Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2056(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0288/2011

Testi mressqa :

A7-0288/2011

Dibattiti :

PV 12/09/2011 - 21
CRE 12/09/2011 - 21

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2011 - 5.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0364

Testi adottati
PDF 432kWORD 176k
It-Tlieta, 13 ta' Settembru 2011 - Strasburgu
Strateġija effikaċi dwar il-materja prima għall-Ewropa
P7_TA(2011)0364A7-0288/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2011 dwar strateġija effettiva tal-materja prima għall-Ewropa (2011/2056(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2011 bl-isem “Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima” (COM(2011)0025),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Novembru 2008 bl-isem “L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima - nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa” (COM(2008)0699),

–  wara li kkunsidra r-rapport “Materja Prima Kritika għall-UE” mis-Sottogrupp tal-Grupp dwar il-Provvista tal-Materja Prima tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bl-isem “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020” (COM(2011)0021),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2011 bl-isem “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050” (COM(2011)0112/4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 bl-isem “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali” (COM(2010)0614),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Novembru 2010 bl-isem “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 - Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bl-isem “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija - Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” (COM(2010)0612),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar “Politika Industrijali għall-Era Globalizzata”(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2011 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(4),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' gwida “Non-energy mineral extraction and Natura 2000” (L-estrazzjoni ta' minerali mhux għall-enerġija u r-rekwiżiti ta' Natura 2000) tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, il-Kummissjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma maħruġ flimkien mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Novembru 2008 bl-isem “L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima - nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa” (COM(2008)0699) (SEC(2008)2741),

–  wara li kkunsidra “Poltika dwar il-materja prima - rapport annwali 2009” mid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, il-Kummissjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' gwida “The links between the environment and competitiveness” (Ir-rabtiet bejn l-ambjent u l-kompetittvità) tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, il-Kummissjoni Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2010 bl-isem “Politika tal-iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta' tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli - Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE” (COM(2010)0629 finali),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2010 bl-isem “dwar il-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika (COM (2010)0634 finali),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li jmiss dwar il-kummerċ u l-iżvilupp,

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2009 bit-titolu “Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp – L-Istabbiliment ta' qafas ta' politika għall-approċċ uniku tal-Unjoni” (COM(2009)0458),

  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-Koerenza tal-Politiki tal-UE għall-Iżvilupp u l-kunċett ta' “Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u iktar”(8),

  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(9),

  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2011 dwar it-trattament tal-isfidi dwar il-materja prima u fis-swieq tal-prodotti bażiċi,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat ta' Lisbona), li jafferma mill-ġdid li l-UE għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra n-negozjati attwali taċ-Ċiklu ta' Doha,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE tal-2007 u d-Dikjarazzjoni ta' Tripli tat-3 Summit Afrika-UE fid-29/30 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-kawża quddiem id-WTO dwar disa' materji primi mill-UE, l-Istati Uniti u l-Messiku kontra ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura (A7-0288/2011),

A.  billi l-UE teħtieġ bażi industrijali soda, li tkun tiddependi ħafna minn provvisti suffiċjenti ta' materja prima, waqt li ssir aktar favorevoli għall-ambjent, sabiex taqleb għal ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u biex tibqa' kompetittiva;

B.  billi l-kumplessità tal-proċessi amministrattivi u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet jistgħu jwasslu għal dewmien ta' diversi snin biex tinkiseb awtorizzazzjoni għall-isfruttament tar-riżorsi minerali, billi dan id-dewmien huwa eċċessiv, iżid l-ispiża kapitali tal-investiment u jeskludi mis-suq kumpaniji żgħar u ta' daqs medju;

C.  billi d-domanda dinjija għall-materja prima ilha bil-mod tiżdied, speċjalment għall-“metalli meħtieġa għat-teknoloġija”,

D.  billi l-Istati Membri tal-UE, l-Awstralja u l-Istati Uniti għandhom il-potenzjal li jiżviluppaw l-estrazzjoni tagħhom tar-riżorsi proprji ta' materja prima kritika, metalli bażiċi u elementi terrestri rari,

E.  billi l-avvanzi f'teknoloġiji ġodda se jkomplu jżidu d-domanda għal riżorsi ċentrali għall-iżvilupp ta' dawn l-industriji,

F.  billi l-forniment internazzjonali huwa parzjalment ristrett minn kwoti tal-esportazzjoni, u l-prezzijiet qed jilħqu livelli ta' rekord,

G.  billi fis-settur tal-manifattura s-sehem tal-ispiża tal-materjal bħala parti mill-ispejjeż tal-produzzjoni totali hija ferm ogħla mis-sehem relatat mal-pagi tal-ħaddiema, u billi fis-setturi kollha t-tendenza tal-ewwel li jiżdied mhux mistennija li tinbidel, għall-inqas f'perjodu ta' żmien medju,

H.  billi s-swieq igawdu meta joperaw fuq pjattaforma ġusta u b'kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd,

I.  billi ż-żieda fil-kompetizzjoni dwar il-materji primi tista' tiggrava r-relazzjonijiet internazzjonali u twassal għal kunflitti dwar riżorsi;

J.  billi dawn l-isfidi jistgħu jkunu ta' opportunità għal sħubiji ġodda u innovattivi ta' kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku bejn l-UE u pajjiżi terzi,

K.  billi f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw l-isfruttar tar-riżorsi naturali ma jseħħx għall-benefiċċju tal-popolazzjoni minħabba l-eżistenza ta' reġimi mhux demokratiċi, frodi, korruzzjoni jew kunflitti armati,

L.  billi l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni biex tippromwovi l-effiċjenza tar-riżorsi u r-riċiklaġġ huma limitati, fil-biċċa l-kbira tagħhom, għal valutazzjonijiet ta' x'jista' jsir, minflok li jipproponu miżuri konkreti li jridu jittieħdu, u għaldaqstant huma insuffiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti,

M.  billi l-Kummissjoni tidddikjara li implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-iskart huma essenzjali biex tiġi promossa Ewropa aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi,

N.  billi ż-żieda fir-riċiklaġġ ta' materjali prezzjużi, speċjalment l-elementi terrestri rari, teħtieġ xogħol ta' żmantellament intensiv,

O.  billi r-riċiklaġġ bi profitt jinsab fi klassifikazzjoni affidabbli u effiċjenti u t-teknoloġija tas-separazzjoni, peress li l-valur tal-materjali riċiklati jiddependi mill-purezza tal-frazzjoni;

P.  billi ż-żieda tal-effiċjenzi u r-riċiklaġġ iwasslu għas-sostenibilità, il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista,

Q.  billi l-produttività tal-forza tax-xogħol żviluppat ħafna aktar mgħaġġla fl-aħħar deċennji mill-produttività tar-riżorsi, bl-istimi juru li l-kosti tal-forza tax-xogħol huma anqas minn 20% ta' prodott u l-kosti tar-riżorsi jirrappreżentaw 40%; billi dan ifisser li hemm bżonn li ssir azzjoni b'ħeffa biex tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi,

R.  billi huwa importanti ħafna li jittieħdu passi f'waqthom u deċiżivi fl-implimentazzjoni ta' strateġija effikaċi li tħalli r-riżultati fir-rigward tal-Inizjattiva Ewropea tas-Swieq tal-Materja Prima;

Strateġija dwar il-Materji Prima

1.  Jemmen li l-Ewropa qed tiffaċċja kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet fir-rigward ta' materja prima; jenfasizza li l-UE issa, meta d-domanda għall-materja prima tiżdied sewwa globalment, għandha l-opportunità li taħsad benefiċċji billi ssaħħaħ il-provvista u l-effiċjenza fil-materja prima, filwaqt li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-industriji tal-UE u s-settur tal-materja prima; jenfasizza li d-disponibilità ta' aċċess ġust għall-materja prima, u l-prezzijiet stabbli u prevedibbli tagħha, huma ta' importanza kruċjali għall-potenzjal tal-iżvilupp, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-preservazzjoni tal-industrija Ewropea; filwaqt li restrizzjonijiet fl-aċċess u l-provvista, partikolarment għall-materja prima kritika, bħall-REE, kif ukoll volatilità kbira fil-prezzijiet, jistgħu jostakolaw il-kompetittività, l-effiċjenza ambjentali u l-prospetti ta' innovazzjoni tal-industrija tal-UE, speċjalment l-SMEs; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni kienet minn ta' quddiem fil-kwistjoni tal-politika tal-materja prima bl-Inizjattiva dwar il-Materja Prima (RMI) fl-2008, u jitlob bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimxu bil-ħeffa lejn l-implimentazzjoni tagħha. Jemmen li l-politika u d-diplomazija fir-rigward tar-riżorsi huma ta' importanza kbira għall-UE, mhux biss fir-rigward tal-politika industrijali u l-kummerċ internazzjonali, iżda wkoll bħala kwestjoni trasversali li tikkonċerna oqsma differenti tal-politika domestika, kif ukoll tal-politika barranija u tas-sigurtà; jitlob lill-Kummissjoni tagħti kemm jista' jkun attenzjoni lil din il-kwestjoni daqs kemm tagħti lill-kwestjoni tal-enerġija; iqis ukoll li dan huwa inkarigu għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS);

