1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2024 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2023/2131(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022(1),
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 (COM(2023)0391 – C9‑0250/2023)(2),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2022,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2022, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2022 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2024(5) li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2022, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b’mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(7), u b’mod partikolari, l-Artikoli 59, 118, 266, 267 u 268 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 102 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A10-0003/2024),
1. Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2022;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex tiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2024 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2023/2131(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 102 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A10-0003/2024),
A. billi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta’ titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;
B. billi, skont l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Parlament huwa l-unika istituzzjoni responsabbli mill-għoti tal-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, u billi l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill huwa taqsima tal-baġit tal-Unjoni;
C. billi, skont l-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew ma għandux jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi;
D. billi, skont l-Artikolu 317 tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit tal-Unjoni fuq ir-responsabbiltà tagħha stess, wara li tqis il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u billi, skont il-qafas fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni s-setgħat meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit relatati magħhom;
E. billi, skont l-Artikoli 235(4) u 240(2) tat-TFUE, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (il-“Kunsill”) huma megħjuna mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u billi s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill huwa kompletament responsabbli mill-ġestjoni tajba tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-Taqsima II tal-baġit tal-Unjoni;
F. billi l-Parlament ilu kważi għoxrin sena jimplimenta l-prattika konsolidata u rispettata tal-għoti tal-kwittanza lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni, u billi l-Kummissjoni taqbel li l-prattika li tingħata l-kwittanza lil kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija tal-Unjoni għan-nefqa amministrattiva tagħhom għandha tkompli tiġi segwita;
G. billi, skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni s-setgħat meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit li huma relatati magħhom;
H. billi, mill-2009 ’l hawn, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-Kunsill fil-proċedura ta’ kwittanza rriżulta fir-rifjut tal-Parlament li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill;
I. billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni u riċevituri tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, għandhom ikunu trasparenti u responsabbli b’mod demokratiku lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u soġġetti għal skrutinju demokratiku tal-infiq tal-fondi pubbliċi;
J. billi r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew (l-“Ombudsman”) fl-inkjesta strateġika OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill indikat li l-prattika tal-Kunsill fir-rigward tat-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv ikkostitwiet amministrazzjoni ħażina u għandha tiġi indirizzata sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni;
K. billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkonferma d-dritt tal-kontribwenti u tal-pubbliku li jinżammu infurmati dwar l-użu tad-dħul pubbliku, u billi l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Jannar 2023 fil-Kawża T-163/21(1), De Capitani vs Il-Kunsill, iddikjarat, dwar it-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni, li d-dokumenti prodotti mill-Kunsill fil-gruppi ta’ ħidma tiegħu mhumiex ta’ natura teknika iżda huma ta’ natura leġiżlattiva u għalhekk huma soġġetti għal talbiet ta’ aċċess għal dokumenti;
1. Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li mill-2009 u għal darb’oħra għas-sena finanzjarja 2022, il-Kunsill kompla jirrifjuta li jikkoopera mal-Parlament dwar il-proċedura ta’ kwittanza, u għaldaqstant il-Parlament ma setgħax jieħu deċiżjoni infurmata bbażata fuq skrutinju serju u bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill u kellu jirrifjuta li jagħti l-kwittanza;
2. Jinnota li fit-28 ta’ Settembru 2023 is-servizzi rilevanti tal-Parlament, f’isem ir-rapporteur għall-proċedura ta’ kwittanza, bagħtu kwestjonarju lis-Segretarjat tal-Kunsill b’74 mistoqsija importanti mill-Parlament sabiex jingħata lok għal skrutinju bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill u tal-ġestjoni tal-Kunsill; jinnota wkoll li ntbagħtu kwestjonarji simili lill-istituzzjonijiet l-oħra kollha, li kollha kemm huma taw lill-Parlament tweġibiet dettaljati għall-mistoqsijiet kollha;
3. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, fit-12 ta’ Ottubru 2023, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill informa lill-Parlament għal darb’oħra li ma kienx se jwieġeb għall-kwestjonarju tal-Parlament u li l-Kunsill ma kienx se jipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ li kienet ippjanata li ssir fil-25 ta’ Ottubru 2023 bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza, u li fiha pparteċipaw l-istituzzjonijiet mistiedna l-oħra kollha;
4. Jenfasizza l-prerogattivi tal-Parlament li jagħti kwittanza skont l-Artikolu 319 tat-TFUE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, f’konformità mal-interpretazzjoni u l-prattika attwali, jiġifieri, is-setgħa li jagħti l-kwittanza sabiex tinżamm it-trasparenza u tiġi żgurata r-responsabbiltà demokratika fil-konfront tal-kontribwenti tal-Unjoni;
5. Jissottolinja li l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Finanzjarju jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tagħti s-setgħat meħtieġa lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit li huma relatati magħhom u, għalhekk, isibha inkomprensibbli li l-Kunsill jemmen li huwa xieraq li għandha tingħata kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill;
6. Jisħaq fuq il-prattika stabbilita sew u rispettata segwita mill-Parlament matul kważi għoxrin sena mill-għoti ta’ kwittanza lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni; itenni li l-Kummissjoni ddikjarat in-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; jisħaq fuq il-fehma mtennija tal-Kummissjoni li l-prattika li tingħata kwittanza lil kull istituzzjoni tal-Unjoni għan-nefqa amministrattiva tagħha għandha tkompli tiġi segwita mill-Parlament;
7. Jisħaq li s-sitwazzjoni attwali timplika li l-Parlament jista’ biss jivverifika r-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Ombudsman kif ukoll l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kunsill, għax il-Kunsill qed ikompli bil-prattika ħażina tiegħu li ma jikkooperax mal-Parlament, u dan jagħmilha impossibbli li l-Parlament iwettaq dmirijietu b’mod xieraq u jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;
8. Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill, għal aktar minn għaxar snin, wera li ma għandu l-ebda rieda politika li jikkollabora mal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura annwali ta’ kwittanza; jissottolinja li din l-attitudni kellha effett negattiv dejjiemi fuq iż-żewġ istituzzjonijiet, skreditat il-ġestjoni u l-iskrutinju demokratiku tal-baġit tal-Unjoni u kienet ta’ dannu għall-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni bħala entità trasparenti;
9. Jafferma mill-ġdid il-frustrazzjoni profonda tiegħu fir-rigward tal-attitudni tal-Kunsill lejn il-proċedura ta’ kwittanza, li qed twassal messaġġ mhux xieraq liċ-ċittadini tal-Unjoni fi żmien meta huwa essenzjali li jkun hemm trasparenza akbar; jissottolinja li l-Kunsill jeħtieġlu jaderixxi mal-istess standards ta’ responsabbiltà li jistenna minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni;
10. Jenfasizza li l-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-Unjoni jirrikonoxxu u jifhmu l-prinċipju li, minħabba d-delega tas-setgħa li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-baġit, il-Parlament għandu kemm id-dritt kif ukoll l-obbligu li jiskrutinizza l-baġits tagħhom u l-eżekuzzjoni tagħhom bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza; fid-dawl ta’ dan, jesprimi d-diżapprovazzjoni qawwija tiegħu li l-Kunsill jippersisti fir-rifjut tiegħu li jikkoopera mal-Parlament f’dan ir-rigward;
11. Itenni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tappoġġja d-dritt tal-kontribwenti u li l-pubbliku jinżamm infurmat dwar l-użu tad-dħul pubbliku; jappella, għalhekk, għal rispett sħiħ għall-prerogattiva u r-rwol tal-Parlament bħala garanti tal-prinċipju tar-responsabbiltà demokratika; jistieden lill-Kunsill isegwi kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza;
12. Jisħaq li reviżjoni tat-Trattati tista’ tagħmel il-proċedura ta’ kwittanza aktar ċara u trasparenti billi tagħti lill-Parlament il-kompetenza espliċita li jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni fuq bażi individwali; jissottolinja, madankollu, li sakemm issir reviżjoni bħal din, is-sitwazzjoni attwali trid tittejjeb permezz ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar fi ħdan il-qafas attwali tat-Trattati u jħeġġeġ lill-Kunsill jimpenja ruħu b’mod attiv mal-Parlament biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali;
13. Jistieden lill-Kunsill ikompli kemm jista’ jkun malajr in-negozjati mal-Parlament fl-ogħla livell, bl-involviment tas-Segretarji Ġenerali u l-Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet, sabiex jintemm l-impass u tinstab soluzzjoni filwaqt li jiġu rispettati r-rwoli rispettivi tal-Parlament u tal-Kunsill fil-proċedura ta’ kwittanza u jiġu żgurati t-trasparenza u l-kontroll demokratiku xieraq tal-implimentazzjoni tal-baġit;
14. Jiddispjaċih li l-Kunsill ma ħejjiex biex jevita Presidenza tal-Kunsill immexxija minn Stat Membru soġġett għal proċedura tal-Artikolu 7, u b’konsegwenza ta’ dan il-Presidenza tal-Kunsill qed tiġi abbużata mill-gvern Ungeriż filwaqt li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera qed jiġi miksur;
15. Jisħaq li l-osservazzjonijiet tal-Parlament rigward il-prijoritajiet politiċi – inkluż in-nuqqas ta’ linji gwida vinkolanti rigward l-isponsorizzar korporattiv tal-presidenzi b’rotazzjoni tal-Kunsill –, il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, il-ġestjoni interna, il-prestazzjoni u l-kontroll intern, ir-riżorsi umani, l-ugwaljanza – bħall-iżbilanċ bejn il-ġeneri – u l-benesseri tal-persunal, il-qafas etiku u t-trasparenza, id-diġitalizzazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data, il-bini, l-ambjent u s-sostenibbiltà, u l-kooperazzjoni interistituzzjonali, u l-komunikazzjoni mir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu tat-23 ta’ April 2024, għadhom validi;
16. Itenni li l-użu tal-proċedura ta’ votazzjoni b’unanimità fil-Kunsill dwar ċerti oqsma ta’ politika qed jipparalizza l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u għalhekk jagħmilha suxxettibbli għar-rikatt mill-Istati Membri, speċjalment dawk li jonqsu milli jirrispettaw l-istat tad-dritt.