1. Għall-finijiet ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, u sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:
(a) "limitu baxx" tfisser wieħed minn kull għoxrin Membru li jagħmlu parti mill-Parlament jew grupp politiku;
(b) "limitu medju" tfisser wieħed minn kull għaxar Membri li jagħmlu parti mill-Parlament, magħmula minn grupp politiku wieħed jew aktar jew Membri individwali, jew kombinazzjoni tat-tnejn;
(c) "limitu għoli" tfisser wieħed minn kull ħames Membri li jagħmlu parti mill- Parlament, magħmula minn grupp politiku wieħed jew aktar jew Membri individwali, jew kombinazzjoni tat-tnejn;
2. Meta, għall-iskop biex jiġi determinat jekk limitu applikabbli ntlaħaqx, tkun rikjesta l-firma ta' Membru, dik il-firma tista' tkun jew miktuba bl-idejn jew f'forma elettronika, f’liema każ għandha tkun prodotta bis-sistema ta' firma elettronika tal-Parlament. Sakemm ma jkunx skadena l-limitu ta’ żmien rilevanti, Membru jista' jirtira, iżda mhux sussegwentement iġedded, il-firma tiegħu jew tagħha.
3. Meta l-appoġġ ta' grupp politiku jkun meħtieġ biex jintlaħaq limitu minimu, il-grupp għandu jaġixxi permezz tal-president tiegħu jew permezz ta' persuna debitament magħżula minnu jew minnha għal dak l-iskop.
4. Għall-applikazzjoni tal-limitu medju u għoli, l-appoġġ ta' grupp politiku għandu jitqies kif ġej:
– meta Artikolu li jistipula tali limitu minimu jiġi invokat matul seduta jew laqgħa: il-Membri kollha li jifformaw parti mill-grupp ta' appoġġ u huma fiżikament preżenti;
– fil-każijiet l-oħra kollha: il-Membri kollha li jifformaw parti mill-grupp ta' appoġġ.