Kodiċi Penali ta' Kuba jinkludi dispożizzjonijiet bħal "stat ta' periklu" u "miżuri ta' sigurtà prekriminali" li għalihom aktar minn 8 000 persuna qed jinżammu l-ħabs mingħajr ebda reat attribwibbli, u 2 500 oħra ġew ikkundannati għax-xogħol furzat;
E. billi mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni kważi erba' snin ilu, ma sar l-ebda progress konkret f'Kuba fir-rigward tal-prinċipji ġenerali u l-objettivi tal-ftehim lejn it-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, u tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali għaċ-ċittadini Kubani; billi għall-kuntrarju, ir-reġim Kuban żied ir-repressjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora fis-soċjetà Kubana kollha, u dan ipproduċa mewġiet ġodda ta' reżistenza u dimostrazzjonijiet paċifiċi minn setturi sinifikanti li ġew repressi u mrażżna b'mod brutali mill-istrutturi repressivi tar-reġim Kuban;
F. billi l-Opinjoni 50/2020 tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) tan-NU, imqassma fl-14 ta' Ottubru 2020, twissi li l-ksur sistemiku tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Kubani huwa prattika komuni; billi f'dawn l-aħħar tnax-il xahar sal-1 ta' Ġunju 2021 ġew reġistrati 199 każ ta' priġunieri politiċi f'Kuba, b'65 każ ġdid ta' priġunerija politika; billi April kien l-aktar xahar ripressiv mill-bidu tal-2021, peress li l-Osservatorju tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Kuba (OCDH) iddokumenta aktar minn 1 018-il azzjoni ripressiva kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti indipendenti, li minnhom 206 kienu detenzjonijiet arbitrarji u 13 kienu jinvolvu vjolenza serja; billi skont l-organizzazzjoni tad-Difensuri tal-Priġunieri, bħalissa hemm 150 priġunier politiku f'Kuba;
G. billi fid-dawl tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-11 ta' Frar 2021, ġew adottati miżuri ta' prekawzjoni fir-rigward ta' 20 membru identifikat tal-Moviment San Isidro (MSI) u huwa ppruvat biżżejjed li d-drittijiet għall-ħajja u għall-integrità personali tal-persuni identifikati jinsabu f'riskju serju; billi l-awtoritajiet Kubani daħlu b'mod illegali fid-dar tal-artist indipendenti u koordinatur tal-Moviment ta' San Isidro, Luis Manuel Otero Alcántara, u żammewh arbitrarjament għal diversi sigħat mingħajr l-ebda akkuża; billi Denis Solís González, membru tal-Moviment San Isidro, qed jinżamm il-ħabs b'mod arbitrarju mixli bi stmerrija, u Luis Robles Elizástegui jinsab il-ħabs sempliċement għax ġarr kartellun li b'mod paċifiku talab il-ħelsien ta' Denis Solís González; billi Maykel Castillo Pérez, membru tal-MSI u kokreatur tal-kanzunetta "Patria y Vida" qed jinżamm il-ħabs arbitrarjament u ġie kkomunikat bħala persuna li għebet għal 14-il jum mill-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Furzat;
H. billi għall-kuntrarju tat-talbiet mill-Parlament, ma kien hemm l-ebda żjara lid-detenuti politiċi fil-ħabs jew kwalunkwe osservazzjoni tal-proċessi tal-opponenti, tad-dissidenti, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jew tas-soċjetà ċivili indipendenti mill-UE; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħal Human Rights Watch, Amnesty International u Prisoners Defenders fost ħafna osservaturi indipendenti oħra tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-Rapporteurs Speċjali tan-NU, mhumiex permessi jidħlu f'Kuba minkejja li ilhom snin jinsistu dwar il-ħtieġa li jżuru l-gżira;
I. billi r-Riżoluzzjoni 168 tal-2010 tal-Ministeru tal-Kummerċ Internazzjonali u l-Investiment Barrani ta' Kuba, timponi fuq l-impjegati ċivili kollha barra mill-pajjiż li jaħdmu għall-Istat jew għall-intrapriżi tal-Istat, inkluż il-persunal mediku, id-dmirijiet u l-obbligi mhux iġġustifikati li jiksru d-dinjità tal-bniedem u l-aktar drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem; billi l-impjegati ċivili kollha li ma jtemmux il-missjonijiet mediċi jew li jiddeċiedu li ma jmorrux lura lejn Kuba jiġu kkastigati skont il-Kodiċi Penali Kubana bi tmien snin ħabs; billi dawn il-missjonijiet mediċi ġew ikklassifikati bħala forma moderna ta' skjavitù skont il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), u d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (CUB6/2019) dwar il-missjonijiet mediċi Kubani enfasizzat il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u inumani tal-persunal mediku, allegazzjonijiet li kienu appoġġati minn Human Rights Watch u minn 622 xhud;
J. billi Kuba rratifikat it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO; billi Kuba qed tikser il-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat;
K. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Libsin l-Abjad (Berta Soler) fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi l-awtoritajiet Kubani sistematikament waqqfu lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov u lil qrabathom milli jitilqu mill-pajjiż u milli jipparteċipaw f'avvenimenti internazzjonali, inklużi dawk organizzati mill-Parlament Ewropew, minkejja bosta stediniet, li l-aħħar waħda saret fil-11 ta' Diċembru 2020; billi t-tattiki tagħhom inkludew il-fastidju, l-intimidazzjoni u l-arrest arbitrarju ta' Berta Soler u Reinaldo Escobar, kif ukoll ir-restrizzjoni tal-konnessjonijiet tal-internet tal-parteċipanti l-oħra; billi l-President tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Viċi President tal-Parlament iffirmaw dikjarazzjoni konġunta li tiddenunzja l-fastidju tal-attivisti; billi hemm tħassib dwar id-difiża u l-appoġġ tagħhom mid-delegazzjoni tal-UE f'Havana; billi la s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lanqas id-Delegazzjoni tal-UE f'Kuba ma għamlu dikjarazzjoni li tiddefendihom jew urew xi tip ta' appoġġ pubbliku jew privat;
L. billi l-Ambaxxatur attwali tal-UE f'Havana ffirma ittra indirizzata lill-President tal-Istati Uniti, fejn talab, fost affarijiet oħra, li jitneħħa l-embargo tal-Istati Uniti fuq il-gżira, kif ukoll li ma jkunx hemm indħil fl-affarijiet Kubani; billi dan il-fatt imur b'mod ċar oltre l-funzjonijiet diplomatiċi tal-Ambaxxatur u juri r-rwol politiċizzat ferm tal-ambaxxata tal-UE f'Havana; billi l-Ambaxxatur attwali tal-UE f'Havana għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi li fihom jafferma li "Kuba mhijiex dittatorjat";
M. billi l-Gvern Kuban irrifjuta l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili fis-"Seminars tas-Soċjetà Ċivili UE-Kuba" li saru qabel it-tielet Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi fis-26 ta' Frar 2021, l-UE u Kuba kellhom it-tielet Djalogu formali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-PDCA; billi ż-żewġ naħat iddiskutew il-kwistjoni tal-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi l-UE fakkret fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi d-djalogu huwa maħsub li jwassal għal riżultati tanġibbli u ma jistax jitqies bħala għan fih innifsu; billi kwalunkwe djalogu politiku jrid jinkludi parteċipazzjoni intensiva diretta tas-soċjetà ċivili indipendenti u tal-atturi politiċi kollha tal-oppożizzjoni mingħajr restrizzjonijiet, kif enfasizzat fl-Artikolu 36 tal-PDCA;
N. billi l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, stieden lir-rappreżentanti diplomatiċi tal-Gvern Kuban għal seduti ta' smigħ u attivitajiet rigward Kuba; billi dawn l-istediniet mhux biss ġew irrifjutati, talli ġew imwieġba fil-forma ta' ittri mimlija insulti u akkużi infondati kontra l-Parlament u l-Membri tiegħu; billi l-Parlament x'aktarx huwa l-unika istituzzjoni tal-UE li ma ngħatatx permess iżżur il-pajjiż wara d-dħul fis-seħħ provviżorju tal-PDCA, attitudni li tikkontradixxi b'mod ċar l-element essenzjali li fuqu għandu jkun ibbażat ftehim ta' djalogu politiku;
