1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2021 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) (qabel l-20 ta' Frar 2019: (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali) għas-sena finanzjarja 2019 (2020/2150(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) għas-sena finanzjarja 2019,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2019 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2021 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2019 (05793/2021 – C9-0047/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 12a tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Jannar 2019 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 32 u 47 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0069/2021),
1. Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2019;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
ĠU C 351, 21.10.2020, p. 7. Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/AGENCIES_2019/agencies_2019_MT.pdf
ĠU C 351, 21.10.2020, p. 7. Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/AGENCIES_2019/agencies_2019_MT.pdf
2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2021 dwar l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) (qabel l-20 ta' Frar 2019: (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali) għas-sena finanzjarja 2019 (2020/2150(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) għas-sena finanzjarja 2019,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2019 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2021 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2019 (05793/2021 – C9-0047/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 12a tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Jannar 2019 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 32 u 47 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0069/2021),
1. Japprova l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) għas-sena finanzjarja 2019;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
ĠU C 351, 21.10.2020, p. 7. Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/AGENCIES_2019/agencies_2019_MT.pdf
ĠU C 351, 21.10.2020, p. 7. Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/AGENCIES_2019/agencies_2019_MT.pdf
3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) (qabel l-20 ta' Frar 2019: (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali) għas-sena finanzjarja 2019 (2020/2150(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) għas-sena finanzjarja 2019,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0069/2021),
A. billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tiegħu(1), il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) (iċ-"Ċentru") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 17 866 920, li meta mqabbel mal-2018 jirrappreżenta żieda ta' 0,09 %; billi l-baġit taċ-Ċentru huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;
B. billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,99 %, li meta mqabbla mal-2018 tirrappreżenta tnaqqis żgħir ħafna ta' 0,01 %; jinnota l-fatt li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 95,12 %, li meta mqabbla mal-2018 tirrappreżenta tnaqqis ta' 1,38 %;
2. Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li ċ-Ċentru ma applikax il-metodu xieraq għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-Iżlanda u n-Norveġja, li rriżulta f'kontribuzzjoni li kienet baxxa wisq;
Prestazzjoni
3. Jinnota li ċ-Ċentru juża sistema eżemplari ta' kejl tal-prestazzjoni li tinkludi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jivvaluta l-valur miżjud tal-attivitajiet tiegħu fil-livelli tal-proġetti, tal-attivitajiet u tal-organizzazzjoni kif ukoll miżuri oħra biex tittejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu;
4. Jilqa' l-introduzzjoni ta' aktar indikaturi kwalitattivi fl-2018-2019, intiżi sabiex jipprovdu stampa aktar ekwilibrata tal-prestazzjoni taċ-Ċentru; ifakkar liċ-Ċentru biex jirrieżamina u jaġġorna regolarment is-sistema ta' kejl tal-prestazzjoni u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tiegħu biex jiżgura l-kontribut effiċjenti u l-għarfien espert tiegħu fil-livell tal-Unjoni; iħeġġeġ liċ-Ċentru janalizza l-eżiti bir-reqqa u jużahom biex itejjeb l-istrateġija u l-ippjanar tal-attività taċ-Ċentru;
5. Jinnota li l-evalwazzjoni esterna, li ċ-Ċentru kien soġġett għaliha fl-2017 kif mitlub mir-regoli finanzjarji, ivvalutat il-ħidma taċ-Ċentru b'mod pożittiv; jilqa' l-azzjonijiet ippjanati biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet maħruġa u jistieden liċ-Ċentru jkompli jfittex kooperazzjoni ulterjuri ma' aġenziji oħra; iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli jimplimenta l-indikaturi tal-kejl tal-prestazzjoni tiegħu u jallinja l-metodoloġiji tal-indikaturi tal-prestazzjoni ma' aġenziji oħra sabiex jippreżenta l-politiki implimentati b'mod aktar dettaljat; jilqa' l-introduzzjoni ta' indikatur ambjentali;
6. Jinnota li l-evalwazzjoni trażversali tal-aġenziji tal-Unjoni fil-qafas tal-mandat tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi tal-Kummissjoni ssuġġeriet għadd ta' rakkomandazzjonijiet għal kull waħda mill-aġenziji, iżda li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma ssuġġerewx bidliet leġiżlattivi ulterjuri jew il-fużjoni jew ir-rilokazzjoni tal-aġenziji;
7. Japprezza l-għarfien espert u l-ħidma kontinwa ta' kwalità għolja taċ-Ċentru, li jipprovdi riċerka, analiżi u konsulenza teknika fil-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), il-kwalifiki u l-ħiliet bil-għan li jippromwovi taħriġ ta' kwalità għolja mfassal għall-ħtiġijiet tal-individwi u tas-suq tax-xogħol; jinnota bi tħassib, madankollu, li filwaqt li l-VET għandu immaġni pożittiva fl-Unjoni, għadu jitqies bħala għażla sekondarja meta mqabbel mal-edukazzjoni ġenerali;
8. Ifakkar fl-importanza tar-rwol taċ-Ċentru fl-iżgurar li l-ħiliet diġitali jiġu integrati fil-VET fl-Unjoni kollha u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-impatt tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2020 dwar il-VET għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza(2), l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;
9. Jenfasizza r-rilevanza partikolari tal-ħidma reċenti taċ-Ċentru biex jgħin fl-analiżi tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq id-domanda għall-ħiliet u l-impjiegi fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni permezz tal-għodda Skills-OVATE (l-Online Vacancy Analysis Tool for Europe); jisħaq fuq il-ħtieġa, f'dak il-kuntest, li jiġu żgurati riżorsi umani u finanzjarji adegwati li jippermettu liċ-Ċentru jkompli jimplimenta l-programm ta' ħidma tiegħu b'rata ta' tlestija tal-attività għolja ħafna;
10. Jinnota li ċ-Ċentru jikkoordina u jikkoopera b'mod regolari mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol; iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli dik il-kollaborazzjoni, li tippermetti l-ħolqien ta' sinerġiji, il-kondiviżjoni tal-għarfien, l-għarfien espert u l-aħjar prattiki fost l-aġenziji, kif ukoll l-evitar ta' duplikazzjonijiet billi jipprovdi spazju komuni fejn l-aġenziji jistgħu jikkonsultaw lil xulxin dwar it-twettiq tal-mandat tagħhom; jilqa' l-ftehim fuq il-livell ta' servizz il-ġdid mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, b'mod partikolari fil-oqsma tad-diġitalizzazzjoni, l-akkwist, il-protezzjoni tad-data u r-riżorsi umani;
11. Jilqa' l-azzjonijiet taċ-Ċentru biex tiżdied id-diġitalizzazzjoni f'termini ta' operazzjoni u ġestjoni interni iżda anki fir-rigward tat-tħaffif tad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li ċ-Ċentru jibqa' jkun proattiv f'dak ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jkomplu jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;
12. Jilqa' l-inizjattiva taċ-Ċentru dwar aspett ġdid tad-diġitalizzazzjoni, u b'mod partikolari l-għodod online tiegħu, li jipprovdu informazzjoni speċifika għall-pajjiżi u aktar opportunitajiet ta' viżwalizzazzjoni tad-data online, bħal riżorsi ta' gwida dwar informazzjoni relatata mas-suq tax-xogħol jew il-previżjonijiet tal-ħiliet; jirrikonoxxi, għal dan il-għan, il-kampanji ta' marketing immirati min-naħa taċ-Ċentru biex jissensibilizza l-opinjoni pubblika dwar il-kontenut tas-sit web tiegħu;
13. Jinnota b'sodisfazzjon il-ftehim il-ġdid fuq il-livell ta' servizz mad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit għall-migrazzjoni lejn is-sistema finanzjarja u ta' kontabbiltà tal-Kummissjoni;
Politika dwar il-persunal
14. Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kienet implimentata bil-perċentwal ta' 94,51 %, bi 12-il uffiċjal u 74 aġent temporanju maħtura minn 78 aġent temporanju u 13-il uffiċjal awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel mat-92 post tax-xogħol awtorizzat fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 25 aġent kuntrattwali u tliet esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għaċ-Ċentru fl-2019;
15. Jieħu nota tal-iżbilanċ bejn is-sessi fost il-maniġment superjuri taċ-Ċentru (4 rġiel u 2 nisa); jinnota b'sodisfazzjon li l-Bord tat-Tmexxija huwa kważi bbilanċjat bejn is-sessi (53 % irġiel u 47 % nisa); jilqa' r-rappreżentanza ġeografika tal-persunal fi ħdan iċ-Ċentru;
16. Jinnota bi tħassib li l-kwistjonijiet taċ-Ċentru fir-rigward tal-esternalizzazzjoni tas-servizz legali tiegħu indikati mill-awtorità tal-kwittanza u mill-Qorti fil-qafas tal-kwittanza 2018 għadhom ma ġewx solvuti u l-esternalizzazzjoni żiedet ix-xogħol u l-ispejjeż għaċ-Ċentru; jistieden liċ-Ċentru jikkunsidra li jerġa' jdaħħal is-servizz legali intern biex itaffi l-ispiża għolja u jiżgura rendikont xieraq tal-awditjar għall-infiq ġuridiku, kif ukoll ikompli jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f'dak ir-rigward;
17. Jilqa' l-isforzi taċ-Ċentru biex jibni ambjent tax-xogħol u kultura aktar diversifikati u inklużivi billi jieħu azzjonijiet favur il-persuni b'diżabilità; jitlob liċ-Ċentru jivvaluta l-possibbiltajiet ta' tisħiħ u integrazzjoni ulterjuri tal-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ, fit-taħriġ, fl-iżvilupp tal-karriera u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll biex iqajjem sensibilizzazzjoni fost il-persunal dwar dawk l-aspetti; jitlob liċ-Ċentru jqis titjib u modifiki possibbli u raġonevoli tal-binjiet tiegħu (l-aċċess, it-tagħmir tal-uffiċċju adegwat) għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jew diżabilitajiet oħra;
18. Iħeġġeġ liċ-Ċentru jimmira li jfittex l-iżvilupp ta' qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità;
19. Jinnota b'dispjaċir li, b'riżultat tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-187/18, iċ-Ċentru jeħtieġlu jagħti kumpens ta' EUR 40 000, u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-konformità mal-liġi tax-xogħol fis-seħħ sabiex jiġu evitati każijiet bħal dawn fil-futur;
20. Jilqa' l-isforzi li għamel iċ-Ċentru biex joħloq qafas ta' ħidma li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent kif ukoll il-miżuri kollha li ħa ċ-Ċentru bil-għan li jnaqqas l-impronta tal-karbonju tiegħu, il-konsum tal-enerġija tiegħu u jiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti;
Akkwist
21. Jilqa' l-introduzzjoni tas-sejħiet għall-offerti elettroniċi u s-sottomissjoni elettronika għall-proċeduri miftuħa tiegħu u l-inizjattiva li jingħaqad mal-kuntratti qafas interistituzzjonali tal-Kummissjoni jew ta' aġenziji oħra u li jorganizza proċeduri ta' akkwist konġunti ma' aġenziji oħra;
22. Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, saru żbalji fl-akkwist u fil-ġestjoni tal-kuntratti, li ċ-Ċentru aċċetta l-bidla fl-eżekuzzjoni ta' kuntratt mingħajr ma ddokumenta kif xieraq jekk l-alternattiva proposta mill-kuntrattur kinitx mill-inqas ekwivalenti għas-soluzzjoni proposta fl-offerta u li ċ-Ċentru ma mmodifikax il-kuntratt qafas konkluż ma' dak il-kuntrattur sabiex jinkludi tali bidla; jinnota li ċ-Ċentru fformalizza l-linji gwida tiegħu dwar il-ġestjoni tal-kuntratti biex jikkomplementa t-taħriġ mogħti lill-maniġers tal-kuntratti, il-fluss tax-xogħol u l-kontrolli fis-seħħ;
23. Jinnota, fir-rigward tas-segwitu għar-rakkomandazzjoni ta' kwittanza tas-sena ta' qabel dwar id-dokumentazzjoni u l-metodoloġija tal-akkwist, li l-implimentazzjoni għadha għaddejja filwaqt li jirrikonoxxi l-passi li saru biex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni;
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza
24. Jinnota l-miżuri eżistenti taċ-Ċentru u l-isforzi kontinwi biex jiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota, madankollu, li l-pubblikazzjoni ta' 22 dikjarazzjoni ta' kunflitti ta' interess u s-CVs ta' 163 membru u sostitut għadha pendenti; jtenni li l-membri u s-sostituti kollha li jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija, jew jeżerċitaw id-dritt għall-vot, jeħtiġilhom jippreżentaw dikjarazzjoni ta' interess; jistieden liċ-Ċentru jippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-Bord tat-Tmexxija u jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward;
Kontrolli interni
25. Jinnota li, insegwitu tal-awditu mwettaq mis-servizz tal-awditjar intern (IAS) dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-etika taċ-Ċentru mill-14 sat-18 ta' Jannar 2018, il-proċeduri ta' reklutaġġ ġew aġġornati biex jirriflettu r-rakkomandazzjoni tal-IAS u li din ir-rakkomandazzjoni, inizjalment immarkata bħala kritika, ingħalqet mill-IAS wara impenn ta' segwitu;
26. Jinnota li ħamsa minn sitt rakkomandazzjonijiet mill-awditu tal-ġestjoni tar-riżorsi umani u etika issa ġew implimentati; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-aħħar rakkomandazzjoni;
27. Jinnota li d-Direttur Eżekuttiv taċ-Ċentru, bħala uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, iddelega s-setgħat tal-implimentazzjoni tal-baġit lill-viċi direttur u lill-kapijiet tad-dipartimenti; jinnota li d-delega tal-viċi direttur ma għandha l-ebda limitu massimu għat-tranżazzjonijiet, filwaqt li d-delega għall-kap tad-dipartiment għar-riżorsi u l-appoġġ għandha limitu massimu ta' EUR 1 500 000 għal kull tranżazzjoni li tikkonċerna t-Titolu 1 (L-infiq għall-persunal), filwaqt li delegi oħra huma limitati għall-approprjazzjonijiet disponibbli taħt il-linji baġitarji speċifiċi u sal-limitu massimu ta' EUR 1 000 000 għal kull tranżazzjoni; jilqa' l-fatt li ċ-Ċentru jistabbilixxi limiti finanzjarji għad-delegi b'tali mod li l-ħtieġa ta' flessibbiltà tkun ibbilanċjata mal-ħtieġa ta' sorveljanza u l-kontroll ġerarkiku fuq it-tranżazzjonijiet;
Kummenti oħra
28. Jinnota l-isforzi li saru biex jiżdiedu ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data taċ-Ċentru, speċjalment fir-rigward tat-taħriġ tal-persunal u s-sensibilizzazzjoni fostu;
29. Jilqa' l-kampanji ta' komunikazzjoni taċ-Ċentru, l-enfasi fuq il-preżenza fil-midja soċjali, l-għodod interattivi online u l-viżwalizzazzjonijiet; iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli jippromwovi l-ħidma, ir-riċerka u l-attivitajiet tiegħu biex iżid il-viżibbiltà pubblika tiegħu;
30. Jesprimi dubbji dwar il-ħtieġa li jinżamm bord tad-diretturi magħmul minn 84 persuna;
o o o
31. Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.