Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0073/2020

Testi mressqa :

B9-0073/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 30/01/2020 - 5.10
CRE 30/01/2020 - 5.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0025

Testi adottati
PDF 157kWORD 53k
Il-Ħamis, 30 ta' Jannar 2020 - Brussell
Differenza fil-pagi bejn il-ġeneri
P9_TA(2020)0025B9-0073/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri (2019/2870(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 151, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 22 u 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipji 2, 3, 6, 9 u 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, b'mod partikolari l-għanijiet 1, 5, 8 u 10 u l-miri u l-indikaturi rispettivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs tal-1951 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u l-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju tal-2019 tal-ILO,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza(1),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri 2016-2019,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE tal-Kummissjoni dwar l-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għall-2017-2019 (COM(2017)0678),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(2) u d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE(3),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, b'mod partikolari r-rapport tal-2019 tal-Indiċi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 dwar Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020)(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2015 dwar Opportunitajiet ugwali ta' dħul għan-nisa u l-irġiel: Intemmu d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2019 bit-titlu "Innaqqsu d-Differenza bejn il-Pagi tal-Irġiel u n-Nisa: Politiki u Miżuri Ewlenin",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija wieħed mill-prinċipji komuni u fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minquxa fl-Artikoli 2 u 3(3) tat-TUE, fl-Artikolu 8 tat-TFUE u fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi l-Artikolu 157 tat-TFUE jiddikjara b'mod espliċitu li kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali jkun applikat; billi l-indipendenza ekonomika hija prerekwiżit essenzjali għar-realizzazzjoni personali tan-nisa u tal-irġiel, u billi l-garanzija ta' aċċess ugwali għar-riżorsi finanzjarji hija kruċjali għall-proċess tal-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

B.  billi l-prinċipju nru 2 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li "jeħtieġ li tiġi żgurata u titrawwem l-ugwaljanza fit-trattament u fl-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, fit-termini u fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u fil-progressjoni fil-karriera" u li "n-nisa u l-irġiel għandhom id-dritt għal paga indaqs għal xogħol ta' valur ugwali";

C.  billi r-Rakkomandazzjoni tal-2014 tal-Kummissjoni ddeskriviet ġabra ta' miżuri ewlenin biex jgħinu lill-Istati Membri jtejbu t-trasparenza u jsaħħu l-prinċipju ta' paga indaqs għall-irġiel u n-nisa; billi dawn il-miżuri inkorporaw id-dritt tal-impjegati li jiksbu informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi, ir-rappurtar dwar il-pagi, l-awditjar tal-pagi, in-negozjar kollettiv, l-istatistika u d-data amministrattiva, il-protezzjoni tad-data, kjarifika tal-kunċett ta' xogħol ta' valur ugwali, sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjiegi, appoġġ għall-korpi tal-ugwaljanza, monitoraġġ u infurzar konsistenti tar-rimedji, u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni;

D.  billi, madwar l-UE, il-qligħ tan-nisa huwa sproporzjonatament aktar baxx minn dak tal-irġiel; billi, skont l-aħħar ċifri tal-Kummissjoni, id-differenza bejn il-ġeneri fl-UE fir-rigward tal-paga fis-siegħa hija ta' 16 %, għalkemm din tvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri; billi d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri tiżdied għal 40 % meta jitqiesu r-rati tal-impjieg u l-parteċipazzjoni globali fis-suq tax-xogħol; billi, filwaqt li 8,7 % biss tal-irġiel fl-UE jaħdmu part-time, kważi terz tan-nisa fl-UE (31,3 %) jaħdmu part-time; billi hemm korrelazzjoni negattiva speċifika bejn il-femminilizzazzjoni ta' impjieg u l-livell tal-pagi, kif evidenzjat mit-tnaqqis fil-pagi medji fil-kumpaniji li fihom 65 % jew aktar tal-impjegati huma nisa;

