Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2077(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0008/2021

Testi mressqa :

A9-0008/2021

Dibattiti :

PV 08/02/2021 - 15
CRE 08/02/2021 - 15

Votazzjonijiet :

PV 09/02/2021 - 14
PV 10/02/2021 - 3

Testi adottati :

P9_TA(2021)0040

Testi adottati
PDF 240kWORD 77k
L-Erbgħa, 10 ta' Frar 2021 - Brussell
Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari
P9_TA(2021)0040A9-0008/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari (2020/2077(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari: Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal "Leading the way to a global circular economy: state of play and outlook" (Inwittu t-triq għal ekonomija ċirkolari globali: is-sitwazzjoni attwali u l-perspettivi) (SWD(2020)0100),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), inkluż l-SDG 12 "Konsum u produzzjoni responsabbli" u l-SDG 15 "Il-ħajja fuq l-art",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità (COM(2020)0667)(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM(2020)0102),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-IPBES ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2018 bit-titolu "Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent" (COM(2018)0673),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari (COM(2018)0028),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar approċċ komprensiv Ewropew għall-ħżin tal-enerġija(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma(9),

–  wara li kkunsidra l-proposta għat-Tmien Programm ta' Azzjoni Ambjentali ppreżentata mill-Kummissjoni fl-14 ta' Ottubru 2020, b'mod partikolari l-għan prijoritarju li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari stabbilit fl-Artikolu 2(2)(c) tal-proposta,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, il-ġestjoni sostenibbli tal-art, is-sigurtà tal-ikel, u l-flussi tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-ekosistemi terrestri, u dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel, u r-rapport speċjali tal-IPCC ''It-Tisħin Globali ta' 1.5 °C'', il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-ewwel Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari mniedi fl-2015 (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari" (COM(2015)0614)) u l-azzjonijiet meħuda fl-ambitu ta' dak il-pjan,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn(14),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent(15) (“Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss”),

–  wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-UE, adottata fl-2018: id-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart(16) (“Direttiva Qafas dwar l-Iskart”); id-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ(17) (“Direttiva dwar l-Iskart mill-Imballaġġ”); id-Direttiva (UE) 2018/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'landfills(18) (“Direttiva dwar il-Landfills”); u d-Direttiva (UE) 2018/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku(19),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet(20) ("ir-Regolament CLP"),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 dwar ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari (COM(2017)0034),

–  wara li kkunsidra l-Perspettiva Globali dwar ir-Riżorsi 2019(21), u r-rapporti dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi u t-Tibdil fil-Klima(22) tal-Bord Internazzjonali tar-Riżorsi,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni ta' Science "Evaluating scenarios toward zero plastic pollution" (Nevalwaw ix-xenarji lejn tniġġis żero mill-plastik)(23),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0008/2021),

A.  billi fir-rapport tiegħu "Global Resources Outlook 2019" (Il-Perspettiva Globali dwar ir-Riżorsi 2019), il-Bord Internazzjonali tar-Riżorsi jistma li nofs l-emissjonijiet totali ta' gassijiet b'effett ta' serra u aktar minn 90 % tat-telfien tal-bijodiversità u l-istress idriku jirriżultaw mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi; billi l-ekonomija globali tuża riżorsi daqs pjaneta u nofs, u billi issa diġà jkunu meħtieġa 3 pjaneti li kieku kulħadd jikkonsma bir-rata tar-resident medju tal-UE, u billi tnaqqis sinifikanti fl-użu globali tagħna ta' riżorsi naturali u fil-produzzjoni tal-iskart tagħna għandu jkun l-objettiv ġenerali tal-ekonomija ċirkolari; billi dan se jirrikjedi separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi, filwaqt li titqies id-distinzjoni bejn diżakkoppjament assolut u diżakkoppjament relattiv;

B.  billi dawn iċ-ċifri juru r-rwol ċentrali tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi, b'mod partikolari tal-materja prima ewlenija u l-ħtieġa li jiżdiedu l-azzjonijiet fil-livelli kollha u madwar id-dinja; billi l-kunċett ta' ekonomija ċirkolari fin-natura tiegħu huwa orizzontali u se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ilħuq ta' objettivi ambjentali oħra inklużi l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

C.  billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari għandha rwol kruċjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) tal-UE u fil-kisba tal-mira klimatika tal-UE għall-2030 u l-objettiv ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra netti żero sa mhux aktar tard mill-2050, u tirrikjedi trasformazzjoni profonda tal-ktajjen tal-valur fl-ekonomija kollha;

D.  billi bidla lejn ekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li tippromwovi prattiki kummerċjali sostenibbli u billi l-kumpaniji u l-ekonomiji Ewropej huma mistennija li jkunu fuq quddiem nett ta’ dawk li jimplimentaw, iżda wkoll li jibbenefikaw minn, f'tellieqa globali lejn iċ-ċirkolarità, minħabba l-mudelli kummerċjali żviluppati sew tal-UE, l-għarfien ċirkolari tagħna u l-għarfien espert dwar ir-riċiklaġġ;

E.  billi l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari għandhom ikunu l-element ewlieni ta' kwalunkwe politika industrijali Ewropea u nazzjonali, u tal-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Istati Membri fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

F.  billi l-konsum ġenerali tal-enerġija fl-UE huwa sinifikanti u l-azzjoni tal-ekonomija ċirkolari għandha tinvolvi wkoll l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-provvista sostenibbli tas-sorsi tal-enerġija;

G.  billi l-ekonomija ċirkolari hija rilevanti għal diversi SDGs fosthom l-Għan 12 "L-iżgurar ta' tendenzi ta' konsum u produzzjoni sostenibbli" kif ukoll l-Għan 13 dwar "Azzjoni klimatika";

H.  billi l-eliminazzjoni tal-iskart u t-tniġġis tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari;

I.  billi skont studji reċenti, l-ekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li żżid il-PDG tal-UE b'0,5 % oħra u toħloq aktar minn 700 000 impjieg ġdid sal-2030(24), filwaqt li għandha wkoll il-potenzjal li ttejjeb il-kwalità tal-impjiegi; billi bejn l-2012 u l-2018, l-għadd ta' impjiegi marbuta mal-ekonomija ċirkolari fl-UE kiber b'5 % biex laħaq madwar 4 miljuni; billi b'politiki ta' sostenn u b'investiment fl-industrija, l-aspettattivi huma li sal-2030 il-manifattura mill-ġdid tal-UE tkun tista' tilħaq valur annwali ta' bejn EUR 70 biljun u EUR 100 biljun bl-impjiegi assoċjati jkunu bejn 450 000 u kważi 600 000;

J.  billi l-provvista sostenibbli u responsabbli ta' materja prima ewlenija hija kruċjali biex tinkiseb effiċjenza fir-riżorsi u jintlaħqu l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari; billi għalhekk jeħtieġ li jiġu żviluppati standards ta' provvista sostenibbli għall-materjali u l-prodotti bażiċi ta' prijorità;

K.  billi sa 80 % tal-impatti ambjentali tal-prodotti huma ddeterminati matul il-fażi tad-disinn u 12 % biss tal-materjali użati mill-industrija tal-UE jiġu mir-riċiklaġġ;

L.  billi ż-żieda mgħaġġla fil-kummerċ elettroniku żiedet b'mod sinifikanti l-iskart mill-imballaġġ, bħall-plastik li jintuża darba biss u l-iskart tal-kartun; u billi l-vjeġġi ta' skart lejn pajjiżi terzi għadhom kwistjoni ta' tħassib;

M.  billi huwa stmat li 88 miljun tunnellata ta' skart tal-ikel huwa ġġenerat fl-UE kull sena u billi huwa stmat li aktar minn nofs l-ikel mormi jirriżulta mill-unitajiet domestiċi u l-livell tal-konsumatur; billi l-iskart tal-ikel għandu impatt ambjentali konsiderevoli, li jammonta għal 6 % tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE;

N.  billi l-plastiks joħolqu tħassib ambjentali jekk ma jkunux ġestiti kif suppost, bħall-iskart, id-diffikultà tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, is-sustanzi ta' tħassib, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-użu tar-riżorsi;

O.  billi l-ECHA adottat opinjoni xjentifika biex tillimita l-użu tal-mikroplastiċi li jiġu miżjuda intenzjonalment mal-prodotti fis-suq tal-UE/ŻEE, f'konċentrazzjonijiet ta' aktar minn 0,01 % skont il-piż;

P.  billi skont l-istimi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), bejn l-1996 u l-2012, l-ammont ta' ħwejjeġ li nxtraw għal kull persuna fl-UE żdied b'40 %, filwaqt li fl-istess ħin, aktar minn 30 % tal-ħwejjeġ fil-gwardarobbi fl-Ewropa ma ntużawx għal mill-inqas sena; billi ladarba jintremew, aktar minn nofs il-ħwejjeġ ma jiġux riċiklati, iżda jispiċċaw fi skart domestiku mħallat u sussegwentement jintbagħtu fl-inċineraturi jew fil-landfills(25);

Q.  billi għaddew aktar minn sentejn minn meta l-IPCC ippubblika r-Rapport Speċjali tiegħu dwar it-Tisħin Globali ta' 1.5 °C, li ddikjara li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1.5 °C tirrikjedi bidliet rapidi, estensivi u bla preċedent fl-aspetti kollha tas-soċjetà;

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni għal Ekonomija Ċirkolari; jenfasizza l-fatt li l-ekonomija ċirkolari, flimkien mal-ambizzjoni ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles minn sustanzi tossiċi, hija essenzjali biex jitnaqqsu l-impronti ambjentali globali tal-konsum u l-produzzjoni tal-Ewropa, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti tal-pjaneta, u tiġi rrispettata s-saħħa tal-bnedmin, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata ekonomija kompetittiva u innovattiva; jissottolinja l-kontribut kbir li l-ekonomija ċirkolari tista' tagħti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq l-inizjattivi kollha fl-ambitu tal-Pjan ta' Azzjoni f'konformità mad-dati stipulati fl-Anness tal-Komunikazzjoni u tibbaża kull proposta leġiżlattiva fuq valutazzjoni tal-impatt komprensiva, filwaqt li jissottolinja l-importanza li jitqiesu wkoll l-ispejjeż tan-nuqqas ta' azzjoni;

3.  Jissottolinja li l-ekonomija ċirkolari tista' tipprovdi soluzzjonijiet għall-isfidi l-ġodda kkawżati u enfasizzati mill-kriżi tal-COVID-19 billi ssaħħaħ il-ktajjen tal-valur fl-UE u fuq livell globali u tnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom, u tagħmel l-ekosistemi industrijali Ewropej aktar reżiljenti u sostenibbli kif ukoll kompetittivi u profitabbli; jinnota li dan se jippromwovi l-awtonomija strateġika tal-UE u jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta' ambjent favorevoli għall-ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Istati Membri jintegraw l-ekonomija ċirkolari fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkurpu u r-reżiljenza;

4.  Jemmen li ekonomija ċirkolari hija l-mod li bih l-UE u l-kumpaniji Ewropej jistgħu jibqgħu innovattivi u kompetittivi f'suq globali filwaqt li jnaqqsu l-impronti ambjentali tagħhom; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti sabiex jiżdiedu l-inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari u tiġi appoġġjata l-innovazzjoni; iqis li l-pjan għall-irkupru ekonomiku tal-UE (Next Generation EU) kif ukoll il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u Orizzont Ewropa għandhom jintużaw biex jiġu stabbiliti u promossi inizjattivi, prattiki, infrastruttura u teknoloġiji marbuta mal-ekonomija ċirkolari;

5.  Jissottolinja li t-titjib tal-funzjonament tas-suq intern huwa prekundizzjoni biex tinkiseb ekonomija ċirkolari fl-UE; jisħaq, b'mod partikolari, l-importanza tal-implimentazzjoni xierqa u l-infurzar effettiv tar-regoli eżistenti għal suq uniku sostenibbli li jiffunzjona tajjeb; ifakkar li l-UE hija kemm it-tieni l-akbar setgħa ekonomika tad-dinja kif ukoll l-akbar setgħa kummerċjali tad-dinja; jirrimarka li s-suq uniku huwa għodda b'saħħitha li trid tintuża biex jiġu żviluppati prodotti jew teknoloġiji sostenibbli u ċirkolari li se jsiru l-istandards ta' għada, u għaldaqstant iċ-ċittadini jkunu jistgħu jixtru prodotti affordabbli li jkunu sikuri, tajbin għas-saħħa u li jirrispettaw il-pjaneta;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' diżakkoppjament assolut tat-tkabbir mill-użu tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti tal-UE, fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul, ibbażati fuq ix-xjenza, għat-tnaqqis fl-użu tal-materja prima ewlenija u l-impatti ambjentali; jitlob li l-miri tal-UE jiġu stabbiliti permezz ta' approċċ ta' estrapolazzjoni biex jiġi żgurat li l-objettivi tal-politika jkunu fi triq kredibbli biex tinkiseb ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, ambjentalment sostenibbli, mingħajr sustanzi tossiċi u kompletament ċirkolari fil-limiti tal-pjaneta sa mhux aktar tard mill-2050;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti tal-UE għall-2030 biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-impronti tal-materjali u tal-konsum tal-UE u biex dawn jiġu integrati fil-limiti tal-pjaneta sal-2050, permezz tal-indikaturi li għandhom jiġu adottati sa tmiem l-2021 bħala parti mill-qafas ta' monitoraġġ aġġornat; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq l-eżempji stabbiliti mill-aktar Stati Membri ambizzjużi filwaqt li tqis id-differenzi fil-punti tat-tluq u l-kapaċitajiet bejn l-Istati Membri;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex sal-2021 tintroduċi indikaturi taċ-ċirkolarità armonizzati, komparabbli u unformi, li jkunu jikkonsistu f'indikaturi ta' impronta fuq il-materjali u impronta tal-konsum, kif ukoll għadd ta' subindikaturi dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, inklużi s-servizzi tal-ekosistema; dawn l-indikaturi għandhom ikejlu l-konsum tar-riżorsi u l-produttività tar-riżorsi, u jinkludu l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, fil-livelli tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija u jkunu konsistenti mal-valutazzjoni armonizzata taċ-ċiklu tal-ħajja u mal-metodoloġiji tal-kontabbiltà tal-kapital naturali; dawn għandhom jiġu applikati fil-politiki, l-istrumenti finanzjarji u l-inizjattivi regolatorji kollha tal-Unjoni;

9.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li taġġorna u tirrieżamina l-qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-qafas ta' monitoraġġ attwali ma jippreżentax sett komprensiv u olistiku ta' indikaturi li jippermettu li jitkejjel id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u l-impatt ambjentali; jenfasizza li l-qafas ta' monitoraġġ għandu jkopri l-indikaturi taċ-ċirkolarità msemmija hawn fuq u anke l-firxa kollha ta' objettivi u azzjonijiet konkreti tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari sabiex jiġi stabbilit strument effettiv li jkejjel iċ-ċirkolarità u l-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tiegħu b'mod komprensiv;

10.  Jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' kejl xjentifiku robust biex jinkisbu sinerġiji bejn l-ekonomija ċirkolari u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inkluż permezz tal-kejl tal-impronta tal-karbonju;

11.  Jenfasizza l-opportunitajiet li jinsabu fl-użu ottimizzat tal-prodotti u s-servizzi, minbarra miżuri li jestendu ċ-ċikli tal-ħajja u l-użu tal-materjali; jisħaq b'mod partikolari, f'dan il-kuntest, fuq l-opportunitajiet biex is-soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari u d-diġitalizzazzjoni jingħaqdu flimkien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li jappoġġjaw mudelli kummerċjali ġodda li jkunu sostenibbli u ċirkolari, bħall-approċċi tal-prodott bħala servizz (PaaS) li jiffrankaw ir-riżorsi u jnaqqsu l-impatti ambjentali filwaqt li jiżguraw protezzjoni għall-konsumaturi, u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita tali approċċi PaaS fl-Inizjattiva l-ġdida dwar il-Prodotti Sostenibbli u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeliminaw l-ostakli regolatorji u fiskali bla bżonn u jippromwovu l-iżvilupp ta' infrastrutturi li jippermettu ċ-ċirkolarità u ekonomija diġitali sostenibbli; ifakkar li d-diġitalizzazzjoni għandha wkoll impatti konsiderevoli fuq il-klima u l-ambjent, bħad-domanda dejjem akbar għall-enerġija, l-estrazzjoni tal-materja prima u l-ġenerazzjoni tal-iskart elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tindirizza dawn l-isfidi billi tistabbilixxi metodoloġija għall-monitoraġġ u l-kwantifikazzjoni tal-impatt ambjentali tat-teknoloġiji, l-istrutturi u s-servizzi diġitali, inklużi ċ-ċentri tad-data, u billi tipproponi miżuri - inklużi, fejn xieraq, miżuri leġiżlattivi - biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali tas-soluzzjonijiet diġitali li jqiegħdu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-użu tar-riżorsi u l-istabbiliment ta' ekonomija ċirkolari fiċ-ċentru ta' tranżizzjoni diġitali sostenibbli;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-miżuri regolatorji meħtieġa u azzjonijiet oħra li jkunu meħtieġa biex jiġu eliminati l-ostakli amministrattivi u legali lejn ekonomija ċirkolari ta' kondiviżjoni u tas-servizzi u tinċentiva l-iżvilupp tagħha; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni tesplora s-soluzzjonijiet għal sfidi bħal kwistjonijiet ta' responsabbiltà u drittijiet ta' sjieda relatati mal-ekonomija ta' kondiviżjoni u tas-servizzi, filwaqt li tqis il-fatt li ċertezza legali mtejba kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi hija vitali biex ikunu jistgħu jiġu implimentati dawn il-kunċetti; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tqis l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea għall-ekonomija ta' kondiviżjoni u tas-servizzi li tittratta dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li tindirizza wkoll il-kwistjonijiet soċjali;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' fehim aħjar dwar kif it-teknoloġiji tal-Intelliġenza Artifiċjali jistgħu jappoġġjaw ekonomija ċirkolari billi jiġu mħeġġa l-applikazzjonijiet tagħhom fid-disinn, il-mudelli kummerċjali u l-infrastruttura; jirrimarka l-importanza li d-diġitalizzazzjoni tiġi indirizzata bħala xprunatur tal-ekonomija ċirkolari, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-passaporti tal-prodotti jew informazzjoni materjali fil-kuntest ta' "spazju tad-data" madwar l-UE; jisħaq li t-titjib fl-aċċessibbiltà u fil-kondiviżjoni tad-data se jkun essenzjali filwaqt li tiġi żgurata kollaborazzjoni attiva bejn il-partijiet ikkonċernati biex jiġi żgurat li l-approċċi ġodda jibqgħu ġusti u inklużivi, u jissalvagwardjaw il-privatezza u s-sigurtà tad-data;

14.  Jissottolinja l-ħtieġa li jinħolqu inċentivi ekonomiċi u l-ambjent regolatorju t-tajjeb għall-innovazzjoni f'soluzzjonijiet ċirkolari, materjali u mudelli kummerċjali, filwaqt li fl-istess ħin jiġu eliminati s-sussidji li joħolqu distorsjonijiet fis-suq u s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u jitlob li dan jiġi appoġġjat fl-istrateġija industrijali l-ġdida għall-Ewropa u fl-Istrateġija għall-SMEs; jenfasizza r-rwol speċifiku li dawk li jidħlu l-ewwel, l-SMEs (l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju) u n-negozji ġodda għandhom fit-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari; jissottolinja li r-riċerka dwar il-materjali, il-proċessi, it-teknoloġiji u l-prodotti sostenibbli, kif ukoll dwar l-espansjoni industrijali tagħhom, tista' tagħti lill-kumpaniji Ewropej vantaġġ kompetittiv fuq livell dinji; jenfasizza li huma meħtieġa politiki fil-livelli tal-UE u nazzjonali biex jappoġġjaw lill-atturi ewlenin fl-ekonomija ċirkolari u fil-mudelli kummerċjali ċirkolari;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-industrija Ewropea tiġi involuta bħala parti kkonċernata fit-tranżizzjoni għal ekonomija aktar ċirkolari; ifakkar fir-rwol kruċjali tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni industrijali; jitlob li jkun hemm approċċi ta' ċirkolarità fl-industrija, fil-livelli kollha tad-disinn tal-prodotti, l-akkwist tal-materjali, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-prodotti, u l-immaniġġjar tal-iskart, u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi stimulat l-iżvilupp ta' swieq ewlenin għal materjali u prodotti industrijali sostenibbli;

16.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji jħejju pjanijiet ta' tranżizzjoni bħala parti mir-rappurtar annwali tagħhom li jiddeskrivu kif u meta għandhom l-intenzjoni li jiksbu n-newtralità klimatika, l-ekonomija ċirkolari u s-sostenibbiltà;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-għażliet li għandhom piżijiet amministrattivi minimi u li jsaħħu l-iżvilupp ta' sħubiji pubbliċi-privati b'rabta mar-Riċerka u l-Iżvilupp li joffru soluzzjonijiet sistemiċi u olistiċi;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tas-soluzzjonijiet kollha għat-tneħħija tal-karbonju bbażati fuq in-natura u teknoloġiċi, inkluż il-qbid, il-ħżin u l-użu tal-karbonju (CCSU);

19.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-bijomimika bħala aċċelleratur taċ-ċirkolarità, fil-promozzjoni ta' soluzzjonijiet bijomimiċi li mid-disinn jimminimizzaw l-użu ta' materjal, enerġija u komposti tossiċi u jipprovdu soluzzjonijiet sostenibbli, riġenerattivi u innovattivi ispirati min-natura applikabbli għal għadd kbir ta' setturi;

20.  Jitlob livelli ta' persunal u baġit adegwati għas-servizzi tal-Kummissjoni bl-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni; jisħaq li l-allokazzjoni tar-riżorsi trid twieġeb għall-prijoritajiet politiċi kemm attwali kif ukoll fit-tul u għaldaqstant, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jistenna rinfurzar sinifikanti tar-riżorsi umani b'mod partikolari fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent;

Qafas ta' politika għall-prodotti sostenibbli

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ekonomija lineari "ħu-uża-armi" tinbidel f'ekonomija tassew ċirkolari, ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin: tnaqqis fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi; iż-żamma tal-valur fl-ekonomija; il-prevenzjoni tal-iskart; l-eliminazzjoni tal-iskart u ta' sustanzi li jagħmlu l-ħsara u t-tniġġis; iż-żamma ta' prodotti u materjali fl-użu u fi ċrieki magħluqa; il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem; il-promozzjoni tal-benefiċċji għall-konsumatur; u sistemi naturali ta' riġenerazzjoni; dawn l-objettivi għandhom jiggwidaw il-qafas ta' politika ġdid għall-prodotti sostenibbli kif ukoll l-Istrateġija għal Ekonomija Ċirkolari kollha kemm hi, u l-Istrateġija Industrijali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi integrat bis-sħiħ il-ħsieb ta' sistema ċirkolari sostenibbli fl-attivitajiet kollha inklużi l-politiki, il-prodotti, il-proċessi ta' produzzjoni u l-mudelli kummerċjali;

22.  Jissottolinja li prodotti u materjali sostenibbli, ċirkolari, sikuri u mhux tossiċi għandhom isiru n-norma fis-suq tal-UE u mhux l-eċċezzjoni u għandhom jitqiesu bħala l-għażla prestabbilita, li hija attraenti, affordabbli u aċċessibbli għall-konsumaturi kollha; jilqa' għalhekk il-pjan tal-Kummissjoni li tipproponi inizjattiva leġiżlattiva dwar prodotti sostenibbli biex jiġu stabbiliti prinċipji orizzontali ta' politika għall-prodotti u rekwiżiti vinkolanti dwar il-prodotti li jitqiegħu fis-suq tal-UE;

23.  Japprova bis-sħiħ it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn(26) biex jiġu inklużi prodotti mhux relatati mal-enerġija u jiġu stabbiliti prinċipji orizzontali tas-sostenibbiltà u standards speċifiċi għall-prodotti għall-prestazzjoni, id-durabbiltà, l-użu mill-ġdid, il-possibbiltà ta' tiswija, in-nontossiċità, it-titjib fil-kwalità, ir-riċiklabbiltà, il-kontenut riċiklat u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u fl-enerġija fi prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal dan fl-2021; itenni, fl-istess ħin, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tkun ambizzjuża fl-implimentazzjoni tal-ekodisinn għall-prodotti kollha li jużaw l-enerġija li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva attwali dwar l-Ekodisinn, inkluż fir-rigward tal-aspetti ta' ekonomija ċirkolari;

24.  Jisħaq fuq l-importanza li jinżamm qafas leġiżlattiv koerenti u ċar tal-UE għal prodotti sostenibbli u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji ma' politiki oħra inkluża l-Ekotikketta tal-UE; jissottolinja li, b'mod parallel mal-istandards minimi legali għad-disinn tal-prodotti, huwa importanti li jiġu pprovduti inċentivi tas-suq għall-aktar kumpaniji sostenibbli u prodotti u materjali sostenibbli;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti dwar l-impronta materjali u ambjentali għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott għal kull kategorija ta' prodotti li titqiegħed fis-suq tal-UE, inklużi s-semiprodotti bl-aktar użu intensiv ta' karbonju; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti speċifiċi għall-prodott u/jew speċifiċi għas-settur għall-kontenut irriċiklat, filwaqt li tiżgura l-prestazzjoni u s-sikurezza tal-prodotti kkonċernati u li huma ddisinjati għar-riċiklaġġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet teknoloġiċi, regolatorji u tas-suq ta' appoġġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi u tqis il-bidliet industrijali meħtieġa u ċ-ċikli ta' investiment f'kull settur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, tqis rekwiżiti obbligatorji biex tiżdied is-sostenibbiltà tas-servizzi;

26.  Jappoġġja l-pjan li jiġu introdotti passaporti diġitali tal-prodotti sabiex il-kumpaniji, il-konsumaturi u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jiġu megħjuna jżommu rendikont tal-impatti klimatiċi, ambjentali, soċjali u impatti oħra ta' prodott tul il-katina tal-valur u tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli, trasparenti u faċilment aċċessibbli dwar id-durabbiltà tal-prodott u l-possibbiltajiet tiegħu ta' manutenzjoni, użu mill-ġdid, tiswija u żarmar u trattament fi tmiem il-ħajja tal-prodott kif ukoll il-kompożizzjoni tiegħu f'termini ta' materjali u sustanzi kimiċi użati u l-impatti ambjentali u impatti oħra tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-għażliet għal tikketta f'dan ir-rigward; iqis li l-passaporti tal-prodotti għandhom jiġu introdotti b'tali mod li jevita piż regolatorju bla bżonn għall-kumpaniji b'mod partikolari l-SMEs; jemmen li għandhom ikunu kompatibbli ma' għodod diġitali oħra, bħall-Passaport ta' Rinnovazzjoni tal-Bini li jmiss u l-bażi tad-data tas-SCIP;

27.  Jissottolinja l-importanza ewlenija li jinkisbu ċikli ta' materjal mhux tossiku u restorattiv għas-suċċess tal-ekonomija ċirkolari u għall-ħolqien ta' suq uniku sostenibbli, u fl-aħħar mill-aħħar biex jiġi żgurat ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi għaċ-ċittadini tal-Ewropa; itenni għalhekk il-pożizzjonijiet meħuda fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar Strateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tad-Sustanzi Kimiċi u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart, u jinsisti fuq azzjonijiet rapidi biex tiġi implimentata l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità;

28.  Jenfasizza d-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni aktar preċiża, armonizzata u eżatta dwar l-impatti ambjentali u klimatiċi tal-prodotti u s-servizzi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inkluż f'termini ta' durabbiltà u ta' possibbiltà ta' tiswija, u jitlob miżuri kontra l-greenwashing u l-asserzjonijiet ambjentali foloz relatati mal-prodotti offruti kemm online kif ukoll offline; jappoġġja bil-qawwa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfassal proposti biex tirregola l-użu ta' asserzjonijiet ekoloġiċi permezz tal-istabbiliment ta' metodi ta' kalkolu solidi u armonizzati li jkopru l-katina tal-valur kollha, ibbażati fuq indikaturi armonizzati u valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja bħall-impronti ambjentali, inkluż fir-rigward tal-prevenzjoni tal-iskart, l-użu tal-materja prima, l-evitar ta' sustanzi li jagħmlu l-ħsara, id-durabbiltà u l-lonġevità tal-prodott kif ukoll id-disinn biex ikun jista' jissewwa u jiġi riċiklat; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi infurzata d-Direttiva 2005/29/KE(27) li ġiet emendata reċentement permezz ta' miżuri proattivi li jindirizzaw it-talbiet ekoloġiċi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' għodod diġitali għall-informazzjoni tal-konsumatur sabiex il-konsumatur jingħata s-setgħa fl-era diġitali; jisħaq fuq l-importanza tal-pjattaformi u s-swieq online għall-promozzjoni ta' prodotti u servizzi sostenibbli u jinnota li dawn jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni aktar ċara u tinftiehem faċilment dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti li joffru;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Ekotikketta tal-UE tissaħħaħ bħala parametru referenzjarju għas-sostenibbiltà ambjentali, billi jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent tas-suq u tal-konsumatur, jiġu stabbiliti standards komprensivi u l-iskema tkompli tiġi estiża għal prodotti rilevanti u l-użu tagħha jiġi ffaċilitat fl-akkwist;

31.  Jappoġġja l-inizjattivi ppjanati biex jittejbu d-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti skont il-prinċipju tal-prevenzjoni tal-iskart fil-ġerarkija tal-iskart filwaqt li jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur kemm fis-suq min-negozju għall-konsumatur kif ukoll fis-suq minn negozju għal negozju; jilqa' għalhekk bis-sħiħ l-inizjattivi ppjanati biex jiġi stabbilit "dritt għat-tiswija" ġdid, li għandu jkopri mill-inqas iċ-ċiklu tal-ħajja estiż tal-prodotti, l-aċċess għall-parts tal-bdil u għal informazzjoni komprensiva u għal servizzi ta' tiswija bi prezz raġonevoli għall-konsumaturi;

32.  Jitlob, f'dan il-kuntest, miżuri biex jiġi pprovdut aċċess mingħajr ħlas għall-informazzjoni meħtieġa dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, inkluża informazzjoni dwar il-parts tal-bdil u l-aġġornamenti tas-software, lill-parteċipanti kollha tas-suq, filwaqt li jitqiesu l-imperattivi tas-sikurezza tal-konsumatur u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943(28), kif ukoll biex jiġi żgurat aċċess għal parts tal-bdil mingħajr xkiel inġust għall-atturi kollha tas-settur tat-tiswija, inklużi l-konsumaturi u s-sewwejja indipendenti, biex jiġu ddefiniti perjodi minimi obbligatorji ta' żmien għad-disponibbiltà tal-parts tal-bdil u/jew aġġornamenti u limiti ta' żmien massimi għal firxa estiża ta' kategoriji ta' prodotti li jqisu l-ispeċifiċitajiet tagħhom, b'segwitu għal valutazzjoni tal-impatt, u biex jiġi vvalutat kif it-tiswija tista' tiġi mħeġġa skont ir-reġim ta' garanzija legali; jisħaq li l-bejjiegħa għandhom jinfurmaw lill-parteċipanti kollha fis-suq dwar il-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti tagħhom;

33.  Jitlob, sabiex jiġi ffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-konsumaturi, tikkettar armonizzat ċar u li jinftiehem faċilment, li jista' jieħu l-forma ta' indiċi, dwar id-durabbiltà tal-prodott (jiġifieri dwar it-tul tal-ħajja stmat ta' prodott) u l-possibbiltà ta' tiswija, u l-iżvilupp ta' punteġġ uniformi rigward it-tiswija u l-introduzzjoni ta' miters tal-użu għal ċerti kategoriji ta' prodotti; jitlob rekwiżiti minimi ta' informazzjoni skont id-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE(29); jitlob lill-Kummissjoni tqis, meta tkun qed tħejji r-rieżami tagħha tad-Direttiva (UE) 2019/771(30), li testendi kemm id-drittijiet ta' garanzija legali kif ukoll ir-regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-provi għal xi kategoriji ta' prodotti li għandhom ħajja stmata ogħla, u tintroduċi responsabbiltà diretta tal-produttur;

34.  Jitlob miżuri leġiżlattivi biex jitwaqqfu l-prattiki li jirriżultaw f'obsolexxenza ppjanata, anke billi jitqies li tali prattiki jiġu miżjuda fil-lista fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE;

35.  Jilqa' l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni li tintroduċi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-qerda ta' oġġetti durabbli mhux mibjugħa sakemm ma jkunux ta' theddida għas-sikurezza jew is-saħħa; jissottolinja li r-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid u r-ridistribuzzjoni ta' oġġetti mhux tal-ikel għandhom ikunu n-norma u jiġu infurzati b'leġiżlazzjoni;

36.  Jisottolinja l-ħtieġa li tingħata spinta lis-suq intern għal prodotti sostenibbli u jemmen li s-settur pubbliku għandu jwitti t-triq; jinnota li l-awtoritajiet pubbliċi għadhom ta' spiss japplikaw biss il-kriterju tal-irħas prezz bħala l-kriterju tal-għoti meta jagħżlu l-aħjar offerti għal oġġetti, servizzi jew xogħlijiet; jappoġġja l-istabbiliment ta' kriterji u miri minimi obbligatorji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku fil-leġiżlazzjoni settorjali;

37.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) biex titħaffef il-bidla lejn ekonomija sostenibbli u ċirkolari, u l-importanza tal-implimentazzjoni tal-APE matul l-irkupru ekonomiku tal-UE;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku ekoloġiku; iqis li prodotti użati mill-ġdid, imsewwija, manifatturati mill-ġdid, irranġati u prodotti u soluzzjonijiet oħra effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li jimminimizzaw l-impatti ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom ikunu l-għażla prestabbilita fl-akkwist pubbliku kollu, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jekk dawn ma jkunux ippreferuti, għandu japplika l-prinċipju "ikkonforma jew spjega"; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida biex jiġi appoġġjat l-akkwist korporattiv sostenibbli; jitlob obbligi ta' rapportar għall-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tas-sostenibbiltà tad-deċiżjonijiet ta' akkwist tagħhom, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

39.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi promossa kwalità għolja tal-flussi tal-ġbir tal-materjal, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, biex jinżammu materjali bl-ogħla valur tagħhom u biex jinkisbu ċrieki ta' materjali magħluqa nodfa, mhux tossiċi u sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied id-disponibbiltà u tittejjeb il-kwalità tal-materjali riċiklati, filwaqt li ssir enfasi fuq il-kapaċità ta' materjal li jżomm il-proprjetajiet inerenti tiegħu wara r-riċiklaġġ, u l-kapaċità tiegħu li jissostitwixxi materja prima ewlenija f'applikazzjonijiet futuri; jissottolinja f'dan il-kuntest l-ħtieġa li tiġi stimulata kemm iż-żieda fir-riċiklabbiltà fid-disinn tal-prodotti kif ukoll miżuri bħal sistemi separati effettivi ta' ġbir u ta' ritorn tad-depożiti; jitlob li jingħata appoġġ lill-ħolqien ta' faċilitajiet u kapaċitajiet ta' riċiklaġġ, skont il-prinċipju tal-qrubija, fejn dawn ma jeżistux diġà;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta' infrastrutturi ta' kwalità għolja għall-ġbir, is-separazzjoni u l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-materjali, u jappoġġjaw ir-riċerka fl-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi ġodda li jimminimizzaw l-użu tar-riżorsi u l-ġenerazzjoni tal-iskart residwu, itejbu r-rendiment u l-kwalità ta' materjali sekondarji riċiklabbli u li jistgħu jerġgħu jintużaw, jiddekontaminaw ir-riċiklaturi, u jnaqqsu l-impronta ambjentali ġenerali - inklużi l-impronti tal-enerġija u tal-klima - fir-rigward ta' teknoloġiji oħra; jemmen li r-riċiklaġġ kimiku, meta jissodisfa dawn il-kriterji, għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-għeluq taċ-ċirku tal-materjali f'ċerti flussi ta' skart;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-impatti fuq is-saħħa, l-ambjent u l-klima tal-proċessi u l-outputs ta' teknoloġiji ta' riċiklaġġ u ta' rkupru ġodda jiġu evalwati bir-reqqa fil-livell industrijali qabel ma jiġu inċentivati, u tiggarantixxi t-trasparenza matul l-evalwazzjoni;

42.  Iqis li r-riċiklaġġ kimiku jeħtieġ li jissodisfa d-definizzjoni ta' riċiklaġġ skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart biex ikun żgurat li l-ipproċessar mill-ġdid f'materjali u sustanzi li għandhom jintużaw bħala fjuwils ma jitqiesx bħala riċiklaġġ kimiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi konferma legali f'dan ir-rigward;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, bħall-blockchain u l-marki tal-ilma diġitali u jagħmluhom interoperabbli sabiex ikunu jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari permezz tal-insegwiment, it-traċċar u l-immappjar tal-użu tar-riżorsi u tal-flussi tal-prodott fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja;

44.  Jenfasizza l-importanza li jittejjeb l-aċċess għall-fondi għal proġetti ta' riċerka u innovazzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tidderieġi l-attivitajiet tal-programm Orizzont Ewropa lejn l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni għal:

   proċessi u teknoloġiji tar-riċiklaġġ;
   l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-proċessi industrijali;
   materjali, prodotti, proċessi, teknoloġiji u servizzi innovattivi u sostenibbli, kif ukoll l-espansjoni industrijali tagħhom;
   il-bijoekonomija, permezz ta' innovazzjoni b'bażi bijoloġika li tinkludi l-iżvilupp ta' materjali u prodotti b'bażi bijoloġika;
   satelliti għall-osservazzjoni tad-dinja, peress li dawn jista' jkollhom rwol importanti fil-monitoraġġ tal-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari billi jevalwaw il-pressjoni fuq il-materja prima verġni u l-livelli ta' emissjonijiet;

45.  Jissottolinja r-rwol importanti li inputs rinnovabbli sostenibbli jista' jkollhom fi proċessi ċirkolari lejn id-dekarbonizzazzjoni u kif l-użu tal-enerġija rinnovabbli jista' jsaħħaħ iċ-ċirkolarità taċ-ċikli tal-ħajja ta' prodott filwaqt li t-tranżizzjoni enerġetika tiġi xprunata 'l quddiem;

46.  Jisħaq li leġiżlazzjoni dwar "qafas ta' politika għall-prodotti sostenibbli" għandha tkun sostnuta minn sistema ta' kontabbiltà tal-karbonju u ambjentali robusta u trasparenti li taġixxi bħala katalist għall-investiment fil-prodotti u l-proċessi tal-ekonomija ċirkolari;

47.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu ċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' prodott, min-nieqa sal-qabar, u l-impatt tal-akkwisti, il-prodotti nofshom lesti, il-parts tal-bdil u l-prodotti sekondarji tul il-katina tal-valur meta jiġu stabbiliti l-istandards tal-prodotti għall-impatti fuq il-klima u l-ambjent; iqis li dawn iridu jiġu stabbiliti permezz ta' proċess miftuħ, trasparenti, u bbażat fuq ix-xjenza, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, l-istabbiliment ta' metodoloġiji ta' valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja komuni u ġbir tad-data mtejjeb;

48.  Jisħaq li l-istandardizzazzjoni hija kruċjali għall-implimentazzjoni ta' politika dwar il-prodotti sostenibbli peress li tipprovdi definizzjonijiet, metriċi u testijiet affidabbli għal karatteristiċi bħad-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija;

49.  Jinsisti li l-istandards tal-UE jiġu żviluppati f'waqthom u f'konformità mal-kundizzjonijiet ta' użu reali, filwaqt li jiġu evitati ostakli amministrattivi għall-partijiet ikkonċernati involuti li jwasslu għal dewmien fil-pubblikazzjoni tal-istandards;

50.  Ifakkar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Standards Ewropej għas-Seklu 21" u l-ħidma mwettqa fuq l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (JIS); jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni u tadotta azzjonijiet u proġetti ġodda bil-għan li jitjieb il-funzjonament tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni;

51.  Jisħaq li l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mar-rekwiżiti tas-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-prodotti huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-prodotti mqiegħda fis-suq jikkonformaw ma' dawn ir-regoli skont ir-Regolament (UE) 2019/1020(31); jirrimarka wkoll li għadd kbir ħafna ta' prodotti mixtrija online u importati fl-UE ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi tas-sikurezza tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-prodotti jkunu konformi, inklużi l-prodotti mibjugħa online, u jindirizzaw ir-riskji li l-prodotti ffalsifikati joħolqu għas-sikurezza tal-konsumaturi permezz ta' sorveljanza tas-suq imtejba u standards ekwivalenti ta' kontrolli doganali, kif ukoll permezz ta' kooperazzjoni msaħħa f'dan il-qasam u żieda fil-baġits u r-riżorsi umani; jitlob, għalhekk, sorveljanza aktar effettiva min-naħa tal-UE, permezz tal-istabbiliment ta' regoli armonizzati dwar l-għadd minimu ta' kontrolli u l-frekwenza tagħhom, u billi l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li timmonitorja u twettaq awditjar tal-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq;

52.  Jissottolinja li l-ftehimiet volontarji wrew li mhumiex effettivi biex tinkiseb soluzzjoni ta' ċċarġjar sostenibbli u komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex timplimenta b'urġenza d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/53/UE(32) dwar it-tagħmir tar-radju, u b'mod partikolari, biex tintroduċi ċarġer komuni għall-ismartphones u t-tagħmir elettroniku żgħir u medju kollu biex jiġu żgurati bl-aħjar mod l-istandardizzazzjoni, il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar, inkluż l-iċċarġjar mingħajr fili, bħala parti mill-istrateġija globali biex jitnaqqas l-iskart elettroniku; jitlob lill-Kummissjoni tħejji, b'mod f'waqtu, strateġija ta' diżakkoppjament li tiżgura li l-konsumaturi ma jkunux obbligati jixtru ċarġers ġodda ma' apparati ġodda, biex jingħata lok għal aktar benefiċċji ambjentali, iffrankar tal-ispejjeż u konvenjenza għall-konsumaturi; itenni l-importanza li l-konsumaturi jirċievu, permezz ta' tikkettar armonizzat f'format li jinqara faċilment, informazzjoni affidabbli u rilevanti dwar il-karatteristiċi rilevanti taċ-ċarġers bħalma huma l-interoperabbiltà u l-prestazzjoni tal-iċċarġjar, inkluża l-konformità ma' USB 3.1 jew ogħla, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aktar għażliet konvenjenti, kosteffiċjenti u sostenibbli;

53.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' koerenza politika fil-miżuri eżistenti u futuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni u biex tiġi pprovduta ċertezza ekonomika u ta' investiment għat-teknoloġiji, il-prodotti u s-servizzi ċirkolari, li se jrawwem ukoll il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza kwalunkwe inkonsistenza jew ostaklu regolatorji eżistenti jew inċertezzi legali li jxekklu l-użu sħiħ ta' ekonomija ċirkolari; jitlob li jkun hemm inċentivi ekonomiċi bħall-ipprezzar tas-CO2, responsabbiltà estiża tal-produttur permezz tal-modulazzjoni ekoloġika tat-tariffi u l-inċentivi fiskali, kif ukoll inċentivi finanzjarji oħra li jippromwovu għażliet sostenibbli tal-konsumatur; jemmen li dawn il-miżuri għandhom, fejn ikun rilevanti, ikunu konformi mal-kriterji tekniċi tal-iskrinjar għall-ekonomija ċirkolari ddefiniti fir-Regolament dwar it-Tassonomija; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-objettivi tal-Ekonomija Ċirkolari fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti kollha u jiżguraw li din tkun allinjata bis-sħiħ mal-objettivi u l-miżuri tal-Istrateġija tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata mal-ekonomija ċirkolari biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-proċessi ta' produzzjoni u l-mudelli kummerċjali ċirkolari;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: l-elettronika u l-ICT

54.  Jappoġġja l-Inizjattiva tal-Elettronika Ċirkolari, li għandha tindirizza n-nuqqasijiet fid-durabbiltà, id-disinn ċirkolari, il-preżenza ta' sustanzi perikolużi u dannużi, il-kontenut riċiklat, il-possibbiltà ta' tiswija, l-aċċess għall-parts tal-bdil, it-titjib fil-kwalità, il-prevenzjoni, il-ġbir, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart-e; jitlob ukoll li jiġu integrati l-kwistjonijiet marbuta mal-obsolexxenza bikrija, inkluża l-obsolexxenza tal-prodotti kkawżata minn bidliet fis-software; jitlob l-armonizzazzjoni u t-titjib tal-infrastruttura tar-riċiklaġġ għall-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku fl-UE;

55.  Jemmen li l-ġbir tal-iskart elettroniku jrid isir ferm aktar faċli għall-konsumaturi; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tesplora l-għażliet għal skema ta' teħid lura għall-prodotti tal-ICT madwar l-UE kollha u jemmen li skema bħal din għandha tkopri l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' prodotti; jisħaq fuq l-importanza li titfassal tali skema ta' teħid lura, u kwalunkwe mudell ta' ġbir ieħor, b'tali mod li jissalvagwardja l-kapaċità ta' użu mill-ġdid tal-prodotti tal-ICT u jipprovdi lill-operaturi tal-użu mill-ġdid aċċess għal oġġetti li jistgħu jerġgħu jintużaw;

56.  Jissottolinja l-potenzjal tal-miżuri tal-ekodisinn u jfakkar li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn u d-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija(33) flimkien ipprovdew kważi nofs il-mira tal-iffrankar tal-effiċjenza enerġetika stabbilita mill-UE għall-2020; jissottolinja l-ħtieġa li titlesta malajr il-ħidma eżistenti tal-ekodisinn fir-rigward tal-elettronika u l-ICT, b'mod partikolari għall-ismartphones, it-tablets, il-kompjuters, il-printers (inklużi l-kartriġis), l-istazzjonijiet u s-subsistemi tan-network mobbli u t-tagħmir tan-networking, sabiex jiġu proposti miżuri sa mhux aktar tard mill-2021;

57.  Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta' mudelli ta' konsum u produzzjoni aktar sostenibbli għal tagħmir elettroniku u l-ICT u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li tistabbilixxi informazzjoni għall-konsumatur rigward id-distinzjoni bejn aġġornamenti korrettivi u skalabbli u l-impatt tal-karbonju tal-konsum tad-data;

58.  Jitlob li tiġi stabbilita skema ta' ċertifikazzjoni obbligatorja għar-riċiklaturi tal-iskart tal-elettronika biex jiġu ggarantiti rkupru effiċjenti tal-materjal u protezzjoni ambjentali;

59.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva ta' pjan għal diġitalizzazzjoni, ICT u IA ċirkolari u sostenibbli, minbarra l-inizjattiva tal-elettronika ċirkolari;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: il-batteriji u l-vetturi

60.  Jissottolinja l-importanza ta' approċċ strateġiku, ambjentalment sostenibbli u etiku fl-oqfsa leġiżlattivi ġodda għall-batteriji u l-vetturi fil-kuntest tat-tranżizzjoni lejn mobilità b'emissjonijiet żero u grilji tal-elettriku bbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabli u l-ħtieġa li jiġi żgurat akkwist sostenibbli u etiku tal-materja prima, inkluża l-materja prima kritika; jitlob li jinħolqu ktajjen tal-valur kompetittivi u reżiljenti għall-produzzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-batteriji fl-UE;

61.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid dwar il-batteriji u l-iskart tal-batteriji, u jqis li l-qafas regolatorju l-ġdid tal-UE għall-batteriji għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej: akkwist sostenibbli, etiku u sikur, l-ekodisinn inklużi miżuri biex jiġu indirizzati l-kontenut riċiklat, is-sostituzzjoni ta' sustanzi perikolużi u dannużi fejn ikun possibbli, il-ġbir separat imtejjeb, l-użu mill-ġdid, ir-rinnovazzjoni, il-manifattura mill-ġdid, l-għoti ta' skop ġdid u r-riċiklaġġ - inklużi miri ogħla ta' riċiklaġġ, l-irkupru ta' materjali ta' valur, ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, u l-informazzjoni lill-konsumatur; il-qafas għandu jindirizza l-impatti ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ, b'dispożizzjonijiet apposta dwar il-batteriji relatati mal-mobbiltà u l-ħżin tal-enerġija;

62.  Huwa mħasseb dwar id-dipendenza qawwija tal-UE mill-importazzjonijiet ta' materja prima għall-produzzjoni tal-batteriji; huwa konvint li skemi tar-riċiklaġġ imsaħħa għall-batteriji jistgħu jipproduċu sehem sinifikanti tal-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-batteriji fl-UE;

63.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-industrija tal-minerali, b'mod partikolari fl-industrija tal-kobalt; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-għażliet għal qafas leġiżlattiv vijabbli biex tiżgura l-akkwist etiku tal-materjali u l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni obbligatorja ta' diliġenza dovuta biex tindirizza l-effetti negattivi fuq l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem f'kuntest internazzjonali;

64.  Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tirrieżamina d-Direttiva dwar il-Vetturi li Ma Għadhomx Jintużaw(34); jistieden lill-Kummissjoni taġġorna dik id-direttiva biex jiġu riflessi u rrispettati bis-sħiħ il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, inklużi l-eliminazzjoni tal-iskart, it-titjib fil-kwalità, il-modularità, il-possibbiltà ta' tiswija, il-kapaċità ta' użu mill-ġdid, u r-riċiklabbiltà tal-materjali fl-ogħla livell tal-valur, filwaqt li l-ewwel prijorità tingħata lill-użu mill-ġdid: jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tiżgura ktajjen tal-użu mill-ġdid effettivi, mal-manifatturi tal-karozzi u bi skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rapportar tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw, permezz ta' bażi tad-data Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika, issaħħaħ u tissorvelja l-prinċipju li ż-żarmar tal-karozzi u l-użu mill-ġdid tal-parts iridu dejjem jiġu qabel l-iskrappjar u t-tqattigħ tal-karozzi;

65.  Jissottolinja l-ħtieġa tal-promozzjoni ulterjuri tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-proċessi u t-teknoloġiji ta' riċiklaġġ fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa sabiex jiżdied il-potenzjal ta' ekonomija ċirkolari tal-batteriji; jirrikonoxxi r-rwol tal-SMEs fis-setturi tal-ġbir u r-riċiklaġġ;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: l-imballaġġ

66.  Itenni l-objettiv li l-imballaġġ kollu jkun jista' jerġa' jintuża jew jiġi riċiklat b'mod ekonomikament vijabbli sal-2030 u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva mingħajr dewmien, inklużi miżuri u miri għat-tnaqqis tal-iskart u rekwiżiti essenzjali ambizzjużi fid-Direttiva dwar l-Iskart mill-Imballaġġ biex jitnaqqas l-imballaġġ eċċessiv, inkluż fil-kummerċ elettroniku, tittejjeb ir-riċiklabbiltà u tiġi minimizzata l-kumplessità tal-imballaġġ, jiżdied il-kontenut riċiklat, jiġu eliminati b'mod gradwali s-sustanzi perikolużi u dannużi, u jiġi promoss l-użu mill-ġdid; jisħaq li s-sikurezza tal-ikel jew l-istandards tal-iġjene ma jridux jiġu kompromessi; jitlob li dawn il-miżuri jimmiraw lejn l-aħjar riżultati ambjentali ġenerali f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart u lejn marka tal-karbonju baxxa;

67.  Filwaqt li jissottolinja r-rwol essenzjali tal-imballaġġ għas-sikurezza tal-prodott, b'mod partikolari s-sikurezza tal-ikel, u l-iġjene, kif ukoll għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, filwaqt li jistieden lill-industrija tikkomplementa l-miżuri regolatorji b'azzjonijiet volontarji addizzjonali biex tkompli tevita imballaġġ mhux meħtieġ u tnaqqas b'mod sostanzjali l-ammont ta' imballaġġ li tqiegħed fis-suq, tiżviluppa soluzzjonijiet ta' imballaġġ aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ċirkolari u li ma jagħmlux ħsara lill-klima bħal formati armonizzati ta' imballaġġ u imballaġġ li jista' jerġa' jintuża u jerġa' jimtela, u tiffaċilita l-użu ta' imballaġġ tat-trasport li jista' jerġa' jintuża; iħeġġeġ inizjattivi bħall-Alleanza għall-Plastiks Ċirkolari u l-Patt Ewropew dwar il-Plastiks;

68.  Itenni li riċiklaġġ ta' kwalità għolja joħloq domanda reali tas-suq għal materjal riċiklat u huwa fost il-fatturi ewlenin fl-isforz biex jiżdied l-ammont totali ta' imballaġġ li jinġabar, jiġi separat u riċiklat, filwaqt li jitlob li jintużaw tagħmir tas-separazzjoni u teknoloġiji tas-separazzjoni moderni u effiċjenti flimkien ma' ekodisinn aħjar tal-imballaġġ, inkluża l-ħtieġa s-soluzzjonijiet tal-imballaġġ jitfasslu mill-ġdid abbażi ta' kriterji tal-LCA mtejba;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza d-diversi tipi ta' imballaġġ użat fil-kummerċ elettroniku biex jiġu ddeterminati l-aħjar prattiki fl-ottimizzazzjoni tal-imballaġġ bil-għan li jitnaqqas l-imballaġġ eċċessiv; jistieden lill-Kummissjoni tapprova l-użu mill-ġdid tal-materjali tal-imballaġġ biex jitwasslu diversi oġġetti bħala alternattiva għal materjali tal-imballaġġ li jintużaw darba biss;

70.  Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li jista' jkollu l-bejgħ bl-ingrossa fit-tnaqqis tal-użu tal-imballaġġ, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu din it-tip ta' miżura filwaqt li jiżguraw is-sikurezza u l-iġjene tal-ikel;

71.  Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-fondi u l-programmi ta' innovazzjoni għat-tnaqqis materjali u l-innovazzjonijiet ta' riċiklaġġ;

72.  Jirrikonoxxi ż-żieda fil-bejgħ online, b'żieda fil-konsenji ta' pakketti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura li l-bejjiegħa online kollha, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu, jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali u jirrapportaw u jikkontribwixxu b'mod finanzjarju għas-sistemi tal-EPR fl-Istati Membri tal-UE fejn il-prodotti jitqiegħdu fis-suq;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-ġbir separat u s-separazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ kif stipulat fid-Direttiva (UE) 2018/852 u tiżgura t-traspożizzjoni fil-ħin tagħha mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tirrevedi s-sistemi ta' identifikazzjoni għall-materjali tal-imballaġġ (id-Deċiżjoni 97/129/KE(35)) biex jiġi ffaċilitat il-ġbir separat għaċ-ċittadini skont ir-riċiklabbiltà tal-imballaġġ;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tesplora l-potenzjali għal skemi ta' kapparra u ritorn nazzjonali kompatibbli biex tintlaħaq ir-rata ta' ġbir meħtieġa ta' 90 % tal-kontenituri tax-xorb tal-plastik u bħala pass lejn l-istabbiliment ta' suq uniku għall-imballaġġ, speċjalment għall-Istati Membri ġirien; skemi kompatibbli jistgħu jinkisbu permezz ta' serjalizzazzjoni u tikkettar kodifikat u unifikat; jekk Stat Membru ma jkollux skema stabbilita jew ikun beħsiebu jfassal mill-ġdid l-iskema tiegħu, dan għandu jiġi mħeġġeġ jagħżel, permezz tal-aħjar prattiki u evidenza xjentifika rilevanti, skema li tkun simili għal dawk ta' Stati Membri oħra jew li tkun kompatibbli magħhom;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: il-plastik

75.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-implimentazzjoni tagħha tal-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari, b'mod partikolari biex tixpruna disinn aħjar, mudelli kummerċjali ċirkolari u prodotti innovattivi u approċċi ta' prodott bħala servizz li joffru mudelli ta' konsum aktar sostenibbli;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-plastiks, inklużi l-mikroplastiċi, b'mod komprensiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta eliminazzjoni gradwali ġenerali tal-mikroplastiċi li jiġu miżjuda intenzjonalment u tnaqqas, permezz ta' miżuri regolatorji obbligatorji, ir-rilaxx mhux intenzjonat tal-mikroplastiċi kollha fis-sors, inkluż pereżempju mit-tajers, it-tessuti, it-turf artifiċjali u matul il-produzzjoni tal-pellets tal-plastik; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu eliminati d-diskrepanzi fl-għarfien xjentifiku dwar il-mikroplastiċi u n-nanoplastiċi u li jitrawwem l-iżvilupp ta' alternattivi aktar sikuri u swieq kompetittivi bi prodotti mingħajr mikroplastiċi; jinsisti fl-istess ħin fuq l-urġenza li jittieħdu azzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir; jissottolinja li l-akbar sehem tat-tniġġis tal-mikroplastik joriġina mid-degradazzjoni tal-makroplastiċi fl-ambjent u jappoġġja l-fatt li l-prodotti tal-plastik għandhom jiġu mmirati b'miżuri speċifiċi bħal rekwiżiti ta' ekodisinn matul il-fażi tal-produzzjoni biex jiġi evitat ir-rilaxx ta' mikroplastiċi sekondarji fl-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni teżamina s-sorsi, id-distribuzzjoni, id-destin u l-effetti kemm tal-makroplastiċi kif ukoll tal-mikroplastiċi fil-kuntest tat-trattament tal-ilma mormi u tal-ġestjoni tal-ilma tal-maltemp; ifakkar li 80 % tal-iskart fil-baħar joriġina mill-art u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu fir-rigward tal-hotspots tal-iskart fil-baħar fix-xmajjar u fl-estwarji;

77.  Jenfasizza li fejn il-prodotti li jintużaw darba biss jippreżentaw piż sinifikanti fuq l-ambjent u fuq ir-riżorsi, l-użu ta' darba biss għandu jiġi ssostitwit bi prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw meta jkunu jeżistu alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw u/jew li jkunu durabbli, b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, mingħajr ma jiġu kompromessi l-iġjene jew is-sikurezza tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tqis il-miżuri leġiżlattivi, inkluża estensjoni tad-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss fil-kuntest tar-rieżami ta' dik id-Direttiva; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq l-iżvilupp ta' standards għal imballaġġ li jista' jerġa' jintuża u sostituti għal imballaġġ, oġġetti tal-mejda u pożati li jintużaw darba biss;

78.  Jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tal-plastik b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli fl-ekonomija ċirkolari, iżda jesprimi kawtela dwar il-fatt li l-plastiks b'bażi bijoloġika u/jew dawk bijodegradabbli waħedhom mhumiex se jipprovdu soluzzjoni għat-tħassib ambjentali relatat mal-plastik, filwaqt li jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-użu xieraq tal-plastiks b'bażi bijoloġika u dawk bijodegradabbli;

79.  Iħeġġeġ li jiġu proposti standards globali ċari tal-materjali, il-prodotti, id-disinn u r-riċiklaġġ;

80.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu qafas ta' trasparenza konsistenti u obbligi ta' rapportar għall-atturi kollha tal-katina tal-valur fil-produzzjoni, il-kummerċ, l-użu u l-ġestjoni fi tmiem il-ħajja tal-plastiks;

81.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa skemi tal-EPR li jżommu lill-produtturi responsabbli għat-tmiem il-ħajja tal-prodotti tal-plastik;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: it-tessuti

82.  Jissottolinja l-importanza ta' strateġija tal-UE komprensiva ġdida għat-tessuti biex jiġu promossi s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità kif ukoll it-traċċabbiltà u t-trasparenza fis-settur tat-tessuti u l-ilbies tal-UE, filwaqt li jitqiesu n-natura globali tal-ktajjen tal-valur u d-dimensjoni tal-‘moda mgħaġġla’; jitlob li l-istrateġija tippreżenta sett koerenti ta' strumenti ta' politika u tappoġġja mudelli kummerċjali ġodda biex tiġi indirizzata l-firxa sħiħa ta' impatti ambjentali u soċjali tul il-katina tal-valur u jittejjeb id-disinn tat-tessuti biex jiżdiedu d-durabbiltà, il-kapaċità ta' użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà mekkanika u l-użu ta' fibri ta' kwalità għolja, b'mod partikolari b'taħlita ta' rekwiżiti għat-tip tal-ekodisinn, l-iskemi tar-responsabbiltà tal-produtturi u skemi ta' tikkettar;

83.  Jilqa' l-applikazzjoni tal-qafas ta' politika l-ġdid għall-prodotti dwar it-tessuti u jisħaq li dan irid jagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-iskart, id-durabbiltà, il-kapaċità ta' użu mill-ġdid u l-possibbiltà ta' tiswija kif ukoll l-indirizzar ta' sustanzi kimiċi perikolużi u dannużi f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart; jitlob miżuri fl-istadju tad-disinn u tal-produzzjoni kontra t-telf ta' mikrofibra sintetika, u miżuri oħra bħall-iżvilupp ta' ħasil minn qabel industrijali, preventiv, ikkontrollat u li ma jniġġisx u standards għat-tagħmir ta' magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ ġodda b'filtri tal-mikrofibra; jitlob li jkun hemm kriterji speċifiċi madwar l-UE kollha dwar it-tmiem tal-iskart tat-tessuti;

84.  Jitlob li l-applikazzjoni tal-qafas ta' politika l-ġdid għall-prodotti dwar it-tessuti tkun koerenti ma' strumenti ta' politika oħra, jiġifieri l-proposta li jmiss għal leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-Diliġenza Dovuta fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent, biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu indirizzati fl-istadji kollha tal-katina tal-valur tat-tessuti;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: il-kostruzzjoni u l-binjiet

85.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-inizjattiva tal-"Mewġa ta' Rinnovazzjoni" bis-sħiħ f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, filwaqt li titqies id-diversità tas-settur; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti orizzontali u speċifiċi għall-prodott; jisħaq fuq il-potenzjal għall-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-kisbiet ambjentali billi tittawwal il-ħajja tal-bini minflok id-demolizzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tqis li tistabbilixxi miri ta' tnaqqis għall-marka tal-karbonju u l-impronta materjali tal-bini tal-UE u tapplika l-qafas tal-Livell(i) għall-bini sostenibbli bħala qafas vinkolanti għar-rendiment tal-kostruzzjoni; jemmen li jeħtieġ li jiġu inklużi rekwiżiti legali minimi dwar ir-rendiment ambjentali tal-bini sabiex jittejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija;

86.  Ifakkar fl-obbligu tal-Kummissjoni skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart li tqis reviżjoni tal-miri għall-irkupru tal-materjal stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni u l-frazzjonijiet speċifiċi għall-materjal tiegħu u jemmen li dan għandu jinkludi mira għall-irkupru tal-materjali għall-ħamrija skavata; jissuġġerixxi li jiġu inklużi miri għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u l-użu ta' materja prima sekondarja fl-applikazzjonijiet tal-kostruzzjoni filwaqt li dawn isiru traċċabbli b'mod aktar faċli; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini u jilqa' t-tħabbira ta' Strateġija għal Ambjent Mibni sostenibbli fl-2021; jemmen li l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet diġitali fl-ambjent mibni, bħat-traċċar tal-iskart, tippermetti rendiment aħjar tal-bini fl-użu tal-enerġija u ċirkolarità akbar fis-settur tal-kostruzzjoni;

87.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti politiki ta' ppjanar ta' bini ta' kwalità għolja li jiffavorixxu soluzzjonijiet li jippromwovu r-rinnovazzjoni, ir-rikonverżjoni u l-użu kontinwu tal-bini fejn possibbli aktar milli l-kostruzzjonijiet ġodda;

88.  Jenfasizza li, peress li 90 % mill-ambjent mibni sal-2050 diġà jeżisti, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċjali għas-settur tar-rinnovazzjoni sabiex ikun hemm binjiet kompletament modulari, adattabbli għal użi differenti u b'enerġija pożittiva sal-2050; inklużi rinnovazzjonijiet profondi, produzzjoni fuq il-post, u l-kapaċità ta' użu mill-ġdid;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: l-ikel, l-ilma u n-nutrijenti

89.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal proposta leġiżlattiva biex timplimenta l-għan li tnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel sal-2030 f'konformitá mal-impenji skont l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, u abbażi tad-data rrapportata mill-Istati Membri skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-prevenzjoni tat-telf tal-ikel u tal-ħela tal-ikel tul il-katina kollha tal-valur tal-ikel fil-politiki rilevanti tal-UE, kif stipulat fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, u jfakkar li dawn il-miżuri għandhom ikunu konformi mal-ġerarkija tal-iskart; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri komprensivi biex jillimitaw b'mod sinifikanti l-ħela tal-ikel u jħeġġu d-donazzjonijiet tal-ikel;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tagħlaq iċ-ċirku tan-nutrijenti agrikolu, tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa mill-importazzjonijiet ta' proteini veġetali għall-għalf tal-annimali u żżid l-użu tad-demel tal-annimali riċiklat u nutrijenti organiċi oħra, bħall-kompost u d-diġestat, minflok il-fertilizzant sintetiku filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent u l-ekosistemi;

91.  Jitlob li tinħoloq ekonomija ċirkolari bbażata fuq qafas regolatorju ambjentalment sod biex jiġu evitati effetti tossiċi negattivi possibbli fuq l-ekosistemi akkwatiċi; jilqa' r-Regolament li għadu kif ġie adottat dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb(36) u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ ir-rabta bejn l-ilma u l-enerġija fil-politiki Ewropej u jfakkar li l-kwalità u l-aċċess għar-riżorsi tal-ilma jiddependu minn implimentazzjoni tajba tal-kontroll fis-sors u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas; jappoġġja approċċ ċirkolari fit-trattamenti u l-ġestjoni tal-ilma mormi bil-għan li jitrawwem l-irkupru tal-ilma urban mormi; jenfasizza li r-riżorsi jistgħu jiġu rkuprati mill-ilma mormi, li jvarja miċ-ċelluloża permezz tal-bijoplastik għan-nutrijenti, l-enerġija u l-ilma, u billi titkompla analiżi tal-għażliet potenzjali ta' użu mill-ġdid filwaqt li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u tal-ilma; jappoġġja r-rieżami ppjanat tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi(37); jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tieħu miżuri leġiżlattivi biex tindirizza l-effiċjenza tal-bini fl-użu tal-ilma;

92.  Jisħaq li ż-żieda fl-aċċess għall-ilma għal kulħadd fl-Unjoni Ewropea tista' ttejjeb b'mod sinifikanti ċ-ċirkolarità b'anqas dipendenza mill-ilma ppakkjat; jitlob li jiġu implimentati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ilma fid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb;

93.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-prodotti sostenibbli b'bażi bijoloġika, b'mod partikolari rkupru aħjar tal-bijoskart u l-użu ta' residwi u prodotti sekondarji, fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari newtrali fil-karbonju;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ġbir separat tal-bijoskart, kif introdott mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, ikollu l-għan li jipproduċi kompost ta' kwalità għolja biex jiġu appoġġjati t-titjib tal-ħamrija, is-sustanzi kimiċi mhux perikolużi u prodotti oħra u enerġija rinnovabbli, meta jkun fattibbli u ta' benefiċċju għall-ambjent;

95.  Jenfasizza l-potenzjal ta' bijoekonomija sostenibbli u settur sostenibbli bbażat fuq il-foresti; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-UE dwar il-Bijoekonomija u l-Bijodiversità biex tittejjeb iċ-ċirkolarità bis-sostituzzjoni, meta jkun ta' benefiċċju għall-ambjent u sostenibbli - inkluż għall-bijodiversità, filwaqt li titqies id-domanda dejjem akbar għall-bijomaterjali - għall-materjali fossili b'materjali rinnovabbli u b'bażi bijoloġika;

Anqas skart, aktar valur

96.  Jissottolinja l-importanza li tingħata prijorità lill-prevenzjoni tal-iskart f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart tal-UE, kemm fil-politika dwar il-prodotti kif ukoll fil-politika dwar l-iskart; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti għat-tnaqqis ġenerali tal-iskart u għat-tnaqqis tal-iskart fi flussi speċifiċi ta' skart u gruppi ta' prodotti, kif ukoll miri biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart residwu, fir-rieżami tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u d-Direttiva dwar il-Landfills previst għall-2024; iqis li l-miri tal-preparazzjoni għal użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom ikunu separati sabiex il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid tingħata l-prijorità li għandha fil-ġerarkija tal-iskart;

97.  Jesprimi tħassib dwar l-implimentazzjoni inugwali tal-miri tal-UE għall-iskart fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni effettiva u sħiħa mill-Istati Membri kollha kemm tal-miri attwali tal-iskart kif ukoll tal-pakkett dwar l-Iskart tal-2018, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jittrasponu bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-2018 mingħajr aktar dewmien;

98.  Jemmen li prezzijiet mhux kompetittivi u nuqqas ta' materja prima sekondarja ta' kwalità għolja u ta' swieq għalihom huma fost l-ostakli għal ekonomija ċirkolari; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta miżuri biex tagħmel il-materja prima sekondarja aktar kompetittiva, filwaqt li tikkontribwixxi għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi;

99.  Iqis lis-settur privat bħala sieħeb b'saħħtu biex jiżdiedu d-domanda u l-interess tal-klijenti f'soluzzjonijiet u prodotti ċirkolari, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-kumpaniji li għandhom mudelli kummerċjali, servizzi jew prodotti li jnaqqsu l-iskart u l-użu tar-riżorsi, u jagħmlu użu mis-servizzi tagħhom;

100.  Japprova bis-sħiħ l-ambizzjoni li jiġi stabbilit suq tal-UE li jiffunzjona tajjeb għall-materja prima sekondarja ta' kwalità għolja u mhux tossika - mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u r-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart - u jissottolinja li dan se jirrikjedi standards ta' kwalità komuni; ifakkar li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiddefinixxu prodotti sekondarji nazzjonali u kriterji Ewropej armonizzati għat-tmiem tal-iskart għall-flussi tal-iskart ewlenin f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għas-suq u jiġi żgurat irkupru tal-iskart ta' kwalità għolja; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma ddefiniet l-ebda kriterju speċifiku tal-UE għall-karta, it-tajers u t-tessuti, kif kien mitlub mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

101.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lir-regoli dwar il-movimenti transfruntiera tal-iskart għall-irkupru bejn l-Istati Membri tal-UE u tikkunsidra li tadattahom sabiex tiżdied iċ-ċarezza u l-komprensibbiltà tagħhom, jitneħħew l-ostakli amministrattivi filwaqt li tinżamm l-effettività tal-leġiżlazzjoni fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u tiġi armonizzata l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri tal-UE, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' sistema elettronika unika tal-UE għar-reġistrazzjoni tal-vjeġġi ta' skart;

102.  Jappoġġja l-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni biex tiżgura trattament xieraq taż-żjut użati; jistieden lill-Kummissjoni, kif iddefinit fid-Direttiva 2008/98/KE(38), tippreżenta proposta leġiżlattiva sal-2022 b'miżuri addizzjonali biex tippromwovi r-riġenerazzjoni taż-żjut użati, inkluża l-introduzzjoni ta' miri kwantitattivi;

103.  Ifakkar li l-Istati Membri kollha għandhom l-obbligu li jiżguraw li, sal-31 ta' Diċembru 2023, il-bijoskart ikun jew separat u riċiklat fis-sors, jew ikun qed jinġabar b'mod separat u ma jitħallatx ma' tipi oħra ta' skart; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti sabiex jittejbu l-ġbir u l-kompostjar tal-iskart organiku;

104.  Ifakkar fil-miri tal-iskart tal-UE u jissottolinja li l-UE u l-Istati Membri jridu jsaħħu l-prevenzjoni u t-tħejjija għal użu mill-ġdid, iżidu r-riċiklaġġ ta' kwalità għolja, u jitbiegħdu mis-sistema tar-rimi f'landfill, filwaqt li jimminimizzaw l-inċinerazzjoni tal-iskart, f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi approċċ komuni għall-UE kollha għall-immaniġġjar ta' skart muniċipali residwu li ma jistax jiġi riċiklat biex jiġi żgurat l-aħjar trattament tiegħu u biex tiġi evitata l-kapaċità żejda tal-bini tal-inċinerazzjoni tal-iskart fil-livell tal-UE li tista' tikkawża effetti ta' intrappolament tal-klijentela u xxekkel l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari; iqis li fejn tintuża l-inċinerazzjoni dan għandu jsir fil-faċilitajiet l-aktar avvanzati tal-iskart għall-enerġija b'effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija u b'emissjonijiet baxxi fl-UE;

105.  Jissottolinja li l-ġbir separat tal-iskat huwa prerekwiżit għal riċiklaġġ ta' kwalità għolja u biex jinżammu materjali u prodotti siewja fiċ-ċirku ta' riċiklaġġ; jappoġġja l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri għat-titjib u l-armonizzazzjoni tas-sistemi ta' ġbir separati eżistenti, li għandhom iqisu l-aħjar prattiki fl-Istati Membri u jqisu l-kundizzjonijiet reġjonali u lokali differenti, u ma għandhomx iħallu impatt negattiv fuq is-sistemi eżistenti li jiffunzjonaw tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

106.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-istrateġiji u l-politiki dwar l-iskart jitfasslu abbażi ta' data u metodoloġiji xjentifiċi sodi, filwaqt li jittejbu l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tal-istatistika tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tarmonizza aktar l-istatistika dwar l-iskart u tiġbor id-data dwar il-materjali u l-iskart riċiklati fi tliet punti: il-ġbir, il-punt ta' dħul fil-faċilità ta' riċiklaġġ, u s-sehem ta' użu mill-ġdid effettiv tal-materjali riċiklati;

107.  Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' enfasi tad-Direttiva dwar ir-Rimi ta' Skart f'Terraferma fuq il-prevenzjoni, u jitlob għalhekk li din tiġi allinjata mal-prinċipji komprensivi tas-CEAP u li l-mira ta' rimi f'landfill ta' 10 % tiġi stabbilita fuq sena ta' referenza u kg ta' skart għal kull persuna fis-sena sabiex tiġi evitata d-devjazzjoni mis-sistema tar-rimi f'landfill tal-iskart għall-inċinerazzjoni tal-iskart;

108.  Ifakkar li s-simbjożi industrijali hija element essenzjali biex tinkiseb ekonomija ċirkolari billi jiġu promossi networks interkonnessi fejn l-iskart ta' industrija jsir il-materja prima ta' oħra u l-enerġija u l-materjali jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin fiċ-ċiklu b'mod kontinwu, filwaqt li r-riżorsi jinżammu f'użu produttiv għall-itwal żmien possibbli; jitlob għalhekk li jiżdiedu l-isforzi biex tittejjeb is-simbjożi industrijali fil-livell tal-UE u biex il-katina tal-valur industrijali ssir aktar effiċjenti u aktar kompetittiva;

109.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' simbjożi industrijali jirrikjedi lit-territorji jifhmu u jimmaniġġjaw aħjar il-flussi tar-riżorsi lokali tagħhom u jwassalhom biex jimplimentaw strateġiji ġodda għall-ġestjoni tat-territorju f'kollaborazzjoni mal-industrija, il-partijiet ikkonċernati, l-amministrazzjoni lokali u ċ-ċittadini, filwaqt li jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikjedu lill-gvernijiet lokali u reġjonali jidentifikaw opportunitajiet ta' simbjożi industrijali permezz ta' mmappjar tal-attivitajiet ekonomiċi u analiżi obbligatorja tal-flussi tar-riżorsi;

110.  Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 8a(1) fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart li fih huwa ddikjarat b'mod ċar li l-Istati Membri huma obbligati jiddefinixxu b'mod preċiż ir-responsabbiltajiet u r-rwoli tal-Organizzazzjonijiet fil-qasam tar-Responsabbiltà tal-Produtturi (PROs);

111.  Jirrakkomanda li l-iżvilupp ta' ktajjen tal-valur lokali bbażati fuq ir-riċiklaġġ tal-bijoskart għall-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli, bħall-bijometan, jiġi appoġġjat biex jinħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn il-komunitajiet rurali u dawk urbani filwaqt li tiġi implimentata bis-sħiħ il-ġerarkija tal-iskart;

112.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi ċ-ċirkolarità tal-prodotti u l-intensità fl-użu tar-riżorsi fil-mekkaniżmi ta' aġġustament trasfruntiera;

Nagħmlu ċ-ċirkolarità taħdem għan-nies, ir-reġjuni u l-bliet

113.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti li l-gvernijiet reġjonali, l-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali u l-SMEs għandhom fl-ekonomija ċirkolari, fl-immaniġġjar tal-iskart u fl-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-istabbiliment u l-kooperazzjoni ta' ċentri għaċ-ċirkolarità fir-reġjuni, ir-raggruppamenti industrijali u l-komunitajiet lokali Ewropej kollha fl-ispirtu tal-"Bauhaus Ewropew Ġdid" propost, filwaqt li jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ta' mudelli ċirkolari fid-disinn, l-akkwist u l-immaniġġjar tal-iskart;

114.  Jappoġġja l-idea li tiġi aġġornata l-Aġenda għall-Ħiliet għall-ekonomija ċirkolari u jistieden lill-Kummissjoni tfassal apposta din l-Aġenda għal ħtiġijiet speċifiċi tal-impjiegi, inklużi rekwiżiti għall-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll impjiegi ġodda meħtieġa fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari jkun marbut mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali u l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiżgura tranżizzjoni ġusta; jisħaq ukoll fuq ir-rwol kruċjali tas-sħab soċjali fl-aspetti relatati max-xogħol u soċjali tal-bidla lejn ekonomija ċirkolari;

115.  Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni tal-konsumaturi fil-prevenzjoni tal-iskart u fl-immaniġġjar tal-iskart u l-ħtieġa li jkun iffaċilitat l-involviment taċ-ċittadini fil-ġbir separat tal-iskart; itenni l-importanza li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-konsum sostenibbli, inklużi mudelli ta' konsum ibbażati fuq l-użu mill-ġdid, il-kiri jew il-qsim, u dwar il-prevenzjoni tal-iskart u s-separazzjoni u r-rimi effiċjenti tal-iskart;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari jkunu inkorporati fil-prattiki kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri biex jaqsmu l-għarfien u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-isforzi differenti tal-ekonomija ċirkolari fil-livell reġjonali u lokali fl-UE;

117.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, l-awtoritajiet lokali, is-settur akkademiku u n-negozji, inklużi kemm il-produtturi kif ukoll ix-xerrejja, sabiex jiġu stimulati u jiżdiedu l-azzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja l-importanza li din il-kooperazzjoni tiġi estiża għal partijiet ikkonċernati oħra, bħall-intrapriżi soċjali, in-negozji ġodda u l-NGOs;

118.  Jinnota li s-settur tas-servizzi tat-tiswija u l-manutenzjoni għandu potenzjal konsiderevoli biex jiġġenera opportunitajiet ta' impjiegi, u l-iżvilupp tiegħu jrid jiġi appoġġjat u promoss, b'mod partikolari l-inizjattivi lokali, fil-livell taċ-ċittadini u komunitarji għat-tiswija, il-kooperattivi u l-intrapriżi soċjali;

119.  Jissottolinja r-rwol ambjentalment sikur li Ġbir, Użu u Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju (CCS/U) jista' jkollu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ; jappoġġja kuntest ta' politika integrat biex tiġi stimulata l-adozzjoni ta' applikazzjonijiet tas-CCS/U ambjentalment sikuri li jirriżultaw fi tnaqqis nett fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra biex l-industrija peżanti ssir newtrali għall-klima fejn mhuma disponibbli l-ebda possibilitajiet ta' tnaqqis dirett tal-emissjonijiet(39); jafferma, madankollu, li l-istrateġija ta' emissjonijiet netti żero tal-UE għandha tipprijoritizza t-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet maħsuba biex jikkonservaw u jsaħħu l-bjar u r-riżervi naturali tal-UE(40);

Immexxu l-isforzi fuq livell globali

120.  Jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi r-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart sabiex tiżgura t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-kummerċ tal-iskart fl-UE, twaqqaf l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta' skart li jikkawża ħsara ambjentali jew għas-saħħa tal-bniedem u tindirizza b'mod aktar effettiv l-imġiba illegali bil-għan li tiżgura li l-iskart kollu jiġi trattat skont il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari; jappoġġja wkoll lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-emendi riċenti għall-Konvenzjoni ta' Basel dwar l-iskart tal-plastik u biex taġixxi b'rispett sħiħ għall-obbligi tal-UE skont din il-Konvenzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tiffoka wkoll fuq:

   l-inċentivi finanzjarji biex jiġu stabbiliti suq uniku reali u kundizzjonijiet ekwi għall-materja prima sekondarja ta' kwalità għolja;
   l-iffaċilitar tal-proċeduri biex jiġu promossi l-kapaċitajiet tar-riċiklaġġ u l-infrastrutturi għat-trattament tal-iskart fl-UE;
   l-implimentazzjoni tas-sistema ta' Interskambju tad-Data Elettronika (EDI) biex jiġu mmonitorjati aħjar il-flussi tal-iskart;
   l-implimentazzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart(41) u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

121.  Jilqa' l-Alleanza Globali għal Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni globali għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari, u jistieden lill-Kummissjoni tmexxi l-isforzi dwar ftehim internazzjonali fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riżorsi naturali biex jibqgħu fil-"limiti tal-pjaneta" għall-użu tar-riżorsi naturali;

122.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni fil-livell internazzjonali biex jintlaħaq ftehim globali dwar il-plastiks, u biex tiġi promossa l-adozzjoni globali tal-approċċ ta' ekonomija ċirkolari dwar il-plastiks tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-diversi impenji li saru kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell globali jkunu jistgħu jiġu traċċati b'mod integrat u trasparenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru tmexxija attiva biex ikomplu jaħdmu fuq risponsi internazzjonali għall-ġlieda kontra ż-żibel tal-plastik fil-baħar u l-mikroplastiċi;

123.  Jissottolinja l-importanza li l-materja prima ewlenija u dik sekondarja importati fl-UE tkun obbligata tikkonforma mad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li huma ekwivalenti għall-istandards tal-UE, inkluż permezz tal-proposta leġiżlattiva li jmiss tal-Kummissjoni dwar governanza u diliġenza dovuta korporattivi sostenibbli, u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-ktajjen tal-provvista ewlenin tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-Unjoni fir-rigward tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, inkluż fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u fil-ftehimiet dwar il-kummerċ barrani;

124.  Jistieden lill-produtturi Ewropej jassumu r-responsabbiltà meta jbigħu prodotti f'pajjiżi terzi u jipproponi li l-partijiet ikkonċernati industrijali jimpenjaw ruħhom li jestendu r-responsabbiltà tal-prodotturi tagħhom biex jorganizzaw jew jiffinanzjaw il-ġbir separat tal-prodotti tagħhom meta jsiru skart f'pajjiżi terzi; jistieden ukoll lill-produtturi jindirizzaw l-inkonsistenzi fir-rigward tal-kwalità tal-prodotti esportati u l-prodotti mibjugħa fis-suq tal-UE;

125.  Jappoġġja lill-Kummissjoni biex tippromwovi diskussjonijiet multilaterjali dwar livelli sostenibbli tal-użu tar-riżorsi u l-limiti tal-pjaneta, inkluż li jiġu esplorati miri bbażati fuq ix-xjenza għall-użu tar-riżorsi;

126.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi implimentata l-Aġenda 2030 dwar kwistjonijiet relatati mat-tisħiħ tal-ġestjoni u l-protezzjoni internazzjonali kontra l-ħsara fuq is-saħħa u l-ambjent ikkawżata mis-sustanzi kimiċi; jisħaq b'mod partikolari fuq l-importanza tal-proċess kontinwu taħt l-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi (SAICM) biex tittieħed deċiżjoni dwar qafas b'saħħtu għall-ġestjoni b'saħħitha tas-sustanzi kimiċi u l-iskart wara l-2020 fl-ICCM 5 f'Bonn f'Lulju 2021;

127.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta' indikaturi tal-effiċjenza fir-riżorsi permezz ta' konvenzjonijiet internazzjonali sabiex ikun jista' jsir paragun bejn l-industriji u l-ekonomiji u tiżgura kundizzjonijiet ekwi, u tappoġġja djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

128.  Filwaqt li titqies il-premessa tar-riżorsi limitati tad-dinja, għandha tiġi stabbilita Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Suffiċjenza tar-Riżorsi biex isiru diskussjonijiet dwar l-aċċess u l-implikazzjonijiet tal-użu tar-riżorsi, bis-sostenibbiltà u l-ekwità jkunu fil-qalba tagħha;

129.  Ifakkar li minbarra l-adozzjoni ta' miżuri biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE ta' newtralità klimatika sal-2050, jeħtieġ li tiġi indirizzata l-marka tal-karbonju fid-domanda tal-UE għal prodotti importati; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tabolixxi l-ostakli għat-tkabbir ekoloġiku, l-ekoinnovazzjoni u dawk li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-aċċess għas-suq għal prodotti u servizzi ċirkolari minn barra l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibilitajiet u l-benefiċċji tat-tnaqqis tal-ostakli tariffarji u mhux tariffarji fuq ċerti prodotti u servizzi sabiex tħeġġeġ l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari, inkluż fil-kuntest tar-rieżami li għaddej tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, iżżid id-dimensjoni tal-ekonomija ċirkolari mal-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, li għandu jiġi intensifikat; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ħtiġijiet speċjali tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-UE, tassisti lill-SMEs fl-integrazzjoni tal-ekonomija ċirkolari fil-mudell tan-negozju tagħhom, inkluż permezz ta' inċentivi, u tappoġġjahom fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tan-negozju għall-esportazzjoni ta' prodotti ċirkolari, b'mod partikolari permezz tat-tnedija ta' għodda ta' valutazzjoni tar-riskju għar-regoli tal-oriġini, kif qed jiġi kkunsidrat bħalissa mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol mexxej fid-WTO fl-indirizzar ta' prodotti abbażi tal-kontenut tal-karbonju tagħhom bħala mod biex jiġu bbilanċjati l-kundizzjonijiet regolatorji;

130.  Iqis li huma meħtieġa dispożizzjonijiet legalment sodi fil-ftehimiet kummerċjali sabiex tiġi salvagwardjata l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari mill-kunċett ta' ostaklu għall-kummerċ;

131.  Jisħaq fuq il-fatt li politika kummerċjali strateġika hija għodda essenzjali għall-avvanz tat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari u l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE u tan-NU globalment sal-2030, u jissottolinja għalhekk l-importanza li jiġi żgurat li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment jiġu allinjati mal-politiki tal-ekonomija ċirkolari;

132.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinteraġixxi fi djalogi miftuħa u trasparenti u f'kooperazzjoni mas-sħab kummerċjali tal-UE biex tkompli tappoġġja l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu sforzi f'fora internazzjonali (UNCTAD, WTO, G20, G7) biex isegwu l-aġenda tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari u jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti globali mas-sħab internazzjonali permezz tal-possibbiltà li jiġi esplorat il-kunċett ta' passaporti diġitali biex titrawwem id-disponibbiltà ta' data relatata mal-kontenut tal-prodott u l-marka tal-karbonju u r-riċiklabbiltà, biex ikun hemm ċirkolarità mtejba, tiġi promossa r-responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR), kif ukoll għażliet sostenibbli tal-konsumatur; jissuġġerixxi wkoll f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni tinteraġixxi mal-organizzazzjonijiet multilaterali rilevanti biex tilħaq ftehim dwar tikketta internazzjonali li tkun faċli biex tinftiehem mill-konsumaturi, u li tindika jekk prodott jistax jiġi riċiklat; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari dwar kif il-pajjiżi l-anqas żviluppati jistgħu jipparteċipaw fl-ekonomija ċirkolari u jibbenefikaw minnha; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fl-istrateġija tagħha "Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika" b'mod partikolari; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Għajnuna għall-Kummerċ u l-SĠP+ biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jadottaw prattiki tal-ekonomija ċirkolari, inklużi standards tal-prodotti;

o
o   o

133.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) https://ec.europa.eu/environment/pdf/chemicals/2020/10/Strategy.pdf
(2) Testi adottati P9_TA(2020)0201.
(3) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 116.
(4) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60.
(6) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(7) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 146.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0198
(9) ĠU L 177, 5.6.2020, p. 32.
(10) Testi adottati, P9_TA(2020)0201.
(11) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(12) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 136.
(13) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 146.
(14) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 192.
(15) ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1.
(16) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109.
(17) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141.
(18) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 100.
(19) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 93.
(20) ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
(21) https://www.resourcepanel.org/reports/global-resources-outlook
(22) https://resourcepanel.org/reports/resource-efficiency-and-climate-change
(23) https://science.sciencemag.org/content/369/6510/1455
(24)https://www.ellenmacarthurfoundation.org/assets/downloads/publications/EllenMacArthurFoundation_Growth-Within_July15.pdf
(25) Environmental Indicator Report 2014: Environmental Impacts of Production-Consumption Systems in Europe (Rapport tal-2014 dwar l-Indikaturi Ambjentali: Impatti Ambjentali tas-Sistemi ta' Produzzjoni-Konsum fl-Ewropa). L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent 2014.
(26) Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).
(27) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).
(28) Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).
(29) Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).
(30) Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).
(31) Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(32) Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(33) Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1).
(34) Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m’ għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).
(35) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/129/KE tat-28 ta' Jannar 1997 li tistabbilixxi s-sistema ta' identifikazzjoni għall-materjali għall-ippakkjar skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE fuq l-ippakkjar u l-iskart ta' l-ippakkjar (ĠU L 50, 20.2.1997, p. 28).
(36) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).
(37) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).
(38) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(39) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, paragrafu 33.
(40) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-Tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, paragrafu 13.
(41) Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza