Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2111(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0016/2019

Testi mressqa :

A9-0016/2019

Dibattiti :

PV 10/10/2019 - 3
CRE 10/10/2019 - 3

Votazzjonijiet :

PV 10/10/2019 - 8.12
CRE 10/10/2019 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0033

Testi adottati
PDF 188kWORD 72k
Il-Ħamis, 10 ta' Ottubru 2019 - Brussell
L-impjiegi u l-politiki soċjali taż-żona tal-euro
P9_TA(2019)0033A9-0016/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali taż-żona tal-euro (2019/2111(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 145, 148, 149, 151, 152, 153, 154, 155, 156, 158, 165, 166, 174 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs), b'mod partikolari l-għanijiet 1, 3, 4, 5, 8, 10 u 13,

–  wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Investimenti Soċjali tal-Kummissjoni tal-2013,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015(2) bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa",

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2018 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa: Nieħdu kont erba' snin wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti – Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għas-Summit tal-Euro tal-21 ta' Ġunju 2019" (COM(2019)0279),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Is-Semestru Ewropew 2019: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (COM(2019)0500),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2019 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (COM(2019)0151), u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tal-4 ta' April 2019(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b'saħħitha quddiem l-inċertezza globali" (COM(2018)0770),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u l-Kunsill adottat fil-15 ta' Marzu 2019,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2018)0759),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2019" (COM(2018)0758),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2019: Valutazzjoni Kumplessiva" (COM(2018)0807),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2017)0677), u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tad-19 ta' April 2018(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2017)0250),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Inizjattiva ta' appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (COM(2018)0132),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 intitolata "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020" (COM(2011)0173) u r-rapporti sussegwenti ta' implimentazzjoni u evalwazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2019/1158/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE(7),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Taking stock of the 2013 Recommendation on "Investing in children: breaking the cycle of disadvantage"" (Rendikont tar-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ") (SWD(2017)0258),

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku tal-Kummissjoni Favur l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 u l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2011-2020 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 dwar dan(8),

–  wara li kkunsidra l-miri ta' Barċellona dwar il-kura tat-tfal tal-2002, jiġifieri li sal-2010 tiġi pprovduta kura tat-tfal mill-inqas lil 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età obbligatorja tal-iskola u mill-inqas lil 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara" (COM(2016)0646),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieġ u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa" COM(2016)0581,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari (id-Direttivi (UE) 2018/849(9), 2018/850(10), 2018/851(11) u 2018/852(12)),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid – Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2016 dwar it-tnedija ta' konsultazzjoni dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127) u l-annessi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2012 bit-titolu "Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli" (COM(2012)0055),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-edukazzjoni fl-era diġitali: sfidi, opportunitajiet u tagħlimiet għat-tfassil tal-politika tal-UE(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-politiki tal-impjieg u soċjali taż-żona tal-euro(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-mezzi possibbli ta' reintegrazzjoni tal-ħaddiema li qed jirkupraw minn korriment u mard f'impjieg ta' kwalità(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi(21),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020(23),

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-OECD u l-Kummissjoni Ewropea dwar "L-Istat tas-Saħħa fl-UE"(24) u r-rapport relatat "Health at a glance: Europe 2018"(25),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2018 tal-Kummissjoni dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet: l-adegwatezza attwali u futura tal-introjtu fix-xjuħija fl-UE, ippubblikat fis-26 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-Tixjiħ 2018: Projezzjonijiet Ekonomiċi u Baġitarji għall-Istati Membri tal-UE (2016-2070), li ġie ppubblikat fit-28 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-Proċess ta' Turin, li tnieda fl-2014 u li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sistema tat-trattat tal-Karta Soċjali Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u fir-relazzjoni tiegħu mad-dritt tal-Unjoni Ewropea(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE(27),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ta' Settembru 2015 dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea lill-Kumitat ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali)(28), u l-Artikolu 141 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (1992), dwar il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali,

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku tal-Kummissjoni Favur l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 u l-għan tiegħi li jnaqqas id-disparità fil-pensjonijiet bejn is-sessi bħala prijorità ewlenija u r-Rapport tal-2018 tal-Kummissjoni dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2027, ibbażata fuq ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2018, u l-mira tal-Ewropa 2020 li jitnaqqas it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ għal inqas minn 10 %,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-Qorti tal-Awdituri ta' April 2017 bit-titolu: "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ",

–  wara li kkunsidra r-rapporti dwar ix-Xejra tal-Impjiegi tal-OECD għall-2018 u l-2019;

–  wara li kkunsidra l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà;

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2019/C 136/01),

–  wara li kkunsidra r-rieżami annwali tal-2019 tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar il-Faqar fost dawk li jaħdmu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2018 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea(29),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0016/2019),

A.  billi l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol fl-UE qed ikomplu jitjiebu, l-aktar minħabba perjodu twil karatterizzat minn ambjent ta' ekonomija internazzjonali pożittiv; billi r-rata ta' impjieg kompliet tiżdied u laħqet it-73,5 % fl-aħħar kwart tal-2018, u kien hemm 240,7 miljun ruħ jaħdmu, li huwa livell rekord ġdid; billi r-rata tal-impjieg fiż-żona tal-euro żdiedet minn 66,5 % fl-2017 għal 67,4 % fl-2018; billi d-differenzi kbar fir-rati ta' impjieg bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gruppi tal-popolazzjoni għadhom jippersistu; billi r-ritmu tat-tkabbir tar-rata ta' impjieg naqas u billi din it-tendenza mistennija tkompli; billi, jekk tali dinamika tkompli, ir-rata ta' impjieg se tilħaq l-74,3 % fl-2020;

B.  billi l-isfidi fit-tul, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-diġitalizzazzjoni u l-impatti tagħha fuq ix-xogħol, it-tibdil fil-klima u l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali għadhom urġenti;

C.  billi r-rata ta' impjieg żdiedet b'mod qawwi fost il-ħaddiema li għandhom 'il fuq minn 55 sena; billi fl-2018 ir-rata ta' impjieg tal-ħaddiema ta' bejn il-55 u l-64 sena fiż-żona tal-euro kienet ta' 58,8 %, li għadha ferm taħt il-medja; billi, speċjalment in-nisa f'din il-kategorija ta' età għandhom rata ta' impjieg aktar baxxa (52,9 %); billi t-tbassir demografiku juri għadd dejjem jikber ta' ħaddiema ikbar fl-età; billi t-tibdil demografiku għandu impatt fuq is-sistemi tal-pensjonijiet, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul;

D.  billi jinħtieġu politiki effettivi biex ikopru d-diversi forom ta' impjieg u biex jipproteġu b'mod adegwat lill-ħaddiema mill-abbuż, id-diskriminazzjoni u l-faqar;

E.  billi l-ħaddiema fil-faqar jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-persuni li jaħdmu; billi fl-2017, 9,4 % tal-persuni mpjegati kienu jinsabu f'riskju ta' faqar, filwaqt li kważi 20,5 miljun ħaddiem għexu f'unitajiet domestiċi li jinsabu f'riskju ta' faqar; billi għal ċerti kategoriji tal-popolazzjoni, b'mod partikolari l-persuni li jaħdmu part-time, dawk li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema temporanji, iż-żgħażagħ, il-persuni b'livell baxx ta' edukazzjoni u l-unitajiet domestiċi b'persuna waħda, ir-riskju tal-faqar fost dawk li jaħdmu huwa sostanzjalment ogħla u f'xi każijiet żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin;

F.  billi fl-2018, id-disparità bejn is-sessi fl-impjiegi kienet ta' 11,6 punti perċentwali u baqgħet kważi mhux mibdula mill-2013; billi madwar l-UE n-nisa jaqilgħu medja ta' 16 % anqas mill-irġiel, għalkemm dan il-perċentwal ivarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri; billi d-disparità fil-pensjonijiet bejn is-sessi hija ta' madwar 37,2 % għall-pensjonanti ta' età bejn il-65 u d-79 sena fl-UE-28; billi l-qsim mhux ugwali tar-responsabbiltajiet ta' indukrar bejn in-nisa u l-irġiel għadu prevalenti madwar l-UE;

G.  billi r-responsabbiltà primarja għall-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija tal-Istati Membri f'termini tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' oqfsa regolatorji tas-suq tax-xogħol, sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol;

H.  billi l-għadd totali ta' sigħat maħduma ilu jiżdied b'mod stabbli iżda bil-mod mill-2013; billi r-rata ta' impjieg permanenti u full-time qed tkompli tiżdied filwaqt li r-rata ta' impjieg part-time kienet fl-2018 qed tonqos; billi s-sehem tal-persuni li jaħdmu part-time fl-UE tela' minn 15 % fl-2002, għal 19 % fl-2017; billi l-impjieg part-time kien ħafna aktar komuni fost in-nisa (31 %) milli fost l-irġiel (8 %) fl-UE fl-2017; billi l-għadd ta' ħaddiema part-time mhux volontarji għadu għoli ħafna u jikkonċerna 1,3 miljun persuna aktar milli fl-2008; billi s-sehem tal-impjegati temporanji fl-UE tela' minn 11 % fl-2002 għal 13 % fl-2017;

I.  billi xi Stati Membri oħrajn jiffaċċjaw sfidi strutturali fis-suq tax-xogħol bħall-parteċipazzjoni baxxa u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tal-kwalifiki; billi hemm ħtieġa li dejjem qed tiżdied favur miżuri konkreti għall-integrazzjoni jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta' forza tax-xogħol inattiva biex jintlaħqu d-domandi tas-suq tax-xogħol;

J.  billi r-rata tal-qgħad f'Ġunju 2019 niżlet għal 6,3 % fl-UE u għal 7,5 % fiż-żona tal-euro; billi din niżlet għall-gruppi tal-etajiet kollha u kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa; billi għad hemm differenzi kbar fir-rati bejn l-Istati Membri u l-firxa tar-rati tal-qgħad fit-territorji nazzjonali u subnazzjonali kompliet titwessa' mill-2007 'l hawn; billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli b'mod inaċċettabbli u f'April 2019 kien ta' 14,2 % (medja ta' 15,2 % fl-UE fl-2018, u medja ta' 16,9 % fiż-żona tal-euro), iżda huwa anqas mil-livell ta' qabel il-kriżi fl-2008; billi d-differenzi bejn l-Istati Membri huma sinifikanti ħafna; billi, bħala medja, kull tieni persuna qiegħda li tkun qed tfittex impjieg ilha mingħajr xogħol għal aktar minn 12-il xahar, u fil-livell ta' 3,8 %, ir-rata tal-qgħad fit-tul għadha ogħla mil-livell ta' 2,9 % ta' qabel il-kriżi; billi l-qgħad għadu partikolarment għoli għall-persuni b'diżabilità;

K.  billi skont il-Eurostat, fl-2017, fl-UE-28 kien hemm 8,973 miljun ħaddiem part-time li xogħolhom ma jisfruttax il-kapaċitajiet tagħhom; billi, barra minn hekk, 8,127 miljun persuna kienu disponibbli biex jaħdmu, iżda ma fittxewx xogħol, u 2,289 miljun persuna oħra kienu qed ifittxu xogħol mingħajr ma setgħu jibdew jaħdmu f'perjodu qasir ta' żmien; billi, b'kollox dan ifisser li fl-2017 fl-UE-28, 19,389 miljun persuna kienu f'qagħda daqs li kieku kienu qiegħda, mingħajr ma kienu jingħaddu fir-rata tal-qgħad, li huwa kważi l-istess ammont ta' persuni li ġew ikkunsidrati bla xogħol (18,776 miljun);

L.  billi s-segmentazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol kif ukoll il-faqar fost dawk li jaħdmu għadhom jippersistu u jaffettwaw, b'mod partikolari, lin-nisa, il-persuni b'livell baxx ta' ħiliet, iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-minoranzi nazzjonali, lingwistiċi, etniċi u sesswali u l-persuni bi sfond ta' migrazzjoni; billi fl-2016, ir-rata ta' impjieg għall-persuni b'diżabilità kienet ta' 48,1 %, ferm anqas mir-rata ta' impjieg medja;

M.  billi l-qgħad fit-tul jaffettwa b'mod sproporzjonat liż-żgħażagħ, lill-ġenituri waħedhom, lill-persuni li jindukraw b'mod informali, lill-persuni b'mard fit-tul, diżabilità jew problemi ta' saħħa, lill-migranti u nies minn minoranzi etniċi u reliġjużi li jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma' ostakoli speċifiċi għall-aċċess għall-impjiegi u diskriminazzjoni fl-istadji kollha tal-impjieg;

N.  billi l-impjiegi ta' kwalità huma fattur importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi jeħtieġ li jintlaħqu l-membri kollha tas-soċjetà li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol u li jinsabu fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali;

O.  billi r-rata ta' postijiet tax-xogħol battala qed tkompli tikber u n-nuqqas tat-tlaqqigħ tad-domanda mal-provvista tax-xogħol għadu raġuni importanti għall-qgħad f'ħafna Stati Membri; billi n-nuqqas strutturali ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet jaffettwaw ħafna setturi, fost l-oħrajn, it-turiżmu, l-artiġġjanat tradizzjonali u s-settur tal-ICT, fejn id-distakk bejn id-domanda u l-provvista ta' speċjalisti fl-UE huwa mistenni li jikber għal madwar 500 000 sal-2020; billi minkejja t-tħassib dwar in-nuqqas ta' ħiliet u diskrepanzi, madwar 39 % tal-impjegati fl-UE huma maqbuda f'impjiegi ta' kwalità baxxa li għalihom huma kkwalifikati żżejjed;

P.  billi, skont l-istimi taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), id-distribuzzjoni tal-ħiliet fil-forza tax-xogħol, fil-biċċa l-kbira, taqbel mar-rekwiżiti tal-kwalifiki tas-suq tax-xogħol fl-2017, u l-provvista tax-xogħol qabżet id-domanda għat-tipi kollha ta' kwalifiki, filwaqt li d-differenza kienet partikolarment għolja għall-kwalifiki ta' livell baxx u medju; billi d-domanda għal forza tax-xogħol b'ħiliet aktarx li tkompli tikber, u l-aktar previżjonijiet reċenti mis-Cedefop jindikaw li bejn l-2017 u l-2025 se jinħolqu aktar minn 13-il miljun impjieg li jirrikjedu livell għoli ta' edukazzjoni, filwaqt li n-numru ta' impjiegi bi kwalifiki ta' livell baxx se jonqsu bi kważi 6 miljun;

Q.  billi l-previżjonijiet tas-Cedefop jindikaw tkabbir parallel fil-ħiliet kemm mill-aspett tad-domanda u l-provvista sal-2025; billi, madankollu, il-provvista tal-ħiliet mistennija li tikber b'mod kemxejn aktar mgħaġġel mid-domanda tal-ħiliet, billi, pereżempju, is-sehem tal-forza tax-xogħol li għandha biss edukazzjoni primarja jew sekondarja baxxa huwa mistenni li jonqos minn 20,2 % fl-2017 għal 16,8 % fl-2025; billi huwa mbassar li s-sehem ta' impjiegi għal persuni bi kwalifiki ta' livell baxx se jaqa' minn 18,4 % għal 15,4 %, iżda dan l-iżvilupp parallel ma jipprevenix diskrepanzi ta' ħiliet potenzjali bħall-kwalifikazzjoniżejda;

R.  billi s-suq tax-xogħol huwa ferm ifframmentat u kull settur għandu l-karatteristiċi partikolari tiegħu;

S.  billi aktar minn Ewropew minn kull ħamsa jinsab fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali; billi, bi tnaqqis ta' 5,6 miljun mill-2008, jidher li sar xi progress biex tintlaħaq il-mira tal-faqar tal-istrateġija Ewropa 2020; madankollu l-mira li jitnaqqas il-faqar b'tal-anqas 20 miljun sal-2020 għadha 'l bogħod milli tintlaħaq, b'113-il miljun ruħ li għadhom f'riskju; billi l-livelli ogħla ta' faqar huma esperjenzati minn gruppi vulnerabbli bħat-tfal, ġenituri waħedhom, persuni b'diżabilità u dawk b'kundizzjonijiet kroniċi ta' saħħa fiżika u mentali, migranti, Roma u minoranzi etniċi, dawk li ilhom bla xogħol u bla dar; billi l-faqar fost dawk li jaħdmu qed jikber b'rata mgħaġġla (9,6 %) u qed tiżdied id-diskrepanza fil-faqar u l-inugwaljanza fl-UE kollha; billi t-trasferimenti soċjali għandhom impatt sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-faqar f'ħafna Stati Membri (b'medja ta' 32,4 % fl-2017, mingħajr ma jitqiesu l-pensjonijiet); billi dan l-impatt naqas kull sena mill-2010 (ħlief fl-2013) u d-differenzi bejn l-Istati Membri huma sinifikanti;

T.  billi l-aċċess universali għall-akkomodazzjoni u għall-kura tas-saħħa ta' kwalità u affordabbli huwa bżonn bażiku tas-soċjetà;

U.  billi l-lakuni fil-kopertura tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u l-aċċess għas-servizzi għadhom jippersistu; billi tfaċċaw forom ġodda ta' impjieg, inkluż xogħol ta' pjattaforma u xogħol indipendenti; billi l-protezzjoni soċjali hija tradizzjonalment diretta lejn il-kopertura tal-ħaddiema f'kuntratti full time għal żmien indeterminat, u għalhekk trid tiġi adattata; billi partikolarment il-ħaddiema atipiċi ħafna drabi ma jkollhomx aċċess sħiħ għall-protezzjoni soċjali u ħafna ħaddiema għal rashom jew m'jkollhomx kopertura jew ikollhom biss kopertura limitata; billi l-impjieg indipendenti fittizju għadu jippersisti, u qed jikkawża inċertezza, prekarjetà u nuqqas ta' sigurtà, u qed jaffettwa b'mod partikolari lill-gruppi vulnerabbli; billi n-nuqqas ta' aċċess għall-protezzjoni soċjali jxekkel il-benesseri tal-forza tax-xogħol u l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol;

V.  billi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE trid tittejjeb aktar f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, sabiex tipprovdi għajnuna liż-żgħażagħ kollha li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);

W.  billi hemm diskrepanzi fl-istennija tal-għomor b'rabta mal-istatus soċjoekonomiku; billi dawn il-lakuni jirriflettu fil-biċċa l-kbira d-differenzi fl-esponiment għall-fatturi ta' riskju (inkluż fuq il-post tax-xogħol), filwaqt li l-unitajiet domestiċi bi dħul baxx huma aktar suxxettibbli mill-unitajiet domestiċi bi dħul għoli li jħabbtu wiċċhom ma' ħtiġijiet tas-saħħa mhux issodisfati; billi huwa għalhekk importanti li tiġi promossa u kkunsidrata aktar il-fatturi tas-saħħa fil-politiki dwar l-impjieg u soċjali;

X.  billi livelli intermedjarji ta' negozjar kollettiv jidhru li jipproduċu struttura ta' paga aktar kompressa; billi l-erożjoni tan-negozjar kollettiv f'diversi Stati Membri ħabtet maż-żieda fil-pagi baxxi (jiġifieri ħaddiema mħallsa anqas minn żewġ terzi tal-paga medjana);

Y.  billi s-saħħa mentali tajba hija parti kritika tal-benesseri tal-individwu; billi aktar minn persuna waħda minn kull sitta madwar l-Istati Membri tal-UE kellha problema ta' saħħa mentali fl-2016; billi l-persuni li jirrapportaw depressjoni kronika huma ħafna anqas probabbli li jkollhom xogħol;

Z.  billi huwa stmat li l-ispejjeż totali tal-mard mentali madwar l-UE huma ta' aktar minn EUR 600 biljun, jew aktar minn 4 % tal-PDG;

AA.  billi fl-2017 l-introjtu disponibbli reali gross tal-unitajiet domestiċi per capita qabeż il-livell tal-2008 ta' qabel il-kriżi fiż-żona tal-euro, għalkemm dan ma kienx il-każ fi tmien Stati Membri jew f'bosta reġjuni; billi l-introjti aggregati tal-unitajiet domestiċi żdiedu aktar bil-mod mill-PDG, u dan jindika li ż-żidiet fl-introjtu bis-saħħa tal-irkupru laħaq lill-unitajiet domestiċi sa ċertu punt biss, li jissuġġerixxi li t-tkabbir reċenti mhuwiex inklużiv; billi f'termini reali, il-pagi medji għadhom lura meta mqabbla mal-livelli ta' qabel il-kriżi f'ħafna Stati Membri, u fl-2017 it-tkabbir tagħhom baqa' anqas mit-tkabbir fil-produttività; billi l-inugwaljanza fl-introjtu sikwit għandha rabta ma' aċċess mhux ugwali għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-protezzjoni soċjali;

AB.  billi skont l-Ewrobarometru tal-2018, is-sitwazzjoni soċjoekonomika u l-kwistjonijiet ambjentali huma l-aktar preokkupazzjonijiet personali importanti taċ-ċittadini tal-UE;

AC.  billi l-iżviluppi globali bħad-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ambjentali jenfasizzaw il-bżonn urġenti għal approċċ komuni tal-UE; billi dawn l-isfidi globali jaffettwaw lir-reġjuni u t-territorji b'modi differenti; billi r-rwol tad-djalogu soċjali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili huwa kruċjali għal tranżizzjoni inklużiva; billi l-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika għadu baxx f'ħafna Stati Membri;

AD.  billi s-setturi ekonomiċi li huma responsabbli għal kważi 90 % tal-emissjonijiet totali tas-CO2 jimpjegaw madwar 25 % tal-forza tax-xogħol fl-UE; billi t-taħriġ mill-ġdid ta' din il-forza tax-xogħol huwa parti importanti fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli;

AE.  billi l-politiki ambizzjużi dwar il-klima jiġġeneraw l-impjiegi u t-tkabbir, u għandhom effetti pożittivi fuq il-benesseri; billi, skont il-projezzjonijiet, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi se toħloq 1,2 miljun impjieg addizzjonali fl-UE sal-2030, apparti t-12-il miljun impjieg ġdid diġà mistennija;

AF.  billi mir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż għall-2011-2018, 9 % biss kienu implimentati b'mod sħiħ, filwaqt li 17 % kellhom progress sostanzjali, 44 % kellhom xi progress, 25 % raw biss progress limitat u 5 % ma rreġistraw l-ebda progress;

AG.  billi fl-2019 il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet biex ittejjeb l-effikaċja, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà tal-kura tas-saħħa għal 15-il Stat Membru;

AH.  billi l-ispejjeż medji tal-akkomodazzjoni u l-piż finanzjarju żejjed naqsu fl-UE, iżda l-iskarsezza ta' akkomodazzjoni adegwata u affordabbli għadha problema li qed tikber f'ħafna Stati Membri; billi fl-2017 wieħed minn kull għaxar Ewropej nefaq 40 % jew aktar tal-introjtu tal-unità domestika fuq l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni;

AI.  billi djalogu soċjali li jiffunzjona tajjeb huwa element fundamentali tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u jnaqqas il-kunflitti fis-soċjetà, għall-ġid komuni tal-ħaddiema, ta' min iħaddem u tal-gvernijiet; billi d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma essenzjali għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki li jistgħu jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-impjieg;

AJ.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jagħtu kontribut essenzjali billi jipprovdu servizzi għall-inklużjoni kif ukoll billi jirrappreżentaw medda ta' fehmiet fit-tfassil tal-politika;

1.  Jinnota li filwaqt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi fl-UE attwalment huma favorevoli u l-impjieg ġenerali qiegħed kostantement jikber, għadu ferm importanti li jiġi indirizzat malajr il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom in-NEETs, u għad hemm ħtieġa urġenti għal titjib f'termini ta' qgħad fit-tul, l-inugwaljanzi u segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli, il-faqar fost dawk li jaħdmu, u l-produttività, speċjalment fil-kuntest ta' tnaqqis ekonomiku jew reċessjoni globali potenzjali; jiddispjaċih ħafna li t-tkabbir reali fil-pagi fil-livell tal-Unjoni għadu inqas minn dak li jista' jiġi mistenni fid-dawl tal-prestazzjoni pożittiva tas-suq tax-xogħol u tal-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta skema Ewropea ta' riassigurazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad biex tipproteġi liċ-ċittadini u tnaqqas il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi matul xokkijiet esterni; ;

2.  Jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi 2019 tal-Kummissjoni u jilqa' l-enfasi aktar b'saħħitha fuq l-investiment; jinnota li kważi terz tas-CSRs li nħarġu sal-2018 ma ġewx implimentati; jinnota li l-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' CSRs li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni li tirregola r-relazzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-impjieg kienet konsiderevoli; jiddispjaċih madankollu li l-implimentazzjoni tas-CSRs dwar is-saħħa u l-kura fit-tul kienet partikolarment bil-mod u l-progress li sar fir-rigward tas-CSRs tal-2018 huwa agħar minn dak li sar fi snin preċedenti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel il-pressjoni meħtieġa fuq l-Istati Membri, irrispettivament mis-sħubija tagħhom fiż-żona tal-euro, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet; jemmen li l-implimentazzjoni ta' riformi orjentati lejn il-futur hija kruċjali għat-tisħiħ tal-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija tal-UE, it-trawwim tal-inklużjoni soċjali u t-titjib tad-drittijiet soċjali u tal-benesseri tar-residenti kollha fl-Unjoni;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet biex jispustjaw it-tassazzjoni tagħhom minn fuq ix-xogħol għal fuq fatturi oħrajn li huma inqas detrimentali għat-tkabbir sostenibbli;

4.  Jinnota li għad hemm diverġenzi konsiderevoli fl-impjieg bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-gruppi tal-popolazzjoni, li joħolqu pajjiżi, reġjuni u gruppi tal-popolazzjoni li l-vantaġġ kompetittiv prinċipali jew saħansitra l-uniku tagħhom fis-suq tax-xogħol tal-UE huwa dħul baxx u/jew kundizzjonijiet tax-xogħol indeċenti; jenfasizza li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta' politiki speċifiċi tal-impjieg sabiex jindirizzaw il-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet esperjenzati mir-reġjuni fi żvantaġġ demografiku, bħar-reġjuni depopolati jew skarsament popolati, b'enfasi speċjali fuq is-settur agrikolu, bil-għan li titrawwem il-kapaċità tagħhom li joħolqu l-impjiegi u l-valur miżjud fiż-żoni rurali; iqis li huwa neċessarju li r-rati ta' impjieg u d-dħul jiżdiedu u jiġi promoss il-ħolqien ta' impjiegi deċenti sabiex jintlaħaq l-għan tal-Ewropa 2020 ta' rata ta' impjieg ta' mill-inqas 75 %;

5.  Jiddeplora l-fatt li f'ħafna Stati Membri l-introjtu gross disponibbli per capita tal-unitajiet domestiċi għadu taħt il-livell tal-2008 ta' qabel il-kriżi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex inaqqsu l-inugwaljanzi;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa għal politiki mfassla sew għas-suq tax-xogħol u għal riformi li joħolqu impjiegi ta' kwalità billi jiġu adottati miżuri li jiżguraw pagi minimi adegwati u remunerazzjoni ġusta, jipproteġu u jippromwovu s-saħħa u l-benesseri tal-impjegati, jagħtu prijorità lill-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni qiegħda, jippromwovu l-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali u d-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż fis-settur pubbliku, jiffaċilitaw l-aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali għal kulħadd u l-mobilità tal-forza tax-xogħol, iqisu r-reġjuni rurali u iżolati, u jindirizzaw l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi bejn il-ġeneri;

7.  Jinnota bi tħassib kbir il-livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'għadd ta' Stati Membri u l-vulnerabbiltà ta' ħaddiema żgħażagħ impjegati ġodda; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħmlu l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ prijorità, u biex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti finanzjarji, bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-programmi tal-UE bħall-Erasmus+ u miżuri mfassla apposta biex jiġu indirizzati l-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-trawwim tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; jiddispjaċih ferm li ħafna Ewropej qed jaħdmu part-time involontarjament; jinnota li dan għandu konsegwenzi detrimentali għall-protezzjoni soċjali tagħhom;

8.  Jinnota li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol qed tkompli tikber, iżda huwa mħasseb li d-disparità bejn is-sessi fl-impjiegi baqgħet kważi ma nbidlitx mill-2013 u li għad hemm jippersisti livell għoli ta' inugwaljanzi bejn is-sessi f'termini ta' impjiegi u paga; jinnota bi tħassib li n-nisa huma rrappreżentati żżejjed fis-setturi bi ħlas aktar baxx u jaħdmu aktar ta' spiss f'impjiegi li huma kkwalifikati żżejjed għalihom; jinnota li ftit Stati Membri ħadu azzjoni biex jindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jsaħħu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel u d-diżinċentivi għax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi sabiex tnaqqas malajr id-disparità bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

9.  Jiddispjaċih ħafna li l-mira ta' Barċellona dwar id-disponibbiltà ta' kura tat-tfal ta' 90 % għat-tfal mill-età ta' 3 snin sal-età skolastika obbligatorja mhux se tintlaħaq; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jsaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex jipprovdu aċċess għal kura tat-tfal affordabbli, indukrar bikri tat-tfal u faċilitajiet ta' kura fit-tul; jistieden lill-Istati Membri jtejbu t-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'dawn is-servizzi (inklużi s-servizzi tas-saħħa); jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u malajr id-direttiva adottata reċentement dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw u biex aktar irġiel jitħeġġu jieħdu l-liv imħallas tal-familja;

10.  Jieħu nota tas-CSRs iddedikati għall-ħolqien ta' suq uniku miftuħ, kompetittiv u dinamiku, li huwa essenzjali biex tiġi stimulata l-produttività, jiġi ffaċilitat it-tkabbir u jiġu pprovduti opportunitajiet ta' impjieg; jenfasizza l-importanza tad-distribuzzjoni ġusta taż-żiedet fil-prosperità f'dan il-kuntest; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw il-produttività permezz ta' riformi li jneħħu regolamentazzjoni mhux neċessarja; jenfasizza l-fatt li l-investimenti fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol mhux biss itejbu l-kwalità tal-impjiegi u l-benesseri tal-ħaddiema, iżda għandhom ukoll effett pożittiv fuq il-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

11.  Jirrimarka dwar il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-etaiżmu fis-swieq tax-xogħol, pereżempju billi jitnaqqas id-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u dawk akbar fl-età, is-sensibilizzazzjoni dwar id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi(30), inkluż fis-settur pubbliku, l-iżgurar tal-aċċess għal opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja permezz ta' korsijiet personalizzati u taħriġ, il-ġlieda kontra d-distakk fil-pensjonijiet, u t-trawwim ta' programmi ta' mobilità u ta' skambju tal-ħiliet fost ir-residenti anzjani tal-UE; jinnota li l-ħaddiema aktar anzjani u dawk b'inqas ħiliet huma ferm inqas probabbli li jipparteċipaw fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex ibiddlu din ix-xejra; huwa tal-fehma li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-ħaddiema akbar fl-età u lil politiki li jżidu l-appoġġ u li jippermettu soċjetà attiva tul il-ħajja, b'mod partikolari politiki mmirati għal ħaddiema ta' età ta' aktar minn 50 sena;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra gruppi etniċi fis-suq tax-xogħol u li tiġi miġġielda d-differenza etnika fil-pagi u fil-pensjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija ta' ppjanar fit-tul għall-integrazzjoni ta' gruppi ta' minoranzi etniċi fis-suq tax-xogħol, sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-esklużjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-etniċità, is-sħubija f'minoranza jew f'lingwa minoritarja, billi jqajmu kuxjenza, jimplimentaw strateġiji ta' diversità u jiġbru u janalizzaw data diżaggregata affidabbli dwar id-diskriminazzjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-inklużjoni akbar fis-suq tax-xogħol tal-gruppi li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, bħall-ġenituri waħedhom, persuni li jindukraw b'mod informali, persuni b'mard fit-tul, diżabilitajiet, problemi tas-saħħa jew mard kroniku kumpless, migranti u refuġjati u persuni minn minoritajiet etniċi u reliġjużi u l-integrazzjoni aħjar tagħhom fis-soċjetà;

14.  Jilqa' l-progress li sar taħt l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 u b'mod speċjali d-Direttiva (UE) 2019/882 dwar l-aċċessibbiltà(31); madankollu jenfasizza li jeħtieġ li jsir aktar; jiddispjaċih ħafna li l-persuni b'diżabilità baqgħu żvantaġġati b'mod konsistenti f'termini ta' impjieg, edukazzjoni u inklużjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw miżuri speċifiċi fl-oqsma tal-impjiegi, tal-edukazzjoni u soċjali biex jiżguraw l-inklużjoni effettiva ta' persuni b'diżabilità, b'mard fit-tul u mard kroniku, inklużi dawk b'disturbi tas-saħħa mentali u b'diżabilitajiet psikosoċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jmorru lil hinn mill-miżuri ta' appoġġ u joħolqu aktar inċentivi għall-impjieg, aċċessibilità aħjar u akkomodazzjoni raġonevoli(32), inkluż billi jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta' inklużjoni ekonomika u soċjali li toffri d-diġitalizzazzjoni;

15.  Jinnota ż-żieda f'forom ġodda ta' impjieg, inkluża t-trasformazzjoni kkawżata mid-diġitalizzazzjoni u mill-awtomatizzazzjoni; jenfasizza li tali tendenzi simultanjament jipprovdu benefiċċji u sfidi; jenfasizza l-importanza ta' politiki ta' tagħlim tul il-ħajja li jippermettu lill-ħaddiema jħejju għal tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali, b'mod partikolari meta jiġu żviluppati strateġiji ulterjuri biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi; jinnota li din it-trasformazzjoni tista' twassal għal każijiet ta' impjieg atipiku u prekarju; jinnota bi tħassib l-inadegwatezza u n-nuqqas ta' aċċess għal sistemi ta' protezzjoni soċjali għall-ħaddiema atipiċi u dawk li jaħdmu għal rashom, inkluż liv imħallas u vaganzi mħallsa; jenfasizza li l-impjieg indipendenti fittizju huwa problema persistenti li jeħtieġ li tiġi indirizzata; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod partikolari wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, li ntlaħaq ftehim dwarha fis-6 ta' Diċembru 2018; jilqa' din ir-rakkomandazzjoni bħala l-ewwel pass, iżda jenfasizza li jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi żgurat l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għal kulħadd;

16.  Jinnota li x-xogħol fuq pjattaformi online fl-UE żdied b'aktar minn 25 % matul dawn l-aħħar sentejn biex issa laħaq il-5 miljun ħaddiem, u li terz tat-tranżazzjonijiet kollha permezz ta' pjattaformi jitwettqu b'mod transfruntier; jirrimarka li l-ħaddiema tal-pjattaformi spiss ma jkunux koperti minn sistemi ta' protezzjoni soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru data aħjar u aktar armonizzata dwar l-għadd ta' ħaddiema tal-pjattaformi, u l-istatus tal-impjieg, il-kontenut tal-impjiegi u d-dħul tagħhom; jappella għal inizjattiva kkoordinata tal-UE biex tiżgura li l-ħaddiema kollha tal-pjattaformi jkollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali u huma ggarantiti d-drittijiet kollha tagħhom soċjali u tax-xogħol, irrispettivament mill-istatus ta' impjieg tagħhom, u biex il-kopertura ta' ftehim kollettiv tiġi estiża biex tkopri lill-ħaddiema tal-pjattaformi;

17.  Jenfasizza li t-teknoloġiji l-ġodda ta' komunikazzjoni u l-flessibbiltà fl-organizzazzjoni tax-xogħol sikwit jistgħu jwasslu għal sigħat itwal ta' xogħol u ħin ta' xogħol, ħajja privata u ħin personali li jaħbtu flimkien; jirrimarka b'mod partikolari għall-ħtieġa li jiġi stabbilit dritt ta' skonnessjoni diġitali u li jiġu esplorati l-kunċett tal-faqar tal-ħin u tal-awtonomija fir-rigward tal-ħin tax-xogħol;

18.  Jenfasizza li hija meħtieġa trasformazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-livelli kollha sabiex isir użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji tad-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija u biex jiġu żviluppati l-ħiliet "personali" u l-kompetenzi meħtieġa biex jiġu ssodisfati d-domandi tas-suq tax-xogħol u biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi tal-lum u ta' għada; iqis li n-nuqqas ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet jistgħu jkunu ostakli kbar għall-investiment; jenfasizza li sabiex jinkisbu ħiliet adegwati huwa meħtieġ li jitjiebu l-kwalità, id-disponibbiltà, l-inklussività, l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, u li jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki; jenfasizza li huwa importanti li n-negozji jingħataw inċentivi biex iżidu l-investiment tagħhom fit-taħriġ; jenfasizza li l-investiment fl-edukazzjoni huwa fundamentali għal koeżjoni soċjali; jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' dawk li jħallu l-iskola kmieni; jistieden lill-Istati Membri jsegwu strateġija parallela li jagħmlu l-edukazzjoni regolari inklużiva kif ukoll jipprovdu programmi mmirati għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri jżidu u jinkuraġġixxu l-investiment fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid u fit-taħriġ komprensiv fil-ħiliet diġitali, vokazzjonali u intraprenditorjali, filwaqt li jqisu l-qalba lejn l-ekonomija diġitali u lejn ekonomija aktar ekoloġika, u d-domanda għal professjonisti tekniċi kkwalifikati f'ħafna pajjiżi u reġjuni; jenfasizza li kundizzjonijiet diċenti ta' xogħol u impjieg huma fattur kruċjali biex jiġu attirati ħaddiema tas-sengħa;

19.  Jaqbel mal-Kummissjoni li jinħtieġu sforzi f'waqthom biex tiġi indirizzata d-diġitalizzazzjoni, li l-UE kollha kemm hi għandha tħaffef il-proċess, li jkun hemm allinjament aħjar tal-politiki tal-Unjoni, tal-Istati Membri u dawk reġjonali, għandu jkun hemm l-ippuljar tar-riżorsi pubbliċi u privati biex jiżdied l-investiment, u li għandhom jiġu żviluppati sinerġiji aktar b'saħħithom fl-ekonomija u s-soċjetà diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasformazzjoni diġitali effikaċi u ekwa tas-servizzi u li ħadd ma jibqa' lura; jenfasizza li programmi ta' litteriżmu diġitali għandhom jindirizzaw kwistjonijiet ta' privatezza u ta' protezzjoni tad-data;

20.  Jemmen li l-isfidi tat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika jeħtieġu appoġġ deċiżiv għas-soċjetà, il-ħaddiema u n-negozji biex dawn jingħataw għajnuna biex jadattaw għal dawn it-trasformazzjonijiet kruċjali, b'enfasi partikolari fuq ir-reġjuni l-aktar milquta, billi jtejbu t-taħriġ u l-edukazzjoni bil-għan li jiġu adattati l-ħiliet u jinħolqu impjiegi ġodda fis-setturi tal-ambjent u diġitali; jitlob għall-iffukar partikolari fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, inklużi l-persuni fir-riskju tal-faqar u/jew tal-privazzjoni materjali estrema;

21.  Jenfasizza li ż-żieda fl-użu u l-iżvilupp tal-ħiliet hija marbuta mal-ħolqien ta' valur miżjud u kompetittività u għandha tkun fil-qalba tal-politiki tal-UE mmirati lejn il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku permezz tal-investiment fil-ħiliet; jirrimarka li, għalkemm huma kundizzjoni neċessarja għat-tkabbir, il-ħiliet weħidhom mhumiex biżżejjed; jappella għalhekk għal miżuri komplementari, apparti l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali, biex jinħolqu u jitfasslu impjiegi ta' kwalità fis-suq tax-xogħol li jisfruttaw bl-aħjar mod il-ħiliet tal-ħaddiema;

22.  Jesprimi tħassib dwar l-għadd konsistentement għoli ta' nies fl-Ewropa li m'għandhomx ħiliet bażiċi fin-numeriżmu u fil-litteriżmu peress li dawn huma rekwiżit fundamentali għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri b'saħħithom biex issaħħu l-provvista tagħhom ta' taħriġ tal-ħiliet bażiċi, b'mod partikolari għall-gruppi l-aktar marġinalizzati fis-soċjetà; jenfasizza l-importanza ta' arranġamenti robusti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali sabiex jiġi ggarantit li l-ħiliet u l-kompetenzi jiġu rikonoxxuti kemm jista' jkun b'mod wiesa' u sabiex tiġi promossa l-flessibbiltà bejn mogħdijiet differenti ta' edukazzjoni u taħriġ;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi u jżommu assistenza teknika bil-ħsieb li jiżdiedu l-opportunitajiet għall-promozzjoni ta' xogħol deċenti għaż-żgħażagħ permezz ta' programmi ta' impjieg, appoġġ għal imprendituri żgħażagħ permezz ta' EntreComp, programmi ta' apprendistat ta' kwalità għolja, u taħriġ lingwistiku u vokazzjonali, inkluż permezz ta' kurrikuli tal-iskola fl-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-intraprenditur u l-komunità ta' riċerka u partijiet interessati rilevanti oħra;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu u jimmodernizzaw is-servizzi tal-impjieg pubbliku f'kull livell territorjali permezz tat-taħriġ kontinwu tal-operaturi, l-inklużjoni ta' konsulenti u tuturi speċjalizzati ħafna u l-implimentazzjoni ta' politiki mmirati għal kull kategorija tas-suq tax-xogħol;

25.  Jenfasizza li l-għanijiet soċjali u ekonomiċi tal-Unjoni għandhom jingħataw l-istess prijorità u r-riżorsi finanzjarji garantiti fil-baġit li jmiss, u li s-Semestru Ewropew għandu jissaħħaħ biex jinkludi dimensjoni soċjali matul iċ-ċiklu kollu tiegħu bl-involviment tal-korpi kompetenti tal-UE u tal-istati membri li jittrattaw il-politiki soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb is-CSRs għall-membri taż-żona tal-euro billi toħloq qafas matriċi fejn il-politiki soċjali relatati mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bħall-aċċess inklużiv għall-edukazzjoni, is-saħħa, in-nutrizzjoni, l-impjiegi u l-akkomodazzjoni, u l-preservazzjoni tad-drittijiet soċjali, jiġu analizzati għal kull settur soċjali bħalma huma t-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-minoranzi, il-migranti u l-persuni b'diżabilità, biex b'hekk tinħoloq immaġni ħafna aktar preċiża tas-saħħa ekonomika u soċjali tal-Istati Membri, u tiġi eżaminata l-estensjoni possibbli ta' dan il-komponent ġdid tas-CSRs għall-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro; jirrimarka li s-CSRs għandhom ikunu koerenti mal-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-UE u għandhom isaħħu aktar milli jikkontradixxu lil xulxin; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu strateġija Ewropea sostenibbli sabiex ngħelbu l-isfidi soċjali, ekonomiċi u klimatiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu d-drittijiet soċjali billi jipproponu leġiżlazzjoni, inklużi strumenti finanzjarji fejn xieraq u wara reviżjoni, biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom kif stabbilit fit-Trattati;

26.  Iqis fundamentali li tiġi definita u finalizzata d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea; għal dan il-għan, jemmen li huwa essenzjali li jiġu żgurati d-drittijiet għal kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti, għall-akkomodazzjoni xierqa, għal sistema tal-kura tas-saħħa effiċjenti u aċċessibbli u għal kura fit-tul;

27.  Jenfasizza li djalogu soċjali li jiffunzjona tajjeb huwa għodda ewlenija fit-tiswir tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bis-sehem ta' varjetà ta' atturi f'diversi livelli, li tibbilanċja l-interessi tal-ħaddiema u ta' min iħaddem u tikkontribwixxi kemm għall-kompetittività ekonomika kif ukoll għall-koeżjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu d-djalogu soċjali madwar l-Ewropa biex jibbilanċjaw ir-relazzjonijiet industrijali u fejn meħtieġ biex isaħħu l-opportunitajiet għal negozjar kollettiv;

28.  Jiddeplora l-fatt li l-faqar għadu għoli b'mod inaċċettabbli; jenfasizza li hemm riskju ogħla ta' faqar fi żminijiet ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku; jenfasizza li filwaqt li fl-2017 l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali (AROPE) fl-UE kompla jonqos, fl-2017 kien hemm madwar 113-il miljun persuna fl-UE u 74 miljun persuna fiż-żona tal-euro f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali; jiddispjaċih li l-għan tal-Ewropa 2020 għat-tnaqqis tal-faqar probabbilment mhux se jintlaħaq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex inaqqsu l-faqar, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu, kif ukoll il-faqar esperjenzat mill-gruppi vulnerabbli; jenfasizza l-ħtieġa li jinqered il-faqar fost it-tfal u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni għall-implimentazzjoni ta' Garanzija Ewropea għat-Tfal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu strateġija kontra l-faqar ibbażata fuq id-drittijiet imsejsa fuq l-inklużjoni attiva integrata li tikkombina l-implimentazzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali, is-servizzi ta' kwalità għolja u l-impjiegi b'pagi ġusti; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw azzjonijiet u strateġiji f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali ta' dawk li għalihom is-suq tax-xogħol huwa inaċċessibbli;

29.  Jenfasizza li l-impjiegi deċenti, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali adegwata irrispettivament mir-relazzjoni ta' impjieg jew it-tip ta' kuntratt, iż-żieda fil-pagi u s-servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja u b'riżorsi suffiċjenti, inklużi s-sistemi edukattivi u offerti aċċessibbli ta' tagħlim tul il-ħajja, għandhom impatt sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u tar-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u fuq it-titjib tas-saħħa u tal-benessri; jilqa' l-impatt sinifikanti tat-trasferimenti soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar; jiddispjaċih madankollu li dan mhuwiex rifless fil-politiki nazzjonali tal-Istati Membri kollha; jenfasizza l-importanza tal-evalwazzjoni trasparenti tal-istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari fil-qasam tat-tnaqqis tal-faqar, u l-iżvilupp ta' strateġija soċjali u sostenibbli wara l-2020 li tipprijoritizza l-qerda tal-faqar u tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli permezz ta' proċessi ta' djalogu sinifikanti mas-soċjetà ċivili u mal-persuni b'esperjenza diretta tal-faqar fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

30.  Jinnota li fl-2017, 9.4 % tal-persuni impjegati kollha fl-UE kienu fir-riskju tal-faqar u li l-faqar fost dawk li jaħdmu qiegħed jiżdied f'ħafna Stati Membri; Jenfasizza li l-faqar fost dawk li jaħdmu huwa sinjal fundamentali ta' inġustizzja soċjali u jemmen li huwa essenzjali li tiżdied il-kapaċità tal-akkwist tal-ħaddiem, li jissaħħaħ in-negozjar kollettiv u li tiġi definita sistema b'saħħitha u armonizzata ta' drittijiet u protezzjonijiet għal kull forma ta' xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva biex jiżguraw li n-nies ikunu jistgħu jaffordjaw ħajja deċenti għalihom infushom u għall-familji tagħhom fuq il-pagi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq strument legali biex jiġi żgurat li kull ħaddiem fl-Unjoni jkollu paga minima ġusta, li tista' tiġi stabbilita skont it-tradizzjonijiet nazzjonali, jew permezz ta' ftehimiet kollettivi jew dispożizzjonijiet legali;

31.  Iqis li l-firxa ta' impjiegi temporanji jew prekarji qed tirriskja li jkollha effetti perikolużi f'termini tal-adegwatezza tal-pensjoni, b'mod partikolari għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ li ta' spiss jiffaċċjaw perjodi ta' diskontinwità fil-perkors tal-karriera u b'hekk tal-kontribuzzjonijiet tagħhom, u l-istabilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

32.  Jinnota l-iżviluppi preokkupanti fis-swieq tal-akkomodazzjoni mġebbda żżejjed f'diversi Stati Membri u l-konsegwenzi detrimentali tagħhom b'mod partikolari fuq persuni bi dħul baxx u f'ċerti reġjuni; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni (biex inaqqsu l-ostakli tal-provvista, ineħħu d-distorsjonijiet u jnaqqsu l-preġudizzji li jinħolqu mis-sistema tat-taxxa) u biex jieħdu azzjoni f'konformità mar-Rakkomandazzjoni 19 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mis-Semestru Ewropew biex jimmonitorjaw u jappoġġjaw il-progress dwar l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Qafas Ewropew għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli biex ikun hemm koordinazzjoni effiċjenti tal-politiki tal-Istati Membri;

34.  Jinnota li s-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa huma essenzjali biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota bi tħassib li l-maġġoranza tal-Istati Membri rċevew CSRs biex itejbu l-effikaċja, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà, l-affordabbiltà, il-kwalità u l-kosteffettività tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' prevenzjoni u promozzjoni tas-saħħa, immirati b'mod partikolari lejn iż-żgħażagħ minn popolazzjonijiet żvantaġġati; jistieden lill-Istati Membri jinvestu bi prijorità fil-prevenzjoni fil-politiki tas-saħħa tagħhom; jitlob li jiġu segwiti b'mod attiv kampanji ta' promozzjoni tas-saħħa kemm għas-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali; ifakkar fl-importanza li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-persuni ta' età tax-xogħol li jkunu qed jirkupraw minn mard; jistieden lill-Istati Membri jinvestu fis-servizzi tal-kura għall-persuni fl-istadji kollha ta' ħajjithom, ikomplu jsegwu bil-għan li jinkisbu l-miri ta' Barċellona tal-2002 tal-kura tat-tfal, u biex jiġu żviluppati l-miri tal-kura għall-anzjani u għall-persuni dipendenti;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri speċifiċi biex jagħtu segwitu għall-Qafas Ewropew għal Azzjoni dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali u l-Kumpass tal-UE għal Azzjoni dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali; jemmen li dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-promozzjoni tas-saħħa mentali u miżuri ta' prevenzjoni u jkunu koerenti ma' strumenti ta' politika oħrajn bil-għan li jitnaqqsu d-determinanti soċjali sottostanti tas-saħħa mentali;

36.  Jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ mill-qrib u, fejn meħtieġ, rieżami tal-fondi tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat finanzjament effettiv f'konformità mal-objettivi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw kwalunkwe użu ħażin, frodi u korruzzjoni relatati mal-fondi tal-Unjoni;

37.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu rrispettati r-rakkomandazzjonijiet tal-Awdituri tal-UE;

38.  Jemmen li sabiex tinżamm u tiżdied il-kompetittività globali, il-qafas regolatorju tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri jeħtieġ li jkun ċar, sempliċi u flessibbli, filwaqt li jinżammu l-istandards għoljin tax-xogħol;

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(2) https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/5-presidents-report_mt.pdf
(3) ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0337.
(5) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0181.
(7) ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.
(8) ĠU C 155, 25.5.2011, p. 10.
(9) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 93.
(10) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 100.
(11) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109.
(12) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141.
(13) Testi adottati, P8_TA(2019)0202.
(14) Testi adottati, P8_TA(2018)0485.
(15) Testi adottati, P8_TA(2018)0432.
(16) Testi adottati, P8_TA(2018)0325.
(17) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 89.
(18) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 156.
(19) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 135.
(20) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.
(21) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.
(22) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 157.
(23) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 117.
(24) https://ec.europa.eu/health/state/glance_mt
(25) https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/state/docs/2018_healthatglance_rep_en.pdf
(26) https://www.coe.int/en/web/turin-european-social-charter/turin-process
(27) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 25
(28) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(29) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105.
(30) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(31) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
(32) Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD); "Akkomodazzjoni raġonevoli" tfisser "modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f'każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b'diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha" (https://www.ohchr.org/EN/HRBodies/CRPD/Pages/ConventionRightsPersonsWithDisabilities.aspx); L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi jiddikjara: "Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta' persuni b'diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu miżuri approprjati, meta meħtieġa f'każ partikulari, biex jippermettu persuna b'diżabilità li jkollha aċċess għal impjieg, u tipparteċipa fih, jew tavvanza fih, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta' miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat" (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:32000L0078&from=EN); Is-sit web tal-Kummissjoni jgħid: "Akkomodazzjoni raġonevoli hija kwalunkwe bidla f'impjieg jew f'ambjent tax-xogħol li hija meħtieġa biex persuna b'diżabbiltà tkun tista' tapplika, twettaq u tavvanza f'funzjonijiet ta' impjieg, jew issegwi taħriġ" (https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=147).

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza