TITOLU I : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 4 : GRUPPI POLITIĊI
Artikolu 35 : Intergruppi
1. Membri individwali jistgħu jiffurmaw intergruppi, bl-iskop li jiġu organizzati skambji informali ta' fehmiet dwar kwistjonijiet speċifiċi fost il-gruppi politiċi differenti, bil-parteċipazzjoni ta' membri ta' kumitati parlamentari differenti, u bl-iskop li jiġi promoss il-kuntatt bejn il-Membri u s-soċjetà ċivili.
2. L-intergruppi għandhom ikunu kompletament trasparenti fl-azzjonijiet tagħhom. Huma m’għandhomx jinvolvu ruħhom f’attivitajiet li jistgħu jirriżultaw f’konfużjoni mal-attivitajiet uffiċjali tal-Parlament jew tal-korpi tiegħu. B’mod partikolari, ma għandhomx jużaw l-isem jew il-logo tal-Parlament. Huma ma jistgħux jorganizzaw avvenimenti f’pajjiżi terzi li jikkoinċidu ma’ missjoni ta’ korp uffiċjali tal-Parlament, inkluża delegazzjoni uffiċjali għall-osservazzjoni ta’ elezzjonijiet.
3. Sakemm il-kundizzjonijiet stipulati fir-regoli interni tal-Parlament li jirregolaw l-istabbiliment ta’ intergruppi jiġu rispettati, grupp politiku jista’ jiffaċilita l-attivitajiet ta’ tali gruppi billi jipprovdilhom appoġġ loġistiku.
4. L-intergruppi għandhom jiġu rikjesti jagħmlu dikjarazzjoni annwali dwar kwalunkwe appoġġ, inkluż fi flus kontanti jew in natura li, kieku ġie offrut lill-Membri bħala individwi, kien ikollu jiġi ddikjarat skont l-Anness I.
5. Ir-rappreżentanti ta’ interess jistgħu jipparteċipaw biss f’attivitajiet tal-intergrupp organizzati fil-bini tal-Parlament, pereżempju billi jattendu laqgħat jew avvenimenti tal-intergrupp, billi joffru appoġġ għalih, jew billi jospitaw l-avvenimenti tiegħu b’mod konġunt, jekk ikunu mdaħħla fir-reġistru tat-trasparenza stabbilit permezz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza
(1)
6. Il-Kwesturi għandhom iżommu reġistru pubbliku tal-intergruppi u tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4. Il-Bureau għandu jadotta regoli dettaljati dwar dak ir-reġistru u dwar dawk id-dikjarazzjonijiet u l-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit web tal-Parlament.
7. Il-Kwesturi għandhom jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta' dan l-Artikolu.
8. Fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-Artikolu, il-Kwesturi jistgħu jimponu fuq l-intergrupp projbizzjoni fuq l-użu tal-faċilitajiet tal-Parlament għal perjodu li ma jistax imur lil hinn mill-bqija tal-leġiżlatura.
Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza (ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2021/611/oj).