TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 2 : PROĊEDURI FIL-KUMITAT
Artikolu 58 : Proċedura b'kumitat konġunt
1. Meta tiġi riferuta lilha kwistjoni ta' kompetenza skont l-Artikolu 211, il-Konferenza tal-Presidenti tista' tiddeċiedi li għandha tiġi applikata l-proċedura b'laqgħat konġunti ta' kumitati u b'votazzjoni konġunta jekk:
– il-kwistjoni taqa', skont l-Anness VI, b'mod inseparabbli taħt il-kompetenzi ta' aktar minn kumitat wieħed, u
– hija tkun tal-fehma li l-kwistjoni hija ta' importanza maġġuri.
2. F'dak il-każ, ir-rapporteurs rispettivi għandhom ifasslu abbozz ta' rapport uniku, li għandu jiġi eżaminat u li għandha ssir votazzjoni dwaru mill-kumitati involuti fil-laqgħat konġunti li jiġu ppreseduti b'mod konġunt mill-presidenti tal-kumitati involuti.
Fl-istadji kollha tal-proċedura, id-drittijiet relatati mal-istatus ta' kumitat responsabbli ma jistgħux jiġu eżerċitati mill-kumitati involuti ħlief meta jaġixxu b'mod konġunt. Il-kumitati involuti jistgħu jistabbilixxu gruppi ta' ħidma biex jitħejjew il-laqgħat u l-votazzjonijiet.
3. Fit-tieni qari tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi eżaminata waqt laqgħa konġunta tal-kumitati involuti li, fin-nuqqas ta' qbil bejn il-presidenti ta' dawn il-kumitati, issir nhar l-Erbgħa tal-ewwel ġimgħa prevista għal-laqgħat tal-korpi parlamentari wara li tiġi kkomunikata l-pożizzjoni tal-Kunsill lill-Parlament. Jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar is-sejħa ta' laqgħa ulterjuri, din tissejjaħ mill-president tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati. Il-votazzjoni dwar r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari issir f'laqgħa konġunta abbażi ta' abbozz konġunt imħejji mir-rapporteurs rispettivi tal-kumitati involuti jew, fin-nuqqas ta' abbozz konġunt, tal-emendi preżentati fil-kumitati involuti.
Fit-tielet qari tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-presidenti u r-rapporteurs tal-kumitati involuti jkunu membri ex officio tad-delegazzjoni fil-kumitat ta' konċiljazzjoni.