Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2068(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0105/2020

Testi mressqa :

A9-0105/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/06/2020 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2020)0142

Testi adottati
PDF 137kWORD 42k
Il-Ħamis, 18 ta' Ġunju 2020 - Brussell
Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija
P9_TA(2020)0142A9-0105/2020
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija (COM(2020)0200 – C9-0127/2020 – 2020/2068(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0200 – C9-0127/2020),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0105/2020),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni bħala sinjal ta' solidarjetà tal-Unjoni fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tingħata assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (il-"Fond") lir-reġjuni fl-Unjoni milquta minn diżastri naturali fl-2019;

3.  Iqis li l-assistenza finanzjarja mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri għandha tkun suġġetta għal distribuzzjoni ġusta lir-reġjuni u liż-żoni l-aktar milquta;

4.  Jirrimarka li, minħabba t-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali se jsiru aktar u aktar vjolenti u aktar u aktar frekwenti; jitlob li ssir riforma tal-Fond fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss sabiex jitqiesu l-konsegwenzi futuri tat-tibdil fil-klima, filwaqt li jisħaq fuq il-fatt li l-Fond huwa biss strument kurattiv u li t-tibdil fil-klima jirrikjedi prinċipalment politika ta' prevenzjoni f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-Patt Ekoloġiku;

5.  Ifakkar li, skont l-Artikoli 174 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea għandha timmira li twettaq l-azzjonijiet li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali tagħha filwaqt li tqis il-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi; jirrimarka li l-istess diżastru naturali f'reġjun ultraperiferiku għandu impatt soċjali u ekonomiku akbar milli fi kwalunkwe reġjun Ewropew ieħor u konsegwentement l-irkupru huwa aktar dgħajjef; jemmen, għaldaqstant, li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jibbenefikaw minn żieda fil-finanzjament fl-ambitu tal-Fond;

6.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS : DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2020/1076.)

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza