Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI (2019/2933(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), adottati fi New York fis-16 ta' Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU (UNCRC),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 207 u t-Titoli IV u V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tal-Karta,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-2013,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Yogyakarta (dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'Rabta mal-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru) adottati f'Novembru 2006 u l-10 prinċipji komplementari tagħhom (YP+10, Prinċipji Addizzjonali u Obbligi tal-Istat dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess) adottati fl-10 ta' Novembru 2017,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Marzu 2010 dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024)(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja fl-UE(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika(9),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Istħarriġ dwar l-LGBT fl-UE mniedi mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ;
B. billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jonoraw l-obbligi u d-dmirijiet taħt id-dritt internazzjonali u t-Trattati tal-UE li jirrispettaw, jiggarantixxu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet fundamentali;
C. billi r-riċerka, l-istħarriġ u r-rapporti(10) juru li d-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI qed jiżdiedu madwar l-UE; billi fl-UE qed jiżdiedu d-delitti ta' mibegħda mmotivati mil-fobija mil-LGBTI; billi dawn l-attakki jiksru d-drittijiet fundamentali ta' persuni LGBTI u r-rispons mill-awtoritajiet pubbliċi spiss ikun inadegwat;
D. billi l-attakki fuq id-drittijiet fundamentali ta' persuni LGBTI jirrappreżentaw theddida serja għar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-UE, u billi dawn l-attakki spiss ikunu akkumpanjati minn attakki fuq id-drittijiet tan-nisa u tal-minoranzi;
E. billi d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI minn awtoritajiet pubbliċi għandu impatt usa' fil-leġittimizzazzjoni u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-persekuzzjoni, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI fis-soċjetà kollha kemm hi;
F. billi s-sikurezza tal-komunità LGBTI mhijiex separata mis-sikurezza ta' dawk kollha li jgħixu fl-Ewropa, u l-erożjoni ta' dik is-sikurezza hija markatur tal-erożjoni tad-drittijiet fundamentali kollha; billi r-retorika ksenofobika kkontribwiet ukoll għall-ħolqien ta' ambjent kull ma' jmur inqas sikur u mhux sostenibbli għall-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu d-drittijiet tal-persuni LGBTI;
G. billi hemm reazzjoni negattiva kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE u lil hinn minnha li hija mmirata u għandha impatt dirett fuq persuni LGBTI, flimkien man-nisa b'mod ġenerali; billi din ir-rigressjoni ġiet xprunata mill-populiżmu u mill-estremiżmu tal-lemin estrem;
H. billi għadha tippersisti fl-UE kollha l-istigmatizzazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess attwali jew perċepiti;
I. billi hemm nuqqas serju ta' monitoraġġ sistematiku, dokumentazzjoni u ġbir ta' data dwar il-mibegħda u l-vjolenza kontra persuni LGBTI;
J. billi għad hemm wisq delitti fobiċi fil-konfront tal-LGBTI li ma jiġux irrappurtati; billi r-rappurtar iġorr miegħu r-riskju u l-biża' tad-divulgazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess u l-espressjoni tal-ġeneru tal-persuna;
K. billi miżuri legali kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza jinsabu fis-seħħ fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; billi, madankollu, l-implimentazzjoni għadha insuffiċjenti, u dan iħalli lill-persuni LGBTI vulnerabbli għal delitti ta' mibegħda, diskors ta' mibegħda u diskriminazzjoni, speċjalment fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-akkomodazzjoni;
L. billi ħafna attakki mwettqa minn awtoritajiet pubbliċi kontra persuni LGBTI kellhom fil-mira istituzzjonijiet edukattivi u skejjel; billi dan huwa ta' detriment b'mod partikolari għaż-żgħażagħ LGBTI;
M. billi l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jaqgħu taħt id-dritt ta' individwu għall-privatezza, iggarantit mid-dritt internazzjonali, Ewropew u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu promossi mill-awtoritajiet pubbliċi(11);
N. billi l-libertà ta' espressjoni għandha tiġi ggarantita offline u online għall-midja, l-organizzazzjonijiet kulturali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-individwi, b'mod partikolari fid-dawl tat-tendenza inkwetanti lejn it-tneħħija u l-projbizzjoni ta' kontenut LGBTI fuq in-netwerks soċjali;
O. billi d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra persuni LGBTI ħadu diversi forom, b'eżempji reċenti li jinkludu dikjarazzjonijiet omofobi waqt il-kampanja għal referendum fir-Rumanija dwar il-limitazzjoni tad-definizzjoni tal-familja, attakki fuq ċentri soċjali LGBTI f'diversi Stati Membri bħall-Ungerija u s-Slovenja, dikjarazzjonijiet omofobi u diskors ta' mibegħda mmirat lejn persuni LGBTI, kif ġie osservat dan l-aħħar fl-Estonja, Spanja, ir-Renju Unit, l-Ungerija u l-Polonja, b'mod partikolari fil-kuntest ta' elezzjonijiet, u strumenti legali li jistgħu jiġu applikati biex jirrestrinġu l-midja, il-kultura, l-edukazzjoni u l-aċċess għal forom oħra ta' kontenut b'mod li jillimita bla bżonn il-libertà ta' espressjoni rigward kwistjonijiet LGBTI, bħal fil-Litwanja u l-Latvja;
P. billi, sa mill-bidu tal-2019, fil-Polonja kien hemm aktar minn 80 każ fejn reġjuni, kontej jew muniċipalitajiet għaddew riżoluzzjonijiet li bihom jiddikjaraw lilhom infushom ħielsa mill-hekk imsejħa ''ideoloġija LGBT'', jew adottaw ''Karti Reġjonali tad-Drittijiet tal-Familja'' jew dispożizzjonijiet ewlenin minn tali karti li jiddiskriminaw b'mod partikolari kontra familji b'ġenitur wieħed u familji LGBTI; billi dawn ir-riżoluzzjonijiet jitolbu lill-gvernijiet lokali jżommu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tinkoraġġixxi t-tolleranza ta' persuni LGBTI, milli jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-NGOs li jaħdmu biex jippromwovu drittijiet ugwali, jorganizzaw edukazzjoni kontra d-diskriminazzjoni jew b'xi mod ieħor jappoġġaw lill-persuni LGBTI; billi l-ħolqien ta' żoni mingħajr LGBTI, anke jekk ma jikkonsistix fl-introduzzjoni ta' fruntiera fiżika, jirrappreżenta miżura ferm diskriminatorja li tillimita l-libertà tal-moviment taċ-ċittadini tal-UE; billi dawn ir-riżoluzzjonijiet huma parti minn kuntest usa' ta' attakki kontra l-komunità LGBTI fil-Polonja, li jinkludu diskors ta' mibegħda kull ma' jmur jiżdied minn uffiċjali pubbliċi u eletti u mill-midja pubblika, kif ukoll attakki u projbizzjonijiet fuq Pride marches u programmi ta' sensibilizzazzjoni u azzjonijiet bħar-Rainbow Friday;
Q. billi skont l-Istħarriġ tal-FRA dwar l-LGBT fl-UE(12), 32 % ta' dawk li wieġbu ħassewhom diskriminati f'oqsma barra mill-impjieg, bħall-edukazzjoni; billi r-riskju ta' suwiċidju fost it-tfal LGBTI huwa ogħla minn dak fost it-tfal mhux LGBTI; billi l-edukazzjoni inklużiva hija essenzjali għall-ħolqien ta' ambjenti tal-iskola li huma sikuri u li fihom it-tfal kollha jistgħu jirnexxu, inklużi dawk li jappartjenu għal minoranzi, bħat-tfal LGBTI u t-tfal minn familji LGBTI; billi l-vittmi primarji tal-attakki kontra d-drittijiet tal-LGBTI huma tfal u żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali u ċentri urbani iżgħar, li huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza u spiss jiffaċċjaw rifjut u inċertezza, u għalhekk jeħtieġu appoġġ u assistenza speċjali minn istituzzjonijiet governattivi statali u lokali jew NGOs;
R. billi n-nuqqas ta' liġi dwar in-nondiskriminazzjoni f'ħafna Stati Membri jqiegħed il-popolazzjonijiet l-aktar marġinalizzati f'riskju ta' diskriminazzjoni u vjolenza; billi d-direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni għandha timla din il-lakuna fil-protezzjoni iżda ilha 11-il sena wieqfa fil-Kunsill; billi hemm lakuna leġislattiva fil-protezzjoni minn delitti mmotivati mill-preġudizzju bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fl-UE u f'ħafna Stati Membri;
S. billi l-persuni jaf ikunu esposti għal diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali; billi l-politiki mmirati lejn bażi waħda ta' diskriminazzjoni għandhom jagħtu widen għas-sitwazzjoni ta' gruppi speċifiċi li hemm probabilità li jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni multipla li tista' tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq l-età, ir-razza, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, il-ġeneru jew id-diżabilità;
T. billi l-persuni LGBTI jiffaċċjaw diskriminazzjoni u vjolenza madwar id-dinja;
1. Ifakkar li d-drittijiet LGBTI huma drittijiet fundamentali, u li għalhekk l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiddefenduhom u jipproteġuhom f'konformità mat-Trattati u mal-Karta, kif ukoll mad-dritt internazzjonali;
2. Jesprimi tħassib serju dwar in-numru dejjem jikber ta' attakki kontra l-komunità LGBTI li jistgħu jiġu osservati fl-UE, li ġejjin mill-istati, uffiċjali tal-istat, gvernijiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u politiċi;
3. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI u d-drittijiet fundamentali tagħhom minn awtoritajiet pubbliċi, inkluż id-diskors ta' mibegħda minn uffiċjali eletti, fil-kuntest tal-elezzjonijiet, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet riċenti ta' żoni fil-Polonja ħielsa mill-hekk imsejħa "ideoloġija LGBT", u jistieden lill-Kummissjoni tikkundanna bil-qawwa dawn id-diskriminazzjonijiet pubbliċi;
4. Jiddispjaċih mill-fatt li l-persuni LGBTI iġarrbu bullying u fastidju li jibda fl-iskola u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet konkreti biex itemmu d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI, li tista' twassal għal bullying, abbuż jew iżolazzjoni tagħhom, b'mod partikolari f'ambjenti edukattivi; jiddenunzja bil-qawwa l-fatt li l-iskejjel f'xi Stati Membri huma mxekkla mill-awtoritajiet pubbliċi milli jissodisfaw ir-rwol tagħhom li jippromwovu d-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tal-persuni LGBTI u jfakkar li l-iskejjel mhux biss għandhom ikunu postijiet sikuri, iżda wkoll postijiet li jsaħħu u jħarsu d-drittijiet fundamentali tat-tfal kollha; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sesswalità, b'mod partikolari għall-bniet u ż-żgħażagħ LGBTI, li huma partikolarment milquta minn normi inġusti tal-ġeneri; jenfasizza li tali edukazzjoni trid tinkludi t-tagħlim taż-żgħażagħ dwar ir-relazzjonijiet abbażi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-kunsens u r-rispett reċiproku bħala mod kif jiġu prevenuti u miġġielda l-isterjotipi tas-sessi, il-fobija mill-LGBTI u l-vjolenza sessista;
5. Ifakkar li l-fobija mill-LGBTI fl-avvenimenti sportivi għadha komuni u li l-miżuri biex jiġġieldu kontriha għadhom skarsi; jistieden lill-Istati Membri jqisu b'mod speċjali kif l-omofobija fl-isport taffettwa żgħażagħ LGBTI sabiex tittejjeb l-inklużjoni u tiżdied is-sensibilizzazzjoni;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tiżgura l-libertà ta' moviment għall-familji kollha, inklużi familji LGBTI, f'konformità mas-sentenza ta' Ġunju 2018 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-kawża Coman(13); jistieden lill-Istati Membri jintroduċu leġiżlazzjoni għal rikonoxximent ugwali ta’ żwiġijiet u sħubijiet bejn persuni tal-istess sess sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja mingħajr diskriminazzjoni;
7. Jinsab imħasseb minħabba r-razziżmu u ksenofobija li qed jiżdiedu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-ħidma dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki, u biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija, it-transfobija u forom oħra ta' intolleranza, bl-inklużjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili u l-kontribut tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-FRA;
8. Jikkundanna l-inċidenti ta' delitti ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda kemm offline u kemm online mmotivati mir-razziżmu, mill-ksenofobija, mill-intolleranza reliġjuża, jew minn preġudizzji kontra d-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess jew l-istatus ta' minoranza ta' persuna, kif ukoll it-tendenza lejn it-tneħħija u l-projbizzjoni ta' kontenut LGBTI fuq in-netwerks soċjali, li jseħħu ta' kuljum fl-UE; jiddeplora l-livelli dejjem jiżdiedu ta' diskorsi ta' mibegħda minn ġewwa ċerti awtoritajiet pubbliċi, partiti politiċi u l-midja; jistieden lill-UE tagħti l-eżempju billi topponi d-diskors ta' mibegħda fl-istituzzjonijiet tagħha; jinsab imħasseb dwar il-preżenza dejjem tikber tad-diskors ta' mibegħda fuq l-internet u jirrakkomanda lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri sempliċi li jippermettu lill-membri tal-pubbliku jirrapportaw il-preżenza ta' kontenut ta' mibegħda fuq l-internet;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' rappurtar tad-delitti ta' mibegħda mill-vittmi minħabba nuqqas ta' salvagwardji u n-nuqqas tal-awtoritajiet li jinvestigaw kif xieraq u sabiex jiksbu l-kundanna għal delitti ta' mibegħda fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jxerrdu għodod u mekkaniżmi għar-rapportar ta' delitti ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda, u jiżguraw li kwalunkwe każ ta' delitt ta' mibegħda jew diskors ta' mibegħda allegat jiġi investigat b'mod effettiv, imressaq il-qorti u proċessat;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa programmi ta' taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u għall-awtoritajiet ġudizzjarji, u għall-aġenziji rilevanti tal-UE, bil-għan tal-prevenzjoni u l-indirizzar tal-prattiki diskriminatorji u d-delitti ta' mibegħda;
11. Jirrikonoxxi li, fin-nuqqas ta' data komparabbli u diżaggregata dwar l-ugwaljanza miġbura mill-Istati Membri, il-firxa sħiħa tal-inugwaljanza fl-UE għadha mhux magħrufa; iqis il-ġbir ta' tali data mill-Istati Membri bħala essenzjali għat-tfassil ta' politiki sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrikonoxxu l-ħtieġa ta' data affidabbli u komparabbli dwar l-ugwaljanza li tista' tipprovdi miżuri dwar id-diskriminazzjoni, diżaggregata skont ir-raġunijiet ta' diskriminazzjoni, sabiex tinforma lil min ifassal il-politiki; jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jiddefinixxu prinċipji konsistenti għall-ġbir ta' data dwar l-ugwaljanza, ibbażati fuq l-awtoidentifikazzjoni, l-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-konsultazzjoni tal-komunitajiet rilevanti;
12. Jikkundanna kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni jew vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal aġenda li tiżgura drittijiet u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, u tissorvelja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti għall-persuni LGBTI; jilqa', f'dan ir-rigward, il-lista ta' azzjonijiet li ħejjiet il-Kummissjoni biex isir progress fil-qasam tal-ugwaljanza tal-persuni LGBTI, inkluża l-kampanja ta' komunikazzjoni tagħha biex jiġu miġġielda l-isterjotipi u tittejjeb l-aċċettazzjoni soċjali tal-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli fondi adegwati għall-appoġġ ta' tali organizzazzjonijiet attivi fil-livell nazzjonali u lokali, b'mod partikolari, permezz tal-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri; jinnota li r-riċerka fuq il-post tal-FRA turi li l-uffiċjali pubbliċi jqisu li d-dritt u l-politika tal-UE jikkostitwixxu mutur ewlieni li jappoġġa l-isforzi nazzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-persuni LGBTI;
13. Ifakkar fil-ġurisprudenza tal-QEDB dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurmaw lill-persuni LGBTI dwar id-drittijiet tagħhom b'mod sħiħ;
14. Itenni l-appelli tiegħu għal mekkaniżmu komprensiv, permanenti u oġġettiv tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li jinkludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jissottolinja li tali mekkaniżmu huwa meħtieġ b'mod aktar urġenti issa milli kien qatt qabel; itenni l-ħtieġa ta' valutazzjoni imparzjali u regolari tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-qafas taċ-ċiklu ta' rieżami tal-istat tad-dritt li hija ħabbret;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jużaw l-għodod u l-proċeduri kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa u xierqa tal-prinċipji u l-valuri tat-Trattat, bħall-proċeduri ta' ksur, il-proċeduri baġitarji, il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt u l-proċedura taħt l-Artikolu 7, inklużi dawk li għaddejjin bħalissa;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-ħolqien ta' żoni mingħajr LGBTI jammonta għal ksur tal-libertà ta' moviment u ta' residenza fl-UE, bi ksur tal-Artikolu 3(2) tat-TUE, l-Artikolu 21 tat-TFUE, it-Titoli IV u V tat-Tielet Parti tat-TFUE u l-Artikolu 45 tal-Karta; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-Polonja naqsitx milli tissodisfa obbligu skont it-Trattati u jekk għandhiex tagħti opinjoni motivata dwar il-kwistjoni, skont l-Artikolu 258 tat-TFUE;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-użu tal-flussi ta' finanzjament tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE, u biex tidħol fi djalogi regolari mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex tfakkar lill-partijiet ikkonċernati fl-impenn tagħhom għan-nondiskriminazzjoni u li tali fondi ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jintużaw għal finijiet diskriminatorji; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tindirizza ksur ċar u dirett tar-regoli kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari l-projbizzjoni tal-ordni lil persuna biex tipprattika diskriminazzjoni skont id-Direttiva 2000/78/KE, mill-kunsilli lokali li qed jadottaw regolamenti li jattakkaw id-drittijiet tal-LGBTI;
18. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tadotta strateġija tal-UE dwar l-LGBTI li tqis it-talbiet preċedenti tal-Parlament, tiżgura kontinwità u segwitu qawwi għall-ħidma tal-Kummissjoni preċedenti bil-lista ta' azzjonijiet li tmexxi 'l quddiem l-ugwaljanza tal-LGBTI;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura b'mod effikaċi li kulħadd ikollu protezzjoni legali indaqs u b'saħħitha għar-raġunijiet kollha inklużi fl-Artikolu 19 tat-TFUE u li tittratta dan bħala prijorità; jitlob lill-Kunsill minnufih jiżblokka u jikkonkludi n-negozjati fuq id-direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni u jilqa' l-impenji l-ġodda tal-Kummissjoni f'dan il-qasam;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb l-investigazzjoni ta' delitti bbażati fuq il-mibegħda, bħad-delitti mmotivati mill-fobija mill-LGBTI, u tappoġġa lill-vittmi; jinnota li xi Stati Membri estendew il-protezzjoni mogħtija lil vittmi ta' diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet oħra, bħall-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess, meta jimplimentaw id-deċiżjoni qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, u jinkoraġġixxi tali estensjonijiet; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrevedi, wara valutazzjoni tal-impatt, id-deċiżjoni qafas attwalment fis-seħħ, bil-għan li tinkludi l-inċitament għall-mibegħda abbażi tal-ġeneru, tal-orjentazzjoni sesswali, tal-identità tal-ġeneru u tal-karatteristiċi tas-sess;
21. Jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, jikkunsidra li jieħu azzjoni, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, b'reazzjoni għall-iżvilupp ta' żoni ħielsa mill-hekk imsejħa "ideoloġija LGBT" fil-Polonja;
22. Jappoġġa l-ħidma tal-UE fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni esterna tagħha, inklużi d-drittijiet tal-LGBTI; jitlob li l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li dalwaqt se jiġi adottat, iżomm l-impenji qawwija tiegħu u jiffoka fuq kwistjonijiet LGBTI matul il-ħames snin li ġejjin, kif għamel bejn l-2015 u l-2019;
23. Jistieden lill-Istati Membri kollha jirrispettaw id-dmir tagħhom li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-UE, inklużi ta' persuni LGBTI, mingħajr eċċezzjoni, fil-livelli nazzjonali u lokali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri pożittivi biex iżidu l-aċċettazzjoni soċjali fir-rigward tal-komunità LGBTI;
24. Jistieden lill-Polonja tikkundanna b'mod sod id-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI, inkluż meta toriġina mill-awtoritajiet lokali, u tirrevoka riżoluzzjonijiet li jattakkaw id-drittijiet tal-LGBTI, inklużi d-dispożizzjonijiet lokali kontra l-"ideoloġija LGBT", f'konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħha kif ukoll mal-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-UE u l-liġi internazzjonali;
25. Jikkundanna l-użu ħażin tal-liġijiet dwar l-informazzjoni disponibbli għall-minorenni, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u l-midja, sabiex jiġi ċċensurat kontenut u materjali relatati mal-LGBTI, b'mod partikolari l-Artikolu 4(2)(16) tal-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika fil-Litwanja u l-Artikolu 10.1 tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni fil-Latvja; jistieden lill-Istati Membri jemendaw tali leġiżlazzjoni sabiex jikkonformaw bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fid-dritt tal-UE u dak internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura tali konformità;
26. Jistieden lill-Istati Membri jissorveljaw id-diskors ta' mibegħda mill-awtoritajiet pubbliċi u minn uffiċjali eletti, kif ukoll waqt elezzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, u jieħdu miżuri sodi u konkreti u sanzjonijiet kontrih;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri msemmija f'din ir-riżoluzzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali, FRA, 2019, https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2019-fundamental-rights-report-2019_en.pdf; Stħarriġ dwar l-LGBT fl-UE, FRA; Rapport Rainbow Europe 2019, ILGA-Europe, https://www.ilga-europe.org/rainboweurope/2019
Il-Kawża tal-QEDB S. u Marper vs ir-Renju Unit, tal-4 ta' Diċembru 2008 (Numri tar-Rikors 30562/04 u 30566/04), paragrafu 66, https://hudoc.echr.coe.int/eng#{''itemid'':[''001-90051'']}; Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, 17 ta' Lulju 2014 għall-kawżi magħquda C‑148/13, C-149/13 u C‑150/13, paragrafi 38 u 39, http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=155164&text=%2522gender%2Bidentity%2522&dir=&doclang=MT&part=1&occ=first&mode=DOC&pageIndex=0&cid=7397244#ctx1