E.  billi d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri hija definita bħala d-differenza bejn il-qligħ gross medju fis-siegħa tal-irġiel u tan-nisa, espressa bħala perċentwal tal-qligħ gross medju fis-siegħa tal-irġiel; billi madwar żewġ terzi tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri ma tistax tiġi spjegata mid-differenzi bejn il-ġeneri fil-karatteristiċi tas-suq tax-xogħol bħalma huma l-età, l-esperjenza u l-edukazzjoni, il-kategorija tal-impjieg jew il-ħinijiet tax-xogħol u karatteristiċi osservabbli oħra, u dan jiżvela fattur diskriminatorju ċar, filwaqt li d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru tinkroċja wkoll ma' forom multipli ta' diskriminazzjoni; billi approċċ intersezzjonali huwa kruċjali biex nifhmu l-forom multipli ta' diskriminazzjoni li jaggravaw id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri għal nisa b'kombinazzjoni ta' identitajiet u l-intersezzjoni tal-ġeneru ma' fatturi soċjali oħra;

F.  billi t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa huwa fundamentali biex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri; billi t-teħid ta' azzjoni f'dan il-qasam mhuwiex biss kwistjoni ta' ekwità, iżda huwa wkoll eżiġenza ekonomika, billi t-telf ekonomiku li jirriżulta mid-differenza fl-impjieg bejn il-ġeneri jammonta għal madwar EUR 370 biljun fis-sena(11); billi l-problema li n-nisa ma jitħallsux jitħallsu b'mod ugwali tillimita l-kapaċità tagħhom li jiksbu l-indipendenza ekonomika u, għaldaqstant, il-kapaċità tagħhom li jgħixu f'awtonomija sħiħa; billi, skont l-Istitut għar-Riċerka tal-Politiki dwar in-Nisa, ir-rata tal-faqar fost in-nisa li jaħdmu tista' tonqos minn 8,0 % għal 3,8 % li kieku n-nisa jitħallsu daqs l-irġiel; billi mill-5,6 miljun tifel u tifla li jgħixu fil-faqar illum, 2,5 miljun joħorġu mill-faqar jekk tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri;

G.  billi d-differenza bejn il-ġeneri fil-qligħ gross fix-xahar fost l-impjegati bejn il-15 u l-24 sena (7 %) kienet aktar minn ħames darbiet aktar baxxa milli fost l-impjegati ta' 65 sena jew aktar (differenza bejn il-ġeneri ta' 38 %); billi teżisti wkoll "differenza fil-pagi tal-ommijiet", b'differenza fil-pagi bejn in-nisa li għandhom tfal dipendenti u dawk li m'għandhomx, kif ukoll bejn l-ommijiet u l-missirijiet; billi l-faqar huwa kkonċentrat l-aktar fil-familji fejn in-nisa jkunu l-unika persuna b'paga, u 35 % tal-ommijiet waħedhom fl-UE huma f'riskju ta' faqar, meta mqabbla ma' 28 % tal-missirijiet waħedhom fl-2017(12);

H.  billi l-indukrar huwa pilastru fundamentali tas-soċjetà tagħna u, fil-biċċa l-kbira tiegħu, isir min-nisa; billi dan l-iżbilanċ huwa rifless fid-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet bejn il-ġeneri; billi l-fatt li tkun omm u tieħu ħsieb it-tfal u l-anzjani, il-morda jew membri tal-familja b'diżabilità u dipendenti oħra jirrappreżenta xogħol addizzjonali jew xi kultant xogħol full-time li jsir kważi esklussivament min-nisa; billi dan huwa rifless fis-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u fil-proporzjon ogħla ta' nisa li jaħdmu part-time, għal pagi fis-siegħa aktar baxxi, b'waqfiet fil-karriera u b'anqas snin f'impjieg; billi ħafna drabi dan ix-xogħol isir bla ħlas u mhuwiex apprezzat adegwatament mis-soċjetà, minkejja li huwa ta' importanza soċjali enormi u jikkontribwixxi għall-benesseri soċjali;

I.  billi aktar minn nofs in-nisa fl-età tax-xogħol u li għandhom diżabilità huma ekonomikament inattivi; billi fl-Istati Membri kollha r-rata ta' privazzjoni materjali estrema tan-nisa b'diżabilità hija ogħla minn dik tan-nisa mingħajr diżabilità;

