Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (COM(2020)0233 – C9-0161/2020 – 2020/0113(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0233),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0161/2020),
— wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Ġunju 2020(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-30 ta' Ġunju 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta' Lulju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19