2.  Jemmen li r-responsabilità għal diplomazija tal-UE koerenti u effikaċi tinsab fl-EEAS u fis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni – u b'mod speċjali d-DĠ għall-Kummerċ rigward kwistjonijiet kummerċjali – b'koordinament mill-qrib mal-Kunsill u mal-Parlament; jemmen, barra minn hekk, li r-relevanza strateġika tal-materja prima għandha tiġi riflessa fl-organizzazzjoni tal-EEAS u fir-reklutaġġ ta' delegazzjonijiet relevanti tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-koordinament tal-politika barranija tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tal-materja prima;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra b'mod suffiċjenti fuq is-swieq tal-komoditajiet u l-RMI separatament, peress li ż-żewġ oqsma jvarjaw fin-natura tagħhom u jirrikjedu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw problemi diverġenti; jenfasizza l-fatt li s-swieq finanzjarji u tal-komoditajiet illum huma minsuġa flimkien ħafna aktar minn qatt qabel u li l-volatilità tal-prezzijiet hija aggravata mill-ispekulazzjoni; jinnota li l-funzjonament xieraq tas-suq tal-materja prima jagħti l-inċentivi meħtieġa biex in-negozji jużaw ir-riżorsi b'mod aktar effiċjenti, jissostitwixxu r-riżorsi, jirriċiklaw u jinvestu aktar fl-attivitajiet tal-R & D għas-sostituzzjoni; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni, għalhekk, issaħħaħ il-funzjonament xieraq tas-swieq tal-materja prima billi, pereżempju, tkompli bir-rieżami tas-swieq fid-Direttiva dwar is-Servizzi Finanzjarji, sabiex tipprovdi għal aktar kummerċ trasparenti; jenfasizza li t-tliet pilastri tal-RMI jikkomplementaw lil xulxin fis-soluzzjoni ta' kwistjonijiet tal-materja prima u l-garanzija tal-provvista tal-materja prima fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-istrateġija tal-materja prima b'mod ibbilanċjat u koerenti, partikolarment fir-rigward ta' politiki Ewropew importanti oħra, speċjalment fi ħdan l-industrija, ir-riċerka, l-ambjent, it-trasport u Ewropa 2020; jinnota, f'dan il-kuntest, b'mod partikolari, ir-rwol importanti li għandhom l-innovazzjoni b'saħħitha u l-politika industrijali;

4.  Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni tal-materji primi kritiċi, li kollha huma “metalli meħtieġa għat-teknoloġija” ta' importanza u għandhom jiġu kkunsidrati f'miżuri sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni:

   taġġorna regolarment il-lista ta' materji primi kritiċi u tosserva materja prima mhux skarsa iżda strateġikament importanti, bil-għan li tiffaċċja t-tendenzi lejn l-inflazzjoni li jwasslu għal sitwazzjonijiet ta' konċentrazzjoni ta' sjieda min-naħa tal-fornituri;
   tistabbilixxi “radar tar-riskju għall-materji primi kritiċi” biex tanalizza bżonnijiet attwali u futuri u l-prezzijiet kif ukoll l-effetti negattivi tan-nuqqasijiet f'materji primi kritiċi potenzjali, speċjalment l-REE, fir-rigward tas-setturi tal-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġija avvanzata, id-difiża u anki tal-karozzi;
   tanalizza l-katini tal-provvista li jiddependu mill-materji primi kritiċi, il-kapaċità tar-raffinar, li wkoll twassal għal prodotti nofshom lesti, u l-interazzjoni bejn il-materji primi kritiċi u l-metalli ta' bażi tagħhom;
  

ifakkar li, fi ħdan il-materja prima u l-materja prima kritika b'mod partikolari, il-grad ta' kemm materja tkun kritika jvarja minn element għal ieħor, kif ukoll id-disponibilità, l-użu tagħhom, il-ħtieġa li jkollhom għall-ipproċessar u konsegwentament, l-iffissar tal-prezzijiet fl-istadji differenti tal-katina tal-provvista, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-analiżi; jiġbed l-attenzjoni wkoll għad-diversità tal-paradigmi loġistiċi għall-flussi tal-materja prima fis-suq komuni;

5.  Jinnota li mhux is-swieq kollha tal-materja prima jaġixxu bl-istess mod u, b'mod partikulari, li s-swieq tal-materja prima fis-settur agrikolu huma suġġetti għal fatturi staġjonali u klimatiċi qawwija u għaldaqstant jeħtieġu attenzjoni partikulari;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta studju dwar l-importazzjoni Ewropea tal-materja prima li, għalkemm ma tkunx klassifikata bħala kritika (pereżempju l-litju, il-ħafnju u n-nikil), hija madankollu ta' importanza strateġika f'dak li jirrigwarda l-qadi tal-bżonnijiet industrijali Ewropej u l-ħolqien ta' prodotti tal-konsumatur b'valur miżjud għoli; l-istudju għandu jivvaluta wkoll id-dipendenza tal-industriji tagħna fuq dawn il-materji primi u l-miżuri li jiżguraw il-provvista tagħhom, kif ukoll il-kost ambjentali tal-estrazzjoni tagħhom u l-alternattivi li jistgħu jkunu previsti;

7.  Jilqa' l-fatt li firxa wiesgħa ta' materja prima, bħal-lastiku naturali, l-injam u l-aggregati, huma inklużi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel analiżi dwar id-disponibilità ta' dawn il-materjali u d-domanda potenzjali għalihom u fuq din il-bażi tieħu azzjoni xierqa, jekk u fejn ikun meħtieġ; jiddikjara li dan ir-rapport jiffoka fuq materja prima strateġika u kritika;

8.  Jinnota li governanza effettiva tal-politika tal-materja prima hija ta' importanza ewlenija għal strateġija effettiva dwar il-materja prima; jinnota li strateġija effettiva trid tinkludi djalogu kontinwu mal-partijiet interessati kkonċernati; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' koordinazzjoni mill-qrib u l-provvista ta' informazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew u bejn l-Istati Membri; jirrakkomanda t-twaqqif ta' task force interdipartimentali ta' livell għoli fl-2011, dwar il-materja prima, bħalma hemm fi Franza u fl-Istati Uniti, li jkun jinkludi d-DĠs rilevanti, iċ-Ċentru Konġunt Għar-Riċerka (JRC), l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-EEAS, biex jelabora, jimmoniterja u jirrevedi l-politiki, inklużi l-ftehimiet ta' sħubija, biex jiżgura l-koerenza strateġika u biex jippromwovi t-twaqqif ta' sistema ta' twissija bikrija, inter alia għad-distorsjoni tas-swieq u għall-kunflitti minħabba r-riżorsi, ikkompletati minn grupp ta' monitoraġġ; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf “Pjan direzzjonali għall-materja prima fl-Ewropa għall-2050”, li jidentifika żviluppi, theddidiet u opportunitajiet futuri fis-setturi tal-materja prima u tal-materja prima kritika, u li jista' jgħin lill-industriji u l-istituzzjonijiet akkademiċi u ta' riċerka Ewropej jimpenjaw ruħhom f'ippjanar u investiment fuq żmien fit-tul; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji tal-materja prima proprja tagħhom u biex irawmu l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika bejniethom, inkluża d-dimensjoni esterna; jissuġġerixxi li l-komunikazzjoni li jmiss dwar id-dimensjoni esterna tal-enerġija tista' ssevi bħala mudell;

9.  Jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jiġi regolarment infurmat dwar l-iżvilupp tal-materja prima bla enerġija fil-qafas tal-RMI u l-ilħiq tal-objettivi tagħha permezz ta' rapport annwali dwar il-progress, li jiffoka wkoll fuq il-koerenza fil-politika fir-rigward tal-politika tal-kummerċ, l-iżvilupp u l-ambjent, l-impatti soċjali, kif ukoll dwar il-materja prima kritika;

Indawru sfida f'opportunità għall-industrija Ewropea: effiċjenza tar-riżorsi, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni

10.  Jinnota li meta negħlbu l-isfidi tal-materja prima, niksbu opportunità biex tingħata spinta lill-bażi industrijali, il-kapaċità teknoloġika u n-know-how tal-UE u jiżdiedu l-kompetittività u l-impjiegi kkwalifikati stabbli bis-saħħa ta' strateġija ta' innovazzjoni industrijali ambizzjuża; jinnota li, minkejja l-importanza ta' politika kummerċjali effettiva u l-użu ta' riżorsi proprji, governanza tajba tal-materja prima u ż-żieda tal-effiċjenza, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ effiċjenti mil-lat ta' enerġija, it-tnaqqis fl-użu tar-riżorsi, anki permezz ta' standards imtejba tal-kwalità tal-prodott u l-prinċipju ta' użu aktar fit-tul (“use-it-longer” principle), fejn ikun xieraq, u l-użu ta' teknoloġiji favorevoli għall-ambjent se jkunu l-qofol għall-kompetittività, is-sostenibilità u għas-sigurtà tal-provvista f'perjodu ta' żmien medju sa żmien twil; jemmen li kull inizjattiva f'dan ir-rigward għandha tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tal-impatt kif inhu xieraq li jiffokaw fuq impatti ambjentali, soċjali potenzjali kif ukoll possibilment fuq il-kompetittività; jenfasizza l-importanza li tkun applikata b'konsistenza l-Ġerarkija Ewropea tal-Iskart, li torbot legalment, kif stabbilit fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, li tagħti prijorità lill-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, segwiti mill-irkupru u r-rimi; jinnota li l-Kummissjoni għandha tappoġġa l-innovazzjoni soċjali, it-tibdiliet fl-istil tal-ħajja u kunċetti ġodda bħalma huma l-“eco-leasing”, u l-“chemical leasing” u l-kondiviżjoni tas-sustanzi kimiċi;

11.  Jinnota li livelli iżjed baxxi ta' konsum, prevenzjoni ta' ġenerazzjoni ta' skart u l-użu mill-ġdid tiegħu huma komponenti prinċipali għat-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

12.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twettaq studju komprensiv dwar mudelli ta' leasing ekonomiku bħala alternattivi għas-sjieda tal-prodotti u l-impatt tagħhom fuq l-użu u l-irkupru tal-materjali; jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni hi l-isfida primarja f'dan ir-rigward;

13.  Jenfasizza l-bżonn li naħdmu lejn is-separazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u użu akbar ta' riżorsi, li wkoll se jgħinu biex inaqqsu d-dipendenza relattiva fuq l-importazzjonijiet; jinnota l-importanza li tiġi stabbilita strateġija tal-materja prima anki fi ħdan il-kuntest usa' tat-tibdil fil-klima; għaldaqstant, jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni biex tniedi inizjattiva emblematika fuq l-effiċjenza tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-ostakoli għat-tisħiħ tal-produttività tar-riżorsi (inklużi l-limitazzjonijiet tekniċi, il-kosti, eċċ) u biex tinkorpora u tevalwa miri għat-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi fuq perjodu ta' żmien medju u twil li jirreflettu l-ħtieġa li tonqos id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-materja prima, peress li l-importazzjonijiet tal-materja prima fl-Unjoni Ewropea huma per capita l-ogħla fid-dinja; sabiex il-progress jiġi vvalutat b'mod oġġettiv u biex isir tqabbil ma' pajjiżi oħra, jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija aktar affidabbli għall-kejl tal-effiċjenza fir-riżorsi, filwaqt li jiġi kkunsidrat ix-xogħol tal-Eurostat f'dan il-qasam, kif ukoll ir-riżultati ta' studju tal-Parlament Ewropew ikkummissjonat reċentement dwar is-suġġett;

14.  Jilqa' l-iżvilupp ta' strumenti u indikaturi, bħat-TEEB (l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi u tistimula l-iżvilupp ta' dawn l-istrumenti u l-użu tagħhom;

15.  Jemmen li taxxa fuq ir-riżorsi minerali mhijiex għodda fiskali adattata biex tiżdied l-effiċjenza fir-riżorsi, filwaqt li jistieden lill-Kummissjoni tikkummisjona studju dwar l-effetti ta' taxxa fuq l-użu tal-ilma u tal-art, b'attenzjoni speċjali għal riperkussjonijiet mhux maħsuba li jista' jkun hemm fuq attivitajiet ekonomiċi u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-UE;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis serjament li testendi, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-impatt, l-approċċ tal-ekodisinn għall-materja prima, biex teżamina l-possibilità ta' introduzzjoni ta' strumenti ġodda, taħdem ma' korpi ta' standardizzazzjoni, biex tevalwa l-fattibiltà ta' programm tal-ogħla kwalità għal prodotti li għandhom x'jaqsmu mal-effiċjenza tar-riżorsi, biex issaħħaħ is-servizzi konsultattivi rigward l-effiċjenza tar-riżorsi, l-aktar għall-SMEs, pereżempju billi ssaħħaħ programmi bħalma huwa l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI); jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-SMEs f'dan il-qasam billi tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri, billi tipprovdi aċċess għar-riċerka relevanti fil-qafas tal-FP7 u l-programmi futuri ta' riċerka tal-UE; jistieden lill-kumpaniji jużaw jew l-Iskema għall-Immaniġġjar tal-Ambjent u Verifika (EMAS) jew l-istandards ISO; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jestendu l-proċedura tal-akkwist pubbliku sabiex jitkattru l-prodotti effiċjenti fir-riżorsi u l-prodotti li jutilizzaw materja prima sekondarja, kif ukoll biex jiġi żgurat li jkun hemm riċiklaġġ tajjeb u trasparenti fi tmiem il-ħajja tagħhom; jinnota li fir-riċiklaġġ mhix importanti biss il-kwantità iżda wkoll il-kwalità; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' disinn tal-prodott li jkun jirrispetta l-ambjent; jenfasizza l-valur li fit-tagħrif tal-prodotti u fuq l-ekotikketti tiddaħħal informazzjoni dwar l-użu tar-riżorsi, biex tagħti s-setgħa lill-konsumaturi; jistieden lill-entitajiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej biex jistandardizzaw il-kwistjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi fid-definizzjoni tal-istandards;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja kif id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, id-Direttiva dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, id-Direttiva dwar Skart ta' Tagħmir Elettriku u Elettroniku u d-Direttiva dwar l-Iskart tal-Batteriji jistgħu jiġu mmodifikati sabiex jiżdied ir-riċiklaġġ, mhux biss mil-lat ġenerali, iżda wkoll għal materja prima prezzjuża, inklużi l-REE, pereżempju billi jkun hemm rekwiżiti aktar speċifiċi dwar iż-żarmar, u biex, b'konsegwenza, tipproponi emendi għal dawn l-atti;

18.  Jinnota l-kontribut li l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ jistgħu jagħtu fejn jidħol it-tnaqqis tal-gassijiet serra (GHG), peress li l-materja prima hija sors sinifikattiv tal-produzzjoni ta' GHG; jinnota, barra minn hekk, ir-rati għolja ta' riċiklaġġ għal setturi speċifiċi regolati minn leġiżlazzjoni dwar ir-riċiklaġġ; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika modi biex tkompli żżid ir-riċiklaġġ f'setturi relattivi billi inter alia ttejjeb il-qafas legali għall-ekonomija ċirkolari; jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fir-riċiklaġġ tal-materja prima, partikolarment l-REE; jistieden lill-Kummissjoni tniedi analiżi fil-fond dwar il-fluss tal-materjali tal-UE, dwar iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-materja prima (mill-estrazzjoni għall-iskart), kull settur individwalment u bil-ħsieb li jiġu eżaminati u proposti modi effiċjent fil-konfront tal-ispejjeż biex jiżdied ir-riċiklaġġ tal-materja prima, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza l-leġiżlazzjoni Ewropea u standards minimi tar-riċiklaġġ bil-ħsieb ta' konsistenza akbar; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti, jistieden ukoll lill-assoċjazzjonijiet tal-industrija jippromwovu attivament ir-riċiklaġġ fost il-membri tagħhom u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tar-riċerka u ma' setturi oħra; jinnota l-importanza li l-ammont ta' skart prodott jiġi separat miż-żieda fil-produzzjoni tal-manifattura;

19.  Jinnota l-importanza li jinħolqu sinerġiji industrijali dwar ir-riċiklaġġ u l-għoti tal-għajnuna lill-kumpaniji biex jiskopru kif l-iskart u l-prodotti sekondarji tagħhom jistgħu jservu bħala riżorsi għal ħaddieħor; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu metodi bħalma għamel ir-Renju Unit bil-Programm Nazzjonali tas-Simbjożi Industrijali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni:

   tinvestiga u tippromwovi proġetti dwar minjieri urbani, peress li dawn jistgħu jkunu ħafna aktar rikki mid-depożiti tal-minjieri primarji u l-parti l-kbira tal-materja prima sekondarja tista' tiġi estratta, użata mill-ġdid u riċiklata, u biex jinvestu fi proġetti li ġeneralment inaqqsu l-użu tal-materja prima u b'hekk iġibu tibdil fis-soċjetà,
   tinvestiga, inkluż permezz ta' valutazzjoni tal-impatt indipendenti, jekk landfills magħluqa jistgħux jerġgħu jinfetħu biex fihom jiġi rriċiklat skart ta' materjal bl-aqwa teknoloġiji disponibbli (BAT), peress li dan iwassal għal disponibilità akbar ta' materja prima u impjiegi addizzjonali madwar l-Unjoni,
   teżamina l-miżbliet tal-iskart tal-minjieri u dak metallurġiku li għad fadal,
   tlesti database tal-UE dwar is-siti tal-miżbliet tal-minjieri sal-2012 u tinforza d-direttiva dwar l-iskart tal-minjieri,
   tiżgura li dan l-iskart jiġi trattat bil-BAT,
   tinkoraġġixxi l-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-binjiet, filwaqt li tiżgura, fejn ikun xieraq, il-kapaċità ta' riċiklaġġ tal-materjali użati fil-kostruzzjoni tagħhom,
   tintroduċi gradwalment projbizzjoni ġenerali fuq il-landfills għall-iskart fl-Unjoni Ewropea kollha;

21.  Huwa tal-opinjoni li hemm bżonn kbir ta' aktar informazzjoni dwar it-tħaffir fil-minjieri urbani u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni tevalwa b'mod speċjali l-potenzjal, iżda wkoll il-limitazzjonijiet possibbli f'dan ir-rigward;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ta' riċiklaġġ bi rkupru qrib kemm jista' jkun tas-sors tal-iskart, inkluża l-purifikazzjoni tal-ilma tad-drenaġġ, peress li dan jippermetti l-irkupru ta' konċentrazzjonijiet ogħla ta' materja prima, jevita n-nuqqas ta' rkuprar, inaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent u possibbilment ikun aktar effiċjenti f'termini ta' enerġija;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tressaq proposta biex temenda d-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma(10) u biex tiżviluppa u tespandi l-objettivi stipulati fl-Artikolu 5(2) tagħha; iqis, barra minn hekk, li skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, il-mira ta' tnaqqis tal-projbizzjoni li skart bijodegradabbli urban jintbagħat f'terraferma għandha tiġi estiża, b'bidu mill-2020, għall-iskart bijodegradabbli kollu, b'mira ta' tnaqqis stabbilita għal 5%;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa s-sħubijiet tar-riċiklaġġ mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa proġetti pilota bħalma huma ż-żoni ta' skart żero;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa kif il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jista' jgħin inaqqas ir-riskji finanzjarji għal investimenti f'impjanti ta' riċiklaġġ b'teknoloġija ġdida u inizjattivi oħra ta' riċiklaġġ;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-riċerka u l-iżvilupp dwar inċentivi ekonomiċi għar-riċiklaġġ, inkluż ir-riċiklaġġ ta' REE, anki billi tħares lejn valutazzjoni tal-impatt; jistieden lill-Kummissjoni wkoll tistħarreġ kif is-swieq għal materjal riċiklat jista' jkun appoġġat minn, fost l-oħrajn, ċertifikati għal materjal riċiklat, rekwiżiti ta' ekodisinn, u biex tiżgura li l-politika ta' koeżjoni u l-baġits ikunu estiżi biex jippromwovu l-effiċjenza u r-riċiklaġġ tar-riżorsi;

27.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi miġġieled it-trasport illegali tal-iskart riċiklabbli u l-iskart li fih materja prima utli, partikolarment skart elettroniku kopert mid-Direttiva WEEE (2002/96/KE), billi tittejjeb il-leġiżlazzjoni u tissaħħaħ l-implimentazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni urġenti għal dan il-kompitu; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga kif l-użu ulterjuri tal-kunċett tar-responsabbiltà tal-produttur jista' jsostni din il-mira; jenfasizza l-ħtieġa li titwaqqaf skema ta' ċertifikazzjoni globali għall-faċilitajiet ta' riċiklaġġ; jinnota l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-uffiċjali tad-dwani nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk huwiex meħtieġ mekkaniżmu kollettiv biex jinforma lill-awtoritajiet dwar il-flussi ta' trasport illegali jekk ikun neċessarju; jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-flussi illegali tal-flussi tal-iskart u tirrapporta regolarment dwar is-suċċessi fil-ġlieda kontra l-esportazzjonijiet illegali tal-iskart; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi distinzjoni effettiva fid-dikjarazzjonijijiet doganali bejn oġġetti ġodda u oħrajn użati billi tindirizza dan fl-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità Moderna (MCCC-IP);

28.  Jistieden ukoll, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni, fejn ikun mixtieq, tappoġġa s-sħab kummerċjali tal-UE, biex jadottaw liġijiet xierqa u jinfurzaw miżuri adegwati ta' kontroll ħalli jevitaw l-importazzjoni illegali ta' kwalunkwe tip ta' skart fit-territorju tagħhom u jiġġieldu b'mod attiv kontra l-korruzzjoni li spiss tippermetti li jsiru dawn l-importazzjonijiet illegali.

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-kummenti kritiċi minn uħud mill-Istati Membri dwar ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta ċerti tipi ta' metall skreppjat ma jibqgħux jitqiesu bħala skart skont id-Direttiva 2008/98/KE, u jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-kwalità tal-prodott u ttejjeb il-possibilitajiet biex tiċċekkja u tiżgura li l-iskrep iddikjarat bħala skrep ta' tmiem l-iskart ikollu l-kwalità meħtieġa;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-prijoritajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni f'metodi ta' produzzjoni u esplorazzjoni sostenibbli, iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott u r-riċiklaġġ (cradle-to-cradle), is-sostituzzjoni u l-effiċjenza tar-riżorsi, peress li dan ukoll jista' jnaqqas id-dipendenza ta' importazzjoni li għandha l-Ewropa fuq fornituri monopolistiċi; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza sfidi eżistenti fir-rigward tar-riċiklaġġ fi ħdan il-programmi ta' qafas, u jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni lil strateġiji differenti ta' riċiklaġġ għall-metalli massivi kif ukoll għall-materja prima kritika bħalma huma l-REE; jistieden lill-Kummissjoni tassoċja l-finanzjament għar-riċerka dwar il-materja prima kritika, bħall-REE, ma' miri ċari, bħal pereżempju, il-mira Ġappuniża li jitnaqqas il-konsum tal-REE b'terz; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-esperjenza mill-pajjiżi terzi li diġà laħqu livelli għoljin ta' ġbir mill-ġdid, bħan-Norveġja, fejn madwar 80% tal-iskart elettroniku jerġa' jinġabar, u biex tiffissa miri adegwati ta' ġbir mill-ġdid tagħha stess; jenfasizza l-importanza ta' sħubijiet pubbliċi-privati f'dan il-qasam li jkunu jinvolvu l-industrija, l-akkademja u l-gvern; jirrikonoxxi s-servizz ta' fejda li dawn l-istituzzjonijiet jagħtu wkoll lill-SMEs; jinsisti dwar l-importanza ta' Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni fuq il-materja prima strateġika biex issir promozzjoni tal-iżvilupp tal-effiċjenza fir-riżorsi, teknoloġija ewlenija, is-sigurtà tal-provvista u s-settur domestiku tal-materja prima; jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2011 tniedi sħubija simili;

31.  Jiddispjaċih li s-sostituzzjoni u l-użu mill-ġdid mhumiex indirizzati b'mod suffiċjenti fil-Komunikazzjoni; ifakkar li s-sostituzzjoni, partikolarment għall-materja prima kritika, hija ta' rilevanza kbira ferm u tista' toffri soluzzjonijiet effiċjenti għar-riskji fil-provvista u l-perikli ambjentali fejn possibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tintensifika l-ħidma tagħha f'dan il-qasam, billi testendi r-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-iżvilupp possibbli ta' programm ta' R & D għas-sostituzzjoni fil-programm ta' qafas dwar ir-riċerka li jmiss, u tagħti appoġġ lill-impjanti għad-dimostrazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw l-iffissar ta' miri għas-sostituzzjoni filwaqt li jikkunsidraw valutazzjonijiet tal-impatt relevanti; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-kompetenza eżistenti dwar l-REE fi ħdan l-UE;

Forniment sostenibbli fl-UE

32.  Jitlob politiki mhux fiskali biex jiġu appoġġati setturi domestiċi tal-materja prima biex jattiraw l-investimenti; jilqa“, għalhekk, il-kooperazzjoni bejn timijiet ta' stħarriġ nazzjonali ġeoloġiku; jitlob li jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejniethom u jinkoraġġixxi l-użu ta' standards u prattiki komuni li jiffaċilitaw l-iskambju u l-użu tad-data ġeoloġika disponibbli; jilqa” l-pubblikazzjoni annwali tal-Annwarju Ewropew tal-Materja Prima (ERMY), filwaqt li jenfasizza li d-data fuq riżorsi sekondarji u fuq it-tħaffir ta' minjieri urbani għandhom jiġu inklużi; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk huwiex meħtieġ il-ħolqien ta' Sevizz Ġeoloġiku tal-UE li jiġbor il-ħidma ta' stħarriġiet nazzjonali u l-ħidmiet ma' sħab internazzjonali; jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-bażi tal-għarfien ġeoloġiku tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa mappa diġitali ta' riżorsi tal-Unjoni;

33.  Jinnota l-importanza u l-forniment ta' provvista ta' materja prima fl-Ewropa; għalhekk jistieden sabiex,

   ikun hemm koordinazzjoni aħjar rigward l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, id-distribuzzjoni, il-proċessar, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;
   l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti (nazzjonali, reġjonali u lokali) japplikaw proċeduri amministrattivi ċari, effikaċi u koordinati fl-għoti tal-awtorizzazzjonijiet biex jesplojtjaw materja prima domestika, possibilment billi jinkludu l-istabbiliment ta' punt ta' kuntatt uniku biex jiffaċilitaw u jaċċelleraw il-proċess tal-ħruġ ta' liċenzji;
   l-Istati Membri iħejju politiki tal-ippjanar għall-użu tal-art, inkluż stimi għal tul ta' żmien għad-domanda reġjonali u lokali tal-minerali, biex jiġu riflessi fil-politiki nazzjonali tal-materja prima, li għandhom ikunu bbażati fuq know-how ġeoloġiku b'saħħtu dwar materja prima li hu preżenti f'bosta Stati Membri u m'għandux jimpedixxi n-negozju fl-UE jew jeskludi d-domanda transkonfinali;
  

Jinnota r-rwol importanti tal-kumpanniji li jipprovdu servizzi upstream fil-kuntest tat-tħaffir ta' mini domestiċi; jenfasizza l-importanza li jiġu stimulati raggruppamenti reġjonali jew nazzjonali ta' materja prima li jiġbru flimkien l-industrija, is-servizzi ġeoloġiċi, il-fornituri ta' servizzi upstream, il-manifatturi tat-tagħmir, il-kumpanniji ta' tħaffir ta' minjieri u ta' raffinar, kif ukoll l-industrija tat-trasport u s-sħab soċjali fit-tħaffir ta' minjieri sostenibbli fl-Ewropa, anki bl-użu ta' teknoloġiji ġodda tat-tħaffir ta' minjieri;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-objettivi tal-pjan ta' azzjoni dwar il-bijodiversità fl-istrateġija dwar il-materja prima biex issaħħaħ ir-rabtiet bejn l-ekonomija u l-ambjent u tqis l-effetti ambjentali tal-estrazzjoni, il-produzzjoni, l-użu u r-rimi tal-materja prima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' ppjanar strateġiku dwar l-użu tal-art fl-Istati Membri kollha biex l-estrazzjoni tal-materja prima tiġi bbilanċjata mad-domandi l-oħra għall-użu tal-art u biex l-ambjent u l-bijodiversità jiġu ssalvagwardjati;

35.  Jenfasizza li l-attivitajiet ta' estrazzjoni għandhom jitwettqu b'kunsiderazzjoni xierqa għall-ogħla standards tas-sigurtà fil-post tax-xogħol u tal-protezzjoni ambjentali sabiex jiġu evitati inċidenti u ż-żoni affettwati jiġu rriabilitati;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni biżżejjed lill-iżvilupp ta' żoni b'ħafna riżorsi u biex tinkludi approċċ komprensiv biex ittejjeb l-infrastruttura tat-trasport li tgħaqqad żoni tal-Unjoni b'ħafna riżorsi maż-żoni industrijali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura li l-linji gwida rreveduti fuq in-Netwerks Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) jissodisfaw il-bżonnijiet tal-industrija billi jipprovdu aċċess bla xkiel għall-materja prima;

37.  Jirriafferma li l-linji gwida ta' NATURA 2000 jipprovdu bażi soda li fil-qafas tagħha jistipulaw li għandhom isiru attivitajiet ta' estrazzjoni ta' bla enerġija fid-dawl tal-prinċipju ta' sussidjarjetà; jistieden lill-Kummissjoni tiċċekkja fuq bażi regolari jekk sarx progress fl-Istati Membri fir-rikonċiljazzjoni tal-estrazzjoni tal-materja prima mal-konservazzjoni tan-natura; jinnota li l-kodiċi ta' prattika biex tinkiseb l-eċċellenza teknika, soċjali, kompetittiva u ambjentali huma strumenti importanti; ifakkar fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema(11) u jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, biex teżamina l-possibilitajiet ta' esplojtazzjoni ambjentalment sostenibbli ta' żoni sensittivi li jistgħu jkunu fornituri prezzjużi ta' materja prima essenzjali, bħall-Artiku, ir-Reġjun ta' Barents u Greenland u, jekk huwa possibli, jestendi l-ftehimiet ta' sħubija mal-pajjiżi f'dawn ir-reġjuni;

38.  Jenfasizza l-bżonn ta' kundizzjonijiet ta' qafas aktar trasparenti u prevedibbli fuq il-proċessi ta' approvazzjoni regolatorja għall-istabbiliment ta' minjieri ġodda għall-estrazzjoni ta' metalli u minerali, filwaqt li, fl-istess ħin, ma jiġux kompromessi l-istandards ambjentali;

39.  Jinnota li pajjiżi Ewropej tat-Tramuntana u r-Reġjun ta' Barents għandhom depożiti sostanzjali ta' minerali u foresti; jemmen li r-reġjun Ewropew tat-Tramuntana jista' jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-bżonnijiet ta' provvista ta' materja prima tal-kumpanniji oħra Ewropej u b'hekk inaqqas id-dipendenza Ewropea fuq l-importazzjoni; jemmen li hemm bżonn ċar li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal tal-Ewropa tat-Tramuntana fid-diskussjoni attwali dwar il-materja prima;

40.  Jenfasizza l-importanza tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (R&D&I) sabiex jiġu affrontati sfidi ġodda; jinnota l-importanza tar-Riċerka u l-Iżvilupp (R & D) fl-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi u metodi sostenibbli tat-tħaffir tal-minjieri, tar-raffinar, il-produzzjoni ta' minerali u tar-riċiklaġġ, biex ikomplu jonqsu l-impatt ambjentali u l-effetti soċjali negattivi li huma possibli;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri sabiex tixpruna interess fil-ftuħ mill-ġdid ta' xi minjieri, billi tisfruttahom b'mod sostenibbli, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' tnaqqis fil-provvista ta' materja prima għall-industrija Ewropea;

42.  Jenfasizza l-importanza tal-ħiliet u t-taħriġ u r-rwol li għandhom il-ġeologi, l-inġiniera, il-minaturi u persunal ieħor; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidħlu għal djalogu fil-qrib mas-sħab soċjali, l-akkademja u l-industrija relevanti; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-ħtieġa u l-provvista ta' persunal imħarreġ fil-qasam tal-materja prima R&D, l-estrazzjoni, ir-raffinar, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ sal-2012 u biex taqsam is-sejbiet mal-Parlament Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-industrija u l-akkademja, biex jappoġġaw l-edukazzjoni dwar il-materja prima permezz tal-istabbiliment ta' programmi universitarji u boroż ta' studju speċjali; jappoġġa wkoll, f'dan il-kuntest, il-programmi ta' skambju f'dan il-qasam bħall-Erasmus Mundus Minerals and Environmental Programme;

43.  Jilqa' l-proposta għal diplomazija tal-UE dwar il-materja prima u r-riżorsi naturali rari tad-dinja bil-għan li tinħoloq pjattaforma regolatorja internazzjonali, li tiżgura aċċess għal u l-forniment ta' materja prima, speċjalment dik kritika, li tiżgura swieq globali miftuħa u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tħaffir sostenibbli ta' materja prima u l-użu effikaċi tar-riżorsi skont interessi reċiproċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġi stabbilit djalogu b'saħħtu fil-qasam tad-diplomazija dwar il-materja prima bejn il-pajjiżi industrijalizzati, dawk li bdew jindustrijalizzaw, u dawk il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma sinjuri fir-riżorsi, bil-għan ukoll li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza t-tajba, l-istabilità reġjonali u l-prevenzjoni tar-riskju ta' kunflitti dwar ir-riżorsi;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura infurzar l-aktar strett tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, biex tinkludi s-sikurezza u l-istandards tat-tħaffir tal-minjieri tad-deheb taħt l-inizjattiva emblematika “Unjoni ta' Innovazzjoni”, biex tinkludi punt ta' ħidma speċifiku għall-Panel Internazzjonali dwar il-Ġestjoni Sostenibbli ta' Riżorsi (UNEP) dwar l-estrazzjoni tad-deheb, inklużi l-aspetti ta' sikurezza, innovazzjoni, ġestjoni ta' kimiċi, it-tħaffir ta' minjieri illegali kif ukoll t-tħaffir ta' minjieri artiġjanali, sabiex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli fit-tul li tiżgura li d-deheb jiġi prodott jew importat għall-użu fl-UE b'mod sostenibbli, u biex tikkunsidra l-Linji Gwida Berlin II dwar tħaffir ta' minjieri fuq skala żgħira u artiġjanali;

45.  Jenfasizza li t-tħaffir artiġjanali u fuq skala żgħira fil-minjieri (ASM) jista' jkollu rwol vitali fil-ħajja lokali, jipprovdi l-impjiegi u jsostni għanijiet ta' żvilupp meta jkun uffiċjalment rikonoxxut, regolat u sostnut; juri dispjaċir għan-nuqqas relattiv ta' għarfien u għodda analitiċi f'dan il-qasam u jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-viżibbiltà tiegħu, li jiġu ffaċilitati t-tfassil u l-implimentazzjoni aktar effikaċi tal-politika ASM u jiġu sorveljati l-isforzi għall-għoti tal-assistenza li jgħinu fil-prevenzjoni ta' nases tal-faqar bħat-tħaddim tat-tfal, ambjent tax-xogħol perikoluż, xogħol furzat, li spiss jinsab fit-tħaffir artiġjanali fil-minjieri, u kunflitti assoċjati ma' attivitajiet ta' tħaffir fil-minjieri fuq skala żgħira; jistieden ukoll lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kemm fil-livell nazzjonali u fil-livell lokali billi jagħmlu disponibbli għarfien dwar prattiki ta' tħaffir sostenibbli fil-minjieri, effiċjenza akbar fir-riżorsi u użu mill-ġdid u riċiklaġġ;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-bżonn li jiġi stabbilt mekkaniżmu ta' ħażna għall-materja prima kritika, speċjalment l-REErari, li jiggarantixxi lill-kumpanniji Ewropej aċċess għall-materjal strateġiku użat fis-settur ambjentali, tat-teknoloġika avvanzata, tad-difiża u tas-saħħa, kif ukoll protezzjoni kontra l-pressjoni monopolistika u ż-żidiet fil-prezzijiet; jenfasizza l-fatt li r-rwol tal-UE f'kwalunkwe programm potenzjali ta' ħażna għandu jkun limitat għall-forniment tal-qafas legali u l-kontroll regolatorju;

Il-forniment internazzjonali ġust u sostenibbli tal-materja prima

47.  Jinnota n-numru li dejjem qed jiżdied tar-restrizzjonijiet kummerċjali u d-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-kummerċ tal-materja prima; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod konsistenti u tindirizza l-kwistjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni fil-livelli reġjonali, multilaterali u bilaterali; miżuri li jxekklu n-negozju rigward il-materja prima industrijali u partikolarment materja prima kritika għandhom jiġu investigati b'mod sħiħ u jistgħu jwasslu għal aktar passi legali fi ħdan il-qafas tad-WTO; jitlob lid-WTO biex jissorvelja mill-qrib l-impatt tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u, f'dan ir-rigward, jappoġġa l-ħolqien fid-WTO ta' għodda ta' sorveljanza dwar barrieri tariffarji u mhux tariffarji għan-negozju ta' materja prima u ta' REE u l-istabbiliment fil-G20 ta' “Bord ta' Stabilità dwar il-Materja Prima u l-Elementi Rari”; jistieden lill-Kummissjoni tuża n-netwerks internazzjonali kollha tagħha, inkluż is-servizz diplomatiku, sabiex jittejbu r-relazzjonijiet mal-pajjiżi u r-reġjuni fornituri tal-materja prima u l-materja prima kritika, biex b'hekk tiffaċilita l-kummerċ internazzjonali fil-materja prima, u b'mod speċjali l-materja prima kritika; jilqa' l-intenzjoni tal-UE biex titħaddem diplomazija attiva tal-materja prima li tinkludi diversi politiki bħal politika barranija, kummerċjali, ambjentali u tal-iżvilupp u li tippromwovi u ssaħħaħ il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem, l-istabilità reġjonali, it-trasparenza u l-iżvilupp sostenibbli; jemmen li azzjonijiet ta' prijorità konkreti u strateġija komprensiva għal provvista sostenibbli ta' REE għandhom ikunu żviluppati fi żmien qasir ħafna; jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi l-partijiet interessati Ewropej fis-settur REE fl-identifikazzjoni ta' azzjonijiet bħal dawn;

48.  Jirrikonoxxi d-drittijiet leġittimi tal-gvernijiet u tal-parlamenti tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jadottaw politiki u jirregolaw l-investiment barrani fl-interess pubbliku, b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, b'tali mod li l-investiment barrani jkun ta' benefiċċju għall-ekonomija lokali, joħloq valur miżjud intern u jrawwem l-iżvilupp; jenfasizza li l-Istrateġija tal-UE dwar il-Materja Prima ma għandhiex tostakola dawn id-drittijiet;

49.  Jilqa' l-isforzi tal-UE li tippromwovi l-kummerċ sostenibbli tal-materja prima ma' pajjiżi terzi (eż. FLEGT);

50.  Jenfasizza l-bżonn li jitwaqqfu regoli ċari għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-kummerċ tal-materja prima bejn il-parteċipanti kollha involuti (produtturi, esportaturi, pajjiżi ta' tranżitu, importaturi);

51.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm koerenza bejn il-politika tal-iżvilupp u l-RMI (Inizjattiva Ewropea tas-Swieq tal-Materja Prima), fejn il-politika tal-UE dwar il-materja prima għandha tqis għalkollox it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u għandha tkun konsistenti mal-għan ewlieni li jinqered il-faqar, kif stipulat fl-Artikolu 208 tat-TFUE; jenfasizza li l-appoġġ sħiħ għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi għonja fir-riżorsi, jista' jgħinhom biex jibnu istituzzjonijiet solidi u demokratiċi, li jiżguraw benefiċċji reċiproki kemm għal pajjiżi li jesportaw kif ukoll għal dawk li jimpurtaw; jitlob, għalhekk biex il-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni jiddaħħlu fi ftehimiet futuri mal-pajjiżi sħab li jesportaw il-materja prima; jemmen li l-UE għandha wkoll tappoġġa l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom, inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-esportazzjonijiet tal-materja prima u jżidu l-valur tal-prodotti tagħhom permezz ta' manifattura u proċessar domestiku; jistieden lill-Kummissjoni, sabiex tinkludi fit-tħejjija ta' strumenti ta' azzjoni esterna ġodda għall-perjodu wara l-2013, miżuri ta' appoġġ għall-governanza tajba u t-tħaffir sostenibbli fil-programmi għall-istabilità demokratika u ekonomika ta' stati fraġili li huma fornituri ta' materja prima;

52.  Jikkunsidraha bħala r-responsabbiltà tal-kumpanniji biex jiksbu r-riżorsi; jirrikonoxxi d-diffikultajiet fil-ksib tar-riżorsi għall-SMEs; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra kif kunċetti bħalma huwa s-Sehem Ewropew tal-Materja Prima jistgħu jkunu appoġġjati b'mod mhux finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-JOGMEC tal-Ġappun sew;

53.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw flimkien bħala parti mill-istrateġija Ewropea għall-materja prima; jitlob biex din l-istrateġija tieħu vantaġġ mis-sinerġiji bejn il-politika ekonomika, il-politika tat-tħaffir tal-minjieri, il-politika industrijali u l-politika internazzjonali u biex timmira lejn is-salvagwardja tal-provvisti ta' sustanzi strateġiċi;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa r-riżultat tal-kawża tad-WTO kontra ċ-Ċina u biex fil-ġejjieni u fejn ikun xieraq tuża mekkaniżmi tad-WTO;

55.  Jinnota l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika u l-ftehim Addis Ababa ta' Ġunju 2010; jinsisti li din is-sħubija għandha tkun ibbażata fuq l-interessi reċiproki, jinnota li sabiex jitrawmu prattiki ta' tħaffir tal-minjieri sostenibbli, huwa importanti li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki dwar governanza tajba, aktar effiċjenza tar-riżorsi, użu mill-ġdid u riċiklaġġ, ġestjoni tar-residwi u tal-iskart tal-ġebel, riabilitazzjoni tas-siti tal-minjieri, saħħa u sikurezza, protezzjoni tal-ħaddiema u eliminazzjoni tax-xogħol tat-tfal; jirrimarka li l-Unjoni Afrikana ddikjarat fil-African Mining Vision (Viżjoni Afrikana fuq it-Tħaffir tal-Minjieri) li l-pajjiżi Afrikani għandhom ma jistgħux jibbenefikaw s'issa mill-vantaġġ kompetittiv tagħhom fir-riżorsi naturali, u għalhekk għandhom jitqiesu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-ġid tar-riżorsi naturali tgawdi minnu l-popolazzjoni tal-pajjiżi għonja fir-riżorsi;

56.  Jiddeskrivi l-importanza tal-kooperazzjoni bilaterali dwar il-materja prima, kif muri mill-UE u l-Unjoni Afrikana f'Ġunju 2010, u jħeġġeġ sforzi ulterjuri fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-Afrika u l-UE għall-2011-2013; jitlob l-iżvilupp ta' kooperazzjoni simili ma' pajjiżi oħrajn li huma produtturi ewlenin ta' materja prima kritika; jipproponi, bħala waħda mill-miri reali tad-diplomazija dwar il-materja prima, id-diversifikazzjoni tar-riżorsi mill-Asja tax-Xlokk lejn l-Amerika Latina u l-Afrika, ta' ċerta materja prima li l-UE tiddependi fuq l-importazzjoni tagħha;

57.  Jilqa' l-approċċ ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni li jipprovdi taħriġ fl-aħjar prattiki biex jiġu negozjati kuntratti dwar il-minerali u jrawwem il-kooperazzjoni xjentifika fis-settur tal-minjieri, flimkien mal-promozzjoni ta' governanza tajba, inkluża t-trasparenza;

58.  Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tonqos mill-issemmi reġjuni jew pajjiżi oħra; jemmen li għandhom jiġu esplorati sorsi alternattivi ta' materja prima sabiex tiġi evitata d-dipendenza Ewropea fuq numru limitat ta' pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi sħubiji vantaġġjużi reċiprokament ma' pajjiżi u reġjuni għonja fir-riżorsi; jemmen li l-UE għandha toffri sħubiji forma ta' trijangolu tal-infrastruttura, ta' tpartit tal-għarfien u tar-riżorsi“; jitlob lill-UE biex tappoġġa l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma għonja fir-riżorsi fl-iżvilupp tal-għarfien ġeoloġiku, tat-tħaffir tal-minjieri u tal-ipproċessar tal-minerali tagħhom, kif ukoll fi kwistjonijiet xjentifiċi u legali, sabiex jiġi stabbilit il-bini sostenibbli tal-kapaċità; jipproponi f'dan il-kuntest it-twaqqif ta' sedji ffinanzjati b'mod konġunt f'fakultajiet ġeoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja mill-qrib il-ftehimiet internazzjonali konklużi minn pajjiżi għonja fir-riżorsi ma' Stati Membri li mhumiex fl-UE, li jipprevedu aċċess esklussiv għal riżorsi u sabiex jiġi garantit aċċess ġust għar-riżorsi u l-funzjonament xieraq tal-liġijiet kummerċjali internazzjonali;

59.  Huwa mħasseb li ma ġietx identifikata strateġija għad-djalogu u l-kooperazzjoni maċ-Ċina u atturi internazzjonali prinċipali oħra; jenfasizza l-ħtieġa ta' kummerċ u djalogu dwar it-teknoloġija maċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif jistgħu jinbdew proġetti pilota maċ-Ċina fuq it-tħaffir sostenibbli tal-minjieri u l-ipproċessar tal-minerali, is-sostituzzjoni, l-effiċjenza tar-riżorsi jew ir-riċiklaġġ ta' materja prima kritika, għall-benefiċċju reċiproku; jappoġġa bis-sħiħ ukoll djalogi bilaterali simili dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw materja prima ma' fornituri prinċipali oħra, bħal BRICS, peress li huma għandhom u jużaw ammont kbir ta' materja prima; jistieden lill-Kummissjoni tittratta bl-istess mod il-kwistjoni tal-materja prima fil-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha;

60.  Iqis li l-istrateġija għall-materja prima tal-UE għandha tirrifletti d-differenzi bejn l-ekonomiji żviluppati u emerġenti kbar, minn naħa, u l-pajjiżi l-anqas żviluppati min-naħa l-oħra;

61.  Jenfasizza li l-kwestjoni tal-aċċess għall-materja prima għandha tiġi integrata b'suċċess fil-miżuri tal-politika għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-promozzjoni tal-paċi, peress li numru sostanzjali ta' kunflitti reġgħu tfaċċaw f'ċerti reġjuni;

62.  Jaqbel li politika tal-iżvilupp għandha rwol biex tgħin pajjiżi jdawru l-għana tar-riżorsi tagħhom fi żvilupp sostenibbli u inklussiv, fost l-oħrajn billi jtejbu l-governanza u t-trasparenza; jissottolinja l-fatt li l-politika tal-iżvilupp, inkluż l-SPĠ, mhijiex għodda ta' diplomazija tal-materja prima, iżda jemmen li jista' jkollha rwol importanti ta' appoġġ fil-politika Ewropea tal-materja prima; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm koerenza bejn it-tnejn; jilqa' l-inklużjoni ta' garanziji konkreti dwar l-aċċess għas-swieq għall-materja prima fil-ftehimiet kummerċjali fl-UE u bħala prerekwiżit għal sħubija fid-WTO; iżda jaqbel li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jipprovdu l-flessibbiltà neċessarja biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex joħolqu rabtiet bejn l-industrija estrattiva u dik lokali; jemmen li s-sovranità tal-pajjiżi rigward ir-riżorsi għandha tkun irrispettata, u jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tikkumpensa l-oppożizzjoni għat-taxxi fuq l-esportazzjoni billi tuża approċċ differenzjat li jqis il-kuntesti nazzjonali varji sabiex l-għanijiet ta' żvilupp u l-industrijalizzazzjoni ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jitqegħdux f'periklu; jenfasizza li l-kummerċ ħieles u ġust huwa ta' importanza għall-iżvilupp tas-settur globali tal-Materja Prima u l-ħolqien tal-ġid fis-soċjetajiet kollha; jinnota li d-dħul mill-Materja Prima jista' jkollu rwol kruċjali fil-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju mill-pajjiżi l-anqas żviluppati;

63.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-inizjattiva mġedda dwar il-materja prima la tirreferi għall-SPĠ jew għall-SPĠ+ u lanqas tipproponi inċentivi kummerċjali alternattivi għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards ambjentali, tal-evitar tat-tħaddim tat-tfal u tas-sostenn għal riformi interni għall-pajjiżi li ma jidħlux fl-ambitu ta' dawn l-iskemi; jitlob lill-Kummissjoni ssostni u tħeġġeġ inizjattivi ta' diversifikazzjoni fl-ekonomiji tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jiddependu ħafna minn materja prima partikolari;

64.  Jitlob lill-Kummissjoni tgħin pajjiżi li qed jiżviluppaw jegħlbu n-nuqqas ta' simmetrija tal-informazzjoni fin-negozjar tal-materja prima u kuntratti tat-tħaffir tal-minjieri bis-saħħa tal-bini ta' kapaċità, u biex tgħin fin-negozjar tat-trasferiment tat-teknoloġija, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll qalb il-komunitajiet lokali;

65.  Jenfasizza r-rwol li r-responabbiltà soċjali u korporattiva taqdi billi timxi skont standards għoljin u ta' barra mill-pajjiż u li huma ambjentali, soċjali u tal-ħaddiema, u bl-applikazzjoni tagħha tal-aqwa teknoloġiji disponibbli; jemmen li dawn għandhom jiġu promossi permezz ta' fora relevanti bħall-G8, il-G20, id-WTO, l-OECD, il-UNCTAD, il-UNEP u l-Bord Internazzjonali għall-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi tagħha, il-gruppi ta' studju internazzjonali dwar il-metalli, u korpi oħrajn; ifaħħar f'dan il-kuntest il-kontribut pożittiv permezz tal-Patt Globali tan-NU (UN's Global Compact); jistieden lill-kumpanniji tal-UE jiżviluppaw kodiċi xierqa dwar il-kondotta għal dawk li jaħdmu f'pajjiżi terzi, u jibbażaw l-attività tagħhom fuq il-linji gwida tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali u l-ISO 26000; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri li jiżguraw il-konformità mal-istandards soċjali, ambjentali u tax-xogħol mill-kumpanniji Ewropej li qed iwettqu attività ta' tħaffir ta' minjieri f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta tagħha dwar rappurtar għal kull pajjiż fir-rigward ta' minerali ta' konflitt u biex tistabilixxi rekwiżiti li huma legalment mandatorji għal impriżi tal-estrazzjoni biex jippublikaw il-ħlas fiskali tagħhom għal kull proġett u għal kull pajjiż li jinvestu fih, skont l-eżempju tal-Liġi Dodd-Frank tal-Istati Uniti; jappoġġja l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) u n-netwerk globali “Ippubblika Dak Li Tħallas” (PWYP); jemmen li dawn l-istandards għandhom ikunu applikati partikolarment għal proġetti li jirċievu l-fondi tal-UE, pereżempju mill-BEI; iħeġġeġ lill-UE tinvestiga kif l-importazzjoni ta' minerali kkumerċjalizzati jew estratti illegalment tista' tiġi evitata; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga jekk tistax tintuża t-teknoloġija “tal-marki tas-swaba'” f'dan il-kuntest u tippromwovi proġetti pilota bbażati fuq l-esperjenzi “tal-marki tas-swaba” coltan“; jistieden lill-BEI jwettaq analiżi regolari tal-impatti mistennija tas-self tiegħu lill-industrija estrattiva;

66.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-każijiet numerużi u dokumentati tajjeb, fejn kumpaniji Ewropej jiksru standards ambjentali, standards tax-xogħol u drittijiet tal-bniedem;

67.  Itenni li inizjattivi ta' trasparenza fis-settur tal-industrija ta' estrazzjoni huma fil-fatt favur in-negozju, li jistgħu joħolqu sigurtà legali u sħubiji sostenibbli fit-tul u jistgħu jaġixxu bħala salvagwardji kontra l-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati jew l-espulsjoni; jinnota li hemm sfidi x'jiġu indirizzati u li ċerti kuntratti jeħtieġu kunfidenzjalità, iżda madankollu għandhom ikunu sottoposti għal skrutinju pubbliku; jinnota li l-Ghanaian Petroleum Revenue Management Bill huwa eżempju tajjeb biex minn banda tinżamm ċerta kunfidenzjalità filwaqt li mill-banda l-oħra, jiġi ssalvagwardat l-iskrutinju parlamentari;

68.  Jikkunsidra li l-kumpanniji tal-UE għandhom ikunu legalment responsabbli fil-pajjiżi tagħhom stess għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards ambjentali jew l-istandards bażiċi tax-xogħol tal-ILO minn sussidjarji tagħhom barra l-pajjiż u minn entitajiet li jikkontrollaw;

69.  Jitlob lill-BEI u lill-Kummissjoni jikkunsidraw b'mod aktar rigoruż jekk il-proġetti jikkontribwixxux għall-qerda tal-faqar, għall-iżviluppp sostenibbli u għat-tkabbir inklussiv, qabel ma jiddeċiedu dwar sostenn min-naħa tagħhom għall-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

70.  Hu mħasseb dwar il-persistenza tal-kummerċ fil-minerali, u l-użu tagħhom, li jkun ġej minn żoni ta' kunflitt, li l-produzzjoni tagħhom twassal għal vjolenza inaċċettabbli u attivitajiet illegali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-EEAS, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqisu din is-sitwazzjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi fornituri strateġiċi tal-UE jiżviluppaw b'mod konġunt sistemi effikaċi għall-intraċċar tal-materja prima mill-importazzjoni sar-riċiklaġġ jew rimi, u jintroduċu skema ta' ċertifikazzjoni reċiproka għall-materja prima u l-katini tal-kummerċ tagħhom (Certified Trading Chains), sabiex jiggarantixxu kummerċ ġust, u, b'mod partikulari sabiex jevitaw l-abbużi fir-rigward ta' kummerċ ta' materja prima minn reġjuni fi kriżi; jitlob lill-Kummissjoni tikkoopera mal-istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti (in-NU, l-OECD, l-ILO) bil-għan li tidentifika u tistinka biex tarmonizza l-aħjar prattiki ta' ċertifikazzjoni;

71.  Jenfasizza li s-swieq finanzjarji jista' jkollhom rwol importanti bħala kopertura kontra r-riskju kemm tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi tal-materja prima u l-komoditajiet; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura t-trasparenza fis-swieq tal-komoditajiet u taġixxi b'mod deċiżiv kontra l-ispekulazzjoni mhux ġustifikata tal-kommoditajiet, li twassal għall-abbuż fis-suq tal-kommoditajiet; jekk jitqies neċessarju fuq il-bażi ta' analiżi empirika profonda; jinnota li dan jinkludi inizjattivi xierqa fil-kuntest tan-negozjati tal-G8 u l-G20;

72.  Hu mħasseb dwar l-impatt tas-swieq tad-derivati fuq ix-xejriet tal-prezzijiet għall-materja prima; iqis li għandu jkun hemm iktar kontrolli effikaċi fuq is-swieq tad-derivati barra l-Borża; f'dan il-kuntest, jappoġġa miżuri bħaż-żieda fit-trasparenza tad-derivati barra l-Borża taħt is-sorveljanza tal-AETS; iqis li tali miżuri jistgħu jwasslu għal iktar sigurtà għall-investituri u l-SMEs u jippermettu lill-produtturi Ewropej jippjanaw b'iktar ċertezza;

73.  Jilqa' l-ħidma fuq il-materja prima u s-sostenibilità fl-OECD, il-G8 u l-G20 u jenfasizza l-ħtieġa ulterjuri ta' djalogu G20 dwar il-materja prima sabiex tiġi żviluppata perspettiva komuni; jilqa' wkoll il-volontà ta' membri tal-G8 u tal-G20 li jiġġieldu kontra l-volatilità tal-prezz tal-materja prima u jistieden għall-iżvilupp ta' miżuri konkreti sabiex tiġi mrażżna l-ispekulazzjoni dwar dawk il-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi x-xogħol tal-OECD dwar l-impatt tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u dwar l-użu tagħhom bħala strument ta' politika; jappoġġja l-inklużjoni f'dawn id-diskussjonijiet ta' membri li mhumiex fl-OECD; jitlob li tinħoloq strateġija ta' kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Ġappun fuq il-materja prima kritika lejn “sorveljanza dinjija tal-materja prima” billi jaqsmu bejniethom id-data dwar it-talba u l-forniment, it-tbassir komuni, jinkoraġixxu l-iskambju tal-aqwa prattika, in-know-how teknoloġiku u l-privattivi, l-analiżi ta' katni tad-distribuzzjoni, bl-istħarriġ tal-possibbilità għal ħżin strateġiku u konġunt, u t-twaqqif ta' proġetti konġunti tal-R & D; hu tal-opinjoni li tali kwistjonijiet għandhom jagħmlu parti mill-aġenda tas-Sammits li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi diplomazija Track-II dwar il-materja prima billi jiġi appoġġjat l-iskambju ta' organizzazzjonijiet, l-akkademja u gruppi ta' riflessjoni nongovernattivi mill-UE u minn pajjiżi oħra b'riżorsi rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni torganizza avvenimenti regolari, bħall-“Metal Saloons” tal-JOGMEC, dwar il-materja prima mal-pajjiżi b'riżorsi rilevanti; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tistħarreġ il-fattibililtà ta' inizjattiva ta' statistika internazzjonali fuq il-materja prima kritika bbażata fuq l-eżempju tal-Inizjattiva dwar id-Dejta tal-Organizzazzjonijiet Konġunti (JODI), kif ukoll jekk ftehim internazzjonali għall-metalli jkunx strument utli; jitlob lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tikkontribwixxi, bi qbil mal-Artikolu 42(3) tat-TUE, għall-identifikazzjoni ta' miżuri għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża fir-rigward tal-materja prima;

Prodotti agrikoli u swieq tal-prodotti bażiċi

74.  Isostni l-analiżi pprovduta mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prodotti agrikoli fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel globali, fejn ir-riżervi tal-ikel globali qegħdin jiċkienu u n-numru ta' nies li qegħdin isofru l-ġuħ qed jiżdied, u f'dak li jirrigwarda l-perspettivi tas-suq, jenfasizza l-volatilità estrema tal-prezzijiet tal-ikel u tal-għalf, l-imperfezzjonijiet tal-katini tal-ikel u tal-għalf u r-rwol tal-istrumenti finanzjarji u l-imġiba spekulattiva bħala kaġun possibbli tal-instabbiltà, li għandu jiġi kkunsidrat bis-serjetà; ifakkar li erba' Stati Membri tal-UE huma attwalment fost dawk il-pajjiżi fid-dinja l-aktar vulnerabbli għal-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew;

75.  Jitlob li tingħata attenzjoni bir-reqqa lill-inċertezza fundamentali li hemm madwar iż-żieda fl-interazzjoni bejn iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-kommoditajiet tal-enerġija u dawk li mhumiex tal-enerġija, speċjalment l-ikel;

76.  Jinsisti, bi qbil mal-Kummissjoni, li l-komunità internazzjonali għandha tadotta approċċ koordinat fuq medda twila ta' żmien għas-sikurezza tal-ikel, li jinkludi aktar sforzi ta' riċerka u investiment fis-settur tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, partikolarment permezz ta' politiki prijoritarji sabiex jiżdiedu l-flessibilità u l-adattibilità għal xokkijiet rigward ikel;

77.  Jappoġġa l-isforzi riċenti tal-G20 dwar reazzjonijiet politiċi fil-konfront tal-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq tal-ikel u tal-agrikoltura, inkluż permezz ta' aktar skambju tal-informazzjoni fil-previżjonijiet tal-produzzjoni tal-ikel u jenfasizza l-ħtieġa għal aktar trasparenza u informazzjoni f'waqtha fuq riżervi u stokkijiet tal-prodotti tal-ikel;

78.  Jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta tat-Tielet Summit ta' Berlin tal-Ministri tal-Agrikoltura tat-22 ta' Jannar 2011, iffirmata minn 48 pajjiż, li talbet b'mod partikolari għal titjib fil-kapaċità tas-swieq agrikoli biex jiffunzjonaw sew u li rrikonoxxiet l-importanza tal-kummerċ biex jinħoloq bilanċ bejn l-atturi differenti fis-swieq agrikoli u jittejjeb l-aċċess tal-bdiewa għall-materja prima u l-enerġija;

79.  Jitlob rapport mill-Kummissjoni dwar ir-regolamentazzjoni tad-derivati finanzjarji u l-kommoditajiet u dwar jekk hemmx bżonn regolamentazzjoni separata għall-kommoditajiet agrikoli fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-settur; jappoġġa l-proposta riċenti tal-Kummissjoni dwar ir-regolametazzjoni tad-derivati OTC u tal-konsultazzjoni pubblika dwar id-Direttiva MiFiD; jemmen li l-imġiba spekulattiva abbużiva u l-prattika ħażina u l-abbuż fis-swieq tad-derivati għandhom jiġu indirizzati b'urġenza;

80.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel, tindirizza l-instabbiltà tas-suq u, b'responsabbiltà sostenibbli ġenerali, issaħħaħ b'urġenza l-operabbiltà tas-swieq tad-derivati għall-kommoditajiet agrikoli;

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) http://ec.europa.eu/enterprise/policies/raw-materials/files/docs/report-b_en.pdf.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0093.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0037.
(4) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(5) http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/neei_n2000_guidance.pdf.
(6) http://ec.europa.eu/trade/creating-opportunities/trade-topics/raw-materials/
(7) L-istudju “The links between the environment and competitiveness”, Proġett ENV.G.1/ETU/2007/0041, http://ec.europa.eu/environment/enveco/economics_policy/pdf/exec_summary_comp.pdf
(8) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 47.
(9) Testi adottati, P7_TA(2010)0446.
(10) Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta'April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'miżbla; ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0024.

Avviż legali - Politika tal-privatezza