Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
L-għaxar leġiżlatura - Lulju 2024
EPUB 158kPDF 922k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VII : SESSJONIJIET
KAPITOLU 4 : MIŻURI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU F'KAŻ TA' NUQQAS TA' OSSERVANZA TAL-ISTANDARDS TA' KONDOTTA TAL-MEMBRI

Artikolu 183 : Sanzjonijiet

1.   F’każijiet serji ta’ ksur tal-Artikolu 10 (2) sa (9), l-Artikolu 35 jew l-Artikolu 36, il-President għandu jadotta deċiżjoni motivata li timponi fuq il-Membru kkonċernat is-sanzjoni xierqa, skont dan l-Artikolu.

Fir-rigward tal-Artikolu 10 (3) jew (4), il-President jista' jadotta deċiżjoni motivata skont dan l-Artikolu irrispettivament minn jekk preċedentement tkunx ġiet imposta jew le miżura immedjata skont it-tifsira tal-Artikolu 182 fuq il-Membru kkonċernat.

Fir-rigward tal-Artikolu 10(6), fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta’ dak il-paragrafu, il-President jista’ jadotta deċiżjoni motivata skont dan l-Artikolu biss wara li jiġi stabbilit li seħħ fastidju skont il-proċedura amministrattiva interna applikabbli dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu.

2.   Il-President jista’ wkoll jimponi sanzjoni fuq Membru f’każijiet fejn issir dispożizzoni, minn dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, inkluż il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal- Parlament Ewropew fir-rigward tal-integrità u t-trasparenza (1), jew b’deċiżjoni adottata mill-Bureau skont l-Artikolu 25, għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

3.   Il-Membru kkonċernat għandu jiġi mistieden mill-President jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni. Il-President jista' jiddeċiedi li jsejjaħ seduta orali minflok kull meta dan ikun aktar xieraq.

Id-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Membru kkonċernat.

Ladarba s-sanzjoni ssir finali, din għandha titħabbar mill-President fil-Parlament. L-uffiċjali li jippresiedu l-korpi, il-kumitati u d-delegazzjonijiet li fihom iservi l-Membru, għandhom jiġu infurmati.

Is-sanzjoni imposta għandha tiġi ppubblikata b’mod prominenti fuq il-websajt tal-Parlament u fuq il-paġna web tal-Membri fuq il-websajt tal-Parlament.

4.   Waqt il-valutazzjoni tal-kondotta osservata għandha titqies in-natura eċċezzjonali, rikorrenti jew permanenti tagħha, u s-serjetà tagħha. Jekk ikun applikabbli għandu jitqies id-dannu possibbli fuq id-dinjità u r-reputazzjoni tal-Parlament.

5.   Is-sanzjoni imposta għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva. Is-sanzjoni tista’ tikkonsisti f’miżura waħda jew iżjed minn dawn li ġejjin:

(a)   twissija;

(b)   projbizzjoni għall-Membru milli jirrappreżenta lill-Parlament f’delegazzjoni interparlamentari, konferenza interparlamentari jew kwalunkwe forum interistituzzjonali, għal mhux iżjed minn sena;

(c)   fil-każ ta’ ksur tal- kunfidenzjalità, limitazzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata għal mhux iżjed minn sena;

(d)   it-telf tad-dritt għall-allowance ta' sussistenza ta' kuljum għal perjodu ta' bejn jumejn u sittin jum;

(e)   mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-vot fil-plenarja, u suġġett, f'dan il-każ, għal konformità stretta mal-istandards ta' kondotta tal-Membri, sospensjoni temporanja mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kollha jew uħud minnhom tal-Parlament, għal perjodu ta' bejn jumejn u 60 jum li fihom jiltaqgħu l-Parlament jew kwalunkwe wieħed mill-korpi, kumitati jew delegazzjonijiet tiegħu.

6.   Il-miżuri stipulati fil-paragrafu 5, il-punti (b) sa (e), jistgħu jiġu rduppjati fil-każ ta’ ksur ripetut, jew jekk il-Membru jirrifjuta li jikkonforma ma’ miżura meħuda skont l-Artikolu 182(3).

7.   Barra minn dan, il-President jista' jippreżenta proposta lill-Konferenza tal-Presidenti għas-sospensjoni jew it-tneħħija tal-Membru minn waħda jew iżjed mill-karigi li dak il-Membru jkollu fil-Parlament, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

8.   Il-President għandu jiddeċiedi dwar il-perjodu ta’ pubblikazzjoni tas-sanzjoni filwaqt li jqis li l-perjodu minimu ta’ pubblikazzjoni għandu jkun, irrispettivament mit-tmiem tal-mandat tal-Membru kkonċernat, kif ġej:

–   sentejn għas-sanzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5, il-punti (a), (b) u (c);

–   tliet snin għas-sanzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5, il-punti (d) u (e).

Madankollu, f’każijiet ta’ ksur minuri, il-President jista’ jiddeċiedi dwar perjodu iqsar ta’ pubblikazzjoni.

(1) Ara l-Anness I.
Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza