Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2016 (2015/2074(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 312 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 2015 (COM(2015)0300),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2016, Taqsima III – Il-Kummissjoni(4),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2016,
– wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 8, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0217/2015),
Abbozz ta' Baġit 2016: nirrispettaw l-impenji u l-prijoritajiet ta' finanzjament
1. Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-11 ta' Marzu 2015, il-Parlament qiegħed il-ħolqien ta' impjiegi deċenti u ta' kwalità u l-iżvilupp tal-intrapriżi u l-intraprenditorija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv madwar l-Unjoni ("it-tliet I"), flimkien mas-solidarjetà interna u esterna fi ħdan Ewropa sigura, fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tiegħu għall-baġit 2016; itenni d-dedikazzjoni tal-Parlament lejn ir-rispett tal-impenji ġuridiċi kif ukoll dawk politiċi u l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom;
2. Jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014–2020 stabbilixxa limiti massimi għall-intestaturi kollha iżda ddispona wkoll għal flessibbiltà speċifika u l-flessibbiltà massima possibbli sabiex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi ġuridiċi tagħha, u għal strumenti speċjali sabiex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifiċi imprevisti jew tiffinanzja nefqa identifikata b'mod ċar oltre l-limiti massimi;
3. Jilqa' l-fatt li l-Abbozz ta' Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li ħejjiet il-Kummissjoni, għas-sena finanzjarja 2016 isaħħaħ dawn il-prijoritajiet u jipproponi l-intensifikazzjoni tal-appoġġ tal-UE għall-programmi orjentati lejn l-investiment, l-għarfien, l-impjiegi u t-tkabbir, u b'mod partikolari għal Erasmus+, programm emblematiku fil-qasam tal-mobilità; jemmen li l-Abbozz ta' Baġit għall-2016 hu pass pożittiv 'il quddiem biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jaffrontaw l-isfidi strutturali, b'mod speċjali t-telf ta' kompetittività; jinsab sodisfatt mill-fatt li, apparti ż-żidiet dovutament mistennija fl-Intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza) u l-Intestatura 4 (Ewropa Globali), il-Kummissjoni qed taċċetta l-isfida li tirreaġixxi għal żviluppi ġodda, bħall-kriżijiet fl-Ukrajna, fis-Sirja u fil-Mediterran, billi twieġeb għall-ħtiġijiet tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u l-migrazzjoni u billi turi rieda politika b'saħħitha fil-qasam tal-azzjoni esterna u impenn baġitarju fir-rigward tal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;
4. Jilqa' l-inklużjoni tal-Fond Ewropew għal Investiment Strateġiku (FEIS) fl-Abbozz ta' Baġit 2016 u, b'mod partikolari, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni Globali għall-Impenji biex ikopri parti min-nefqa meħtieġa għall-finanzjament ta' EUR 8 miljun għall-Fond ta' Garanzija FEIS, minflok ma jiddependi biss fuq it-tnaqqis fil-baġits tal-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv tal-Parlament kien li jimminimizza sal-massimu possibbli l-impatt fuq dawn iż-żewġ programmi u l-fatt li l-qbil li ntlaħaq mill-koleġiżlaturi kompla jbaxxi dan it-tnaqqis b'EUR 1 biljun kumplessivament, b'mod li r-riċerka fundamentali, inter alia, ma ntlaqtitx jistenna li l-ftehim finali rigward il-FEIS jiġi rifless kemm jista' jkun malajr fil-baġit 2016 abbażi ta' ittra ta' emenda;
5. Ifakkar madankollu fil-fatt li d-deċiżjoni dwar l-approprjazzjonijiet annwali li għandhom jiġu awtorizzati biex jiġi kostitwit il-fond ta' garanzija FEIS se tittieħed biss mill-awtorità baġitarja, matul il-proċedura baġitarja annwali; jimpenja ruħu, f'dan il-qafas, favur kumpens ulterjuri għat-tnaqqis li jolqot lill-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li għadu sinifikanti, b'mod li dawk il-programmi jitħallew iwettqu kompletament l-objettivi li kull m'ilhom miftiehma sentejn biss bħala riżultat tan-negozjati rigward il-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom; biħsiebu wkoll jeżamina mill-qrib jekk dak it-tnaqqis għandux jiġi kkonċentrat fis-snin 2016-2018, kif ipproponiet il-Kummissjoni, jew jinfirixx ulterjorment fuq is-snin 2019–2020, bħala mezz biex jiġi mminimizzat l-impatt fuq dawn il-programmi;
6. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) qed iġarrab tnaqqis nominali fl-approprjazzjonijiet ta' impenn mill-2015 sal-2016; jevidenzja s-sinjal negattiv ferm li tnaqqis ta' dan it-tip jagħti fi żmien meta l-potenzjal tal-SMEs bħala innovaturi u kreaturi ta' impjiegi hu meħtieġ b'urġenza sabiex jitqanqal l-irkupru tal-UE, jitnaqqsu d-distakki fl-investiment u jingħata kontribut għall-prosperità tal-Unjoni fil-ġejjieni; ifakkar li l-promozzjoni tal-intraprenditorija, it-titjib tal-kompetittività u l-aċċess għas-swieq għall-intrapriżi tal-Unjoni, inklużi l-intrapriżi soċjali, u t-titjib tal-aċċess għal finanzjament għall-SMEs li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ekonomija u l-kompetittività tal-UE, huma prijoritajiet li hu ċar li huma kondiviżi bejn l-istituzzjonijiet kollha, u li kienu l-ġustifikazzjoni għall-konċentrazzjoni fil-bidu tal-perjodu u t-tisħiħ tal-approprjazzjonijiet ta' COSME matul dawn l-aħħar sentejn, wara li tqieset ir-rata għolja ta' implimentazzjoni tal-programm; biħsiebu, għaldaqstant, jiżgura li dan il-programm jevolvi b'mod pożittiv fl-2016;
7. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-finanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bħala għodda kruċjali għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni, li hija prijorità ewlenija għal kull min jieħu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa; jikkonstata l-konċentrazzjoni fil-bidu tal-perjodu tal-allokazzjoni komplementari għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2014 u fl-2015; jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-2016 ma ġie propost l-ebda impenn ġdid; ifakkar li l-QFP iddispona għal marġni globali għall-impenji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni oltre l-limiti massimi sa mill-2016 fir-rigward tal-objettivi politiċi relatati mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi għaż-żgħażagħ; ifakkar li, b'konsegwenza ta' dan, ir-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew iddispona li, fil-qafas tal-proċedura baġitarja, ir-riżorsi għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jistgħu jiġu riveduti 'l fuq għas-snin mill-2016 sal-2020; jappella, għalhekk, biex l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ titkompla billi tiġi sfruttata kwalunkwe dispożizzjoni ta' flessibbiltà li tinsab fil-QFP, u biħsiebu jiżgura li l-baġit 2016 ikun jipprevedi l-ammonti neċessarji;
8. Jikkonstata li, grazzi għal ftehim f'waqtu dwar ir-riprogrammar tal-impenji taħt ġestjoni kondiviża fi ħdan il-QFP 2014-2020 minħabba l-adozzjoni tardiva tar-regoli u l-programmi rilevanti, il-Kummissjoni inkludiet fl-Abbozz ta' Baġit 2016 tagħha (Intestaturi 2 u 3) EUR 4,5 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn li ma setgħux jintużaw fl-2014; ifakkar li l-baġit emendatorju Nru 1/2015 diġà ppermetta trasferiment ta' EUR 16,5 biljun mill-2014 sal-2015 taħt l-Intestaturi 1b, 2 u 3; jisħaq fuq il-fatt li dawn huma, madankollu, sempliċi trasferimenti minn approprjazzjonijiet diġà miftiehma tal-2014 u għandhom għalhekk, għal finijiet ta' tqabbil, jitnaqqsu minn kwalunkwe valutazzjoni tal-evoluzzjoni tal-baġit 2016 fil-konfront tal-baġit 2015; jindika, għalhekk, li l-programmi kkonċernati fil-fatt qed jibbenefikaw minn approprjazzjonijiet ta' impenn imsaħħa fl-Abbozz ta' Baġit 2016;
9. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-programmi ġodda li jaqgħu taħt il-perjodu tal-QFP 2014–2020 qed idumu ma jibdew aktar milli kien ippjanat minħabba l-approvazzjoni tardiva tal-bażijiet ġuridiċi u tal-programmi operattivi, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014; jimpenja ruħu li jeżamina jekk l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament mitluba humiex fil-fatt se jippermettu li dawn il-programmi ġodda jibdew joperaw kif suppost; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jagħmlu tajjeb għad-dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom;
10. Jikkonstata li l-Abbozz ta' Baġit tal-UE għall-2016 jammonta għal EUR 153,5 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn (inklużi EUR 4,5 biljun riprogrammati mill-2014) u EUR 143,5 biljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament; jindika li, jekk ma jitqiesx l-effett tar-riprogrammar fl-2015 u fl-2016, dan jikkorrispondi għal żieda ta' +2,4 % fl-impenji u ta' +1,6 % fil-pagamenti meta mqabbla ma' dawk tal-baġit 2015; jisħaq fuq il-fatt li dawn iż-żidiet moderati kumplessivi, skont id-direzzjoni stabbilita mill-QFP u wara li titqies l-inflazzjoni, ma jirrappreżentaw kważi l-ebda żieda f'termini reali, u dan jenfasizza l-importanza tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq;
11. Jissottolinja l-fatt li l-Kummissjoni qed tħalli marġnijiet ta' EUR 2,2 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn (li minnhom EUR 1,2 biljun qegħdin fl-Intestatura 2) u ta' EUR 1,6 biljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament taħt il-limiti massimi tal-QFP; ifakkar li l-marġnijiet disponibbli fl-impenji u fil-pagamenti kif ukoll il-pagamenti mhux esegwiti jalimentaw il-marġnijiet globali li għandhom jintużaw fis-snin sussegwenti, meta tinqala' l-ħtieġa; jikkonstata li l-Marġni Globali għall-Impenji qed jitqiegħed għad-dispożizzjoni għall-ewwel darba u li parti minnu se tintuża għall-FEIS; jilqa' fil-prinċipju l-użu propost tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal nefqa identifikata b'mod ċar, bħala parti mill-inizjattivi ġodda tal-UE fl-oqsma tal-asil u l-migrazzjoni li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fi ħdan il-limiti tal-Intestatura 3; biħsiebu jisfrutta parti mill-marġnijiet li fadal u mid-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-flessibbiltà pprovduti mill-QFP biex isaħħaħ il-prijoritajiet kruċjali;
Pagamenti: inreġġgħu lura l-fiduċja
12. Ifakkar li n-nuqqas fil-pagamenti, l-aktar minħabba limiti massimi insuffiċjenti għall-pagamenti u bbaġitjar ta' anqas riżorsi milli kien meħtieġ, laħaq livelli bla preċedenti fl-2014 u baqa' gravi fl-2015; jibża' li dan se jkompli jipperikola l-implimetazzjoni kif suppost tal-programmi ġodda taħt il-QFP 2014–2020 u jippenalizza lill-benefiċjarji, b'mod speċjali lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, li qed jaffaċċjaw restrizzjonijiet ekonomiċi u soċjali; waqt li jappoġġa l-ġestjoni attiva tal-pagamenti min-naħa tal-Kummissjoni, jinsab imħasseb dwar il-posponiment tas-sejħiet għal proposti, dwar it-tnaqqis tal-prefinanzjament u dwar il-pagamenti tardivi, li jistgħu jirriżultaw li jkunu detrimentali għall-ilħuq tal-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; itenni t-tħassib tiegħu rigward it-tnaqqis ad hoc fil-pagamenti introdott mill-Kunsill fil-qari tiegħu tal-baġits annwali, inkluż fil-programmi fil-qasam tal-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi taħt l-Intestatura 1a; jappella lill-Kummissjoni biex tipprepara rapport rigward l-impatt fuq il-benefiċjarji li esperjenzaw dewmien fir-rigward tal-pagamenti li kellha ttihom l-Unjoni fl-2013-2015, kif ukoll l-impatt fuq l-implimentazzjoni tal-programmi sa mhux aktar tard milll-31 ta' Marzu 2016;
13. Jilqa' l-fatt li l-Abbozz ta' Baġit tal-UE jirrifletti d-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament 2015–2016 li ntlaħaq qbil dwaru bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni b'segwitu għad-dijanjożi kondiviża u l-impenn meħud mit-tliet istituzzjonijiet biex inaqqsu dan l-arretrat; ifakkar li, skont l-Artikolu 310 TFUE, id-dħul u n-nefqa murija fil-baġit tal-UE għandhom ikunu f'bilanċ; jikkonstata li, skont l-estimi tal-Kummissjoni, l-approprjazzjonijiet ta' pagament mitluba fl-Abbozz ta' Baġit kieku jnaqqsu l-arretrat ta' kontijiet mhux imħallsa sa livell sostenibbli ta' madwar EUR 2 biljun; jimpenja ruħu, b'konsegwenza ta' dan, biex jappoġġa kompletament il-proposta tal-Kummissjoni, u jistenna li l-Kunsill jirrispetta l-impenji li ħa f'dan ir-rigward;
14. Jissottolinja li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li fil-ġejjieni jevitaw akkumulazzjoni ta' arretrat insostenibbli ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ u jimplimentaw il-ftehimiet milħuqa bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali u mill-proċeduri baġitarji annwali; itenni l-ħtieġa f'dan ir-rigward li jsir monitoraġġ mill-qrib u attiv tal-iżvilupp ta' dan l-arretrat; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-ispeċifiċitajiet taċ-ċikli ta' pagament iqiegħdu pressjoni addizzjonali fil-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament, b'mod speċjali fi tmiem il-QFP; ifakkar lill-Kummissjoni rigward l-impenn li ħadet fid-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament li tiżviluppa l-għodda tagħha għal tbassir fuq żmien medju u fuq żmien twil u li twaqqaf sistema ta' twissija bikrija, bil-għan li tippreżenta dan l-ewwel tbassir tal-pagamenti f'Lulju, sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista' tieħu deċiżjonijiet informati kif dovut fil-ġejjieni;
15. Jilqa' l-fatt li l-bilanċ fi ħdan l-approprjazzjonijiet ta' pagament kumplessivi fl-aħħar qed jiċċaqlaq b'mod sinifikanti mit-tlestija tal-programmi passati tal-2007–2013 għall-eżekuzzjoni tal-programmi l-ġodda tal-2014–2020; jissottolinja madankollu l-fatt li l-livell tal-pagamenti fl-Abbozz ta' Baġit 2016, b'mod speċifiku fir-rigward tal-Intestatura 1b, hu baxx meta mqabbel mal-livell tal-impenji, u dan jinvolvi r-riskju ta' arretrat simili ta' pagamenti pendenti fi tmiem il-QFP attwali; jiddubita għalhekk sa liema punt dan hu konformi mal-perspettiva fuq żmien twil tal-pjan ta' pagament;
Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi
16. Jikkonstata li, meta mqabbla ma' dik tal-2015, il-proposta tal-Kummissjoni għall-2016 tikkorrispondi għal żieda fl-impenji taħt is-subintestatura 1a ta' +6,1 % biex laħqu EUR 18,6 biljun; jindika li ż-żieda fl-impenji hija fil-biċċa l-kbira dovuta għall-integrazzjoni tal-FEIS, għaż-żidiet għal Erasmus+ u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u, f'livell minuri, għaż-żidiet għall-programmi Dwana, Fiscalis u Ġlieda kontra l-Frodi kif ukoll għall-programm Impjiegi u Innovazzjoni Soċjali; se jagħti attenzjoni partikolari għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn l-apprendistati u l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa, b'mod partikolari billi jiġi żgurat aċċess indaqs għall-mobilità;
17. Jiddispjaċih, madankollu, dwar it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għal proġetti infrastrutturali kbar, l-Orizzont 2020 u l-COSME, kif ukoll dwar il-fatt li l-progress fir-rigward tal-komponent "Trasport" tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa qed jimxi aktar bil-mod minħabba r-riallokazzjoni lill-FEIS; ifakkar li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni dwar il-FEIS kieku kienet tirriżulta fi tnaqqis ta' EUR 170 miljun għall-Orizzont 2020 fl-2016 meta mqabbla ma' dik tal-2015, biex b'hekk jingħata sinjal kontradittorju dwar programm li huwa estensivament rikonoxxut bħala prijorità emblematika taħt il-QFP attwali; jiddeplora r-riperkussjonijiet fuq il-finanzjament għar-riċerka, inkluż fl-oqsma tal-Enerġija, l-SMEs, il-Klima u l-Ambjent, ix-Xjenzi Soċjali u x-Xjenza fis-Soċjetà; jimpenja ruħu li jfittex li jikkumpensa ulterjorment għat-tnaqqis propost f'dawn il-programmi permezz ta' tisħiħ matul il-proċedura baġitarja bl-użu tal-marġni ta' EUR 200 miljun li għadu disponibbli taħt il-limitu massimu għall-Intestatura 1a; jisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament għall-investiment, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandu jiġi ffokat fuq l-oqsma fejn jista' jinkiseb l-akbar valur miżjud, bħal dawk tat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, it-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni, l-għotjiet għal riċerka bażika u t-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju kif ukoll dawk ta' enerġija rinnovabbli;
18. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm ITER u jimpenja ruħu li jiżgura l-finanzjament xieraq; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li l-preżentazzjoni ta' kalendarju u ppjanar finanzjarju riveduti għall-programm ITER prevista f'Novembru 2015 mhix se tippermetti li l-awtorità baġitarja tqis l-informazzjoni ġdida fil-proċedura baġitarja annwali għall-2016; iħeġġeġ, madankollu, biex l-ITER u l-Impriża Konġunta tiegħu għall-Unjoni Ewropea – Fużjoni għall-Enerġija jippreżentaw mingħajr dewmien ir-rapporti mitlubin rigward il-kwittanza tagħhom għall-2013, u biex jagħtu segwitu għar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Parlament;
19. Jissottolinja li l-ibbaġitjar fl-imgħoddi ta' anqas approprjazzjonijiet ta' pagament milli kien meħtieġ wessa' d-distakk bejn l-impenji u l-pagamenti f'diversi programmi taħt l-Intestatura 1a, biex b'hekk ikkontribwixxa għaż-żieda drastika fl-impenji pendenti (RALs) meta mqabbla mal-intestaturi l-oħra; jinsab mħasseb li l-Kummissjoni kellha tnaqqas l-ammont ta' prefinanzjament u, agħar minn hekk, tipposponi sejħiet ġodda għal proposti u ddewwem l-iffirmar tal-kuntratti; jikkonstata, pereżempju, li taħt l-Orizzont 2020, il-Kummissjoni tistima li "f'xenarju ta' implimentazzjoni normali mingħajr limiti fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament, sa tmiem l-2014, kieku kienu jintefqu madwar EUR 1 biljun aktar"; filwaqt li jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżomm is-sitwazzjoni tal-pagamenti taħt kontroll, itenni li taħt l-ebda ċirkostanza mhu se jittollera li tnaqqis fir-ritmu tal-programmi 2014-2020 jitqies bħala mod biex jiġu ttrattati n-nuqqasijiet ta' pagamenti;
20. Jilqa', għalhekk, iż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' +11,4 % biex laħqu EUR 17,5 biljun meta mqabbla ma' dawk tal-2015, u ż-żieda fil-proporzjon bejn il-pagamenti u l-impenji għall-2016; jikkonstata, b'mod partikolari, li għal diversi programmi (Copernicus, Erasmus+, Orizzont 2020, Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Trasport, sikurezza u dekummissjonar nukleari) l-approprjazzjonijiet ta' pagament jaqbżu l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn;
Subintestatura 1b – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
21. Jieħu nota tal-proposti ta' EUR 50,8 biljun f'impenji (+3,2 % meta mqabbla ma' dawk tal-2015, bl-impatt tar-riprogrammar newtralizzat) u ta' EUR 49,1 biljun f'pagamenti (-4 %) għas-Subintestatura 1b, li jħallu marġni żgħir ta' EUR 15,3 miljun taħt il-limitu massimu għall-impenji; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija tal-UE rigward l-investiment u hi mmirata lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni Ewropej permezz tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja l-fatt li strumenti bħall-FSE, il-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni jew l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ huma strumentali fit-trawwim tal-konverġenza, it-tiċkin tad-distakk fl-iżvilupp u l-appoġġ għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli; jissottolinja r-rwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;
22. Jevidenzja l-fatt li 44 % tal-approprjazzjonijiet ta' pagament proposti għall-2016 ikopru talbiet għal pagament pendenti għall-perjodi ta' programmazzjoni preċedenti, biex jibqgħu biss EUR 26,8 biljun f'pagamenti għall-fażi inizjali tal-programmi ta' koeżjoni ġodda għall-2014–2020; jikkunsidra li l-approprjazzjonijiet ta' pagament proposti, għalhekk, huma l-minimu indispensabbli f'din is-subintestatura;
23. Ifakkar li hemm bżonn ta' ammont ta' EUR 21,6 biljun fil-baġit 2016 biex il-livell ta' talbiet għal pagament pendenti għall-programmi ta' koeżjoni tal-2007–2013 jitnaqqas minn EUR 24,7 biljun fi tmiem l-2014 u EUR 20 biljun fi tmiem l-2015 għal madwar EUR 2 biljun sa tmiem l-2016, kif deskritt fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni annessa mad-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament 2015–2016; iħeġġeġ biex tiġi evitata akkumulazzjoni 'anormali' simili ta' kontijiet mhux imħallsa fil-ġejjieni, b'mod li l-kredibbiltà tal-UE ma tiġix kompromessa;
24. Jisħaq fuq il-fatt li, apparti l-appell tiegħu biex l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ titkompla, hu kruċjali li jkun hemm aċċelerazzjoni effiċjenti u effikaċi tal-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu kull miżura meħtieġa biex l-iskemi nazzjonali ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ jibdew joperaw bħala kwistjoni prijoritarja, waqt li fejn ikun xieraq iqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ġew stipulati fir-Rapport Speċjali Nru 3/2015 tagħha; itenni li ż-żieda li ġiet approvata dan l-aħħar biex ir-rata ta' prefinanzjament telgħet għal 30 %, u li għandha appoġġ qawwi min-naħa tal-Parlament, hija dipendenti fuq il-preżentazzjoni rapida tat-talbiet għal pagament interim min-naħa tal-Istati Membri fi żmien sena, li għandha tikkonkretizza ruħha fl-2016; jinsisti li ż-żieda fil-prefinanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ m'għandhiex tolqot negattivament l-implimentazzjoni tal-komponenti l-oħra tal-FSE;
Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: ir-riżorsi naturali
25. Jieħu nota tal-proposti ta' EUR 63,1 biljun f'impenji (-0,1 % meta mqabbla ma' dawk tal-2015, bl-impatt tar-riprogrammar newtralizzat) u ta' EUR 55,9 biljun f'pagamenti (-0,2 %) għall-Intestatura 2, li jħallu marġni ta' EUR 1,2 biljun taħt il-limitu massimu għall-impenji u marġni ta' EUR 1,1 biljun taħt is-sottolimitu massimu għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG); jindika li l-mekkaniżmu ta' dixxiplina finanzjarja jiġi applikat biss sabiex jistabbilixxi r-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu; jistenna l-Ittra ta' Emenda tal-Kummissjoni, li suppost tasal f'Ottubru 2015, u li għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni aġġornata dwar il-finanzjament tal-FAEG; jenfasizza li t-trasferimenti bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK jirriżultaw f'żieda kumplessiva fl-ammont disponibbli għall-iżvilupp rurali;
26. Jisħaq fuq il-fatt li l-Abbozz ta' Baġit 2016 juri tnaqqis fil-ħtiġijiet għal interventi fis-swieq agrikoli meta mqabbla ma' dawk fil-baġit 2015, prinċipalment minħabba l-impatt fl-2015 tal-miżuri ta' emerġenza relatati mal-embargo Russu fuq l-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli mill-UE; jikkonstata li, skont il-Kummissjoni, m'hemm bżonn tal-ebda miżura ulterjuri taħt il-baġit 2016; jevidenzja l-objettivi taż-żieda fil-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-agrikoltura Ewropea, u jitlob li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi biex jintlaħqu dawn l-objettivi;
27. Jissottolinja l-fatt li, b'segwitu għar-riforma, il-Politika Komuni tas-Sajd tipprovdi qafas ġuridiku ambizzjuż li permezz tiegħu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi tas-sajd responsabbli, anke permezz tal-ġbir ta' data, u jinsab kuntent li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ibbenefika minn trasferiment lejn l-2015 ta' approprjazzjonijiet mhux użati fl-2014, waqt li, bl-impatt ta' dan ir-riprogrammar newtralizzat, qed isir progress ulterjuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għal dan il-Fond fl-2016; jikkonstata, madankollu, li fir-rigward tal-pagamenti l-eliminazzjoni gradwali tal-programm preċedenti qed tiġi biss parzjalment ikkumpensata bl-implimentazzjoni tal-programm il-ġdid, u dan jirriżulta f'anqas approprjazzjonijiet fl-2016;
28. Jilqa' ż-żieda fl-approprjazzjonijiet prevista għall-Programm LIFE għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, kemm fl-impenji u kemm fil-pagamenti; jilqa' l-ewwel passi fl-ekoloġizzazzjoni tal-Baġit tal-UE u jindika l-ħtieġa biex ir-ritmu tagħha jkompli jaċċelera;
Intestatura 3 – Sigurtà u Ċittadinanza
29. Jilqa’ l-fatt li l-Abbozz ta' Baġit 2016 iżid l-appoġġ tiegħu għall-programmi kollha fl-Intestatura 3, li jammonta għal EUR 2,5 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (+12,6 % meta mqabbel mal-baġit tal-2015 bir-riprogrammar newtralizzat) u għal EUR 2,3 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (+9,7 %); jirrimarka li dan ma jħalli l-ebda marġni għal aktar tisħiħ jew għal proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji taħt l-Intestatura 3; huwa tal-fehma li, fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, l-aktar minħabba l-pressjoni li qed tiżdied tal-flussi migratorji, il-livell tal-limiti massimi stabbiliti għal dik li hija l-iżgħar intestatura tal-QFP jista’ ma jkunx aġġornat u għandu jiġi indirizzat fil-kuntest tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP;
30. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-Aġenda Ewropea tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ fil-mezzi tal-UE u l-iżvilupp ta’ kultura ta’ kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet u solidarjetà fl-oqsma tal-asil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni; ifaħħar għalhekk iż-żidiet fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jikkostitwixxu l-iżvilupp tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA); jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi mobilizzat l-Istrument ta’ Flessibbiltà b’EUR 124 miljun sabiex jindirizza x-xejriet migratorji attwali fil-Mediterran; jistaqsi jekk il-finanzjament propost huwiex se jkun biżżejjed; jenfasizza l-ħtieġa għal kontroll strett fuq id-destinazzjoni ta’ dawn il-fondi;
31. Jenfasizza li, minħabba l-għadd kbir ta’ migranti li waslu fix-xtut tan-Nofsinhar tal-Unjoni u r-rwol dejjem jikber li għandu l-EASO fil-ġestjoni tal-asil, il-proposta li l-persunal tal-EASO jiżdied biss b’6 hija evidenti li mhux biżżejjed; jitlob għalhekk li l-EASO jkollu livell ta’ persunal u baġit xierqa għall-2016 sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti u l-operat tiegħu b’mod effettiv;
32. Jemmen li l-impatt baġitarju u l-kompiti addizzjonali tal-miżuri ppreżentati bħala parti mill-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni, u l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà fir-rigward tal-Europol għandhom jiġu vvalutati fid-dettall mill-Kummissjoni, sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista’ taġġusta adegwatament il-ħtiġijiet baġitarji u tal-persunal tal-aġenzija; jenfasizza r-rwol tal-Europol fl-appoġġ transkonfinali għall-Istati Membri u fl-iskambju ta’ informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-aġenzija jkollha baġit u livell ta’ persunal xierqa għall-2016 sabiex tkun tista’ twettaq il-kompiti u l-operat tagħha b’mod effettiv;
33. Iqis li l-aġenziji relevanti m’għandhomx ikunu suġġetti għal tnaqqis jew riallokazzjoni ta’ persunal, u li dawn għandhom jallokaw adegwatament lill-persunal tagħhom bil-għan li jissodisfaw ir-responsabbiltajiet dejjem jiżdiedu tagħhom;
34. Ifakkar ukoll fl-appoġġ qawwi mogħti b’mod konsistenti mill-Parlament biex il-programmi kulturali u tal-midja jiġu ffinanzjati b’mod adegwat; jilqa’ għalhekk iż-żieda għall-programm Ewropa Kreattiva, inklużi azzjonijiet multimedjali, meta mqabbel mal-baġit tal-2015, filwaqt li jesprimi riżervi dwar id-diviżjoni amministrattiva bejn it-taqsimiet kulturali u tal-midja tiegħu; jappoġġa wkoll iż-żieda proposta għall-programm ‘L-Ewropa għaċ-ċittadini’, peress li dan huwa vitali għall-parteċipazzjoni ċivika fil-proċess demokratiku fl-Ewropa; huwa tal-fehma li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija strument ċentrali għal demokrazija parteċipattiva fl-UE, u jitlob li titjieb il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tagħha; jenfasizza r-rwol pożittiv tan-netwerks pan-Ewropej magħmula mill-midja lokali u nazzjonali bħal pereżempju l-EuranetPlus;
35. Jenfasizza li s-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, il-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa huma oqsma ta’ tħassib ewlieni għaċ-ċittadini tal-UE; japprezza għalhekk iż-żidiet fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-programm Ikel u Għalf, il-Programm tas-Saħħa u l-Programm tal-Konsumatur meta mqabbel mal-baġit 2015;
Titolu 4 – Ewropa Globali
36. Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda ġenerali fil-finanzjament għall-Intestatura 4, li tammonta għal EUR 8,9 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (+5,6 % meta mqabbel mal-baġit tal-2015), filwaqt li tħalla marġni ta’ EUR 261,3 miljun taħt il-limitu massimu; jinnota li dan juri livell għoli ta’ solidarjetà ma’ pajjiżi terzi; jemmen li l-baġit tal-UE huwa strumentali biex jintlaħqu n-nies fil-bżonn u għall-promozzjoni tal-valuri fundamentali Ewropej; jinsab sodisfatt li d-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali li ltaqgħet magħhom l-UE f’dawn l-aħħar snin ma aljenawx mill-attenzjoni mogħtija lill-bqija tad-dinja; jemmen madankollu li aktarx se jkun hemm bżonn li jissaħħu iżjed ċerti oqsma prijoritarji bħall-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, inkluża l-assistenza għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani, il-Palestina u l-UNRWA, u dan minħabba l-kriżijiet politiċi u umanitarji li għaddejjin bħalissa fil-viċinat u lil hinn minnu;
37. Jilqa’ ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament mitluba mill-Kummissjoni għall-programmi kollha li jaqgħu taħt l-Intestatura 4 (+28,5 % għal EUR 9,5 biljun), fejn il-pagamenti jaqbżu l-impenji speċjalment fl-oqsma tal-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u l-assistenza tal-UE għall-Palestina u l-UNRWA; jemmen li dawn iż-żidiet huma totalment ġustifikati mill-ħtieġa li jiġu rimedjati l-effetti tan-nuqqas drammatiku ta’ pagamenti f’din l-intestatura fl-2014 u fl-2015, li wassal sabiex il-Kummissjoni naqqset il-prefinanzjamenti u pposponiet l-impenji ġuridiċi; ifakkar li fl-2015 kellhom jitħallsu EUR 1,7 miljun f’imgħax għal pagamenti tardivi taħt l-Intestatura 4; jistenna li d-distakk bejn l-impenji u l-pagamenti jitnaqqas progressivament u li l-akkumulazzjoni ta’ kontijiet mhux imħallsa tinġieb lura għal livell normali; jenfasizza li mossa bħal din hija indispensabbli għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-benefiċjarji vulnerabbli u għall-UE biex taġixxi bħala sieħeb affidabbli fil-konfront ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;
38. Jemmen li strumenti ta’ finanzjament estern jipprovdu għodod biex jindirizzaw, b’mod multidimensjonali u flimkien mal-għanijiet rispettivi tagħhom, il-kawżi ewlenin ta’ dawk l-isfidi marbuta mas-sigurtà interna u l-migrazzjoni li huma fil-qalba tal-baġit tas-sena d-dieħla, b’referenza partikolari għall-fruntieri tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni u, b’mod iktar ġenerali, għaż-żoni milquta minn kunflitti; jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat iżda wkoll għal politiki li jkunu għaddejjin minn żidiet aktar moderati bħall-għajnuna umanitarja, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika b’mod ċar oqsma li jistgħu jgħinu f’dawn l-isfidi topiċi u fejn infurzar potenzjali jista’ jiġi assorbit b’mod effiċjenti; ifakkar f’dan ir-rigward fl-importanza li tingħata assistenza sabiex jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar, u l-ħtieġa li d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-koeżjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi jibqgħu fil-qalba tal-attivitajiet ta’ għajnuna esterna tal-UE;
39. Jenfasizza ż-żieda notevoli fl-ammont li għandu jiġi pprovdut fil-baġit 2016 għall-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment, u jinnota li din fost fatturi oħra hija riżultat tat-tnedija ta’ self ta’ assistenza makrofinanzjarja lill-Ukraina;
40. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw li jiġi applikat approċċ konġunt f’pajjiżi strateġiċi li jibbenefikaw minn ammont relattivament kbir ta’ finanzjament minn diversi sorsi tal-UE, bħall-Ukraina u t-Tuneżija; huwa tal-fehma li jista’ jinkiseb impatt politiku u ekonomiku aktar b’saħħtu min-naħa tal-UE billi jkunu żgurati aktar koerenza u koordinazzjoni fost l-atturi ewlenin fl-UE u fuq il-post, permezz ta’ simplifikazzjoni u tqassir tal-proċeduri u billi tiġi offruta stampa aktar ċara tal-azzjoni tal-UE;
Intestatura 5 – Amministrazzjoni
41. Jinnota li n-nefqa fl-Intestatura 5 żdiedet bi 2,9 % meta mqabbel mal-Baġit 2015 għal EUR 8 908,7 miljun, u li din iċ-ċifra tkopri globalment in-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet (+2,2 %) u l-Pensjonijiet u l-Iskejjel Ewropej (+5,4 %); jinnota li marġni ta’ EUR 574,3 miljun tħalla taħt il-limitu massimu; jissottolinja li s-sehem tal-Intestatura 5 tal-baġit tal-UE jibqa’ stabbli għal 5,8 %; ifakkar madankollu li din iċ-ċifra ma tqisx l-għajnuna teknika meqjusa bħala nefqa operattiva;
Strumenti speċjali
42. Jafferma mill-ġdid li strumenti speċjali huma kruċjali għar-rispett u l-implimentazzjoni sħaħ tal-QFP u għandhom, min-natura tagħhom stess, jiġu magħduda lil hinn mil-limiti massimi kemm f’impenji u kemm f’pagamenti, b’mod partikolari għall-iskop tal-kalkolu tal-marġni globali għall-pagamenti; jilqa’ l-proposta għal parità bejn impenji u pagamenti għar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza; jinnota li l-ammonti mwarrba għar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza (EAR), għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) u għall-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (FSUE) fl-Abbozz ta' Baġit 2016 huma pjuttost stabbli jew żdiedu bi ftit;
Proġetti pilota – azzjonijiet preparatorji
43. Jenfasizza l-importanza tal-Proġetti Pilota (PP) u l-Azzjonijiet Preparatorji (AP) bħala għodod għall-formulazzjoni ta’ prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta’ inizjattivi ġodda li jistgħu jinbidlu f’attivitajiet u programmi tal-UE permanenti, inklużi inizjattivi immirati biex jirriflettu u jakkumpanjaw il-bidliet ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali fi ħdan l-UE; jinnota bi tħassib li, speċjalment fl-Intestatura 3, il-Kummissjoni ma pprevedietx approprjazzjonijiet għall-kontinwazzjoni ta’ PP-AP ta’ suċċess kbir; beħsiebu jipproċedi għall-identifikazzjoni ta’ pakkett bilanċjat ta’ PP-AP; jinnota li fil-proposta attwali, il-marġni f’xi intestaturi huwa pjuttost limitat, jew saħansitra ineżistenti, u beħsiebu jesplora modi biex jinħoloq spazju għal PP-AP possibbli;
Aġenziji deċentralizzati
44. Jissottolinja r-rwol kruċjali li jaqdu l-aġenziji deċentralizzati fit-tfassil tal-politika tal-UE u huwa determinat li jevalwa l-ħtiġijiet baġitarji u tal-persunal tal-aġenziji kollha fuq bażi ta’ każ b’każ, sabiex ikun żgurat li jkun hemm approprjazzjonijiet u persunal xierqa għall-aġenziji kollha u b’mod partikolari għal dawk li reċentement ikunu ngħataw kompiti ġodda jew qed jiffaċċjaw volum ta’ xogħol akbar għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet politiċi jew għal raġunijiet oħra; huwa partikolarment determinat li jipprovdi lill-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern bir-riżorsi meħtieġa biex jittrattaw l-isfidi migratorji attwali; jenfasizza għal darb’oħra l-oppożizzjoni tiegħu għar-riżerva ta’ ridistribuzzjoni, u jistenna li tinstab soluzzjoni matul il-proċedura baġitarja biex jieqaf it-tnaqqis addizzjonali ta’ persunal f’aġenziji deċentralizzati; itenni barra minn hekk l-intenzjoni tiegħu li juża l-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati biex tinstab bażi komuni bejn l-istituzzjonijiet dwar it-trattament ta’ aġenziji f’termini baġitarji, anke fl-istennija għall-konċiljazzjoni dwar il-baġit 2016;
o o o
45. Jappella sabiex isir sforz sostnut permezz tal-baġit biex jiġi previst taħriġ adegwat u tiġdid fil-ħiliet f’setturi b’nuqqas ta’ ħaddiema u f’setturi ewlenin li għandhom potenzjal għoli ta’ ħolqien ta’ impjiegi, bħall-ekonomija ekoloġika, l-ekonomija ċirkolari u s-setturi tal-kura tas-saħħa u tal-ICT; jenfasizza li l-baġit 2016 għandu jipprovdi appoġġ adegwat għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u għal azzjonijiet li jkollhom l-għan li jeqirdu l-faqar u jagħtu s-setgħa lill-persuni li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali; ifakkar li l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi inkorporata fil-politiki tal-UE u indirizzata fil-proċess baġitarju; iħeġġeġ sabiex jingħata appoġġ finanzjarju għall-programmi kollha li jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali għal dawk bi żvantaġġi multipli, bħal persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil, persuni b’diżabilità, persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, persuni mhux attivi u skoraġġuti;
46. Ifakkar li, bi programmi li mistennija jilħqu ritmu sħiħ, bl-integrazzjoni ta’ inizjattivi ewlenin ġodda fl-oqsma tal-investiment u l-migrazzjoni, bl-opportunità li jissolvew kwistjonijiet tal-passat bħal pagamenti u strumenti speċjali, u bl-ewwel attivazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda tal-QFP bħall-marġni globali għall-impenji, il-proċedura baġitarja tal-2016 se tkun każ ta’ prova għall-approċċ tal-Kunsill għall-pjan ta’ pagament kif ukoll għall-valutazzjoni tal-QFP attwali; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu legali tagħha li tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal- QFP sal-aħħar tal-2016 u li mar-rieżami tal-baġit iżżid proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020; ifakkar li, b’mod parallel ma’ dan il-proċess, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll inizjattivi ġodda għal Riżorsi Proprji, fuq il-bażi tar-riżultati tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji li mistennija li jiġu ppreżentati fl-2016;
47. Jirrikonoxxi l-kunsens wiesa’ li mexxa l-kunsiderazzjoni tal-abbozz ta’ baġits emendatorji 2015 kif ukoll in-negozjar tal-pjan ta’ pagament sa issa, u b’hekk dehret rieda kondiviża għar-rispett tal-QFP, l-implimentazzjoni tal-bażijiet ġuridiċi nnegozjati b’attenzjoni u l-iżgurar tal-finanzjament tal-programmi ġodda; jitlob li jitkompla l-ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-UE, u jittama li dan fl-aħħar mill-aħħar se jwassal sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fil-qalba tal-proċedura baġitarja li qed iwasslu għal żieda kbira fl-arretrati; jistenna li jsaltan l-istess spirtu fin-negozjati tal-baġit 2016 u biex jinstabu mezzi biex jiġu ffaċċjati sfidi emerġenti u mhux previsti futuri;
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS I: DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR ID-DATI GĦALL-PROĊEDURA BAĠITARJA U MODALITAJIET GĦALL-FUNZJONAMENT TAL-KUMITAT TA' KONĊILJAZZJONI FL-2015
A. F’konformità mal-Parti A tal-Anness għall-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwar id-dati ewlenin li ġejjin għall-proċedura baġitarja tal-2016:
1. Se jissejjaħ trilogu fl-14 ta’ Lulju qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill;
2. Il-Kunsill se jagħmel ħiltu sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu u jittrażmettiha lill-Parlament Ewropew sal-ġimgħa nru 38 (it-tielet ġimgħa ta’ Settembru), sabiex jiġi ffaċilitat ftehim f’waqtu mal-Parlament Ewropew;
3. Il-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew se jagħmel ħiltu biex jivvota dwar l-emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-ġimgħa 42 (f’nofs Ottubru);
4. Se jissejjaħ trilogu fid-19 ta’ Ottubru qabel il-qari tal-Parlament Ewropew;
5. Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew se tivvota dwar il-qari tagħha fil-ġimgħa 44 (Sessjoni plenarja tas-26 sad-29 ta’ Ottubru);
6. Il-perjodu ta’ konċiljazzjoni se jibda fid-29 ta’ Ottubru. Bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ punt ċ tal-Artikolu 314(4) TFUE, iż-żmien disponibbli għall-konċiljazzjoni se jiskadi fit-18 ta’ Novembru 2015;
7. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni se jiltaqa’ fid-9 ta’ Novembru, ospitat mill-Parlament Ewropew, u fit-13 ta’ Novembru, ospitat mill-Kunsill u jista’ jibqa’ għaddej skont kif xieraq; is-sessjonijiet tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni se jitħejjew minn trilogu/i. Fil-11 ta’ Novembru huwa ppjanat trilogu. Jista’ jkun li jissejjaħ trilogu(i) addizzjonali matul il-perjodu ta’ konċiljazzjoni ta’ 21 jum.