J.  billi huwa meħtieġ li niddefendu d-drittijiet tan-nisa, fil-liġi u fil-ħajja, u li nieħdu miżuri biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' sfruttament, vjolenza, oppressjoni u inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

K.  billi r-ramifikazzjonijiet tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri jinkludu differenza ta' 37 % bejn il-ġeneri fid-dħul mill-pensjoni, sitwazzjoni li se tkompli għal ħafna deċennji oħra, kif ukoll livell mhux ugwali ta' indipendenza ekonomika bejn in-nisa u l-irġiel, b'waħda minn kull ħames ħaddiema nisa fl-UE jappartjenu għall-grupp bil-pagi l-aktar baxxi, meta mqabbla ma' raġel minn kull għaxra; billi t-tnaqqis tad-differenza fil-pensjonijiet huwa wkoll kwistjoni ta' solidarjetà interġenerazzjonali;

L.  billi din id-differenza fil-pensjonijiet tirriżulta minn akkumulazzjoni ta' inugwaljanzi matul il-ħajja tax-xogħol tan-nisa u mill-perjodi ta' assenza fis-suq tax-xogħol li huma imposti fuq in-nisa bħala riżultat ta' diversi forom ta' inugwaljanza u diskriminazzjoni, kif ukoll paga aktar baxxa u diskriminazzjoni fil-pagi; billi sabiex jingħelbu l-inugwaljanzi fil-pensjonijiet u jitħarsu u jiżdiedu l-pensjonijiet b'mod ġenerali, huwa essenzjali li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jibqgħu jeżistu fl-isfera pubblika u jiġu integrati l-prinċipji tas-solidarjetà u r-ridistribuzzjoni, u li jsiru l-aktar sforzi qawwija biex jiġi miġġieled ix-xogħol prekarju u deregolat;

M.  billi d-differenza fi-pagi bejn il-ġeneri u l-kawżi tagħha għandhom konsegwenzi ta' ħsara esponenzjali għan-nisa tul ħajjithom kollha, u dan iwassal għal differenza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri li bħalissa hija aktar mid-doppju tad-differenza fil-pagi; billi r-riskju tal-faqar jiżdied b'mod qawwi matul il-ħajja, u dan juri l-impatt tal-inugwaljanzi fil-pagi li jakkumula gradwalment; billi l-faqar fost dawk li għandhom 75 sena u aktar huwa kkonċentrat b'mod konsistenti fost in-nisa, prinċipalment minħabba l-impatt tad-dmirijiet ta' indukrar bla ħlas marbuta mal-ġeneru, id-differenzi tul il-ħajja kollha fil-paga u l-ħinijiet tax-xogħol bil-pensjonijiet aktar baxxi li jirriżultaw, etajiet tal-irtirar differenti għall-irġiel u għan-nisa f'xi Stati Membri, u l-fatt li aktar nisa akbar fl-età jgħixu waħedhom;

N.  billi d-Direttiva 2006/54/KE kkontribwiet għat-titjib tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, iżda ma ġabet ebda tibdil profond fil-leġiżlazzjoni dwar l-eliminazzjoni tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri f'ħafna Stati Membri;

O.  billi t-trasparenza tal-pagi jista' jkollha rwol kruċjali biex jiġi żgurat li jsir progress sostanzjali fl-indirizzar tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, peress li tgħin biex tiżvela s-sottovalutazzjoni tax-xogħol tan-nisa u biex tissottolinja s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol abbażi tal-ġeneru, inkluż permezz ta' għodod li jipprovdu kriterji oġġettivi li jippermettu valutazzjoni newtrali fir-rigward tal-ġeneru u komparabbiltà tal-valur tax-xogħol f'impjiegi u setturi differenti;

P.  billi l-metodi ta' evalwazzjoni tal-impjiegi ħielsa mill-preġudizzju bejn il-ġeneri huma essenzjali biex jippermettu li l-impjiegi jitqabblu fuq il-bażi tal-iskala u l-kumplessità tagħhom sabiex tiġi determinata l-pożizzjoni ta' impjieg wieħed b'relazzjoni ma' impjieg ieħor fi ħdan settur jew organizzazzjoni partikolari, indipendentement minn jekk l-impjiegi inkwistjoni jkunux tan-nisa jew tal-irġiel;

Q.  billi r-riskju tal-faqar u livell aktar baxx ta' awtonomija finanzjarja kkawżati kemm mid-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri jkomplu jesponu lin-nisa għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari l-vjolenza domestika, u dan jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jitilqu minn relazzjoni abbużiva; billi skont in-NU, il-fastidju psikoloġiku jew sesswali fuq il-post tax-xogħol jew il-fastidju b'konsegwenzi serji f'termini ta' aspirazzjonijiet personali u professjonali huwa esperjenzat minn kważi 35 % tan-nisa mad-dinja kollha u huwa ta' ħsara għall-awtostima tan-nisa u l-pożizzjoni tan-negozjar tagħhom għal remunerazzjoni aktar ġusta;

R.  billi l-kawżi tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri huma numerużi, u jinkludu kemm fatturi strutturali kif ukoll kulturali, minn naħa waħda s-swieq u s-setturi tax-xogħol segregati skont il-ġeneru, in-nuqqas ta' għażliet u servizzi ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, fejn in-nisa huma l-persuna li tindokra t-tfal kif ukoll lil persuni dipendenti oħra, il-persistenza ta' "soqfa tal-ħġieġ" li ma jippermettux lin-nisa jilħqu l-ogħla livelli tal-karriera tagħhom u għalhekk salarji ta' livell għoli, u min-naħa l-oħra, l-istereotipi tal-ġeneru dwar ir-rwoli u l-aspirazzjonijiet tan-nisa, il-preġudizzju bejn il-ġeneri fl-istrutturi tas-salarji u l-istituzzjonijiet li jiffissaw is-salarji, u aspettattivi profondi dwar ir-rwol tan-nisa bħala ommijiet li jwasslu għal waqfiet fil-karriera, interruzzjonijiet, jew bdil għal xogħol part-time, kif ukoll nuqqas ta' trasparenza tal-pagi;

S.  billi l-kawżi tad-differenzi fil-pagi u l-qligħ relatat mal-ġeneru, u d-diskrepanzi fil-pensjoni huma numerużi, strutturali u ħafna drabi interkonnessi; billi dawn il-kawżi jistgħu jinqasmu f'żewġ komponenti: l-ewwel nett, wieħed li jista' jkun apparentement "spjegat" bid-differenzi fil-karatteristiċi tas-suq tax-xogħol tan-nisa u l-irġiel u, it-tieni, wieħed li apparentement jibqa' "mhux spjegat" minn tali karatteristiċi, u dan tal-aħħar huwa l-komponent dominanti tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri kważi fil-pajjiżi kollha madwar id-dinja;

T.  billi dawn id-differenzi fil-karatteristiċi tas-suq tax-xogħol tan-nisa u l-irġiel jinkludu l-età, l-esperjenza u l-edukazzjoni, is-settur tal-impjiegi u l-ħinijiet tax-xogħol; billi dawn huma riflessi fil-fatt li n-nisa aktar spiss jaħdmu part-time, iħabbtu wiċċhom mas-saqaf tal-ħġieġ korporattiv, jaħdmu f'setturi u f'pożizzjonijiet iddominati min-nisa u mħallsa anqas jew spiss ikollhom jieħdu r-responsabbiltà primarja għall-kura tal-familji tagħhom bħala riżultat ta' normi soċjali bbażati fuq il-ġeneru, li jwasslu għal żmien barra mill-impjieg; billi l-komponent akbar "mhux spjegat" jista' jiġi attribwit lill-istereotipi tal-ġeneru, id-diskriminazzjoni fil-paga u s-sottovalutazzjoni frekwenti ta' xogħol iddominat min-nisa, li jista' jkun kemm dirett kif ukoll indirett, u jibqa' fenomenu moħbi li jrid jiġi indirizzat b'mod aktar effettiv;

U.  billi, għalkemm in-nisa jirrappreżentaw kważi 60 % tal-gradwati fl-UE, dawn jibqgħu sottorappreżentati b'mod sproporzjonat fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u fil-karrieri diġitali; billi, konsegwentement, l-inugwaljanza fl-impjiegi qed tieħu forom ġodda u, minkejja l-investiment fl-edukazzjoni, in-nisa żgħażagħ xorta għandhom possibbiltà doppja meta mqabbla mal-irġiel żgħażagħ li jkunu ekonomikament inattivi;

1.  Ifakkar li l-istess paga għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali hija wieħed mill-prinċipji ta' fondazzjoni tal-UE, u li l-Istati Membri għandhom obbligu li jeliminaw id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru fir-rigward tal-aspetti u l-kundizzjonijiet kollha ta' remunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol ta' valur ugwali; jiddispjaċih profondament dwar il-fatt li d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri għal xogħol ta' valur ugwali għadha tippersisti b'titjib minimu fiċ-ċifra medja tal-UE matul l-aħħar għaxar snin;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq Strateġija ġdida ambizzjuża tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, li tibni fuq l-istrateġija preċedenti u l-impenn strateġiku, u li għandha tinkludi miżuri vinkolanti dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u t-trasparenza tal-pagi, kif ukoll miri ċari u proċessi ta' monitoraġġ għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li tkejjel il-progress lejn il-kisba tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-qligħ relatat mal-ġeneru u d-diskrepanzi fil-pensjoni u l-promozzjoni tan-nisa u l-irġiel bħala persuni ugwali li jaqilgħu paga u li jindokraw il-familja;

3.  Ifakkar li d-differenza fi-pagi bejn il-ġeneri u l-kawżi tagħha għandhom konsegwenzi ta' ħsara esponenzjali għan-nisa tul ħajjithom kollha, u dan iwassal għal differenza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri li hija aktar mid-doppju tad-differenza fil-pagi; ifakkar li n-nisa jinsabu f'riskju akbar ta' faqar fix-xjuħija mill-irġiel minħabba d-differenzi tul il-ħajja fil-paga u fil-ħin tax-xogħol, l-etajiet tal-pensjoni differenti għall-irġiel u għan-nisa f'xi Stati Membri, u l-fatt li hemm aktar nisa anzjani jgħixu waħedhom; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jiġi miġġieled ir-riskju tal-faqar għan-nisa akbar fl-età, billi jiżdiedu l-pensjonijiet iżda wkoll billi jiġi offrut appoġġ soċjali; jafferma li minbarra l-promozzjoni ta' regolamentazzjoni tax-xogħol ibbażata fuq drittijiet akbar tax-xogħol, xogħol irregolat u l-projbizzjoni ta' xogħol prekarju, in-negozjar kollettiv għandu jiġi restawrat, difiż u promoss bħala għodda deċiżiva biex jingħelbu l-inugwaljanzi, b'mod partikolari f'termini ta' salarji iżda anke f'termini ta' difiża u konsolidazzjoni tad-drittijiet tax-xogħol;

4.  Jitlob ir-reviżjoni immedjata u aġġornament ambizzjuż tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Differenza fil-Pagi bejn il-Ġeneri sa tmiem l-2020, li għandu jistabbilixxi miri ċari biex l-Istati Membri jnaqqsu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri matul il-ħames snin li ġejjin u jiżguraw li tali miri jitqiesu fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi inkluża perspettiva intersezzjonali fil-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-fatturi li jwasslu għad-diskrepanza fil-pensjoni fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni, u tivvaluta l-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi biex titnaqqas din id-diskrepanza fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri billi jinfurzaw b'mod rigoruż il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, mhux biss permezz tal-leġiżlazzjoni u l-miżuri biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fis-salarji iżda wkoll billi jsaħħu, jippromwovu u jiddefendu n-negozjar kollettiv; jitlob, barra minn hekk, miżuri li jindirizzaw is-segregazzjoni vertikali u orizzontali fl-impjiegi u l-prattiki diskriminatorji f'deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reklutaġġ u l-promozzjoni; jitlob miżuri li jżidu l-ħarsien soċjali fl-oqsma tal-maternità, il-qgħad, il-mard, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali;

6.  Jilqa' l-impenn kemm tal-President tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Kummissarju għall-Ugwaljanza li jressqu miżuri biex jintroduċu miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi fl-ewwel 100 jum tal-mandat tal-Kummissjoni; iqis li d-direttiva li jmiss għandha tinkludi politiki ta' infurzar b'saħħithom għal dawk li jonqsu milli jikkonformaw, u għandha tapplika kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku, b'kont dovut meħud tal-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u għall-pakkett ta' remunerazzjoni kollu kemm hu, inkluż kwalunkwe komponent tiegħu, u għandu jkollha kamp ta' applikazzjoni wiesa'; jistieden lill-Kummissjoni miżuri konkreti, filwaqt li tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tagħha tal-2014, bħal (a) id-definizzjoni ċara ta' kriterji għall-valutazzjoni tal-valur tax-xogħol, (b) sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjiegi newtrali fir-rigward tal-ġeneru, (c) awditi u rapporti tal-pagi fir-rigward tal-ġeneru li jiggarantixxu paga ugwali, (d) id-dritt tal-ħaddiema li jitolbu informazzjoni sħiħa dwar il-pagi u d-dritt għal rimedju, u (e) miri ċari għall-prestazzjoni ta' ugwaljanza tal-kumpaniji; jemmen bil-qawwa li tali miżuri huma meħtieġa biex jiġu identifikati każijiet ta' diskriminazzjoni fil-paga sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jieħdu azzjoni fejn meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali u tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha (nazzjonali, settorjali, lokali u korporattiv) fil-leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza fil-pagi li jmiss;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkomplementa l-inizjattiva tat-trasparenza tal-pagi billi tiżviluppa, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, u tintroduċi linji gwida għal sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward tal-ġeneru u d-definizzjoni ta' kriterji ċari (bħall-kwalifiki, il-livell ta' responsabbiltà, il-piżijiet fiżiċi u psikoloġiċi, il-mudelli tax-xift, eċċ) għall-valutazzjoni tal-valur tax-xogħol, u b'hekk ikun possibbli li jitqabbel il-valur tax-xogħol f'impjiegi u setturi differenti bil-għan li tinkiseb remunerazzjoni aktar ġusta għal xogħol f'setturi ddominati min-nisa, li ġeneralment huwa stmat aktar baxx u għalhekk mhux remunerat bħala xogħol f'setturi ddominati mill-irġiel;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu r-rieżami attwali tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE dwar paga ugwali u l-prinċipju ta' paga ugwali bħala l-bażi għall-azzjoni tagħha, u tippreżenta reviżjoni f'waqtha tad-Direttiva 2006/54/KE sabiex taġġorna u ttejjeb il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prinċipju ta' paga ugwali fil-prattika, biex ittejjeb l-infurzar f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u biex tinkludi l-projbizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru jew ir-riassenjament tal-ġeneru; jitlob li jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u għall-introduzzjoni ta' drittijiet proċedurali aktar b'saħħithom biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fil-paga;

9.  Ifakkar li r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (COM(2017)0671) sab li l-miżuri ma kinux effettivi u li l-implimentazzjoni tagħhom kienet inadegwata; jilqa', għalhekk, l-impenn tal-President tal-Kummissjoni fil-Linji Gwida Politiċi tagħha għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 li jmiss, li l-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali se jkun il-prinċipju fil-bażi ta' Strateġija Ewropea dwar il-Ġeneri, u jilqa' wkoll ir-rikonoxximent li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija komponent kritiku tat-tkabbir ekonomiku, kif ukoll kwistjoni ta' drittijiet fundamentali u ekwità;

10.  Itenni t-talba tiegħu biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jippromwovi konverġenza 'l fuq, ikun realtà kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri sabiex jiġu żgurati trattament indaqs u opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, kif ukoll biex jitħares id-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali għan-nisa u l-irġiel; jenfasizza li l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-ġeneri għandha tkun objettiv speċifiku fil-programm suċċessur għall-Istrateġija Ewropa 2020;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw b'mod definittiv id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri billi jinfurzaw b'mod strett il-prinċipju ta' paga ugwali, billi jiżguraw li s-salarji għall-ħaddiema part-time jkunu konformi mal-ekwivalenti full-time, billi jadottaw leġiżlazzjoni li żżid it-trasparenza tal-pagi u billi jtejbu ċ-ċarezza legali biex jiġu identifikati l-preġudizzji bejn il-ġeneri u d-diskriminazzjoni fl-istrutturi tal-pagi, billi jikkumbattu s-segregazzjoni tal-impjiegi, kemm jekk tkun ta' natura vertikali kif ukoll jekk tkun ta' natura orizzontali, u jiġġieldu l-preġudizzju ta' min iħaddem fid-deċiżjonijiet ta' reklutaġġ u ta' promozzjoni;

12.  Jenfasizza li l-aċċess għax-xogħol u l-kundizzjonijiet li jiffaċilitawh huma ċentrali biex jiġu żgurati l-emanċipazzjoni u l-indipendenza tan-nisa f'kull qasam tal-ħajja, minn fuq ix-xogħol sal-parteċipazzjoni soċjali, ekonomika u politika, fost oħrajn; iqis li l-progress lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa jirrappreżentaw mogħdija ta' progress soċjali għas-soċjetà kollha kemm hi filwaqt li jippermettu t-titjib fis-sitwazzjoni soċjoekonomika tan-nisa;

13.  Jistieden ukoll lill-Istati Membri jinvestu b'mod adegwat fil-forniment, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u l-kwalità tas-servizzi formali tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, bl-użu ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej f'konformità mal-Miri ta' Barċellona, kif ukoll jinvestu f'servizzi ta' kura fit-tul u arranġamenti ta' xogħol favur il-familja, biex jiżguraw il-parteċipazzjoni ugwali u kontinwa tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jipprovdu flessibbiltà adegwata biex jgħinu fil-promozzjoni ta' rati ogħla ta' impjiegi fost in-nisa; itenni li sabiex jiġi miġġieled ir-riskju tal-faqar fost in-nisa akbar fl-età, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-kawżi tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir provvediment adegwat għan-nisa akbar fl-età, inklużi miżuri bħal krediti għal perjodi ta' kura, pensjonijiet minimi adegwati, benefiċċji tas-superstiti u drittijiet ta' liv tal-familja għall-irġiel sabiex tiġi evitata l-femminilizzazzjoni tal-faqar; jistieden lill-Kunsill jintroduċi miri għall-indukrar ta' persuni akbar fl-età u l-persuni dipendenti simili għall-Miri ta' Barċellona għall-indukrar tat-tfal;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jippromwovu l-impjieg tan-nisa u l-indipendenza finanzjarja tagħhom, inklużi politiki li jippromwovu l-integrazzjoni tan-nisa minn gruppi marġinalizzati fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jikkumbattu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol abbażi tal-ġeneru billi jinvestu fl-edukazzjoni formali, informali u mhux formali u t-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ vokazzjonali għan-nisa biex jiżguraw li jkollhom aċċess għal impjiegi kwalità għolja għal opportunitajiet b'tali mod li jiksbu ħiliet mill-ġdid u jtejbu l-ħiliet tagħhom għall-bidliet futuri fis-suq tax-xogħol; jitlob, b'mod partikolari, li jkun hemm promozzjoni akbar tal-intraprenditorija, is-suġġetti STEM, l-edukazzjoni diġitali u l-litteriżmu finanzjarju għall-bniet minn età bikrija sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi edukattivi eżistenti u jiġi żgurat li aktar nisa jidħlu f'setturi li qed jiżviluppaw u li fihom l-impjegati huma mħallsa tajjeb;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-progress tagħhom bil-ħsieb tar-rapport eventwali u l-istudji li jakkumpanjawh dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

16.  Jinnota l-impatt tas-sottorappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija fuq id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet fin-negozju u l-maniġment; jistieden lill-Istati Membri jiżblokkaw in-negozjati fil-Kunsill dwar id-direttiva proposta dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet peress li din tista' tgħin biex jiġi eliminat is-saqaf tal-ħġieġ;

17.  Jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jiġbru data diżaggregata sabiex ikejlu u jimmonitorjaw aħjar il-progress biex jeliminaw id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi li jesperjenzaw forom ta' diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali bħan-nisa b'diżabilità, in-nisa migranti u ta' minoranzi etniċi, in-nisa Rom, in-nisa akbar fl-età, in-nisa f'żoni rurali u depopolati, l-ommijiet waħedhom u l-persuni LGBTIQ;

18.  Jenfasizza li l-ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneri jeħtieġ li jittejjeb aktar f'oqsma bħall-impjiegi informali, l-intraprenditorija, l-aċċess għall-fondi u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, il-vjolenza kontra n-nisa u x-xogħol mingħajr ħlas; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tintuża data u evidenza ta' kwalità għal tfassil ta' politika infurmat u bbażat fuq l-evidenza; jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jiġbru data diżaggregata sabiex jivvalutaw u jimmonitorjaw aħjar il-progress biex jeliminaw id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi li jesperjenzaw forom ta' diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali bħal nisa b'diżabilità, nisa migranti u ta' minoranzi etniċi, nisa Rom, nisa akbar fl-età, ommijiet waħedhom u persuni LGBTIQ;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lis-sħab soċjali fl-iżvilupp ta' politiki ġodda biex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri; jistieden, f'dan il-kuntest, lis-sħab soċjali biex jimpenjaw ruħhom f'diskussjonijiet u jaħdmu flimkien biex jindirizzaw id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, permezz ta' miżuri ta' azzjoni pożittiva, kif ukoll biex jikkollaboraw mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jinvolvu bis-sħiħ l-opinjoni pubblika, peress li l-eliminazzjoni tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri hija prijorità universali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-ħidma tagħhom biex jikkumbattu x-xogħol prekarju li hu ddominat min-nisa u l-femminilizzazzjoni tal-faqar; jenfasizza l-livelli għoljin ta' xogħol mhux iddikjarat imwettaq min-nisa, li għandhom impatt negattiv fuq l-introjtu, il-kopertura u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom, u jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi tal-2011;

21.  Jitlob li l-Istati Membri jsaħħu l-protezzjoni tal-maternità u l-paternità fil-leġiżlazzjoni tax-xogħol, b'mod partikolari billi jżidu l-ammont ta' liv u jiggarantixxu li dan jitħallas kollu, u jnaqqsu n-numru ta' sigħat ta' xogħol matul it-treddigħ, u billi jieħdu miżuri xierqa biex jinfurzaw tali protezzjoni, iżda wkoll billi jinvestu fil-forniment ta' netwerk pubbliku bla ħlas ta' servizzi ta' edukazzjoni u ta' kura bikrija tat-tfal u ta' servizzi ta' kura fit-tul; jinnota li nuqqas ta' disponibbiltà, spejjeż projbittivi u nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti li toffri servizzi ta' kwalità għall-kura tat-tfal jibqgħu ostaklu sinifikanti, primarjament għall-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fl-aspetti kollha tas-soċjetà, inkluż l-impjieg;

22.  Jirrikonoxxi li l-vjolenza u l-fastidju abbażi tal-ġeneru jistgħu jiġu aggravati wkoll mid-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, peress li l-vittmi spiss jiġu sfurzati f'impjiegi b'pagi aktar baxxi b'riżultat ta' ambjenti tax-xogħol ostili; jistieden lill-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju tal-2019 tal-ILO biex jintroduċu miżuri effettivi biex jiddefinixxu, jipprevjenu u jipprojbixxu l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, inklużi mekkaniżmi sikuri u effettivi ta' lment u għas-soluzzjoni tat-tilwim, appoġġ, servizzi u rimedji;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju u tippreżenta analiżi sħiħa tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fl-istituzzjonijiet tal-UE fil-Jum għall-Pagi Indaqs tal-UE;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 69, 8.3.2014, p. 112.
(2) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(3) ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.
(4) ĠU C 155, 25.5.2011, p. 10.
(5) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.
(6) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.
(7) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.
(8) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 60.
(9) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 6.
(10) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 89.
(11) Mascherini, M., Bisello, M. u Rioboo Leston, I.: The gender employment gap: Challenges and solutions, Eurofound, 2016.
(12) Skont l-iskeda informattiva tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi intitolata "Poverty, gender and lone parents in the EU", li tikkwota ċ-ċifri mill-Istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Introjtu u l-Kondizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2014.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza