TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 2 : PROĊEDURI FIL-KUMITAT
Artikolu 52 : Proċedura simplifikata
1. Wara l-ewwel diskussjoni dwar proposta għal att legalment vinkolanti, il-president tal-kumitat jista' jipproponi li din tkun approvata mingħajr emendi. Ħlief jekk ikun hemm oġġezzjoni minn għadd ta' Membri jew grupp politiku jew gruppi politiċi li jilħqu tal-anqas il-limitu medju tal-kumitat, il-proċedura proposta għandha titqies bħala approvata. Il-president tal-kumitat, jew ir-rapporteur, jekk dan ikun inħatar, għandu jippreżenta lill-Parlament rapport li japprova l-proposta. It-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 165(1), u r-Regola 165(2) u (4) għandhom japplika.
2. B’mod alternattiv, il-president tal-kumitat jista’ jipproponi li tiġi stabbilita skadenza għat-tressiq tal-emendi mingħajr ma jkun tfassal qabel abbozz ta’ rapport. Sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni minn għadd ta’ Membri jew grupp politiku jew gruppi politiċi li jilħqu tal-anqas il-limitu medju tal-kumitat, il-proċedura proposta għandha titqies bħala approvata.
L-emendi mressqa għandhom jitqiegħdu għall-votazzjoni fl-ewwel laqgħa possibbli tal-kumitat wara li tkun għaddiet l-iskadenza għall-emendi, u wara dan, abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva u emendi għandhom jitressqu quddiem il-Parlament.
3. Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-preżentazzjoni lill-Parlament, dan l-Artikolu għandu japplika,
mutatis mutandis, fir-rigward ta' opinjonijiet tal-kumitati skont it-tifsira tal-Artikolu 57.