B. Il-modalitajiet għall-funzjonament tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jinsabu fil-Parti E tal-anness għall-ftehim interistituzzjonali msemmi hawn fuq.
ANNESS II: DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR PJAN TA' PAGAMENT 2015-2016
It-tliet istituzzjonijiet, filwaqt li bbażaw fuq dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta’ pagament miftiehem f’Diċembru 2014 bħala parti mill-ftehim milħuq dwar il-baġit tal-2014 u tal-2015, ivvalutaw komunement l-istat attwali u l-prospetti għall-pagamenti fil-baġit tal-UE abbażi tad-dokument mibgħut mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu 2015.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu fuq dan li ġej:
1. Is-sitwazzjoni attwali
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-valutazzjoni bir-reqqa tal-Kummissjoni pprovduta fil-kaxxa “Elementi għal pjan ta’ pagament sabiex il-baġit tal-UE jerġa’ jaqbad triq sostenibbli” (fl-anness) bħala bażi analitika li tidentifika l-muturi ewlenin li wasslu sabiex kiber il-livell ta’ talbiet pendenti għall-pagament fi tmiem is-sena, u biex jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqas il-livell ta’ kontijiet mhux imħallsa, b’enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni 2007-2013.
a) Ir-restrizzjoni fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament awtorizzati fil-baġits tal-passat flimkien maċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni tal-programmi ta’ koeżjoni wasslu sabiex progressivament iffurmat akkumulazzjoni mhux sostenibbli ta’ talbiet pendenti għall-pagament fi tmiem is-sena, li laħqet livell mingħajr preċedent ta’ EUR 24.7 biljun fi tmiem l-2014. Madankollu, l-istituzzjonijiet jirrikonoxxu li d-deċiżjonijiet diffiċli rigward il-baġits tal-2014 u l-2015 fil-biċċa l-kbira stabbilizzaw l-arretrati.
b) Barra minn hekk, nuqqas ta’ pagamenti wassal ukoll fi tnaqqis fir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020 f’intestaturi oħra, b’mod partikolari bil-għan li jiġu sodisfatti l-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw minn impenji passati u b’hekk jiġi evitat ir-riskju ta’ interessi fuq ħlas tard, fi żmien meta programmi ewlenin huma mistennija li jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa u biex jiġi żgurat ir-rwol tal-Unjoni fix-xena internazzjonali.
2. Prospetti
c) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-prospetti għall-2015 u l-2016 ippreżentati mill-Kummissjoni: l-analiżi tindika li jista’ jkun possibbli li titnaqqas l-akkumulazzjoni ta’ talbiet pendenti għall-pagament fi tmiem is-sena għall-programmi ta’ koeżjoni 2007-2013 għal livell ta’ madwar EUR 2 biljun sal-aħħar tal-2016, filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, li l-programmi ta’ koeżjoni qed joqorbu l-istadju tal-għeluq, u dment li jkun hemm biżżejjed approprjazzjonijiet ta’ pagament awtorizzati fil-baġit tal-2016. Dan għandu jgħin biex jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi u dewmien mhux meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020.
d) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenfasizzaw l-impenn tagħhom lejn it-tneħħija gradwali tal-akkumulazzjoni mhux sostenibbli tat-talbiet pendenti għall-pagament għall-programmi ta’ koeżjoni 2007-2013. Huma jintrabtu li jikkooperaw bis-sħiħ bil-ħsieb li jawtorizzaw livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-baġit tal-2016, fatt li jippermetti li jintlaħaq dan l-għan. Id-deliberazzjonijiet tagħhom se jqisu l-perspettiva ta’ bħalissa, li għandha tiġi riflessa u rfinuta ulterjorment mill-Kummissjoni fl-estimi tagħha għall-Abbozz ta’ Baġit 2016.
e) Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp tal-arretrati u, jekk ikun meħtieġ, se tipproponi miżuri xierqa biex tkun żgurata progressjoni ordnata tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament b’konsistenza mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn awtorizzati.
f) It-tliet istituzzjonijiet ifakkru fl-impenn li għandhom li jimmonitorjaw b’mod attiv l-istat tal-implimentazzjoni tal-pagamenti matul l-2015. Bħala parti mill-iskambju regolari ta’ fehmiet tagħhom, huma jikkonfermaw ir-rieda li għandhom li jorganizzaw laqgħat interistituzzjonali ddedikati fis-26 ta’ Mejju, l-14 ta’ Lulju u d-19 ta’ Ottubru, bil-ħsieb li jiġi żgurat proċess ta’ bbaġitjar sostenibbli. F’dan ir-rigward, dawk il-laqgħat interistituzzjonali għandhom jindirizzaw ukoll il-previżjonijiet fuq żmien itwal dwar l-evoluzzjoni mistennija tal-pagamenti sa tmiem il-QFP attwali li għaliha l-Kummissjoni hija mitluba li tippreżenta, jekk ikun meħtieġ, xenarji alternattivi.
g) Sabiex jiffaċilitaw il-proċess ta’ monitoraġġ dwar l-istat attwali tal-programmi tal-2007-2013, f’Lulju u Ottubru l-Kummissjoni se tipprovdi rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, kemm meta mqabbel ma’ tbassir ta’ kull xahar għas-sena u mas-sena preċedenti s’issa, u kemm dwar l-evoluzzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ talbiet pendenti għall-pagament fis-subintestatura 1b.
h) Billi huma impenjati li jevitaw li tifforma akkumulazzjoni simili fil-futur, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tiskrutinja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020 u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ twissija bikrija. Biex jinkiseb dan ir-riżultat, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tiżviluppa għodod xierqa biex, matul il-proċedura baġitarja, tipprovdi previżjonijiet kontinwi tal-pagamenti mqassmin skont is-(sub)intestaturi għas-(sub)intestaturi 1b, 2 u 5 u mqassmin skont il-programmi għas-(sub)intestaturi 1a, 3 u 4 li jiffukaw fuq is-snin N u N+1, inkluża l-evoluzzjoni ta’ kontijiet mhux imħallsa u ta’ impenji pendenti (RAL); dawn il-previżjonijiet se jiġu aġġornati regolarment abbażi ta’ deċiżjonijiet baġitarji u bi kwalunkwe żvilupp rilevanti li jkollu impatt fuq il-profili ta’ pagament tal-programmi; il-previżjonijiet tal-pagamenti se jiġu ppreżentati f’Lulju, fil-qafas tal-laqgħat interistituzzjonali dwar il-pagamenti previsti fil-punt 36§3 tal-Anness tal-FII;
i) Dan għandu jippermetti lill-awtorità baġitarja tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji, fi żmien xieraq, sabiex tevita akkumulazzjoni futura u mhux sostenibbli ta’ talbiet pendenti għall-pagament fi tmiem is-sena, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ u timplimenta l-ftehimiet milħuqa bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali u mill-proċeduri baġitarji annwali.
Anness għall-Anness II: Elementi għal pjan ta' pagament sabiex il-baġit tal-UE jitreġġa' lura fit-triq tas-sostenibilità
Werrej
1. L-isfond
2. Il-qagħda effettiva fi tmiem l-2014
2.1. L-implimentazzjoni fi tmiem l-2014
2.2. Il-miżuri ta' mitigazzjoni li ttieħdu fl-2014
3. Terminoloġija
3.1. Ċiklu ta' proġett
3.2. Impenji pendenti (RAL)
3.3. Restrizzjonijiet ta' likwidità vs nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament
3.4. L-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena
4. Intestatura 1b: l-evoluzzjoni tal-arretrat u l-prospettiva
5.2. Il-programmi taħt ġestjoni kondiviża fl-intestaturi 2 u 3
5.2.1. Intestatura 2
5.2.2. Intestatura 3
5.3. Il-programmi taħt ġestjoni diretta fl-intestaturi 1a u 4
5.3.1. Intestatura 1a
5.3.2. Intestatura 4
6. Il-prospetti għall-programmi għall-2014-2020
7. Konklużjonijiet
Anness 1: informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fil-15 ta' Diċembru 2014
Anness 2: Intestatura 1b: l-aktar previżjonijiet reċenti mill-Istati Membri
Sommarju eżekuttiv
Id-diskrepanza li dejjem qed tikber bejn l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati u l-impenji meħuda fl-imgħoddi mill-istituzzjonijiet Ewropej kienet wieħed mill-iżviluppi ewlenin rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, b'mod partikolari mill-2012. Din id-diskrepanza fil-pagamenti wasslet għal għadd ta' konsegwenzi negattivi fl-oqsma differenti tan-nefqa u, bl-aktar mod partikolari, għal arretrat dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti fir-rigward tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 (Intestatura 1b), li laħqu massimu bla preċedenti fi tmiem l-2014.
Dan l-arretrat dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti hu dovut għall-kontemporanjetà tal-livell massimu fiċ-ċiklu ta' programmazzjoni għall-2007-2013 u tat-tnaqqis fl-2014 tal-limitu massimu għall-pagamenti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), f'ambjent ġenerali ta' konsolidament tal-finanzi pubbliċi fil-livell nazzjonali. Għaldaqstant hemm żewġ fatturi differenti li huma essenzjali biex tinftiehem din l-evoluzzjoni.
L-ewwel nett, iż-żieda ċiklika ta' talbiet għal pagament xprunata mill-implimentazzjoni sostnuta tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013, li jridu jitħallsu fl-ewwel snin tal-QFP 2014-2020. Wara li, minħabba (inter alia) l-effetti tal-kriżi finanzjarja u l-kontromiżuri li ttieħdu, il-programmi bdew bil-mod fl-2007-2009, mill-2012 l-implimentazzjoni aċċellerat, bit-talbiet għal pagament jiżdiedu kull sena sakemm laħqu rekord storiku ta' EUR 61 biljun fl-2013 fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni, xprunati mill-iskadenzi għall-implimentazzjoni u r-regoli dwar diżimpenn awtomatiku stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar il-Politika ta' Koeżjoni(1).
Kien diffiċli li żieda tant drastika fit-talbiet għal pagament għall-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 tiġi akkomodata fil-baġit tal-UE, waqt li programmi oħra kienu laħqu r-ritmu ottimali ta' attività tagħhom, b'limitu massimu aktar baxx għall-pagamenti fl-2014, u fil-kuntest tal-konsolidament fiskali li kien għaddej fl-Istati Membri.
Fil-fatt, it-tieni fattur kruċjali biex jiġi spjegat dan l-iżvilupp hu t-tnaqqis sinifikanti fil-limiti massimi għall-pagamenti fil-QFP l-ġdid, li kien partikolarment qawwi (EUR 8 biljun inqas) fl-2014. In-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li rriżulta jaffettwa mhux biss il-Koeżjoni (Intestatura 1b), iżda anke oqsma oħra ta' nfiq u b'mod partikolari l-oqsma ta' politika tat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi (Intestatura 1a), Ewropa Globali (Intestatura 4) u s-Sigurtà (Intestatura 3).
Sabiex taffronta din l-isfida, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ il-miżuri biex tiżgura ġestjoni attiva tal-approprjazzjonijiet ta' pagament skarsi, speċifikament: aċċelerazzjoni tal-azzjoni biex jiġi rkuprat kwalunkwe ammont indebitu; limitazzjoni tal-ammonti inattivi f'kontijiet fiduċjarji; tnaqqis tal-perċentwali ta' prefinanzjament; sfruttament bl-aħjar mod possibbli tal-iskadenzi massimi permessi biex isiru l-pagamenti; posponiment tas-sejħiet għal proposti/offerti u tal-għoti tal-kuntratti relatati u prijoritizzazzjoni ogħla lill-pajjiżi taħt assistenza finanzjarja.
Barra minn hekk, l-awtorità baġitarja ġiet informata fil-ħin dwar l-isfidi u l-iżviluppi differenti u ġew proposti baġits emendatorji differenti biex jiżdiedu l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati.
Minkejja t-tisħiħ fl-approprjazzjonijiet ta' pagament permezz ta' baġits emendatorji awtorizzati mill-Parlament u mill-Kunsill(2), u minkejja l-ġestjoni attiva min-naħa tal-Kummissjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament disponibbli, l-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti kompla jikber: għall-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 waħedha, laħaq EUR 24,7 biljun fl-aħħar tal-2014(3).
Bis-saħħa tal-miżuri ta' mitigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, l-akkumulazzjoni ta' arretrati fl-oqsma ta' politika l-oħra ġestiti direttament mill-Kummisjoni kienet fil-biċċa l-kbira limitata. Il-maġġoranza tal-approprjazzjonijiet ta' pagament disponibbli fl-2014 intużat biex jiġu onorati l-obbligi kuntrattwali derivati mill-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti u biex b'hekk jiġu mminimizzati l-penali għal pagamenti tard, li xorta waħda f'sena żdiedu b'ħames darbiet (għal EUR 3 miljun)(4). Filwaqt li dawn l-azzjonijiet evitaw impatt finanzjarju negattiv akbar fuq il-baġit tal-UE, kienu jimplikaw ċaqliqa tad-dati meta għadd ta' pagamenti kienu dovuti għall-2015, b'impatt fuq l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati li jista' jkun kellhom jipposponu l-bidu tal-proġett tagħhom u/jew iżidu temporanjament sehemhom tal-kofinanzjament.
L-istadju ta' għeluq tal-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 qed joqrob. Fl-2014, il-livell totali tat-talbiet għal pagament li waslu naqas għal EUR 53 biljun (minn EUR 61 biljun fl-2013). Fl-aħħar previżjonijiet tagħhom (Jannar 2015), l-Istati Membri qed jistennew li t-talbiet għal pagament li se jippreżentaw ikunu jammontaw għal madwar EUR 48 biljun fl-2015 u EUR 18-il biljun fl-2016. Madankollu, dawn iċ-ċifri ma jistgħux jitqiesu litteralment, peress li fl-2015-2016 it-talbiet għal pagament se jiġu limitati għal massimu ta' 95 % tal-pakkett finanzjarju sħiħ tal-programm kif ikun stabbilit mil-leġislazzjoni relevanti(5). Hu stmat mill-Kummissjoni li t-talbiet għal pagament li jirriżultaw jammontaw għal madwar EUR 35 biljun għall-2015 u għal massimu ta' EUR 3,5 biljun għall-2016.
Il-baġit tal-2015 jawtorizza kważi EUR 40 biljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Politika ta' Koeżjoni għall-2007-2013. Dan il-baġit se jkopri kemm l-arretrat ta' pagamenti (EUR 24,7 biljun, ekwivalenti għal 62 % tal-baġit tal-Politika ta' Koeżjoni għall-2007-13) u kemm it-talbiet ġodda li jaslu fiż-żmien dovut biex jitħallsu (ammont stmat ta' EUR 35 biljun). B'riżultat ta' dan, hu stmat li l-arretrat fi tmiem l-2015 se jonqos għal livell ta' EUR 20 biljun.
F'dan l-istadju, hu stmat mill-Kummissjoni li se jkun hemm bżonn ta' massimu ta' EUR 23,5 biljun biex ikopru t-talbiet għal pagament li jifdal qabel l-għeluq u biex gradwalment jiġi eliminat l-arretrat. Fl-Abbozz ta' Baġit tagħha għall-2016, il-Kummissjoni se tirfina l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Intestatura 1b, b'mod li tiżgura li jitlaħqu kemm dan l-għan, kif ukoll implimentazzjoni xierqa tal-programmi għall-2014-2020.
Sena baġitarja 2015 għall-Politika ta' Koeżjoni (f'biljuni ta' EUR)
L-approprjazzjonijiet ta' pagament disponibbli fil-Baġit 2015
(1)
39.5
— Li minnhom huma arretrati fi tmiem l-2014
(2)
24.7
— Li minnhom huma previżjonijiet għall-2015 soġġetti għal-limitu massimu ta' 95 %
(3)
~35
L-arretrat mistenni fi tmiem l-2015
(4)=(1)-(2)-(3)
~20
Sena baġitarja 2016 għall-Politika ta' Koeżjoni (f'biljuni ta' EUR)
L-arretrat mistenni fi tmiem l-2015
(1)
~20
L-ammont massimu li jifdal ta' talbiet għal pagament li hu mistenni li se jaslu fl-2016 qabel l-għeluq
(2)
~3.5
L-ammont massimu ta' talbiet għal pagament li għandu jiġi kopert fil-Baġit 2016
(3)=(1)+(2)
~23.5
Bl-istess mod, il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li għandhom jiġu proposti għall-oqsma ta' politika l-oħra fil-Baġit 2016 suppost jippermetti li jintlaħqu l-obbligi derivati mill-impenji tal-imgħoddi u li jiġi mminimizzat ir-riskju li jkollu jitħallas l-imgħax fuq pagamenti tardivi, iżda anke jippermetti li jiġi żgurat livell adegwat ta' implimentazzjoni u ta' kuntratti mogħtija għall-programmi għall-2014-2020.
In-natura pluriennali ta' sehem sinifikanti mill-baġit tal-UE tispjega l-eżistenza ta' differenza fiż-żmien bejn il-mument meta l-impenn jiġi rreġistrat u l-pagament effettiv fil-konfront ta' dan l-impenn. Għaldaqstant, l-akkumulazzjoni ta' volum strutturali ta' impenji pendenti (magħrufa bħala "RAL", l-akronimu Franċiż għal "reste à liquider") hi għalhekk normali u mistennija. Minħabba l-iskadenza legali għall-pagament tat-talbiet min-naħa tal-Kummissjoni(6), il-konċentrazzjoni fi tmiem is-sena tat-talbiet marbuta mar-rekwiżit li jiġu evitati d-diżimpenn u l-interruzzjonijiet possibbli, ċertu ammont ta' talbiet għal pagament pendenti hu meqjus bħala "normali". Madankollu, id-daqs dejjem jikber tal-arretrat f'dawn l-aħħar snin laħaq livelli "anormali"(7), li jfissru li se jkollu jintuża sehem sinifikanti u dejjem jiżdied mill-baġit tas-sena suċċessiva u li mhumiex sostenibbli f'termini ta' ġestjoni finanzjarja tajba.
L-istima tal-Kummissjoni hi li madwar nofs l-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fil-Politika ta' Koeżjoni fi tmiem l-2013 u l-2014 kien "anormali", jiġifieri marbut man-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit, b'mod li nħoloq l-effett ta' ballun tas-silġ li malajr isir valanga. Hekk kif qed joqrob l-istadju tal-għeluq, se jkun hemm bżonn ta' livelli ta' pagament aktar baxxi fl-2015 u fl-2016 u l-arretrat se jonqos awtomatikament. Anke l-livell ta' interruzzjonijiet u sospensjonijiet hu previst li se jonqos hekk kif il-programmi qed joqorbu l-għeluq. Peress li l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programmi tal-2007-2013 se jammontaw għal madwar EUR 21,5 biljun fl-2016, qed jitbassar li l-arretrat se jkun ta' madwar EUR 2 biljun fi tmiem l-2016.
Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013: l-evoluzzjoni tal-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena 2007-2016
Il-ħtieġa biex l-arretrat 'anormali' li akkumula jiġi eliminat gradwalment ġiet rikonoxxuta miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, li b'mod konġunt qablu matul in-negozjati dwar il-baġit 2015 li jnaqqsu "il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa, b'enfasi partikolari fuq il-politika ta' koeżjoni, fi tmiem is-sena sal-livell strutturali matul il-QFP attwali" u li "jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw, mill-2015, pjan biex jitnaqqas il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa li jikkorrispondu mal-implimentazzjoni tal-programmi tal-2007-2013 għal-livell maqbul komunament permezz tar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali".
Dan id-dokument jipprovdi bażi solida għal fehim komuni miż-żewġ fergħat tal-Awtorità Baġitarja, li huma mistennija jagħmlu ħilithom biex jieħdu deċiżjonijiet li jippermettu l-eliminazzjoni gradwali tal-arretrat "anormali" ta' kontijiet mhux imħallsa għall-programmi tal-2007-2013 sa tmiem l-2016.
Dan il-pjan ta' pagament jipprovdi wkoll l-opportunità li jinsiltu xi tagħlimiet dwar il-ġestjoni baġitarja għall-ġejjieni:
1. Il-ftehim dwar il-baġit emendatorju 2/2014(8) fi tmiem l-2014 kien importanti ħafna biex, fil-biċċa l-kbira, jistabbilizza l-livell ta' talbiet għal pagament pendenti f'livell li jkun jista' jiġi eliminat b'mod gradwali fuq perjodu ta' sentejn. L-istituzzjonijiet assumew ir-responsabilità tagħhom fil-konfront tas-sitwazzjoni fiskali diffiċli ħafna f'bosta Stati Membri.
2. Il-miżuri ta' ġestjoni baġitarja attiva li ħadet il-Kummissjoni rriżultaw indispensabbli biex jiġi indirizzat nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament f'ħafna oqsma ta' politika. Se jkun hemm bżonn li dawn il-miżuri jinżammu sakemm ikun meħtieġ b'mod li jiġu evitati taqlib sproporzjonat għall-benefiċjarju u/jew il-ħlas ta' mgħax ta' penalità.
3. Għalkemm hemm ċiklu rikorrenti fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni, id-daqs tal-livelli massimi u minimi jista' jitrażżan billi l-programmi jiġu implimentati malajr kemm jista' jkun minn stadju bikri fil-perjodu ta' programmazzjoni. Dan huwa partikolarment mixtieq fil-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali meta hemm bżonn gravi ta' investiment biex jitqanqlu l-irkupru ekonomiku u l-kompetittività.
4. Hemm bżonn li t-talbiet jiġu ppreżentati b'mod regolari. L-Istati Membri għandhom jevitaw dewmien amministrattiv bla bżonn meta jibagħtu t-talbiet għal pagament tagħhom matul is-sena. Preżentazzjoni regolari tat-talbiet ittejjeb il-ġestjoni baġitarja u tgħin biex jiġi minimizzat l-arretrat fi tmiem is-sena.
5. Min-naħa l-oħra, ibbaġitjar suffiċjenti tal-approprjazzjoni ta' pagament hu kundizzjoni neċessarja biex il-baġit jiġi implimentat sew u tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' livell insostenibbli ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena. Apparti dan, se jkun hemm bżonn li tiġi applikata l-"flessibiltà speċifika u massima" msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u d-dikjarazzjoni tal-President Barroso fi Frar 2013 b'mod li jkun hemm konformità mal-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-awtorità baġitarja għandhom, sa fejn ikun possibbli, jippermettu li l-profil ta' pagament tul il-perjodu tal-QFP ikun wieħed regolari.
6. Il-kapaċità ta' previżjoni trid tissaħħaħ. Apparti d-diversi analiżijiet li diġà pprovdiet(9), il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-previżjonijiet tagħha fuq żmien medju u fuq żmien twil b'mod li, sa fejn ikun possibbli, tidentifika minn stadju bikri l-problemi probabbli. B'mod partikolari, se tinforma liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja hekk kif tidentifika kwalunkwe żvilupp fl-implimentazzjoni tal-programmi għall-2014-2020 li jippreżentaw riskju għal profil ta' pagament regolari.
1. L-isfond
Sa mill-2011, il-Kummissjoni sabet ruħha affaċċjata b'livell dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena, minkejja li l-limiti massimi ta' pagament ġew sfruttati kompletament fl-2013 u fl-2014 u li sar użu tal-marġini ta' kontinġenza għall-pagamenti fl-2014. Filwaqt li ntużaw kważi l-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha awtorizzati fil-baġit annwali, l-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena għall-Politika ta' Koeżjoni (Intestatura 1b) u għal programmi speċifiċi taħt intestaturi oħra (bħall-Intestatura 4 "Ewropa Globali") kiber b'mod kostanti.
Il-Kummissjoni tat segwitu għall-istedina mill-Parlament u l-Kunsill biex timmonitorja s-sitwazzjoni matul is-sena u, f'dawn l-aħħar snin, saru laqgħat interistituzzjonali ad hoc biex tiġi kondiviża l-valutazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali. Sa mill-2011, il-Kummissjoni kellha tippreżenta abbozzi ta' baġits emendatorji (ABE) bil-għan li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament jiżdied b'mod sinifikanti sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' pagamenti. Il-livelli inizjalment aktar baxxi ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati wasslu għal ABE rikorrenti li għamlu l-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-abbozz ta' baġit aktar kumpless, u dan għandu jkun is-suġġett ewlieni għall-Konċiljazzjoni. Il-votazzjoni dwar il-baġits emendatorji saret tard, b'mod li żdiedet id-diffikultà fil-ġestjoni tal-proċess ta' pagament.
Fil-kuntest ta' livelli konsistentement ogħla ta' approprjazzjonijiet ta' impenn, il-graff t'hawn taħt turi l-baġits u l-limiti massimi dejjem iżjed stretti għall-pagamenti, u t-tnaqqis progressiv tad-diskrepanza bejn il-limitu massimu għall-pagamenti u l-approprjazzjonijiet ivvotati, li wasslu għall-ħtieġa li, fl-2014, jintuża l-marġini ta' kontinġenza.
F'Diċembru 2014, fil-qafas tal-ftehim li ntlaħaq dwar il-baġits għall-2014 u l-2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar id-dikjarazzjoni konġunta li ġejja:
L-istituzzjonijiet jaqblu mal-għan li jitnaqqas il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa, b'enfasi partikolari fuq il-politika ta' koeżjoni, fi tmiem is-sena sal-livell strutturali matul il-QFP attwali.
Sabiex jintlaħaq dan l-għan:
— il-Kummissjoni taqbel li tippreżenta, flimkien mal-konklużjonijiet konġunti dwar il-Baġit għall-2015, l-aktar previżjoni aġġornata tal-livell ta' kontijiet mhux imħallsa sa tmiem l-2014; il-Kummissjoni ser taġġorna dawn iċ-ċifri u ser tipprovdi xenarji alternattivi f'Marzu 2015 meta jkun hemm disponibbli stampa globali tal-livell ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem l-2014, għall-biċċa l-kbira tal-oqsma ta' politika;
— abbażi ta' dan, it-tliet istituzzjonijiet ser jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar livell massimu fil-mira tal-kontijiet mhux imħallsa fi tmiem is-sena li jistgħu jitqiesu bħala sostenibbli;
— abbażi ta' dan, u filwaqt li jirrispettaw ir-Regolament dwar il-QFP, il-pakketti finanzjarji maqbula tal-programmi kif ukoll kull ftehim vinkolanti ieħor, it-tliet istituzzjonijiet ser jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw, mill-2015, pjan biex jitnaqqas il-livell ta’ kontijiet mhux imħallsa li jikkorrispondu mal-implimentazzjoni tal-programmi tal-2007-2013 għal-livell maqbul komunament permezz tar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali. It-tliet istituzzjonijiet ser jilħqu qbil dwar dan il-pjan fi żmien debitu qabel ma jiġi ppreżentat l-abbozz ta' baġit għall-2016. Minħabba l-livell eċċezzjonalment għoli ta' kontijiet mhux imħallsa, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jikkunsidraw kull mezz possibbli biex jitnaqqas il-livell ta' dawk il-kontijiet.
Kull sena, il-Kummissjoni taqbel li takkumpanja l-abbozz ta' baġit tagħha b'dokument li jevalwa l-livell ta' kontijiet mhux imħallsa u li jispjega l-mod kif l-abbozz ta' baġit ser jagħti lok għat-tnaqqis ta' dan il-livell u b'kemm. Dan id-dokument annwali ser iqis il-progress li jkun sar u ser jipproponi aġġustamenti għall-pjan skont iċ-ċifri aġġornati.
Bħala segwitu immedjat għad-dikjarazzjoni konġunta, fil-15 ta' Diċembru 2014 il-Kummissjoni ppreżentat previżjoni aġġornata tal-livell tat-talbiet għal pagament pendenti sa tmiem l-2014, li tinsab fl-Anness 1.
Dan id-dokument jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-istat ta' implimentazzjoni fi tmiem l-2014, b'attenzjoni fuq l-arretrat tal-programmi tal-2007-2013 tal-Politika ta' Koeżjoni, fil-prospettiva li dan jitnaqqas sa livell miftiehem sa meta jsir ir-rieżami ta' nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali fl-2016. Id-dokument jindirizza wkoll l-evoluzzjoni tal-arretrat taħt l-intestaturi l-oħra, għalkemm il-problema tal-arretrat hi ħafna anqas gravi f'termini tad-daqs assolut milli hi fl-Intestatura 1b: l-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti taħt l-intestaturi l-oħra fi tmiem l-2014 kien ta' madwar EUR 1,8 biljun.
2. Il-qagħda effettiva fi tmiem l-2014
1. L-implimentazzjoni fi tmiem l-2014
Fi tmiem l-2014, l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament (qabel ir-riporti) kienet tammonta għal EUR 134,6 biljun (99 % tal-approprjazzjonijiet awtorizzati finali fil-baġit tal-2014). Is-sottoimplimentazzjoni tal-pagamenti (wara r-riporti) kienet l-aktar waħda baxxa li qatt ġiet irreġistrata u ammontat għal EUR 32 miljun, meta mqabbla ma' EUR 107 miljun fl-2013 u EUR 66 miljun fl-2012. Livell ta' implimentazzjoni tant għoli, minkejja l-adozzjoni tardiva tal-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014, hu konferma tar-restrizzjonijiet stretti imposti fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament, b'mod partikolari għat-tlestija tal-programmi tal-2007-2013. F'ħafna każijiet, il-linji baġitarji korrispondenti ssaħħew ukoll b'approprjazzjonijiet inizjalment previsti biex jitħallas il-prefinanzjament tal-programmi għall-2014-2020 li kienu għadhom kif ġew adottati.
Matul l-2014, l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 issaħħew b'EUR 4,6 biljun, li EUR 2,5 biljun minnhom oriġinaw mill-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014, EUR 0,6 biljun mit-trasferiment ta' tmiem is-sena(10) u EUR 1,5 biljun minn trasferimenti interni mill-programmi għall-2014-2020. Dawn ir-rinforzi kkontribwixxew għall-istabbilizzazzjoni tal-arretrat tal-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 fi tmiem l-2014.
Ammont kbir ta' approprjazzjonijiet ta' impenn li baqgħu ma ntużawx ġew riportati jew riprogrammati għall-2015, mhux biss fir-rigward tal-Politika ta' Koeżjoni iżda anke għall-programmi taħt l-iżvilupp rurali (Intestatura 2) u l-fondi fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà (Intestatura 3). B'konsegwenza ta' dan, l-ammont ta' impenji pendenti (RAL) naqas għal EUR 189 biljun fi tmiem l-2014, jiġifieri tnaqqis ta' EUR 32 biljun meta mqabbla mar-RAL fi tmiem l-2013. Madankollu, dan it-tnaqqis huwa kemxejn artifiċjali peress li, fil-biċċa l-kbira, hu r-riżultat tas-sottoimplimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programmi għall-2014-2020 li ġew riportati u riprogrammati għall-2015 u s-snin suċċessivi, meta se "jitfaċċaw mill-ġdid". Kieku l-approprjazzjonijiet kollha għall-programmi l-ġodda kienu ġew impenjati fl-2014, ir-RAL kien jibqa' ħafna eqreb għal-livell tal-2013 (EUR 224 biljun).
Il-graff ta' hawn taħt turi l-evoluzzjoni tal-livell tar-RAL matul il-perjodu 2007-2014 u l-projezzjoni tal-livell tagħhom fi tmiem l-2015, għall-baġit kollu kemm hu, kif ukoll għall-programmi taħt ġestjoni kondiviża fl-intestaturi 1b, 2 u 3 u l-programmi/l-intestaturi l-oħra. Kif tixhed il-graff, hu mistenni li l-livell kumplessiv ta' RAL fi tmiem l-2015 jerġa' lura għal livell komparabbli ma' dak fi tmiem l-2013. Madankollu, il-graff turi wkoll id-distinzjoni bejn il-programmi taħt ġestjoni kondiviża fl-intestaturi 1b, 2 u 3, li għalihom hu mistenni li r-RAL fi tmiem l-2015 se jonqsu meta mqabbla ma' dawk tal-2013, u l-programmi/l-intestaturi l-oħra, li għalihom hu mistenni li r-RAL fi tmiem l-2015 se jiżdiedu.
2. Il-miżuri ta' mitigazzjoni li ttieħdu fl-2014
Nhar it-28 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014 tagħha, li fih talbet approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali għall-2014. Wara proċess twil ta' adozzjoni, finalment l-ABE 3/2014 ġie approvat fis-17 ta' Diċembru 2014. Sakemm ġie adottat il-baġit emendatorju, matul is-sena 2014 il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ sensiela ta' miżuri ta' mitigazzjoni sabiex tonora l-obbligi ġuridiċi derivati mill-impenji tal-imgħoddi waqt li nediet ġenerazzjoni ġdida ta' programmi, fi ħdan qafas baġitarju eċċezzjonalment strett.
Sabiex timplimenta l-politiki miftehma bl-approprjazzjonijiet awtorizzati fil-baġit, il-Kummissjoni segwiet approċċ ta' ġestjoni attiva tal-baġit, filwaqt li żammet f'moħħha dawn it-tliet prinċipji ewlenin:
— il-minimizzazzjoni tal-impatt finanzjarju għall-baġit tal-UE ta' mgħax fuq pagamenti tardivi u passiv potenzjali;
— il-minimizzazzjoni tal-impatt potenzjalment negattiv tad-deċiżjonijiet fuq partijiet terzi u fuq l-ekonomija kollha kemm hi.
Għaldaqstant, il-miżuri biex tiġi żgurata ġestjoni attiva tal-approprjazzjonijiet ta' pagament skarsi kienu jinkludu dan li ġej: irkupru proattiv ta' kwalunkwe ammont indebitu; limitazzjoni tal-ammonti inattivi f'kontijiet fiduċjarji; tnaqqis tal-perċentwali ta' prefinanzjament; sfruttament bl-aħjar mod possibbli tal-iskadenzi massimi permessi biex isiru l-pagamenti; posponiment tas-sejħiet għal proposti/offerti u tal-għoti tal-kuntratti relatati.
Dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni għenu lill-Kummissjoni tipproteġi l-istatus tagħha ta' investitur tal-prima klassi u r-reputazzjoni tagħha ta' sieħeb affidabbli u sigur. Il-Kummissjoni rnexxielha timminimizza, sa fejn kien possibbli, l-effetti negattivi tan-nuqqasijiet ta' pagamenti, pereżempju fir-rigward tal-limitazzjoni tal-ammont ta' mgħax fuq pagamenti tardivi. Minkejja li żdied bi kważi ħames darbiet meta mqabbel ma' dak li tħallas fl-2013, l-ammont ta' mgħax li tħallas fi tmiem l-2014 baqa' limitat (EUR 3 miljun). Iż-żieda relattivament aktar qawwija fir-rigward tal-Intestatura 1a (Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi) u l-Intestatura 4 (Ewropa Globali), kif turi t-tabella ta' hawn taħt, tixhed il-pressjoni fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament.
L-imgħax imħallas fuq pagamenti tardivi(f’EUR)
2008
2009
2010
2011
2012
2013
2014
Intestatura 1a
294 855
157 950
173 748
329 615
137 906
243 748
1 047 488
Intestatura 1b
1 440
5 324
6 220
11 255
31 726
71 620
103 960
Intestatura 2
27 819
1 807
9 576
15 713
61 879
30 991
61 985
Intestatura 3
13 417
59 852
48 673
50 397
29 375
13 060
7 252
Intestatura 4
250 204
178 468
257 818
1 266 425
335 820
247 786
1 797 825
Intestatura 5
43 915
442 678
237 367
60 825
142 254
46 187
8 614
Total
631 651
846 079
733 403
1 734 230
738 960
653 392
3 027 124
L-imgħax fuq pagamenti tardivi fil-Politika ta' Koeżjoni (Intestatura 1b) mhuwiex sinifikanti peress li l-ġestjoni kondiviża tirrappreżenta l-akbar sehem minn din l-intestatura u l-ġestjoni kondiviża ma twassalx għal imgħax tardiv. Madankollu, f'termini ta' kredibilità, in-nuqqas ta' rispett tal-iskadenzi regolatorji fir-rigward tal-politiki b'ġestjoni kondiviża hu preġudikatorju ħafna.
3. Terminoloġija
Din it-taqsima tispjega diversi definizzjonijiet użati f'dan id-dokument.
3. Ċiklu ta' proġett
Qabel ma tapprova programm operattiv jew proġett, il-Kummissjoni tirriżerva l-approprjazzjonijiet billi toħloq impenn fuq linja baġitarja għal ammont definit. Din it-tranżazzjoni tikkonsma sehem mill-approprjazzjonijiet ta' impenn awtorizzati.
Jiġri ta' spiss ħafna li l-iffirmar tal-kuntratt għall-proġett jew l-approvazzjoni tal-programm operattiv iwasslu għal ċertu livell ta' prefinanzjament, li jippermetti li l-benefiċjarju jibda l-proġett mingħajr ma jkollu jissellef. Jekk jilħaq l-objettivi intermedji li jkunu ġew definiti, il-benefiċjarju jkun jista' jippreżenta talbiet għal pagament interim u jiġi rimborżat għall-ispejjeż marbuta mal-programm li jkun ġarrab.
Madankollu, fil-każ ta' programmi ewlenin bħar-riċerka (Orizzont 2020), il-fondi strutturali, il-Fond Ewropew għas-Sajd u l-iżvilupp rurali, ladarba jintlaħaq ċertu stadju ta' implimentazzjoni, it-talbiet għal pagament interim ma jibqgħux iwasslu għal pagamenti peress li jkunu koperti mill-prefinanzjament. Barra minn hekk, perċentwali tal-fondi totali impenjati għall-proġett jew għall-programm titħallas biss fil-fażi tal-għeluq meta l-Kummissjoni tkun ivverifikat li l-ħidma twettqet bi qbil mal-ftehim inizjali. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-fondi jiġu parzjalment diżimpenjati. F'ċerti każijiet, il-Kummissjoni tista' wkoll toħroġ ordnijiet ta' rkupru biex tirkupra l-pagamenti li ma kinux iġġustifikati.
4. Impenji pendenti (RAL)
Normalment l-impenji pendenti huma magħrufa bħala "RAL" mill-akronimu Franċiż għal "Reste à Liquider". It-terminu jirreferi għas-sehem ta' impenn li ma jkun ġie kkonsmat mill-ebda pagament f'mument speċifikat. Fil-proġetti pluriennali, l-impenji jsiru fil-bidu tal-proġett bi prefinanzjament limitat waqt li l-pagamenti interim jsiru fi stadju sussegwenti, meta l-proġett ikun qed jiġi implimentat u l-pagament finali jsir fil-fażi tal-għeluq.
Sehem kbir mill-baġit tal-UE għandu x'jaqsam mal-investimenti, li l-implimentazzjoni tagħhom tinfirex fuq numru ta' snin. Id-differenza bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit annwali tiddetermina l-bidla fil-livell kumplessiv ta' RAL. Imbagħad, il-veloċità li biha jikbru l-impenji u r-ritmu ta' implimentazzjoni tal-programm jiddeterminaw l-evoluzzjoni normali ta' RAL. Madankollu, ir-RAL jiżdied ulterjorment meta ma jiġux ibbaġitajti biżżejjed approprjazzjonijiet ta' impenn, irrispettivament mir-ritmu ta' implimentazzjoni. F'dan l-aħħar każ, l-effett ikun żieda fil-livell ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena.
Il-proporzjon bejn ir-RAL u l-impenji tas-sena hu indikatur tajjeb biex id-daqs tar-RAL ta' programmi speċifiċi jkun jista' jitqabbel mal-pakkett finanzjarju tagħhom. Pereżempju, il-programmi u l-azzjonijiet ta' natura annwali, bħal Erasmus jew l-Għajnuna Umanitarja, ikollhom anqas minn wieħed, u dan jindika li l-biċċa l-kbira tal-impenji jitħallsu fi żmien sena. Il-programmi ta' koeżjoni, min-naħa l-oħra, ġeneralment ikollhom proporzjon bejn ir-RAL u l-impenji ta' bejn 2½ u 3, u dan jirrifletti l-impatt tar-regoli dwar id-diżimpenn awtomatiku stabbiliti fil-leġiżlazzjoni (l-hekk imsejħa regoli "N+2" / "N+3", ara t-taqsima 4.1 hawn taħt). Ċerti programmi taħt l-Intestatura 4 jkollhom proporzjon ogħla, minħabba ċ-ċiklu kumpless ta' negozjati marbuta mal-implimentazzjoni. Fir-rikjesti għal pagamenti tagħha, il-Kummissjoni tqis dawn l-indikaturi.
5. Restrizzjonijiet ta' likwidità vs nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament
Il-likwidità tal-Kummissjoni fil-biċċa l-kbira tagħha hi ddeterminata mill-ammonti mitluba kull xahar mingħand l-Istati Membri skont ir-regoli dwar ir-riżorsi proprji. Il-Kummissjoni mhix permessa tissellef flus biex tkopri nuqqasijiet ta' likwidità. Ir-restrizzjonijiet ta' likwidità jistgħu jwasslu għal dewmien temporanju fil-pagamenti lill-benefiċjarji ta' fondi tal-UE minkejja l-fatt li jkunu ġew awtorizzati biżżejjed approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit għas-sena finanzjarja. Jista' jkun li dan jiġri, normalment fl-ewwel parti tas-sena, minħabba li l-ammont tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena preċedenti u dawk li għandhom jitħallsu fl-ewwel xhur tas-sena kurrenti (pereżempju għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija) ikun akbar mill-influss massimu ta' kull xahar tar-riżorsi proprji li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Hekk kif l-arretrat mis-sena preċedenti jiġi eliminat gradwalment u l-influss ta' kull xahar ta' riżorsi jkompli, ir-restrizzjoni ta' likwidità ma tibqax vinkolanti fix-xhur segwenti tas-sena.
Ir-restrizzjonijiet ta' likwidità fil-bidu tas-sena jiġu amplifikati minħabba n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, peress li s-sejħa għal fondi ta' kull xahar tkun ibbażata fuq id-dħul previst fil-baġit awtorizzat kif ikun, qabel l-adozzjoni ta' baġits emendatorji li jżidu l-livell tal-pagamenti, li normalment isseħħ lejn l-aħħar tas-sena.
Skont id-data preċiża ta' adozzjoni (jiġifieri qabel jew wara s-16 ta' Novembru tas-sena kkonċernata), is-sejħa korrispondenti għal riżorsi proprji addizzjonali biex jitkoprew l-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali awtorizzati fil-baġits emendatorji adottati fi tmiem is-sena tista' twassal biex il-flus ikunu disponibbli biss fil-bidu tas-sena finanzjarja li jmiss, b'mod li possibilment iwassal għal diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-baġits emendatorji fl-istess sena.
6. L-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena
Fi tmiem kull sena, ikun hemm arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti, jiġifieri talbiet li jkunu ntbagħtu mill-benefiċjarji ta' fondi tal-UE u li jkun hemm bżonn jitħallsu sa skadenza definita (ġeneralment anqas minn xahrejn) iżda li jkunu għadhom ma tħallsux(11). Dan jiġri minħabba waħda mit-tliet raġunijiet li ġejjin:
a) Interruzzjonijiet/sospensjonijiet attwali: għal ċerti benefiċjarji/programmi, il-pagamenti jkunu ġew interrotti/sospiżi. L-interruzzjonijiet tal-pagamenti normalment ikunu azzjonijiet formali fuq żmien qasir li permezz tagħhom il-Kummissjoni ddewwem il-pagament waqt li tistenna t-tagħrif li jkun jonqos jew il-verifiki tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll.
b) Raġunijiet ta' żmien: it-talbiet għal pagament li ma jkunux tħallsu minħabba li jkunu ntbagħtu fl-aħħar jiem tas-sena, mingħajr ma jkunu ħallew biżżejjed żmien biex jiġu pproċessati qabel tmiem is-sena.
c) Nuqqas ta' approprjazzjoni: it-talbiet għal pagament li ma jkunux tħallsu minħabba li l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fuq il-linja baġitarja relevanti jkunu ġew eżawriti.
Parti mill-arretrat tiġi kkunsidrata bħala "normali" (ara l-punti a u b). L-arretrat "anormali" ta' talbiet għal pagament pendenti, li l-biċċa l-kbira minnu qiegħed fil-Politika ta' Koeżjoni, qed jikber minħabba n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament (punt c), filwaqt li anke r-restrizzjonijiet ta' likwidità fil-bidu tas-sena (ara t-taqsima 3.3 hawn fuq) ikollhom impatt. It-taqsima 4 tispjega aktar fil-fond il-każ tal-Politika ta' Koeżjoni.
4. Intestatura 1b: l-evoluzzjoni tal-arretrat u l-prospettiva
Dan il-kapitolu jittratta l-każ speċifiku tal-Politika ta' Koeżjoni (Intestatura 1b). L-ewwel, jistabbilixxi l-karatteristiċi ewlenin tal-fondi strutturali u jispjega kif avvenimenti speċifiċi fl-imgħoddi jew relatati mal-leġiżlazzjoni ħolqu din is-sitwazzjoni diffiċli. Imbagħad jesplora kif jista' jiġi ddefinit arretrat "normali" u jipprovdi analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni fi tmiem l-2014.
Il-fondi strutturali tal-2007-2013: il-karatteristiċi ewlenin
Il-proġetti ffinanzjati mill-Intestatura 1b huma organizzati fi programmi operattivi. Dawn il-programmi operattivi jiġu proposti mill-Istati Membri, u jiġu nnegozjati u adottati mill-Kummissjoni fil-bidu tal-perjodu għat-tul kollu tiegħu. Kull programm operattiv jiġi implimentat b'ġestjoni kondiviża permezz ta' proġetti individwali. Dan ifisser li l-Istati Membri jimplimentaw il-fondi. Il-Kummissjoni tieħu sehem fil-kumitati ta' monitoraġġ, fejn ikollha rwol konsultattiv fl-għażla tal-proġetti, u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġetti permezz ta' rapporti annwali ta' implimentazzjoni.
Il-programmi jiġu kofinanzjati mill-baġit tal-UE; dan ifisser li l-Kummissjoni ma tkoprix l-ispejjeż kollha tal-programm. L-Istati Membri jeħtiġilhom isibu "kofinanzjament simetriku" biex jiffinanzjaw parti mill-programmi.
Malli programm jiġi adottat, l-Unjoni Ewropea tkun ikkuntrattat obbligu legali għall-perjodu kollu. Il-Kummissjoni kienet timpenja awtomatikament l-approprjazzjonijiet fuq bażi annwali qabel it-tmiem ta' April mill-2007 sal-2013, abbażi tal-pjan finanzjarju tal-programm u mhux tal-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti tal-programm. Filwaqt li l-pagamenti tal-UE ma jistgħu qatt jaqbżu l-impenji baġitarji tal-UE, in-nefqa tkun eliġibbli mill-bidu tal-perjodu (jiġifieri saħansitra qabel l-adozzjoni tal-programm) sa tmiem il-perjodu ta' eliġibilità.
Wara li l-programm jiġi approvat, il-Kummissjoni tħallas il-prefinanzjament. Dawn il-pagamenti jsiru awtomatikament lill-Istat Membru u jibqgħu għad-dispożizzjoni tiegħu sakemm jiġi kklerjati fil-mument tal-għeluq.
Peress li l-implimentazzjoni tad-diversi proġetti tkun għadha għaddejja, l-Istati Membri jissottomettu pagamenti interim permezz tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni tagħhom. Dawn it-talbiet għal pagament interim jitħallsu mill-Kummissjoni abbażi tar-rata ta' kofinanzjament fis-seħħ u dment li ma jiġu deċiżi l-ebda interruzzjoni jew sospensjoni.
Dan il-mekkaniżmu jaħdem sakemm it-total tal-prefinanzjament imħallas mill-Kummissjoni u t-talbiet għal pagament interim sottomessi mill-Istati Membri għall-programmi ma jilħaqx il-95 % tas-sehem tal-allokazzjoni tal-programmi. Ladarba jintlaħaq dan il-limitu massimu, l-Istat Membru xorta jista' jibgħat it-talbiet għal pagament tiegħu iżda dawn jintużaw għall-ikklerjar ta' kwalunkwe prefinanzjament pendenti. Is-saldu tal-bqija jsir fl-għeluq tal-programm. L-Istati Membri għandhom bżonn jiġġustifikaw in-nefqa eliġibbli biex jitkopra l-ammont ta' prefinanzjament li jkunu rċivew fil-bidu tal-perjodu u l-ammont miżmum għall-għeluq (5 % tal-allokazzjoni totali).
Wara tmiem il-perjodu ta' eliġibilità, hu previst perjodu ta' 15-il xahar biex jippreparaw u jissottomettu d-dokumenti ta' għeluq lill-Kummissjoni u jitolbu s-saldu tal-pagament finali. Qabel ikun jista' jsir il-pagament finali, il-Kummissjoni teżamina l-pakkett ta' għeluq (jiġifieri, id-dikjarazzjoni ta' għeluq, ir-Rapport ta' Implimentazzjoni Finali u t-talba finali). Peress li dawn id-dokumenti huma mistennija sal-31 ta' Marzu 2017, id-deċiżjoni dwar l-għeluq (u l-pagamenti finali relatati) se tittieħed bejn l-2017 u l-2019.
Abbażi tal-eżitu ta' dan l-eżerċizzju, il-5 % miżmuma għall-għeluq jintużaw biex jitħallsu t-talbiet għal pagament pendenti. Inkella, il-Kummissjoni ma tħallasx l-ammont sħiħ fl-għeluq. L-ammont li ma jkunx tħallas jiġi diżimpenjat. Jekk il-korrezzjonijiet ikunu ogħla minn 5 %, il-Kummissjoni tirkupra l-ammont li jkun tħallas b'mod indebitu.
Ir-regola N+2/N+3
Ir-regola N+2/N+3 ġiet stabbilita għall-ewwel darba għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006. Ir-regola tipprevedi li impenn li jkun sar fis-sena N għandu jiġi kopert mill-istess ammont ta' prefinanzjament u talbiet għal pagament interim qabel il-31 ta' Diċembru tas-sena N+2 (ir-regola N+2). Pereżempju, impenn li sar fl-2012 irid jiġi kopert kompletament minn talbiet għal pagament qabel il-31 ta' Diċembru 2014. L-ammont li ma jkunx kopert jiġi diżimpenjat, u dan ifisser li l-Istat Membru jitlef il-finanzjament. Attwalment, madankollu, diżimpenji N+2/N+3 sinifikanti qatt ma ġew irreġistrati fl-istorja tal-fondi strutturali kollha kemm hi.
L-għan tar-regola hu li tiġi żgurata d-dixxiplina finanzjarja fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE. Peress li l-impenji jsiru awtomatikament ladarba programm jiġi approvat, ir-regola tobbliga lill-Istati Membri jimplimentaw il-proġetti b'mod dinamiku u jevitaw il-problemi fl-aħħar nett taċ-ċiklu. L-eżistenza tagħha tippermetti wkoll li l-profil ta' pagament ikun aktar regolari, billi tobbliga lill-Istati Membri jissottomettu talbiet għal pagament f'intervalli regolari. Madankollu, kif inhu spjegat fil-kapitolu li jmiss, "trattib" tar-regola, b'mod speċjali fis-segwitu tal-kriżi finanzjarja tal-2008, naqqas l-effett regolatorju tagħha.
L-oriġini tal-konċentrazzjoni tat-talbiet għal pagament fi tmiem is-sena tinsab f'din ir-regola: l-Istati Membri għandhom jibagħtu t-talbiet għal pagament tagħhom qabel nofsillejl tal-31 ta' Diċembru, permezz ta' sistema informatika speċifika. Għalkemm, legalment huma rikjesti jibagħtu t-talbiet tagħhom regolarment matul is-sena(12), l-esperjenza tal-imgħoddi turina li ħafna jistennew l-aħħar ġimgħat biex jibagħtu ammonti kbar.
8. Il-profil tat-talbiet għal pagament għall-perjodu ta' programmazzjoni tal-2007-2013
Il-muturi ewlenin taċ-ċiklu ta' pagament
Fil-bidu tal-perjodu, jitħallsu ammonti sinifikanti ta' prefinanzjament, segwiti matul xi snin b'livell relattivament baxx ta' pagamenti interim hekk kif il-programmi jistabbilixxu l-istrutturi tagħhom u jibdew l-implimentazzjoni tal-proġetti. Peress li r-regola N+2/N+3 ma tibdiex tipproduċi l-effetti tagħha qabel tmiem it-tielet sena tal-perjodu ta' programmazzjoni, ma hemm l-ebda pressjoni fil-bidu tal-qafas li jiġu sottomessi talbiet. Barra minn hekk, il-prefinanzjament ikun għadu jkopri parti kbira mill-impenji li jkunu saru fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni. Madwar 2-3 snin qabel tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni, il-livell annwali ta' pagamenti interim jibda jiżdied hekk kif il-programmi jilħqu l-maturità u t-talbiet għal pagament ikunu laħqu r-ritmu ottimali tagħhom. Il-livell massimu jista' jiġi osservat fi tmiem il-perjodu/fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni li jkun imiss, segwita bi tnaqqis kważi għal żero fis-snin ta' wara meta l-programmi jilħqu l-limitu minimu ta' 95 %. Kif inhu msemmi hawn fuq, il-pagamenti ta' għeluq isiru bejn sena u tliet snin wara li jintemm il-perjodu ta' eliġibilità.
Derogi
Tliet żviluppi fil-qafas leġiżlattiv applikabbli għall-perjodu ta' programmazzjoni tal-2007-2013 amplifikaw in-natura ċiklika tal-livell ta' pagamenti interim:
1. Il-bidla mir-regola N+3 għal N+2. Bħala parti mill-kompromess globali li stabbilixxa l-QFP 2007-2013, l-Istati Membri l-ġodda, kif ukoll il-Ġreċja u l-Portugall, ġew soġġetti għal regola N+3 għall-porzjonijiet tal-impenji tal-2007-2010 u mbagħad għal regola N+2 sa tmiem il-perjodu. Dan ifisser li sa tmiem l-2013, dawn l-Istati Membri kellhom ikopru żewġ porzjonijiet ta' impenji: il-porzjon tal-2010 u dik tal-2011. Naturalment, l-Istati Membri ma qagħdux neċessarjament jistennew l-iskadenza tad-diżimpenn biex jimplimentaw il-programmi u jressqu t-talbiet tagħhom għal pagament, u għalhekk ma ġewx irdoppjati t-talbiet għal pagament fl-2013. Madankollu, din ir-regola saħħet b'mod qawwi l-livell massimu li ntlaħaq fl-2013 b'effett konsegwenzjali fuq is-snin ta' wara permezz tal-akkumulazzjoni ta' arretrat pendenti.
2. L-Istati Membri kienu rikjesti jwettqu verifika tal-konformità tas-sistemi ta' kontroll tagħhom għall-fondi. Ir-riżultati tal-verifika ta' konformità kellhom jiġu approvati mill-Kummissjoni. It-talbiet għal pagament interim setgħu jitressqu, iżda setgħu jiġu rimborżati mill-Kummissjoni biss b'segwitu għall-approvazzjoni tal-valutazzjoni ta' konformità. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-programmi ġew adottati fl-2007, is-sottomissjoni ta' talbiet (jew għall-anqas ir-rimborż tagħhom min-naħa tal-Kummissjoni) ġiet ittardjata, u ma sar kważi l-ebda pagament interim fl-2008.
3. Bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, saru sejħiet qawwija mill-Istati Membri biex jiġi nnewtralizzat il-porzjon ta' impenn tal-2007 għar-regola N+2/N+3. Dan ġie aċċettat mill-Kummissjoni iżda, minflok ma ġie pospost b'sena l-limitu minimu ta' diżimpenn tal-2007, ir-regoli N+2/N+3 iddgħajfu ulterjorment permezz ta' vot unanimu fil-Kunsill biex l-obbligu relatat mal-porzjon tal-2007 jinfirex fuq sitt partijiet indaqs matul il-perjodu kollu. Din l-hekk imsejħa "regola Griega" ppermettiet li jitressqu anqas talbiet għal pagament fil-bidu tal-perjodu, ibbilanċjati minn aktar talbiet għal pagament fi tmiem il-perjodu.
Apparti dan, b'reazzjoni għall-kriżi wkoll, il-perjodu ta' eliġibilità tan-nefqa għall-programmi tal-2000-2006 ġie estiż minn tard fl-2008 għall-2009 (permezz ta' modifika tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm) u għalhekk l-Istati Membri komplew jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-programmi tal-2000-2006. B'riżultat ta' dan, l-implimentazzjoni tal-programmi tal-2007-2013 u s-sottomissjonijiet relatati tat-talbiet għal pagament interim tal-2007-2013 ġew ittardjati.
Waqt li l-perjodu ta' programmazzjoni tal-2007-2013 qaleb mir-regola N+3 għal dik N+2 fi tmiem ir-raba' sena, il-perjodu ta' programmazzjoni tal-2000-2006 kellu biss regola N+2, allavolja saru xi aġġustamenti fl-2004 minħabba l-adeżjoni ta' 10 Stati Membri.
Il-graff ta' hawn taħt tqabbel il-pagamenti interim akkumulati għall-perjodu 2000-2006 li saru matul is-snin 2001-2007 bħala perċentwali tal-pakkett totali, mal-pagamenti interim akkumulati għall-programmi tal-2007-2013 li saru mill-2008 sal-2014, għal darb'oħra bħala perċentwali tal-pakkett totali.
Graff 1: L-andament annwali tal-pagamenti interim kumulattivi (b'intervalli ta' sena): il-perjodu 2000-2006 (UE-15) vs il-perjodu 2007-2013 (% tal-pakkett totali bl-esklużjoni tal-prefinanzjament)
Kif jidher mill-graff, il-pagamenti kumulattivi għall-programmi tal-2007-2013 baqgħu konsistentement taħt il-livell esperjenzat fil-perjodu 2000-2006, għalkemm qorbuh lejn tmiem il-perjodu. Dan il-profil ta' dewmien għall-programmi tal-2007-2013 irriżulta mit-taħlita ta' fatturi deskritta hawn fuq. Jispjega s-sottoeżekuzzjoni ta' approprjazzjonijiet ta' pagament u l-limitu massimu ta' pagamenti fil-bidu tal-perjodu, peress li l-profil ta' pagament għall-programmi tal-2000-2006 ntuża bħala riferiment biex jiġu stabbiliti l-limiti massimi.
Madankollu, meta t-talbiet għal pagament bdew ilaħħqu magħhom fi stadju segwenti, il-pagamenti kienu ferm limitati mil-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati u/jew mil-limitu massimu ta' pagament li wasslu biex jakkumula l-arretrat.
L-evoluzzjoni tal-arretrat fil-perjodu 2007-2014
Din il-graff(13) turi l-evoluzzjoni tal-arretrat għall-programmi tal-2007-2013 matul il-perjodu 2007-2016.
Graff 2: Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013: l-evoluzzjoni tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena (f'biljuni ta' EUR)
Kif jidher fil-graff, l-arretrat għall-programmi tal-2007-2013 beda jiżdied fl-2011, meta laħaq livell ta' EUR 11-il biljun, u wasal għal massimu ta' EUR 24,7 biljun fl-2014. Kif inhu spjegat hawn taħt, il-projezzjonijiet juru li l-livell tal-arretrat se jkun għadu għoli fi tmiem l-2015, qabel ma jerġa' lura għal arretrat "normali" u sostenibbli fi tmiem l-2016.
9. Il-komponenti u t-tipi ta' arretrat
Matul is-sena, il-Kummissjoni tirċievi dawn it-talbiet għal pagament għall-fondi strutturali:
a) it-talbiet għal pagament eliġibbli li jkunu koperti b'pagamenti matul is-sena;
b) it-talbiet għal pagament li jkunu diġà ġew koperti mill-prefinanzjament fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni u li għaldaqstant ma jiġux segwiti b'pagamenti addizzjonali;
c) it-talbiet għal pagament li jkunu jistgħu jitħallsu biss wara l-għeluq u li jkollhom jistennew sakemm il-Kummissjoni u l-benefiċjarju jilħqu qbil dwar l-għeluq;
d) it-talbiet għal pagament li ma jkunux tħallsu minħabba li jkunu ntbagħtu fl-aħħar jiem tas-sena, tard wisq biex jiġu pproċessati qabel tmiem is-sena;
e) it-talbiet għal pagament li jkunu ġew interrotti/sospiżi għal ċerti benefiċjarji/programmi. Is-sospensjonijiet jew l-interruzzjonijiet tal-pagamenti normalment ikunu azzjonijiet formali fuq żmien qasir li permezz tagħhom il-Kummissjoni ddewwem il-pagament waqt li tistenna t-tagħrif li jkun jonqos jew il-verifiki tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll;
f) it-talbiet għal pagament li ma jkunux tħallsu fi tmiem is-sena minħabba li l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fuq il-linja baġitarja relevanti jkunu ġew eżawriti.
L-aħħar erba' kategoriji (minn (c) sa (f)) jibqgħu talbiet pendenti fi tmiem is-sena, imma l-arretrat jinkludi t-talbiet għal pagament pendenti minħabba r-raġunijiet (d), (e) u (f). Ċertu livell ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena hu meqjus "normali" meta dawn ikunu jikkorrispondu għar-raġunijiet (d) u (e). L-arretrat "anormali" jinkludi biss it-talbiet għal pagament pendenti minħabba r-raġuni (f).
Il-grafika li ġejja turi l-fluss tat-talbiet għal pagament għall-Intestatura 1b, il-proċess li jgħaddu minnu minn meta jitressqu mill-Istati Membri, jgħaddu mill-identifikazzjoni tat-"talbiet pagabbli", sakemm jispiċċaw bħala arretrat "normali" u "anormali".
Il-konċentrazzjoni fi tmiem is-sena tat-talbiet u ż-żmien biex jitħallsu
Fix-xahar ta' Diċembru kien qed ikun hemm konċentrazzjoni qawwija ta' talbiet għal pagament mibgħuta mill-Istati Membri, li varjaw minn 27 % għal 35 % tat-total annwali matul il-perjodu 2011-2014. Għal kull talba għal pagament li tirċievi, il-Kummissjoni jkollha bżonn twettaq kontrolli qabel ma tipproċedi bil-pagament. Aktar ma jkun kbir in-numru ta' talbiet li jaslu fl-aħħar ġimgħat tas-sena, aktar ikun kbir ir-riskju li t-talbiet ma jiġux rimborżati qabel tmiem is-sena.
Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni regolarment tħeġġeġ lill-Istati Membri jibagħtu t-talbiet tagħhom b'mod iktar regolari matul is-sena.
Il-graff li ġejja turi l-evoluzzjoni ta' kull xahar tat-talbiet għal pagament li tressqu għall-programmi tal-2007-2013 bejn l-2011 u l-2014.
Graff 3a: L-andament ta' kull xahar tat-talbiet għal pagament interim kumulattivi mressqa għall-perjodu 2007-2013 (f'% tat-total)
Din il-graff ta' hawn fuq turi b'mod ċar li fi tmiem is-sena jkun hemm żieda rikorrenti qawwija ħafna ta' talbiet għal pagament imressqa.
Graff 3b: Il-konċentrazzjoni tat-talbiet għal pagament imressqa matul l-aħħar xahrejn tas-sena (il-perċentwali li waslet f'Novembru u Diċembru) bejn l-2011 u l-2014
Il-graffs juru li aktar u aktar talbiet waslu lejn l-aħħar tas-sena, minħabba l-pressjoni dejjem tikber tar-regola N+2. It-tneħħija tar-regola N+3 fl-2013 kienet tfisser li l-Istati Membri kollha kellhom regola N+2 ħlief ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Kroazja. Kellha impatt kbir fuq il-volum tat-talbiet imressqa f'dik is-sena. L-ammont ta' talbiet li jaslu tard wisq biex jitħallsu fis-sena jiddependi fuq l-ammont totali ta' talbiet li jitressqu fis-sena u fuq il-profil tiegħu fi ħdan is-sena.
L-impatt tal-interruzzjonijiet u s-sospensjonijiet
Il-Kummissjoni tuża għadd ta' mekkaniżmi preventivi sabiex tipproteġi l-baġit tal-UE qabel tagħmel il-pagamenti lill-Istati Membri meta tkun konxja ta' nuqqasijiet potenzjali. Dawn huma partikolarment prezzjużi biex jittejbu s-sistemi ta' kontroll fl-Istati Membri u biex b'hekk jitnaqqas il-bżonn għal korrezzjonijiet finanzjarji fil-ġejjieni mill-Kummissjoni.
B'konsegwenza ta' dan, xi talbiet għal pagament ma jkunux pagabbli minnufih peress li jkunu ġew interrotti jew sospiżi mill-Kummissjoni sakemm isir it-titjib meħtieġ fis-sistemi ta' kontroll. Waqt li l-biċċa l-kbira minn dawn it-talbiet fl-aħħar mill-aħħar ma tkunx se tiġi rrifjutata, ma jkunux jistgħu jitħallsu minnufih.
Bi qbil mar-regolament(14), il-Kummissjoni tista':
— tinterrompi d-data ta' skadenza għall-pagament għal perjodu massimu ta' 6 xhur għall-programmi tal-2007-13 jekk ikun hemm provi li jissuġġerixxu nuqqas sinifikanti fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-Istat Membru kkonċernat; jew jekk is-servizzi tal-Kummissjoni jkollhom iwettqu verifiki addizzjonali għax ikollhom informazzjoni li n-nefqa f'dikjarazzjoni tan-nefqa ċċertifikata tkun marbuta ma' irregolarità serja li ma tkunx ġiet ikkorreġuta;
— tissospendi kompletament jew parzjalment pagament interim għal Stat Membru għall-programmi tal-2007-13 jekk ikun hemm evidenza ta' nuqqas serju fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll tal-programm u l-Istat Membru ma jkunx ħa l-miżuri korrettivi meħtieġa; jew jekk in-nefqa f'dikjarazzjoni tan-nefqa ċċertifikata tkun marbuta ma' irregolarità serja li ma tkunx ġiet ikkorreġuta; jew fil-każ ta' ksur serju minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu ta' ġestjoni u kontroll. Meta l-miżuri rikjesti ma jkunux ittieħdu mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tista' timponi korrezzjoni finanzjarja.
Stima ta' arretrat "normali"
Kif ġa ġie spjegat, l-arretrat "normali" huwa t-total tat-talbiet li jkunu ġew interrotti jew sospiżi u t-talbiet li jkunu waslu tard wisq biex jitħallsu fis-sena. It-talbiet li jaslu matul l-aħħar għaxart ijiem kalendarji tas-sena jistgħu jiġu kkunsidrati bħala talbiet li jkunu waslu tard wisq biex jitħallsu peress li jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha biżżejjed assigurazzjoni li se tkun tista' teżegwixxi kompletament l-approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit. Madankollu, uħud mit-talbiet interrotti jew sospiżi jkunu ukoll parti mit-talbiet li jkunu waslu tard wisq biex jitħallsu u m'għandhomx jingħaddu darbtejn.
Għaldaqstant, l-arretrat "normali" se jikber mal-għadd totali tat-talbiet li jitressqu matul is-sena u l-konċentrazzjoni relattiva taghħom matul l-aħħar jiem tas-sena.
Għall-perjodu 2010-2014, il-graff ta' hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn it-talbiet għal pagament li waslu, l-arretrat fi tmiem is-sena u t-talbiet li jkunu waslu tard wisq biex jitħallsu jew li jkunu ġew sospiżi.
Graff 4 Intestatura 1b: It-talbiet, l-arretrat u s-sospensjonijiet tal-2010-2014
Matul dawn l-aħħar tliet snin (2012-2014), jista' jiġi stmat li l-arretrat "normali" (jiġifieri t-talbiet għal pagament li jkunu waslu fl-aħħar għaxart ijiem tas-sena jew it-talbiet interrotti jew sospiżi anke jekk ikunu waslu qabel l-aħħar għaxart ijiem) kien madwar nofs il-valur tal-arretrat totali milħuq fl-aħħar ta' kull sena. In-nofs l-ieħor kien marbut man-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit, u dan ħoloq l-effett ta' ballun tas-silġ li malajr isir valanga(15).
Minħabba l-livell ta' talbiet li hu mistenni li se jonqos fl-2015 u fl-2016, it-tnaqqis mistenni ta’ każijiet interrotti/sospiżi u n-nuqqas ta' pressjoni mir-regola N+2 fi tmiem l-2015(16), anke l-arretrat "normali" hu mistenni li jonqos b'mod drastiku.
10. Il-prospetti għall-pagamenti (talbiet) tal-2007-2013 fl-2015 u fl-2016
Stima għall-2015 u l-2016 abbażi tal-previżjonijiet tal-Istati Membri
Ir-regolament dwar il-fondi tal-2007-2013(17) jirrikjedi li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni previżjoni tat-talbiet għal pagament interim probabbli tagħhom għas-sena N u s-sena N+1 sa mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena N. Matul dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri qablu li jaġġornaw din l-informazzjoni f'Settembru tas-sena N sabiex ikun jista' jiġi vvalutat b'mod aktar preċiż il-livell li jkun qed jikber ta' talbiet għal pagament pendenti (l-arretrat) u l-konċentrazzjoni sinifikanti ta' talbiet għal pagament imressqa fl-aħħar xhur tas-sena.
Madankollu, ir-regolament il-ġdid dwar il-fondi għall-2014-2020(18) jirrikjedi li l-Istati Membri jibagħtu l-previżjoni tagħhom tal-applikazzjonijiet għal pagament interim għas-sena N u s-sena N+1 sal-31 ta' Jannar tas-sena N (b'aġġornament sal-31 ta' Lulju). Din l-iskadenza l-ġdida ġiet applikata fuq bażi volontarja mill-Istati Membri fl-2015 għall-programmi tagħhom tal-2007-13 abbażi ta' talba mill-Kummissjoni, ikkonfermata f'Diċembru 2014. Skont id-data li waslet għand il-Kummissjoni sat-3 ta' Marzu 2015, l-istima attwali tal-Istati Membri hi li se jissottomettu madwar EUR 48 biljun ta' talbiet għal pagament (kemm dawk pagabbli u kemm dawk li ma jkunux) fl 2015 u madwar EUR 18-il biljun fl-2016(19).
Kif ġa ġie spjegat, mhux it-talbiet għal pagament kollha jirriżultaw direttament f'pagamenti, minħabba l-ħtieġa li jitqies il-limitu massimu ta' 95 % għall-pagamenti stabbilit mill-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 1083/2006(20). Hekk kif aktar u aktar programmi jilħqu l-limitu massimu ta' 95 %, din il-korrezzjoni se ssir ferm aktar sinifikanti fl-2015 u fis-snin sussegwenti. Għaldaqstant, iċ-ċifri effettivi tat-talbiet pagabbli mistennija huma aktar baxxi minn dawk previsti mill-Istati Membri, minħabba li t-talbiet lil hinn mil-limitu massimu ta' 95 % jiġu kkunsidrati biss fil-mument tal-għeluq. Abbażi ta' dawn il-previżjonijiet soġġetti għal limitu massimu, il-Kummissjoni tistenna li se tirċievi ammont totali ta' talbiet għal pagament pagabbli ta' madwar EUR 35 biljun fl-2015. Iċ-ċifra korrispondenti għall-2016 attwalment hi ta' madwar EUR 3 biljuni. Dan l-ammont għall-2016 se jsir aktar preċiż (u jista' jkun kemxejn ogħla) ladarba l-Istati Membri jissottomettu d-data nieqsa jew jirrevedu d-data trażmessa għal xi programmi operattivi.
L-Anness 2 jipprovdi aktar dettalji rigward il-previżjonijiet mill-Istati Membri tat-talbiet għal pagament li għandhom jitressqu fl-2015 u fl-2016 għall-Programmi ta' Koeżjoni 2007-2013.
Stima tal-Kummissjoni abbażi tal-eżekuzzjoni
Fi tmiem l-2014, l-ammont totali tal-pagamenti ta' prefinanzjament u l-pagamenti interim li saru kien ta' EUR 266,1 biljun. Il-pakkett totali għall-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 hu ta' EUR 347,3 biljun. Jekk jitqiesu d-diżimpenji li diġà saru s'issa u r-riskju ta' diżimpenn dovut għall-implimentazzjoni tar-regola N+2/N+3 fi tmiem l-2014 iżda li għad iridu jiġu kkonfermati (ammont massimu totali ta' madwar EUR 0,9 biljun sa mill-bidu tal-perjodu), l-ammont massimu li għad irid jitħallas hu ta' madwar EUR 80,3 biljun. Madankollu, 5 % tal-ammonti ta' kull programm għandhom jitħallsu biss fil-fażi ta' għeluq (EUR 17,3 biljun).
Għaldaqstant, il-livell mistenni ta' talbiet għal pagament interim li għad fadal x'jitħallsu fl-2015 jew fis-snin sussegwenti hu ta' madwar EUR 63 biljun jew 18 % tal-pakkett totali, li jinkludi l-arretrat fi tmiem l-2014 (EUR 24,7 biljun). Il-livell massimu ta' talbiet għal pagament ġodda pagabbli li għandhom jaslu fl-2015 jew fis-snin sussegwenti, qabel l-għeluq, hu ta' EUR 38,3 biljun. Jekk ammont sa massimu ta' EUR 35 biljun ta' talbiet għal pagament se jasal fl-2015, l-ammont li jifdal sa massimu ta' EUR 3,5 biljun kieku jasal fl-2016.
Stima tal-arretrat fi tmiem l-2015 abbażi tal-previżjonijiet ikkorreġuti tal-Istati Membri
Il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit tal-2015 hu ta' EUR 39,5 biljun. Dan l-ammont se jkopri kemm l-arretrat ta' qabel l-2015 (EUR 24,7 biljun) u t-talbiet il-ġodda (stmati li se jkunu ta' EUR 35 biljun). Għaldaqstant, l-arretrat mistenni fi tmiem l-2015 kieku jammonta għal EUR 20 biljun, li minnu kieku jifdal mill-inqas madwar nofsu jew madwar EUR 10 biljun bħala arretrat anormali.
F'biljuni ta' EUR
L-arretrat fi tmiem l-2014
(aġġustat)
Il-previżjonijiet mill-Istati Membri tat-talbiet għall-2015 ikkoreġuti abbażi tal-limitu massimu ta' 95 %
L-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-Baġit 2015
L-arretrat previst fi tmiem l-2015
24.7
~35
39.5
~20
11. It-talbiet għal pagament mistennija għall-2016
Kif inhu spjegat hawn fuq, hu mistenni li l-arretrat fi tmiem l-2015 se jkun madwar EUR 20 biljun, sakemm jirriżulta li l-previżjonijiet tal-Istati Membri jkunu preċiżi. Barra minn hekk, għadu mistenni massimu ta' EUR 3,5 biljun ta' talbiet pagabbli qabel l-għeluq tal-programmi. Minħabba dan l-ammont relattivament limitat ta' talbiet għal pagament u peress li mhux se jkun hemm aktar il-pressjoni tar-regola N+2, m'hemm l-ebda raġuni li dak li jkun jassumi li ammont kbir minn dawn it-talbiet għal pagament se jasal tard wisq sabiex jitħallsu fl-2016.
Il-Kummissjoni se tirfina r-rikjesta tagħha fl-Abbozz ta' Baġit 2016, filwaqt li tqis l-arretrat "normali" fi tmiem l-2016. Dan l-arretrat "normali" – li jkopri t-talbiet li jkunu tressqu tard ħafna u l-interruzzjonijiet/is-sospensjonijiet li jkun fadal – madankollu kieku jkun baxx ħafna meta mqabbel ma' dak tas-snin preċedenti, peress li anke l-livell tat-talbiet ġodda li għandhom jaslu fl-2016 hu baxx ħafna u l-Kummissjoni tistenna li l-Istati Membri jikkoreġu n-nuqqasijiet u jressqu talbiet "nodfa". Jista' jilħaq daqs ta' madwar EUR 2 biljun. Dan l-arretrat "normali" fi tmiem is-sena 2016 għalhekk se jkollu jiġi kopert fil-baġit 2017. L-ammont li għandu jiġi inkluż fil-baġit 2016 għalhekk kieku jkun ta' madwar EUR 21,5 biljun.
12. Sommarju tal-informazzjoni użata għall-kalkolu tat-talbiet għal pagament u tal-arretrat
It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor l-informazzjoni dwar il-pakkett tal-programm, l-użu mistenni tal-approprjazzjonijiet baġitarji disponibbli fil-baġit 2015 u t-talbiet għal pagament massimi li huma mistennija fl-2016.
Il-pagamenti interim pendenti għall-2015-2017 (f'biljuni ta' EUR)
Il-pakkett tal-programm
(1)
347.3
— Li minnhom huma pagamenti ta' prefinanzjament u pagamenti interim li saru sa tmiem l-2014
(2)
266.1
— Li minnhom huma riżervati għall-għeluq (5 %) u d-diżimpenji li saru
(3)
18.2
L-ammont massimu ta' pagamenti interim pagabbli (2015-2017)
(4)=(1)-(2)-(3)
~63.0
— Li minnhom huma arretrati fi tmiem l-2014 (talbiet għal pagament pendenti)
(5)
24.7
— Li minnhom huma l-ammont massimu ta' pagamenti interim pagabbli fl-2015-2017
(6)=(4)-(5)
38.3
Sena baġitarja 2015, f'biljuni ta' EUR
L-approprjazzjonijiet disponibbli fil-Baġit 2015
(1)
39.5
— Li minnhom huma arretrati fi tmiem l-2014
(2)
24.7
— Li minnhom huma previżjonijiet għall-2015 ikkorreġuti abbażi tal-limitu massimu ta' 95 %
(3)
~35
L-arretrat mistenni fi tmiem l-2015
(4)=(1)-(2)-(3)
~20
Sena baġitarja 2016, f'biljuni ta' EUR
L-arretrat mistenni fi tmiem l-2015
(1)
~20
L-ammont massimu li jifdal ta' talbiet għal pagament li hu mistenni li se jaslu fl-2016 qabel l-għeluq
(2)
~3.5
L-ammont massimu ta' talbiet għal pagament li għandu jiġi kopert fil-Baġit 2016
(3)=(1)+(2)
~23.5
13. Il-pagament fil-fażi ta' għeluq
Il-fażi ta' għeluq tal-fondi strutturali għandha d-dinamika ta' pagament proprja tagħha. Kull Stat Membru jibgħat id-dokumenti ta' għeluq tiegħu għal kull programm individwali sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2017. Il-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru dwar l-opinjoni tagħha rigward il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta' għeluq fi żmien ħames xhur mid-data meta tirċeviha, sakemm tkun tressqet l-informazzjoni kollha fid-dokument ta' għeluq inizjali(21). Bħala regola, il-pagamenti għall-għeluq se jsiru biss wara l-2016. L-ammont totali riżervat għall-għeluq (5 % tal-allokazzjoni kumplessiva) hu ta' EUR 17,3 biljun, iżda l-livell tal-pagamenti se jiġi influwenzat mill-kwalità tal-implimentazzjoni tal-programm matul il-perjodu kollu. Id-diżimpenji possibbli fil-fażi ta' għeluq fil-Politika ta' Koeżjoni jistgħu jnaqqsu l-ħtiġijiet għal pagamenti.
Bħala stima indikattiva, għall-perjodu 2000-2006, il-perċentwali ta' diżimpenn fil-fażi ta' għeluq kienet ta' 2,6 % tal-pakkett totali għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u 0,9 % ta' dak għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Madankollu, għall-FSE għad hemm madwar EUR 0,5 biljun ta' RAL li għandhom x'jaqsmu ma' każijiet problematiċi b'irregolaritajiet, u għaldaqstant l-istima tal-Kummissjoni hi li l-perċentwali finali ta' diżimpenji fil-fażi ta' għeluq se tkun ta' madwar 3 % għal dak il-Fond. Il-Kummissjoni ma teskludix li d-diżimpenji fil-fażi ta' għeluq jistgħu jkunu ogħla milli kienu fil-perjodu li għadda u għalhekk l-istima msemmija hawn fuq għandha tiġi kkunsidrata bħala indikazzjoni prudenti.
It-talbiet fil-fażi ta' għeluq ma jitqisux fl-analiżi tat-tnaqqis tal-parti normali tal-arretrat, peress li l-biċċa l-kbira minnhom se jitħallsu fl-2017-2019 jew fis-snin sussegwenti u, fi kwalunkwe każ, mhux kollha se jirriżultaw f'pagamenti, peress li l-ewwel jiġu kklerjati l-ammonti mħallsin b'mod indebitu qabel ma jsir il-pagament finali.
Wara l-analiżi dettaljata tal-każ speċifiku tal-Politika ta' Koeżjoni (Intestatura 1b), kif spjegat fit-Taqsima 4 hawn fuq, din it-taqsima tħares lejn is-sitwazzjoni fl-intestaturi l-oħra, li tista' tiġi sintetizzata kif ġej:
— L-approprjazzjonijiet għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (Intestatura 2) huma approprjazzjonijiet mhux differenzjati, b'mod li l-pagamenti u l-impenji jiġu bbaġittjati fuq l-istess livell. Għaldaqstant, ma jkunx hemm arretrat fi tmiem is-sena;
— Il-ġestjoni tal-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għas-Sajd (Intestatura 2) u l-fondi għall-Asil, il-Migrazzjoni, il-Fruntieri u s-Sigurtà (Intestatura 3) hija kondiviża mal-Istati Membri, b'mod simili għal dik tal-Politika ta' Koeżjoni. Waqt li s'issa l-Iżvilupp Rurali ma kellu l-ebda arretrat, dan mhux il-każ għall-fondi l-oħrajn;
— Il-biċċa l-kbira tal-programmi l-oħra (intestaturi 1a u 4) huma ġestiti mill-Kummissjoni. Minħabba n-nuqqasijiet ta' pagamenti, ħafna minn dawn il-programmi ġew soġġetti għall-miżuri ta' mitigazzjoni li l-Kummissjoni implimentat matul l-2014 (u f'xi każijiet diġà fl-2013), li jvarjaw minn tnaqqis tal-prefinanzjament (waqt li jitqiesu kif dovut it-tip u s-solidità finanzjarja tas-sħab eżekuttivi, tad-destinatarji u tal-benefiċjarji), għal posponiment tal-pagamenti finali jew il-pagamenti għall-appoġġ baġitarju, trażżin tat-tnedija ta' impenji ġodda u tidwim fl-għoti ta' kuntratti.. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni, madankollu, jipposponu biss iż-żmien meta jsir il-ħlas, filwaqt li l-impenji xorta jkollhom jiġu onorati.
It-tabella ta' hawn taħt tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-evoluzzjoni tal-arretrat għall-intestaturi 1a u 4. Waqt li hemm tendenza ċara 'l fuq għall-arretrat għall-Intestatura 4, li fl-2014 laħaq l-ogħla livell tiegħu f'dawn l-aħħar snin, l-evoluzzjoni tal-Intestatura 1a hija inqas ċara.
Arretrat fi tmiem is-sena (f'miljuni ta' EUR)
2007
2008
2009
2010
2011
2012
2013
2014
Intestatura 1a
1 679
507
291
628
604
567
551
541
Intestatura 4
172
178
284
226
387
367
389
630
15. Il-programmi taħt ġestjoni kondiviża fl-intestaturi 2 u 3
15.1. Intestatura 2
Il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG)
M'hemm l-ebda arretrat għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) peress li dan il-fond hu bbażat fuq approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)
S'issa ma kien hemm l-ebda arretrat għall-Iżvilupp Rurali: il-Kummissjoni dejjem setgħet tħallas it-talbiet għal pagament kollha fil-ħin. Meta jitqiesu d-daqs tal-programm għall-Iżvilupp Rurali u r-regola ta' 95 % li tapplika wkoll, il-livell massimu ta' pagamenti interim li għad jistgħu jitħallsu qabel l-għeluq hu ta' madwar EUR 8,7 biljun għall-perjodu 2007-2013. L-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit 2015 għall-programmi tal-2007-2013 jammontaw għal EUR 5,9 biljun. L-ammont li jibqa' ta' EUR 2,8 miljun hu mistenni li se jitħallas fl-2016, wara li l-Istati Membri jkunu ressqu d-dikjarazzjoni trimestrali finali, mistennija f'Jannar 2016.
L-ammont totali riżervat għall-għeluq hu ta' madwar EUR 4,8 biljun. L-ammont effettiv li jkollu jitħallas se jiddependi fuq id-diżimpenji. Bħala eżempju, jekk tiġi applikata r-rata ta' diżimpenji ta' 1,5 % li ġiet esperjenzata matul il-perjodu ta' għeluq preċedenti tal-2000-2006, kieku jiġu diżimpenjati madwar EUR 1,5 biljuni. Hu mistenni li l-pagamenti tal-fażi ta' għeluq se jsiru bejn l-2016 u l-2019.
Il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES)
Il-modalità ta' ġestjoni tal-FES hi simili għal dik tal-politika ta’ Koeżjoni (Intestatura 1b). Madankollu, peress li m'għandu l-ebda regola N+3, il-FES ma sabx quddiemu l-problema speċifika tat-trasformazzjoni tar-regola N+3 għar-regola N+2 bejn il-porzjon tal-impenji tal-2010 u l-porzjon tal-impenji tal-2011. Barra minn hekk, ma kellux ir-"regola Griega" lanqas, għalkemm il-bidu tal-programmi ddewwem kemxejn minħabba l-obbligi marbuta mas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll. Madankollu, f'dawn l-aħħar snin, l-arretrat tal-FES kien importanti ħafna. Fil-bidu tal-2014, il-livell tal-arretrat kien l-istess bħal dak tal-approprjazzjonijiet ta' pagament li ġew ivvotati għall-programmi tal-2007-2013.
Fir-rigward taż-żmien meta jitressqu it-talbiet għal pagament matul is-sena, matul il-perjodu 2010-2014, żewġ terzi tat-talbiet għal pagament annwali waslu fix-xhur ta' Novembru u Diċembru. Din il-graff turi l-livell tal-arretrat mill-2011 sal-2014 għall-programmi tal-2007-2013 tal-FES kif ukoll l-approprjazzjonijiet ta' pagament inizjali tas-sena ta' wara.
Ir-raġuni prinċipali għat-tnaqqis tal-arretrat tal-FES fi tmiem l-2014 kienet ir-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha disponibbli fi ħdan il-kapitolu baġitarju (inklużi l-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha għall-ġestjoni kondiviża tal-FEMS – minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tal-bażi legali l-ġdida) u ż-żidiet li ngħataw fl-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014 (adottat bħala l-baġit emendatorju 2/2014) u fit-trasferiment ta' tmiem is-sena.
Il-livell ogħla ta' pagamenti awtorizzati fil-baġit 2015 għandhom jippermettu li l-arretrat jitnaqqas sal-livell normali tiegħu ta' madwar EUR 0,1 biljun.
15.2. Intestatura 3
Il-politiki dwar l-Asil, il-Migrazzjoni, il-Fruntieri u s-Sigurtà
Fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-politiki komuni dwar l-asil u l-immigrazzjoni fil-perjodu 2007-2013 kienu implimentati permezz tal-Programm Ġenerali "Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni" (SOLID). Dan il-Programm Ġenerali kien jinkludi erba' strumenti: il-Fond għall-Fruntieri Esterni (FFE), il-Fond Ewropew għar-Ritorn, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (FER) u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi.
Din il-graff turi l-livell dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena għall-programmi fil-qasam tal-asil, il-migrazzjoni, il-fruntieri u s-sigurtà.
Ir-RAL żdiedu minn EUR 150 miljun fil-bidu tal-2007 għal EUR 2,6 biljun fl-2014, minkejja li ġew diżimpenjati EUR 300 miljun matul il-perjodu 2007-2014. Fadal madwar EUR 1,9 biljun x'jitħallsu fuq il-programmi tal-2007-2013. L-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati għall-programmi fil-baġit 2015 huma ftit aktar minn EUR 600 miljun, inklużi l-approprjazzjonijiet għall-pagamenti ta' prefinanzjament inizjali u annwali tal-programmi l-ġodda għall-2014-2020.
Meta jitqies l-ammont li se jitħallas fil-fażi ta' għeluq (li hu stmat li hu madwar EUR 1 biljun) u l-fatt li, fl-2013 u l-2014, it-tieni prefinanzjament ma setax jitħallas minħabba nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, hu stmat li l-ħtiġijiet ta' pagament biex l-arretrat għall-programmi tal-2007-2013 jitnaqqas għal livell normali fi tmiem l-2016 huma ta' madwar EUR 235 miljun.
16. Il-programmi taħt ġestjoni diretta fl-intestaturi 1a u 4
16.1. Intestatura 1a
Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-pagamenti tal-programmi taħt l-Intestatura 1a fi tmiem l-2014.
It-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena
Din il-graff turi l-evoluzzjoni tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena għall-programmi prinċipali taħt l-Intestatura 1a.
Il-livell għoli tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem l-2007 prinċipalment jirriżulta miċ-ċiklu tal-proġetti tas-Sitt Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, u n-numru partikolarment għoli ta' impenji miftuħin f'dak iż-żmien. Apparti dan, il-kuntratti ta' riċerka kienu jistipulaw li, qabel setgħu finalment jitħallsu d-dikjarazzjonijiet ta' spejjeż, kienu meħtieġa ċertifikati ta' awditjar.
Il-miżuri ta' mitigazzjoni li ttieħdu mill-Kummissjoni fl-2014 (ara t-Taqsima 2.2 hawn fuq) biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament evitaw iż-żieda tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem l-2014. Il-miżuri kienu jinkludu t-tnaqqis tal-livell ta' prefinanzjament u t-tidwim tal-iffirmar ta' kuntratti/ftehimiet ta' għotja ġodda, biex b'hekk parti mill-pagamenti iċċaqalqet għas-sena ta' wara. Għalkemm rażżnu l-livell tat-talbiet għal pagament pendenti, effett sekondarju ta' dawn il-miżuri li rriżulta kien tnaqqis tar-ritmu ta' implimentazzjoni tal-programmi għall-2014-2020. F'xi każijiet, kellhom jittieħdu miżuri aktar drastiċi sabiex tingħata prijorità lill-pagamenti indirizzati lill-benefiċjarji aktar vulnerabbli.
L-evoluzzjoni tal-impenji pendenti (RAL)
Il-livell ġeneralment stabbli tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena għall-programmi taħt l-Intestatura 1a jikkuntrasta b'mod qawwi mat-tendenza ċara 'l fuq fil-livell tal-impenji pendenti (RAL), kif jidher fil-graff ta' hawn taħt:
Fil-biċċa l-kbira, iż-żieda tar-RAL fl-Intestatura 1a tirriżulta mid-diskrepanza dejjem tikber bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għar-riċerka, l-akbar programm ta' nfiq f'din l-intestatura. Dan hu rifless fil-graff ta' hawn taħt, li turi l-andament 'l isfel tal-proporzjon bejn il-pagamenti u l-impenji.
Bħala eżempju ta' kif qed jiġu implimentati l-proġetti fl-Intestatura 1a, iċ-ċiklu ta' proġett taħt il-programmi għar-Riċerka qed jiġi deskritt hawn taħt.
Ċiklu ta' proġett - Riċerka
Il-programmi ta' riċerka jiġu implimentati permezz ta' programmi ta' ħidma pluriennali li jinkludu sejħiet għal proposti, akkwisti pubbliċi, studji, gruppi ta' esperti, parteċipazzjoni f'organizzazzjonijiet internazzjonali, seminars u sessjonijiet ta' ħidma, evalwazzjoni u monitoraġġ. Madwar 90 % mill-programmi ta' riċerka huma relatati ma' sejħiet għal proposti, l-10 % li jifdal ma' attivitajiet oħra.
Il-programm ta' ħidma annwali għas-sena N jiġi adottat mill-Kummissjoni f'nofs is-sena N-1. Mit-tieni nofs tas-sena N-1, jitnedew is-sejħiet għal proposti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-proposti normalment jitressqu fi żmien tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal proposti. L-impenji globali jsiru wara l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma fis-sena N u mhux aktar tard minn qabel jibdew in-negozjati kuntrattwali (normalment fiż-żmien meta tiskadi s-sejħa). L-evalwazzjoni tal-proposti (tliet xhur) u l-għażla (xahar-xahrejn) tiġi segwita min-negozjati kuntrattwali (minn xahar sa sitt xhur) u l-iffirmar (massimu ta' ftit xhur). Il-Kummissjoni/l-aġenzija eżekuttiva għandhom tmien xhur bejn l-iskadenza tas-sejħa u l-iffirmar tal-għotjiet (l-hekk imsejjaħ "żmien għall-għotja"), b'ħames xhur minnhom biex jinformaw lill-applikanti dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni xjentifika u tliet xhur għat-tħejjija tal-ftehim ta' għotja. Ladarba jkun sar l-impenn individwali u jkun ġie ffirmat il-kuntratt, il-prefinanzjament għandu jitħallas fi żmien 30 jum minn meta jiġi ffirmat il-ftehim jew minn 10 ijiem qabel id-data ta' bidu tal-azzjoni, skont liema data tinzerta l-aktar tard. B'segwitu għall-miżuri strutturali li ttieħdu mid-Direttorati Ġenerali fil-qasam tar-Riċerka fl-2014, f'ħafna każijiet, il-prefinanzjament tal-impenn tas-sena N issa jitħallas fis-sena N+1 minflok fis-sena N. Il-pagamenti interim jiġu bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u jintrabtu ma' rapporti perjodiċi, normalment ta' kull 18-il xahar. Il-pagament finali ta' 10 % jitħallas meta jiġi aċċettat ir-rapport finali.
Għall-azzjonijiet l-oħra kollha previsti fil-programm ta' ħidma, l-impenji provviżorji jsiru fis-sena N u l-pagamenti bil-quddiem jitħallsu fl-istess sena. Il-bqija jitħallsu fis-sena N+1.
Nuqqasijiet ta' pagamenti - Riċerka: il-konsegwenzi prattiċi
Sabiex jiġi ġestit n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fi ħdan il-programmi ta' Riċerka, fl-2014 ġie ttrasferit ammont totali ta' EUR 236,5 miljun mil-linji għall-2014-202 ta' "Orizzont 2020" biex isaħħaħ il-linji baġitarji tal-2007-2013 għall-ikkompletar tal-istess programmi, b'mod li ġie ttardjat il-prefinanzjament tas-sejħiet taħt Orizzont 2020 imnedija fl-2014 u fl-2015. Dan ma kienx il-każ fis-snin preċedenti, u jirriżulta f'dewmien fl-implimentazzjoni ta' programmi ġodda.
Ir-riċerka tieħu ż-żmien u ż-żamma tal-kuntratti milli jiġu ffirmati u tal-finanzjament mhijiex konsistenti mal-għan ta' tisħiħ tal-isforzi ta' riċerka bħala appoġġ għat-tkabbir ekonomiku Iż-żieda fil-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati għal Orizzont 2020 fil-baġit 2015 hi mistennija tippermetti li dan il-programm kruċjali jirkupra parzjalment.
Erasmus+
Erasmus+ jipprovdi eżempju tajjeb ta' programm annwali li l-livell tal-pagamenti għalih isegwi mill-qrib il-livell tal-impenji, peress li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet hu marbut mal-kalendarju akkademiku.
Minħabba n-nuqqas ta' pagamenti, madankollu, iż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014 ma kkorrispondietx għaż-żieda tal-approprjazzjonijiet ta' impenn, li tidher li se tkompli matul il-perjodu 2014-2020. Dan in-nuqqas fil-pagamenti fl-2014 jidher ukoll fil-proporzjon bejn il-pagamenti u l-impenji fil-graff ta' hawn taħt.
Bħala riżultat ta' dan, fl-2014 ma kienx possibbli li titħallas parti mit-tieni prefinanzjament lill-Aġenziji Nazzjonali, li l-għan tagħhom hu l-finanzjament ta' azzjonijiet ta' mobilità. Filwaqt li s-sitwazzjoni għandha kemxejn titjieb, hu mistenni li Erasmus+ se jiġi affrontat b'restrizzjonijiet simili fl-2015.
It-Trasport u l-Enerġija
Il-graff ta' hawn taħt turi l-varjazzjoni dejjem tikber bejn il-livell tal-impenji u l-pagamenti għall-oqsma ta' politika tat-Trasport u l-Enerġija.
L-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit 2015 se jkunu biżżejjed biex ikopru l-ewwel prefinanzjament tal-proġetti għall-2014-2020 u biex parzjalment jindirizzaw ir-RAL tal-2007-2013, li hu stmat li jammonta għal aktar minn EUR 2 biljun.
Il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (PERE)
Meta mqabbla mal-livell għoli ta' impenji fl-2009 u l-2010, l-implimentazzjoni tal-pagamenti għal dan il-programm bdiet bil-mod peress li l-proġetti PERE fil-biċċa l-kbira jikkonsistu fi proġetti infrastrutturali fuq skala kbira.
B'mod partikolari fl-2014, l-approprjazzjonijiet ta' pagament ma kinux biżżejjed biex ikopru t-talbiet għal pagament kollha li waslu matul is-sena, saħansitra wara l-adozzjoni tardiva tal-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014 li pprovda approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali. Fi tmiem l-2014, ir-RAL kienu għadhom jammontaw għal EUR 2 biljun, nofs l-ammont inizjalment impenjat għall-PERE. Il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fl-2015 jammonta għal EUR 407 miljun, li hu mistenni jkopri l-ħtiġijiet stmati għas-sena.
16.2. Intestatura 4
Il-graff ta' hawn taħt turi l-livell ta' RAL għall-programmi taħt l-Intestatura 4 mill-2007.
L-Intestatura 4 tinkludi strumenti ta' reazzjoni għall-kriżijiet fuq żmien qasir, strumenti fuq żmien itwal li jużaw programmazzjoni pluriennali, u strumenti ad hoc bħal assistenza makrofinanzjarja permezz ta' self u għotjiet. Tliet strumenti kbar (l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni II (IPA), l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp), li jużaw programmazzjoni pluriennali, jirrappreżenta 73 % tan-nefqa taħt din l-intestatura. L-appoġġ għal pajjiżi terzi li jiġi ffinanzjat taħt dawn il-programmi tipikament ikollu ċiklu ta' ħajja ta' madwar 6-8 snin. L-istrumenti ta' reazzjoni għall-kriżijiet (l-Għajnuna Umanitarja, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi, il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni) u l-Assistenza Makrofinanzjarja, min-naħa l-oħra, ikollhom ħafna ċikli ta' pagament ħafna iqsar ta' 12-18-il xahar.
Mill-2013, il-biċċa l-kbira tal-istrumenti fl-Intestatura 4 esperjenzaw nuqqasijiet serji fl-approprjazzjonijiet ta' pagament, li l-ewwel laqtu lill-istrumenti umanitarji u dawk relatati mal-kriżijiet b'ċikli ta' implimentazzjoni bi ħlas rapidu, u mbagħad l-istrumenti bħall-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat li l-pagamenti rispettivi tagħhom ikunu fil-biċċa l-kbira relatati mal-kuntratti u l-impenji eżistenti. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar fl-2014, minħabba t-tnaqqis kumplessiv fil-pagamenti disponibbli meta mqabbla ma' dawk tal-2013. Għal uħud mill-programmi, it-tisħiħ permezz tal-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014 (u azzjonijiet oħra bħal trasferimenti)(22) wasal tard ħafna u ma kienx biżżejjed biex ikopri l-arretrat pendenti.
Il-miżuri implimentati (ara t-Taqsima 2.2 hawn fuq) setgħu biss itaffu parzjalment l-effetti tan-nuqqas ta' pagamenti billi pposponew iż-żmien meta jsir il-ħlas, filwaqt li l-impenji tal-imgħoddi xorta kellhom jiġu onorati.
It-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena
Kumplessivament, it-talbiet għal pagament fi tmiem is-sena 2014 għall-Intestatura 4 żdiedu b'mod konsiderevoli. Fil-biċċa l-kbira, dan hu dovut għal żieda qawwija fit-talbiet u għal nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament relatati bħal ma ġara fil-każ tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, kif jidher fil-graff ta' hawn taħt.
Min-naħa l-oħra, it-tisħiħ fl-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġits 2013 u 2014 ippermetta li jiġi rimedjat il-livell tat-talbiet għal pagament pendenti għall-Għajnuna Umanitarja(23):
Kif jidher hawn fuq, ir-RAL tal-Intestatura 4 u tat-tliet strumenti kbar fuq żmien twil b'mod partikolari, ilu ħames snin jiżdied b'mod kostanti, bi qbil mal-livelli tal-impenji tal-QFP preċedenti. Il-programmi li l-impenn għalihom kien ittieħed inizjalment fl-2010, pereżempju, se jkunu ġew ifformalizzati mal-pajjiż terz benefiċjarju matul l-2011, u l-kuntratti jkunu ġew konklużi sal-2014. Minn dan isegwi li issa hemm bżonn li ħafna minn dawn il-programmi ta' daqs akbar, li l-impenn għalihom ikun ittieħed fi żmien meta l-impenji kienu qed jiżdiedu b'mod drastiku, jitħallsu. Hu mistenni li l-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit 2015 se jnaqqas id-diskrepanza, u dan għandu jgħin biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni, li però se tkompli tkun waħda tensa, u kemm id-diskrepanza u kemm ir-RAL huma mistennija li se jiżdiedu fir-rigward ta' bosta strumenti bħall-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.
6. Il-prospetti għall-programmi għall-2014-2020
Il-baġit 2016 se jkollu jinkludi biżżejjed approprjazzjonijiet ta' pagament mhux biss biex gradwalment jiġi eliminat il-livell anormali ta' talbiet għal pagament pendenti derivati mill-impenji relatati mal-programmi tal-2007-2013, iżda anke għall-programmi għall-2014-2020 fl-Intestaturi 1a u 4, li l-implimentazzjoni tagħhom ġiet imxekkla min-nuqqasijiet ta' pagamenti. Il-baġit 2016 irid jinkludi wkoll l-approprjazzjonijiet ta' pagament meħtieġa għal fondi oħra, bħall-Iżvilupp Rurali (Intestatura 2) biex jiġi evitat il-ħolqien ta' arretrat ġdid li ma kienx jeżisti fl-imgħoddi.
Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtiġijiet ta' pagament li se jkun hemm fl-2016 għall-programmi għall-2014-2020 fl-Abbozz ta' Baġit 2016.
7. Konklużjonijiet
F'dawn l-aħħar snin, u b'mod partikolari fl-2014, il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament ma kinux biżżejjed biex ikopru t-talbiet għal pagament li waslu. Għaldaqstant, dan wassal biex fi tmiem is-sena kien hemm arretrat dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti, b'mod partikolari għall-programmi għall-2007-2013 tal-Politika ta' Koeżjoni. Il-Kummissjoni ħadet numru ta' miżuri ta' mitigazzjoni biex timminimizza l-effetti negattivi tan-nuqqasijiet ta' pagamenti, billi ssodisfat, sa fejn kien possibbli, l-obbligi derivati mill-impenji tal-imgħoddi. Madankollu, bħala effett sekondarju, l-implimentazzjoni tal-programmi għall-2014-2020 ġiet imxekkla.
L-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit 2015 huma mistennija li se jwasslu għal tnaqqis fl-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti għall-programmi tal-2007-2013. Il-Kummissjoni identifikat il-livell tal-pagamenti meħtieġa sabiex gradwalment jiġi eliminat il-livell anormali ta' talbiet għal pagament pendenti għall-programmi tal-2007-2013 sa tmiem l-2016. Fl-Abbozz ta' Baġit tagħha għall-2016, il-Kummissjoni se tipproponi approprjazzjonijiet ta' pagament biex jintlaħaq dan l-iskop.
Il-Kummissjoni tikkunsidra, abbażi ta' dan, li t-tliet istituzzjonijiet jistgħu jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw pjan biex il-livell tal-kontijiet mhux imħallsa li jikkorrispondu għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-2007-2013 jitnaqqas għal livell sostenibbli sa tmiem l-2016.
Anness 1: informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fil-15 ta' Diċembru 2014
Nhar il-15 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat l-arretrat mistenni għall-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 fi tmiem l-2014 u l-2015, skont kif ġej:
2010
2011
2012
2013
2014 (*)
2015 (*)
Arretrat ta' kontijiet mhux mħallsa fi tmiem is-sena
(f'biljuni ta' EUR)
6.1
10.8
16.2
23.4
Massimu ta'25 (1)
19 (2)
(*) Stimi tal-Kummissjoni abbażi tal-previżjonijiet aġġustati tal-Istati Membri
(1) Wara li jitqiesu l-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali fl-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 3/2014 hekk kif ġie approvat finalment.
(2) Wara li jitqiesu l-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali fl-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 3/2014 hekk kif ġie approvat finalment u l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit 2015.
Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll analiżi tal-arretrat mistenni għall-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 fi tmiem l-2014. Kif jidher fit-tabella hawn taħt, il-livell totali tat-talbiet għal pagament li effettivament waslu sa tmiem is-sena 2014 kien ta' madwar EUR 1,5 biljun anqas mill-previżjonijiet mħejjija mill-Istati Membri, u madwar EUR 2,5 biljun aktar mill-medda massima prevista mill-Kummissjoni.
L-ARRETRAT MISTENNI FI TMIEM L-2014
Biljuni ta' EUR
(1)
Talbiet għal pagament li waslu sa tmiem l-2013 u li ma tħallsux sa tmiem l-2013 (arretrat)
23.4
(2)
Talbiet għal pagament li waslu sa tmiem Novembru 2014
31.4
(3) = (1) + (2)
It-talbiet għal pagament rikjesti sa tmiem Novembru biex jitħallsu fl-2014
54.8
(4)
Il-livell awtorizzat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament (bil-Baġit Emendatorju 3/2014)
49.4
(5) = (3) – (4)
L-arretrat sa tmiem Novembru 2014, rikjest biex jitħallas sa tmiem l-2014
5.4
Previżjoni
Twettiq effettiv
Previżjonijiet mill-Istati Membri tat-talbiet għal pagament li kellhom jitressqu f'Diċembru 2014
23
21.5
Previżjonijiet mill-Kummissjoni tat-talbiet għal pagament li kellhom jitressqu f'Diċembru 2014
18 - 19
21.5
Previżjoni għall-arretrat ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem l-2014: massimu ta' EUR 25 biljun.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppreżentat għal kull pajjiż individwali, l-istimi tal-Istati Membri tat-talbiet għal pagament li kellhom jitressqu għall-Politika ta' Koeżjoni fl-2014 (EUR 54,33 biljun), it-talbiet għal pagament mibgħuta sal-31 ta' Ottubru 2014 (EUR 31,36 biljun) u, għaldaqstant, it-talbiet għal pagament li kellhom jitressqu f'Novembru u Diċembru (EUR 22,97 biljun).
Il-Kummissjoni żiedet li"Jekk jitqiesu r-rati ta' żball medji li ġew osservati fil-previżjonijiet "gross" tal-Istati Membri f'dawn l-aħħar snin u l-limitu massimu ta' 95 % fil-pagamenti qabel l-għeluq rikjest mill-Artikolu 79 tar-Regolament 1083/2006, l-istima tal-Kummissjoni hi li t-talbiet li se tirċievi f'Diċembru se jammontaw għal EUR 18-19-il biljun". Dan hu konsistenti mat-tabelli li jidhru hawn fuq.
Anness 2: Intestatura 1b: l-aktar previżjonijiet reċenti mill-Istati Membri
F'dan l-anness jinsabu l-aktar previżjonijiet reċenti mill-Istati Membri fir-rigward tat-tressiq tat-talbiet għal pagament għall-programmi ta' Koeżjoni tal-2007-2013 fl-2015 u l-2016, u qed issir distinzjoni bejn il-previżjonijiet gross (elenkati mill-Istati Membri) u l-previżjonijiet soġġetti għal-limitu massimu (ara l-ispjegazzjoni fit-Taqsima 4.4).
Previżjonijiet mill-Istati Membri (f’biljuni ta' EUR)
Perjodu
2007-2013
2015*
2016
Previżjonijiet gross
Previżjonijiet gross
AT
L-Awstrija
0,09
0,00
BE
Il-Belġju
0,24
0,06
BG
Il-Bulgarija
1,35
0,00
CY
Ċipru
0,06
0,00
CZ
Ir-Repubblika Ċeka
4,01
3,75
DE
Il-Ġermanja
2,43
0,95
DK
Id-Danimarka
0,04
0,03
EE
L-Estonja
0,09
0,00
ES
Spanja
4,65
1,74
FI
Il-Finlandja
0,21
0,02
FR
Franza
1,92
0,34
GR
Il-Greċja
0,75
0,00
HR
Il-Kroazja
0,22
0,31
HU
L-Ungerija
3,86
1,24
IE
L-Irlanda
0,03
0,01
IT
L-Italja
5,07
1,44
LT
Il-Litwanja
0,09
0,00
LU
Il-Lussemburgu
0,01
0,00
LV
Il-Latvja
0,54
0,09
MT
Malta
0,14
0,04
NL
In-Netherlands
0,21
0,10
PL
Il-Polonja
8,92
3,99
PT
Il-Portugall
0,52
0,06
RO
Ir-Rumanija
6,64
2,81
SE
L-Isvezja
0,11
0,00
SI
Is-Slovenja
0,38
0,18
SK
Is-Slovakkja
2,68
0,64
UK
Ir-Renju Unit
1,52
0,25
CB
Kooperazzjoni Territorjali
1,16
0,25
TOTAL
47,93
18,32
TOTAL PREVIŻJONIJIET BIL-LIMITU MASSIMU***
34,74
2,95**
* Iċ-ċifri tal-previżjonijiet għall-2015 ġew ikkalkolati billi – għall-Programmi Operattivi li l-Istati Membri ma bagħtu l-ebda previżjoni fir-rigward tagħhom f'Jannar 2015 – intużaw il-previżjonijiet relatati mibgħuta f'Settembru 2014.
** L-ammont massimu pagabbli fl-2016 hu ta' EUR 3,5 biljun li EUR 3 biljun minnhom, f'dan l-istadju, ġa ġew ikkonfermati mill-Istati Membri.
*** Dan jinvolvi l-applikazzjoni tar-regola ta' limitu massimu ta' 95 %, li tipprevedi li l-pagamenti interim ma jistgħux jitħallsu qabel il-fażi ta' għeluq sakemm is-somma tal-pagamenti ma tkunx anqas minn 95 % tal-allokazzjoni tal-programmi.
Dan jirriżulta mir-regoli magħrufa bħala "N+2" / "N+ 3" li permezz tagħhom, il-pagamenti għandhom isiru fi żmien sentejn (N+2) jew tliet snin (N + 3) wara li jkunu saru l-impenji korrispondenti. Fi tmiem l-2013, iż-żewġ regoli dwar diżimpenn kienu japplikaw fl-istess ħin.
L-ammont totali tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati permezz ta' baġits emendatorji kien ta' EUR 6,7 biljun fl-2012, ta' EUR 11,6 biljun fl-2013 u ta' EUR 3,5 biljun fl-2014.
L-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti għall-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 fi tmiem is-sena żdied minn EUR 11-il biljun fl-2011 għal EUR 16-il biljun fl-2012, EUR 23,4 biljun fl-2013, u EUR 24,7 biljun fl-2014.
Għandu jiġi nnotat li, fir-rigward tal-politiki b'ġestjoni kondiviża, bħall-Politika ta' Koeżjoni (li fiha l-Kummissjoni tirrimborża n-nefqa tal-Istati Membri), l-imgħax fuq pagamenti tardivi ma jkunx applikabbli.
Il-5 % li jifdal għandu jitħallas f'għeluq il-programm, li se jseħħ fl-2017-2019, b'segwitu għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-programm ġie implimentat b'suċċess u li m'hemm bżonn issir l-ebda korrezzjoni.
L-ammonti mhux imħallsa li jirriżultaw mit-tnaqqis tar-rati ta' prefinanzjament għal waħda li tkun inqas mir-rata legali/normali minima mhumiex inklużi fid-definizzjoni attwali ta' "talbiet għal pagament pendenti": madankollu, għal għadd ta' programmi, xi tnaqqis tar-rati ta' prefinanzjament ġie implimentat fl-2014 (f'xi każijiet diġà fl-2013) b'mod li l-pagamenti jiġu posposti għal data sussegwenti.
Minħabba l-limitazzjonijiet ta' likwidità fl-ewwel xhur tas-sena (ara t-taqsima 3.3 hawn fuq), jista' jkun li parti mill-arretrat ma titħallasx sal-iskadenzi regolatorji fil-bidu tas-sena.
Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).
Artikolu 112 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
Il-previżjonijiet imressqa mill-Istati Membri f'Jannar 2015 ma kinux ikopru l-programmi operattivi kollha. Għal dawn il-każijiet, il-Kummissjoni użat il-previżjonijiet li rċeviet f'Settembru li għadda. Għall-2016 mhux possibbli li ssir estrapolazzjoni ta' dan it-tip tal-previżjonijiet tal-Istati Membri neqsin, peress li l-previżjonijiet imressqa f'Settembru 2014 kienu jkopru l-2014 u l-2015 biss (u mhux l-2016). Dan ifisser li l-previżjoni għall-2016 tinkludi biss dawk il-programmi operattivi li l-Istati Membri bagħtu l-informazzjoni fir-rigward tagħhom u jista' jkun li jkollha tiġi riveduta għal livell aktar għoli meta l-informazzjoni nieqsa tintbagħat.
L-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill jistabbilixxi li t-total kumulattiv tal-pagamenti ta' prefinanzjament u l-pagamenti interim li jsiru mill-Kummissjoni m'għandux jaqbeż il-95 % tal-kontribuzzjoni fuq seba' snin mill-Fondi lill-Programm Operattiv; Il-5 % li jifdal jitħallas biss fil-fażi ta' għeluq tal-programm operattiv.
Artikolu 89 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).
+ EUR 406 miljun (żieda netta fl-approprjazzjonijiet ta' pagament) għall-Għajnuna Umanitarja, + EUR 30 miljun għall-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u + EUR 250 miljun għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat.