1. Il-kumitat responsabbli għandu jeżamina l-każi ta' amministrazzjoni ħażina li bihom l-Ombudsman ikun għarfu skont l-Artikolu 4(1) u (3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163, u b’segwitu jista' jiddeċiedi li jfassal rapport skont l-Artikolu 55.
2. Il-kumitat responsabbli għandu jeżamina r-rapport imressaq mill-Ombudsman fi tmiem kull sessjoni annwali dwar ir-riżultat tal-inkjesti tiegħu, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163. Il-kumitat responsabbli jista’ jippreżenta mozzjoni għal riżoluzzjoni lill-Parlament jekk iqis li l-Parlament jeħtieġlu jieħu pożizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett ta’ dak ir-rapport.
3. Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163, l-Ombudsman jista’, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-kumitat responsabbli, jinstema’ minn dak il-kumitat jew jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu jew tagħha.
4. Meta l-Ombudsman jikkonsulta lill-Parlament dwar abbozz ta’ dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għar-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 skont l-Artikolu 18 tiegħu, il-kumitat responsabbli għal dak ir-Regolament għandu jippreżenta rapport lill-Parlament skont l-Artikolu 51. L-Artikolu 60(1), (2), (4) u (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis.