Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
L-għaxar leġiżlatura - Lulju 2024
EPUB 158kPDF 922k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 2 : PROĊEDURI FIL-KUMITAT

Artikolu 58 : Valutazzjoni baġitarja dwar proposti għal atti legalment vinkolanti b’implikazzjonijiet baġitarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 48, meta proposta għal att legalment vinkolanti jkollha implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni, dik il-proposta għandha tiġi riferuta mill-President lill-kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet baġitarji. Dak il-kumitat għandu mbagħad joħroġ valutazzjoni baġitarja tal-proposta jekk iqis li jkun xieraq jew jekk jintalab jagħmel dan mill-kumitat responsabbli għas-suġġett. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet baġitarji jkun awtorizzat jagħti opinjonijiet skont l-Artikolu 57 jew jaġixxi b’mod konġunt ma’ kumitat wieħed jew aktar skont l-Artikolu 59.

2.   Il-Kumitat responsabbli għas-suġġett għandu jistabbilixxi skadenza sa meta għandha tiġi pprovduta l-valutazzjoni baġitarja. Kwalunkwe bidla fl-iskeda taż-żmien imħabbra għandha tiġi kkomunikata minnufih lill-kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet baġitarji. Il-kumitat responsabbli għas-suġġett ma għandux jadotta r-rapport tiegħu qabel ma tkun skadiet dik l-iskadenza.

3.   Fil-valutazzjoni baġitarja, il-kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet baġitarji għandu jeżamina jekk il-proposta għal att legalment vinkolanti tipprevedix biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani, u jevalwa l-impatt potenzjali tal-finanzjament propost fuq programmi jew politiki oħra tal-Unjoni. Huwa għandu jiddetermina wkoll jekk il-proposta hijiex kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali, mas-sistema tar-riżorsi proprji u mal-ftehim interistituzzjonali korrispondenti, kif ukoll mal-prinċipji baġitarji stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (ir-“Regolament Finanzjarju”). Meta applikabbli, il-kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet baġitarji għandu jiddetermina wkoll jekk il-proposta hijiex kompatibbli mal-pożizzjoni tal-Parlament dwar kwalunkwe proposta biex jiġu emendati jew sostitwiti dak il-qafas, dik is-sistema, dak il-ftehim jew dawk il-prinċipji.

4.   Il-valutazzjoni baġitarja għandha tikkonsisti minn evalwazzjoni tal-aspetti tal-proposta għal att legalment vinkolanti msemmija fil-paragrafu 3. Il-valutazzjoni baġitarja tista’, meta xieraq, tinkludi wkoll emendi għal dik il-proposta li jkopru esklużivament dawk l-aspetti msemmija fil-paragrafu 3. L-emendi dwar dawk l-aspetti mill-kumitat responsabbli għas-suġġett għandhom ikunu inammissibbli. Il-valutazzjoni baġitarja, li tinkludi l-emendi, għandha tiġi integrata fir-rapport bħala tali.

5.   Meta tiġi pprovduta valutazzjoni baġitarja, il-kumitat responsabbli għas-suġġett u l-kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet baġitarji għandhom jikkooperaw matul il-proċedura kollha biex jiżguraw konsistenza sħiħa bejn l-objettivi tal-politika u dawk baġitarji. Għal dan il-għan, huma għandhom jistiednu lir-rapporteurs ta’ xulxin għad-diskussjonijiet tagħhom fil-Parlament relatati mal-proposta għal att legalment vinkolanti, inkluż għal-laqgħat bejn ir-rapporteurs u x-shadow rapporteurs.

6.   Meta tiġi pprovduta valutazzjoni baġitarja, it-tim tan-negozjati msemmi fl-Artikolu 75(1) għandu jinkludi lir-rapporteur mill-kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet baġitarji għall-aspetti msemmija fil-paragrafu 3. Meta ma tiġix ipprovduta valutazzjoni baġitarja, il-kumitat responsabbli għas-suġġett jista’ jitlob lill-kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet baġitarji jipprovdi assistenza lit-tim tan-negozjati msemmi fl-Artikolu 75(1) fir-rigward tal-aspetti msemmija fil-paragrafu 3 fi kwalunkwe stadju tan-negozjati interistituzzjonali.

(1) Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).
Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza