Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2016, Taqsima III – Il-Kummissjoni (2015/2008(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 312 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ġenerali tal-baġit il-ġdid għall-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015(4),
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015(5) u s-sitt dikjarazzjonijiet konġunti relatati miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kif ukoll it-tliet dikjarazzjonijiet unilaterali,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni dwar Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, li l-Kummissjoni adottat fis-26 ta' Novembru 2014 (COM(2014)0903), u l-proposta għal Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li l-Kummissjoni adottat fit-13 ta' Jannar 2015 (COM(2015)0010)
– wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 8 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0027/2015),
A. billi l-baġit tal-UE huwa b'mod predominanti baġit ta' investiment b'effett qawwi ta' ingranaġġ u li huwa katalizzatur għat-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi madwar l-Unjoni; billi dan jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti li inkella jkunu diffiċli jew impossibbli li jsiru u jiżgura l-investiment strateġiku f'azzjonijiet b'valur miżjud Ewropew billi jakkomuna r-riżorsi u jippermetti li jkun hemm ekonomiji ta' skala; billi l-baġit tal-UE għandu impatt pożittiv tanġibbli fuq il-ħajja taċ-ċittadini; billi dan għandu rwol kruċjali fit-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn ir-reġjuni Ewropej u biex jassigura investiment f'żoni fejn huwa l-iktar meħtieġ;
B. billi, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-livell ta' investiment fl-UE naqas b'mod sinifikanti, u din id-differenza fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni diversi tal-UE żdiedet; billi, minħabba r-restrizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji persistenti fil-livell nazzjonali, il-baġit tal-UE għandu rwol ewlieni fit-trawwim tal-kompetittività u fiż-żieda tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni;
C. billi l-baġit tal-UE ma jistax iwettaq il-missjoni tiegħu jekk il-validità, l-ekwità u l-kredibilità tiegħu huma mhedda; billi huwa perentorju li l-impenji kollha li jiffurmaw parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 jiġu rispettati bis-sħiħ, u li għadd ta' problemi li akkumulaw matul is-snin ta' qabel, partikolarment l-ammont mingħajr preċedent ta' fatturi mhux imħallsa fi tmiem is-sena 2014, jiġu solvuti mingħajr dewmien; billi dan ix-xogħol b'lura ta' fatturi mhux imħallsa qiegħed jagħti lok għal dewmien fl-implimentazzjoni ta' programmi u fondi tal-UE, fejn iċ-ċittadini tal-UE huma l-ewwel li jbatu minn din is-sitwazzjoni; billi d-dewmien f'pagamenti strutturali jqajjem il-kwistjoni ta' jekk għandhomx jiġu imposti interessi fuq ħlasijiet morużi, peress li l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma obbligati jduru lejn is-swieq finanzjarji għal finanzjament bil-quddiem biex ikopri kontribuzzjonijiet tardivi tal-UE; jenfasizza li d-diżimpenn mhuwiex soluzzjoni għall-kriżi tal-pagamenti; ifakkar li, skont l-Artikolu 310 tat-TFUE, id-dħul u l-ħruġ murija fil-baġit tal-UE għandhom ikunu f'bilanċ;
D. billi l-2016 se tkun is-sena li fiha l-programmi l-ġodda tal-UE tal-QFP 2014-2020 se jkunu operattivi u għaddejjin b'ritmu tajjeb, u li fiha se titnieda r-reviżjoni ta' nofs it-term tal-QFP;
Lura fuq saqajna: 'it-tliet I': l-Impjiegi, l-Impriża u l-Imprenditorija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea
1. Jenfasizza l-potenzjal u l-valur miżjud tal-baġit tal-UE fil-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-impriżi u l-imprenditorija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni kollha; jenfasizza wkoll, f'dan il-kuntest, il-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u għall-appoġġ tar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll il-potenzjal ta' tranżizzjoni enerġetika u l-interkonnessjoni li tiġġenera impjiegi ġodda u tkabbir; jirrikonoxxi li firxa wiesgħa ta' programmi tal-UE, bħal Orizzont 2020, COSME, Erasmus+ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, jikkontribwixxu direttament biex jintlaħqu dawn l-għanijiet; jistenna li l-Kummissjoni tqiegħed tali programmi u strumenti orjentati lejn it-tkabbir fil-qalba tal-Abbozz ta' Baġit 2016, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu mogħnija bir-riżorsi neċessarji;
2. Ifakkar li hemm aktar minn 20 miljun SME fl-UE u li dawn jammontaw għal 99 % tal-impriżi kollha; jemmen li ambjent favorevoli għan-negozju u għall-iżvilupp ta' kultura imprenditorjali, inklużi impjiegi deċenti, fl-UE jistgħu jroddu lill-SMEs ir-rwol tagħhom bħala l-ħallieqa ewlenin tal-impjiegi fl-Unjoni, li ddgħajjef bil-kriżi ekonomika; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien u l-operat ta' negozji li għadhom jibdew fl-UE, permezz ta' konnessjonijiet bejn l-imprendituri u t-trawwim ta' proġetti ġodda; iqis li, flimkien mas-semplifikazzjoni leġiżlattiva u t-tnaqqis tal-burokrazija żejda, l-istrumenti finanzjarji disponibbli fl-ambitu tal-programm COSME għandhom jintużaw b'mod sħiħ biex jgħinu lill-SMEs tul din it-triq b'mod partikolari billi jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-swieq u l-krediti; jenfasizza l-potenzjal kbir tal-Fond Ewropew għal Investiment Strateġiku għall-SMEs u għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;
3. Jenfasizza li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jiffurmaw l-ikbar sehem tan-nefqa fl-investiment fil-baġit tal-UE u huma strumentali fil-ħolqien tal-impjiegi, l-istimular tat-tkabbir, u t-tisħiħ tal-kompetittività u l-innovazzjoni; jissottolinja l-fatt li l-politika ta' koeżjoni tal-UE kienet strumentali fis-sostenn tal-investiment pubbliku f'oqsma ekonomiċi indispensabbli u kisbet riżultati tanġibbli abbażi tal-fatt li tista' tagħti s-setgħa lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jegħlbu l-kriżi attwali u jiksbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu kull sforz possibbli, matul ix-xhur li ġejjin, biex jiżguraw adozzjoni rapida tal-Programmi Operattivi li baqa', sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tilħaq ritmu tajjeb fl-2016;
4. Huwa mħasseb dwar il-finanzjament tal-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ mill-2016, minħabba l-forniment minn qabel tal-pakkett finanzjarju kollu kemm hu tal-programm fl-2014 u fl-2015; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ jeħtieġ li tkun iktar intensifikata u li l-possibilitajiet ta' finanzjament kollha għandhom jiġu kkunsidrati għal dan il-għan; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-2016 se tkun l-ewwel sena meta r-riżorsi taħt il-Marġini Globali għall-impenji se jkunu magħmula disponibbli, kif stabbilit fir-Regolament tal-QFP 2014-2020, 'il fuq mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020 għal għanijiet ta' politika relatati mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika r-raġunijiet li kkawżaw dewmien fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm u biex taħdem mal-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-fond jiġi eżawrit;
5. Jenfasizza l-importanza tal-mobilità transkonfinali bħala mezz biex l-Ewropa tkun tista' tieħu vantaġġ mill-varjetà ta' ħiliet tal-persuni filwaqt li tespandi l-opportunitajiet ta' taħriġ u ta' impjieg għall-ġenerazzjonijiet kollha; jikkunsidra li programmi ta' mobilità emblematiċi u ta' suċċess bħal Erasmus+ jaħdmu sabiex ikunu ta' benefiċċju kemm għall-individwi kif ukoll għall-ekonomija u għalhekk għandhom ikunu sfruttati bis-sħiħ; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-aspetti soċjali tal-mobilità għandhom dejjem jiġu kkunsidrati u li l-mobilità hija biss waħda mill-għodod possibbli biex jiġi miġġieled il-qgħad u m'għandhiex tkun l-aħħar għażla;
6. Ifakkar li l-frodi fit-taxxi u l-evażjoni tat-taxxa għandhom effett negattiv fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u, sussegwentement, fuq il-baġit tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, li kwalunkwe frodi relatati mal-VAT, bħal "frodi karusell", ikollhom impatt dirett fuq id-dħul tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-programmi tal-UE li jikkumplimentaw l-azzjoni tal-Istati Membri f'dan il-qasam;
7. Jilqa' pożittivament l-introduzzjoni ta' kriterji ta' żvilupp ekoloġiku fil-baġit tal-UE; jemmen li l-politiki tal-UE għandhom jikkontribwixxu b'mod effikaċi biex jintlaħqu l-objettivi miftiehma fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u l-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità; jikkunsidra li dawn jirrappreżentaw mezz ewlieni u sfidi globali fit-tul li m'għandhomx jintesew;
Il-baġit tal-UE u l-Pjan ta' Investiment
8. Jilqa' bħala l-ewwel pass il-Pjan ta' Investiment ippreżentat mill-Kummissjoni, li jista' joħloq il-potenzjal li jimmobilizza EUR 315 biljun ta' investiment fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u r-riċerka, kif ukoll SMEs u kumpaniji ta' kapitalizzazzjoni medja, sabiex ikun ikkumpensat l-iżbilanċ fl-investiment pubbliku u privat iġġenerat mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; jinnota li l-baġit tal-UE huwa mistenni li jipprovdi l-bażi ta' dan il-pjan ta' investiment billi jagħmel disponibbli t-EUR 8 biljun meħtieġa f'impenji u f'pagamenti għall-proviżjonament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI); iqis li l-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għandha tirriżulta fi qligħ sinifikanti permezz ta' effett ta' ingranaġġ akbar; jikkonferma d-disponibilità tiegħu li jeżamina bl-akbar viġilanza l-mod kif l-impenji finanzjarji tal-UE lejn il-BEI għat-twaqqif tal-EFSI huma mdaħħla fil-baġit tal-UE;
9. Jenfasizza n-natura addizzjonali u kumplementari tal-Pjan ta' Investiment propost u l-baġit tal-UE kif ukoll l-impenn konġunt tagħhom biex jagħtu spinta lill-ekonomija u jistimolaw il-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li l-baġit tal-UE huwa fih innifsu strument prinċipali ta' investiment bi rwol u missjoni distinti, li pproduċa riżultati tanġibbli b'valur miżjud Ewropew ċar; jinsab konvint li jeħtieġ jintuża kull sforz sabiex jinħolqu sinerġiji mhux biss bejn il-Pjan ta' Investiment u l-baġit tal-UE iżda wkoll ma' baġits nazzjonali, sabiex jitnaqqas id-distakk fl-investiment, tiġi żgurata l-konverġenza u l-istabilità fl-UE, u jiġi massimizzat l-effett tal-infiq pubbliku fuq l-ekonomija reali; jissottolinja, madankollu, l-importanza li jitneħħew l-ostakli eżistenti għall-investiment, b'mod partikolari rigward iċ-ċarezza u l-prevedibilità tal-qafas regolatorju;
Is-solidarjetà interna u esterna u Ewropa sigura
10. Ifakkar li l-baġit tal-UE huwa għodda ta' solidarjetà interna peress li jappoġġa l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jista' jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar, jippromwovi l-inklużjoni soċjali u jgħin biex jimminimizza l-inugwaljanzi fl-iżvilupp mhux biss bejn l-Istati Membri, iżda wkoll bejn ir-reġjuni tagħhom; jenfasizza li huwa wkoll strument ta' solidarjetà esterna, li jipprovdi għajnuna urġenti fi kriżijiet umanitarji u ċivili billi joffri appoġġ lill-pajjiżi fil-bżonn - bħall-Ukraina - u billi jagħmel lill-UE l-akbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp, bil-għan li jintlaħqu l-impenji tal-Unjoni għall-qerda tal-faqar, kif affermat mill-ġdid fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, u jikkontribwixxi lejn l-aġenda tal-Iżvilupp Globali għal wara l-2015;
11. Jinnota bi tħassib li l-Ewropa, minkejja li hija wieħed mill-iktar postijiet sikuri fid-dinja, qed tħabbat wiċċha ma' tipi ġodda ta' riskji għas-sigurtà interna tagħha li jeħtieġu li tkun żgurata kooperazzjoni u koordinament aktar mill-qrib tal-pulizija u dik ġudizzjarja, ikunu żviluppati miżuri għal integrazzjoni aħjar u koeżjoni soċjali miżjuda, u fl-istess ħin tippromwovi l-istabilità u l-paċi f'żoni ta' kunflitt; jenfasizza li sforz komuni biex jiġu trattati l-flussi migratorji jinsab f'salib it-toroq kemm tas-solidarjetà interna u kif ukoll ta' dik esterna; ifakkar fl-appoġġ tiegħu għar-rinforz ta' mezzi tal-UE u għall-iżvilupp ta' kultura ta' kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet fost l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mat-trattament tal-asil u l-migrazzjoni, sabiex jassigura fruntieri esterni sikuri u siguri b'rispett sħiħ lejn il-valuri fundamentali tal-UE, b'referenza partikolari għal azzjoni fil-Mediterran u fuq il-fruntiera tax-Xlokk tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi tisħiħ immirat tal-programmi u l-istrumenti rilevanti, biex b'hekk jintwera l-impenn tal-UE biex jiġu ttrattati dawn il-kwistjonijiet;
Rispett tal-impenji
12. Jinsab konvint li l-baġit tal-UE ma jistax jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu mingħajr ma jissolvew b'mod definittiv u inekwivokabbli għadd ta' problemi li akkumulaw matul l-aħħar ftit snin u, li sfortunatament, iddominaw in-negozjati baġitarji tas-sena l-oħra, primarjament il-problema rikorrenti ta' fatturi mhux imħallsa fi tmiem is-sena kif ukoll il-kwistjoni tal-ibbaġitjar tal-istrumenti speċjali tal-QFP, u d-dewmien fl-implimentar tal-programmi operattivi għall-politika ta' koeżjoni; iqis li sa mhux aktar tard mill-2015 għandhom jiġu introdotti soluzzjonijiet konkreti u sostenibbli għal dawn il-kwistjonijiet pendenti;
13. Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjonijiet konġunti dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament u dwar pjan ta' pagament li kien hemm qbil dwarhom bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura baġitarja tal-2015, u jqis li azzjoni bħal din għandha tindika li t-tliet istituzzjonijiet qed jaħdmu b'serjetà lejn soluzzjoni għall-problema ta' kontijiet mhux imħallsa; ifakkar fl-impenn meħud li, matul din is-sena, jiġu organizzati mill-inqas tliet laqgħat interistituzzjonali dwar il-pagamenti, sabiex isir bilanċ fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' pagamenti u tal-previżjonijiet riveduti; jistenna li l-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat, f'Marzu 2015, tagħti l-ewwel ħarsa ġenerali lejn il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa fit-tmiem tal-2014 għall-oqsma ta' politika ewlenin; jiddispjaċih li, kif mistenni, lejn l-aħħar tal-2014, dan il-livell laħaq l-ammont bla preċedent ta' EUR 24,7 biljun għall-programmi ta' koeżjoni 2007-2013 biss; jiddeplora l-fatt li dan id-dejn idgħajjef il-kredibilità tal-UE u jikkontradiċi l-objettivi stabbiliti fl-ogħla livell politiku għat-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza li l-pagamenti huma konsegwenza diretta u loġika ta' impenji tal-imgħoddi;
14. Jagħti importanza kbira għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' pagament solidu bil-għan li jitnaqqas il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem is-sena għal-livell strutturali tiegħu matul il-QFP attwali, kif iddikjarat mill-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni konġunta miftiehma fil-qafas tal-proċedura baġitarja tal-2015; ifakkar li dan il-pjan se jkun miftiehem mit-tliet istituzzjonijiet fi żmien debitu qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ baġit 2016; iqis li l-laqgħa interistituzzjonali f'Marzu 2015 għandha tipprovdi l-opportunità biex it-tliet istituzzjonijiet jaqblu dwar dan il-pjan;
15. Itenni l-pożizzjoni tiegħu, li ilu jħaddan, li l-pagamenti ta' strumenti speċjali (Strumenti ta' Flessibilità, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva għal Għajnuna ta' Emerġenza) għandhom jiġu magħduda lil hinn mil-limiti massimi ta' ħlas tal-QFP, bħal fil-każ tal-impenji; jiddispjaċih li l-ebda ftehim ma kien possibbli matul il-proċedura baġitarja tas-sena li għaddiet minħabba l-interpretazzjoni ħażina tal-Kunsill marbuta mad-dispożizzjoni rilevanti tal-QFP; jenfasizza li l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-kwistjoni tista' timplika tnaqqis ulterjuri tal-QFP meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013; jistenna li l-kwistjoni tiġi riżolta mill-Kummissjoni bl-aġġustament tekniku tal-2015 tal-Marġini Globali għall-Pagamenti;
16. Ifakkar li l-aġenziji tal-UE għandhom rwol importanti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u fl-għanijiet bħalma huma l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li l-aġenziji tal-UE iwettqu l-kompiti konferiti lilhom mill-awtorità leġiżlattiva u għalhekk iridu jiġu rispettati bħala partijiet importanti tal-amministrazzjoni tal-UE; jissottolinja li l-aġenziji jeħtieġu riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti biex ikunu jistgħu jwettqu l-mandati statutorji tagħhom bis-sħiħ u b'mod effikaċi; jenfasizza li aġenzija waħda tal-UE diġà ħabbret il-posponiment u t-tħassir ta' proġetti attwali bħala konsegwenza ta' tnaqqis qawwi fil-baġit u l-persunal deċiż għall-baġit tal-2015; ifakkar fl-oppożizzjoni tal-Parlament għar-riżerva ta' riallokazzjoni, u jitlob lill-Kummissjoni biex treġġa' lura l-effett tagħha meta tippreżenta l-abbozz tal-baġit 2016;
