Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali) (COM(2021)0140 – C9-0100/2021 – 2021/0071(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0140),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0100/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta’ Mejju 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(1);
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fid-29 ta' April 2021 (Testi adottati, P9_TA(2021)0146).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/954.)
Anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni taqbel li vaċċini u testijiet affordabbli u aċċessibbli għall-COVID-19 għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. B’kont meħud li mhux il-popolazzjoni kollha se tkun tlaqqmet meta r-Regolamenti (UE) 2021/953 u (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jidħlu fis-seħħ, l-aċċess għal possibbiltajiet ta’ ttestjar affordabbli u disponibbli b’mod wiesa’ huwa importanti biex jiġu ffaċilitati l-moviment liberu u l-mobbiltà fl-Ewropa.
Biex tappoġġa l-kapaċitajiet tal-ittestjar tal-Istati Membri, il-Kummissjoni diġà mmobilizzat fondi permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza biex tixtri testijiet rapidi tal-antiġeni u nediet akkwist bi sħab għal aktar minn nofs biljun test rapidu tal-antiġeni. Il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qed tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tal-ittestjar, b’finanzjament mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza.
Biex tkompli tappoġġa d-disponibbiltà ta’ testijiet affordabbli, b’mod partikolari għall-persuni li jaqsmu l-fruntieri ta’ kuljum jew ta’ spiss biex imorru għax-xogħol jew l-iskola, iżuru qraba stretti, ifittxu kura medika, jew jieħdu ħsieb lill-maħbubin tagħhom, il-Kummissjoni timpenja ruħha li timmobilizza fondi addizzjonali ta’ EUR 100 miljun permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza għax-xiri ta’ testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 li jikkwalifikaw għall-ħruġ ta’ ċertifikat tat-test skont ir-Regolament (UE) 2021/953. Jekk ikun meħtieġ, jista’ jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali ta’ aktar minn EUR 100 miljun, soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità baġitarja.