O. billi l-PDCA inkluda l-hekk imsejħa "klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem", li hija element essenzjali standard tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE li jippermetti li l-PDCA jiġi sospiż f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-eżistenza ta' priġunieri politiċi, il-persekuzzjoni politika persistenti u permanenti, l-atti ta' fastidju u d-detenzjoni arbitrarja ta' dissidenti f'Kuba; jikkundanna wkoll l-attakki attwali kontra artisti tal-Moviment San Isidro, dissidenti paċifiċi, ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-oppożizzjoni politika; jitlob li dawn l-azzjonijiet jintemmu minnufih u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jeħilsu immedjatament lill-priġunieri politiċi kollha u lil dawk li jinsabu detenuti arbitrarjament biss talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tagħhom; jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni arbitrarja ta' Aymara Nieto Muñoz, Mitzael Díaz Paseiro, Iván Amaro Hidalgo, Edilberto Ronal Arzuaga Alcalá, Yandier García Labrada, Denis Solís González, Luis Robles Elizástegui u tas-77 priġunier minħabba twemmin; jesprimi solidarjetà mal-membri tal-Moviment San Isidro u l-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-libertà ta' espressjoni f'Kuba;
2. Jitlob li jkun hemm garanziji aħjar għad-dritt ta' proċess ġust u għall-indipendenza tal-ġudikatura, u li jiġi żgurat li l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal avukat indipendenti; jiddispjaċih dwar l-1 941 att ta' repressjoni li seħħew f'April (1018) u f'Mejju 2021 (923); jitlob b'insistenza li dawk detenuti jingħataw evalwazzjoni medika indipendenti, aċċess għal komunikazzjoni bit-telefon u żjarat regolari mill-familja, il-ħbieb, ġurnalisti u membri tal-korp diplomatiku;
3. Jiddispjaċih ferm dwar in-nuqqas ta' impenn u rieda tar-reġim Kuban li jagħmel ħiltu biex jagħmel progress, anki minimu, lejn il-bidla jew li jiftaħ kanali li jistgħu jippermettu r-riforma tar-reġim, biex jittejbu l-parteċipazzjoni soċjali u politika kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini; jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja d-dħul fis-seħħ tal-PDCA kważi erba' snin ilu, is-sitwazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija ma tjibitx u ma wasslet għal ebda riżultat pożittiv sostanzjali u tanġibbli għall-poplu Kuban; jappella għal konformità mal-obbligi vinkolanti stabbiliti f'dan il-ftehim u jitlob li jiġu adottati parametri referenzjarji ċari f'dan ir-rigward;
4. Jirrikonoxxi d-dritt tal-poplu Kuban li jitlob id-demokratizzazzjoni ta' pajjiżu permezz ta' djalogu mas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika sabiex jiġi stabbilit pjan direzzjonali lejn elezzjonijiet demokratiċi multipartitiċi;
5. Jitlob b'insistenza li l-Gvern Kuban jimplimenta riformi legali sabiex jiggarantixxi l-libertà tal-istampa, tal-assoċjazzjoni u tad-dimostrazzjoni, u jvara r-riformi politiċi li jippermettu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi li jqisu r-rieda sovrana u espressa liberament tal-poplu Kuban; iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali ddefiniti fl-istatuti, fid-dikjarazzjonijiet u fl-istrumenti internazzjonali li Kuba hija firmatarja tagħhom u jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-oppożizzjoni politika jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja politika u soċjali mingħajr restrizzjonijiet; jistieden lill-Gvern Kuban jirrikonoxxi l-ġurnaliżmu indipendenti bħala prattika leġittima u jirrispetta d-drittijiet tal-ġurnalisti indipendenti f'Kuba;
6. Jappella għat-tħassir immedjat tad-Digrieti 349 u 370 u ta' liġijiet Kubani oħra li jiksru l-libertà ta' espressjoni;
7. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jirrikonoxxi l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika għall-Gvern Kuban, u għalhekk jinkludiha fid-djalogi politiċi istituzzjonalizzati, formali, miftuħa u pubbliċi bejn l-UE u Kuba, b'appoġġ għall-pilastri tal-PDCA;
8. Jiddispjaċih li s-SEAE u d-Delegazzjoni tal-UE f'Havana eskludew lill-oppożizzjoni demokratika Kubana u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm Ewropej kif ukoll Kubani mid-djalogi politiċi minħabba n-nuqqas ta' approvazzjoni mill-awtoritajiet Kubani; jissottolinja li din id-deċiżjoni tmur kontra l-PDCA u jisħaq li ż-żewġ partijiet għandhom l-obbligu li jikkonformaw bis-sħiħ mal-ftehim; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jirrifjutaw li jipparteċipaw fi djalogi futuri politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' Kuba sakemm is-soċjetà ċivili ma tkunx rappreżentata kif xieraq;
9. Ifakkar lis-SEAE li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-djalogi politiċi u l-proġetti ta' kooperazzjoni tal-ftehim hija parti essenzjali tal-PDCA u li l-esklużjoni tas-soċjetà ċivili minn fondi ta' kooperazzjoni u/jew mill-parteċipazzjoni fil-ftehim filwaqt li, għall-kuntrarju, tippermetti l-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-fondi ta' kooperazzjoni esklużivament għal kumpaniji li l-istat għandu sehem fihom jew li jikkontrolla, kif kien il-każ mindu l-ftehim ġie ffirmat, għandha tiġi rimedjata minnufih;
10. Jikkundanna l-ksur sistemiku tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-bniedem imwettaq mill-istat Kuban kontra persunal tiegħu tal-kura tas-saħħa mibgħut biex jaħdem barra l-pajjiż fl-ambitu ta' missjonijiet mediċi, bi ksur tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO ratifikati minn Kuba; iħeġġeġ lil Kuba timplimenta u tirrispetta b'mod effettiv il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-ILO rispettivament; jistieden lill-Gvern Kuban jiżgura d-dritt tal-Kubani li joħorġu minn pajjiżhom u jirritornaw fih, inklużi t-tobba mibgħuta fuq missjonijiet mediċi barra l-pajjiż, f'konformità mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Gvern Kuban jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u jiżgura d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni, inkluża r-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet, u għan-negozjar kollettiv, f'konformità mal-istandards tal-ILO;
11. Jistieden lis-SEAE jinsisti li l-awtoritajiet Kubani jissodisfaw l-obbligi vinkolanti stabbiliti fil-PDCA bejn l-UE u Kuba, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bażiċi u l-libertajiet fundamentali, kif enfasizzat rispettivament fl-Artikolu 1(5) u fl-Artikoli , 2(c), 5, 22 u 43(2) tal-ftehim; jinsisti għalhekk li l-Unjoni Ewropea ssegwi u tissorvelja mill-qrib ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba waqt l-implimentazzjoni tal-PDCA, u li tissottometti rapporti regolari dwar dan lill-Parlament;
12. Iqis li l-priġunerija ta' Denis Solís González, Luis Robles Elizástegui, Maykel Castillo Pérez ("Osorbo"), li huwa membru tal-MSI u kokreatur tal-kanzunetta "Patria y Vida" u qed jinżamm il-ħabs arbitrarjament u ġie kkomunikat bħala persuna li għebet għal 14-il jum mill-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat, u ta' aktar minn 120 priġunier politiku u priġunier minħabba twemmin, u l-azzjonijiet arbitrarji u repressivi kollha rreġistrati f'April u f'Ġunju 2021, jikkostitwixxu ksur tal-ftehim u każ ta' urġenza speċjali, kif stabbilit fl-Artikolu 85(3)(b) tal-PDCA; jitlob lill-UE ssejjaħ laqgħa urġenti f'dan ir-rigward kif xieraq;
13. Jiddispjaċih ferm dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lil delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew iżuru Kuba; jistieden lill-awtoritajiet jippermettu d-dħul fil-pajjiż hekk kif il-kundizzjonijiet sanitarji jippermettu; jistieden lir-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba matul iż-żjarat tagħhom lill-awtoritajiet Kubani u jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov sabiex jiggarantixxu l-implimentazzjoni interna u esterna koerenti tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Setgħa tal-Poplu ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem.
- [1] ĠU C 363, 28.10.2020, p. 70.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2019)0073.
- [3] ĠU C 334, 19.9.2018, p. 99.
- [4] ĠU LI 337, 13.12.2016, p. 3.
- [5] Kunsill Konġunt UE-Kuba, l-20 ta' Jannar 2021.
- [6] Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, is-26 ta' Frar 2021.