Nimxu 'l quddiem
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex debitament tqis il-prijoritajiet politiċi msemmija hawn fuq hija u tistabbilixxi l-abbozz ta' baġit tagħha għall-2016 b'tali mod li l-programmi u l-azzjonijiet rilevanti tal-UE jingħataw il-mezzi meħtieġa biex jimplimentaw dawn l-għanijiet; jantiċipa, f'dan il-kuntest, reazzjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni għar-rikjesti u l-pożizzjonijiet addizzjonali espressi f'din ir-riżoluzzjoni sabiex jissolvew problemi rikorrenti u tkun iffaċilitata l-proċedura baġitarja ta' din is-sena; jistenna wkoll lill-Kummissjoni biex tipproponi livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fl-abbozz ta' baġit tagħha, abbażi ta' previżjonijiet u ħtiġijiet reali, sabiex tagħti lill-UE r-riżorsi biex tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha;
18. Ifakkar li skont it-Trattat, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-mezzi finanzjarji jkunu magħmulin disponibbli sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi ġuridiċi tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi; jinsisti għall-użu tal-mezzi kollha disponibbli fl-ambitu tar-Regolament tal-QFP sabiex jintlaħqu l-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni u ma jiġux ipperikolati jew imdewma l-pagamenti lill-partijiet ikkonċernati bħal riċerkaturi, universitajiet, eċċ.;
19. Jitlob lill-Kunsill, fl-eżami tiegħu tal-baġit tas-sena d-dieħla, jabbanduna l-użu ta' standards doppji u jilħaq l-aspettattivi li tqajmu mid-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu stess, kemm jekk relatati mal-kriżi tal-pagamenti, mal-QFP, mal-istrateġija Ewropa 2020 jew mat-tnedija mill-ġdid tal-investiment; iqis li tali dikjarazzjonijiet u impenji politiċi huma ineffettivi sakemm ma jingħatawx biżżejjed riżorsi baġitarji li jippermettu l-implimentazzjoni tagħhom;
20. Jimpenja ruħu, fi ħdan il-limiti massimi tal-QFP u b'kunsiderazzjoni xierqa għas-skarsezza gravi ta' pagamenti, biex iwettaq ir-rwol tiegħu bħala fergħa tal-awtorità baġitarja b'dedikazzjoni u responsabilità billi jippromwovi żidiet immirati sew f'dawk l-oqsma baġitarji b'kapaċità ta' assorbiment għolja li jikkorrispondu għall-prijoritajiet politiċi tiegħu u jiggarantixxu riżultati pożittivi; biħsiebu, f'dan ir-rigward, jeżamina, bl-għajnuna tal-kumitati speċjalizzati tiegħu, il-programmi u l-linji baġitarji speċifiċi li jistgħu jiksbu aħjar dan l-objettiv;
21. Jenfasizza li l-baġit 2016 se jkun kruċjali, mhux biss minħabba li l-2016 se tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjoni l-ġdida tal-QFP dwar il-marġini globali għall-impenji, iżda wkoll minħabba li għandu jservi bħala l-punt ta' riferiment għar-rieżami u r-reviżjoni postelettorali tal-QFP, li għandha titnieda qabel tmiem l-2016; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti prijoritajiet politiċi u jiġu identifikati fi żmien utli oqsma ta' valur miżjud pruvat tan-nefqa tal-UE u li għalihom aktar investimenti se jkunu meħtieġa fit-tieni nofs tal-QFP 2014-2020; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni u l-prestazzjoni ta' programmi fundamentali tal-UE, diġà matul il-proċedura attwali tal-baġit;
22. Jerġa' jafferma l-pożizzjoni tiegħu favur riforma profonda tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-UE, li attwalment turi nuqqasijiet li qed jikkawżaw ostakli gravi fin-negozjati baġitarji; jagħti, għaldaqstant, l-ogħla importanza politika lill-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-riżorsi proprji, taħt il-Presidenza ta' Mario Monti; jilqa' b'sodisfazzjon "l-ewwel rapport ta' valutazzjoni" tal-Grupp ta' Livell Għoli, li jipproponi li l-kwistjoni ta' riżorsi proprji għall-baġit tal-UE għandha tiġi eżaminata mill-iktar perspettivi possibbli, u jistenna bil-ħerqa r-riżultat tal-ħidma tiegħu u l-proposti finali li għandhom jiġu ppreżentati f'konferenza interistituzzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali, matul l-2016, u kkunsidrat fil-kuntest ta' rieżami u ta' reviżjoni postelettorali tal-QFP;
o o o
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.