Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka (2021/2671(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 310(6) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(1) (ir-Regolament Finanzjarju),
– wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar l-evitar tal-kunflitti ta' interess u l-ġestjoni tagħhom skont ir-Regolament Finanzjarju(2),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għas-snin 2014, 2015, 2016, 2017, 2018 u 2019,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar il-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali(4),
– wara li kkunsidra l-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka mwettqa mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bejn is-26 u s-27 ta' Marzu 2014 u bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020,
– wara li kkunsidra r-rapport finali ta' Novembru 2019 dwar l-awditu tal-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti biex jiġi evitat kunflitt ta' interess fiċ-Ċekja, imwettaq mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Politika Reġjonali u Urbana (REGIO) u tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (EMPL), li ġie ppubblikat fit-23 ta' April 2021,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(5),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt, u b'mod partikolari l-Kapitolu għall-Pajjiżi dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fiċ-Ċekja (SWD(2020)0302),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konformità Interim tar-Raba' Serje ta' Evalwazzjonijiet dwar ir-Repubblika Ċeka tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) adottat mill-GRECO fl-84 laqgħa plenarja tiegħu f'Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Pajjiż tal-2020 dwar iċ-Ċekja tas-26 ta' Frar 2020 (SWD(2020)0502) li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew 2020: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tar-rieżamijiet dettaljati skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 (COM(2020)0150),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,
A. billi l-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE dwar ir-regoli tal-akkwist pubbliku dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interess, l-Artikoli 144 u 145 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għal fondi ta' ġestjoni kondiviża, ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Att Ċek Nru 159/2006 dwar il-kunflitti ta' interess kif emendati fid-29 ta' Novembru 2016 jistabbilixxu obbligi speċifiċi u jipprovdu għodod biex jindirizzaw b'mod effettiv sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess;
B. billi Agrofert hija konglomerat imwaqqfa u stabbilita mill-Prim Ministru Ċek Andrej Babiš u tikkonsisti f'aktar minn 230 kumpanija; billi ġie żvelat li l-Prim Ministru Babiš huwa wieħed mis-sidien benefiċjarji ta' Agrofert, il-kumpanija li tikkontrolla l-grupp Agrofert, inkluż fost l-oħrajn għadd ta' entitajiet tal-media Ċeki importanti, permezz tal-fondi fiduċjarji AB Private Trust I u AB Private Trust II, li huwa wkoll is-sid benefiċjarju tagħhom;
C. billi f'Jannar u fi Frar 2019 twettaq awditu kkoordinat u komprensiv minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (DĠ REGIO/DĠ EMPL, DĠ AGRI (DĠ assoċjat)) dwar l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u tal-UE; billi awditu li għaddej minn AGRI qed jeżamina l-allegati kunflitti ta' interess fl-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni fiċ-Ċekja;
D. billi f'April 2021 il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni debitament riveduta tar-rapport finali tal-awditjar dwar l-implimentazzjoni legali tal-Fondi SIE kif ivverifikat mid-DĠ EMPL u mid-DĠ REGIO; billi t-tieni rapport tal-awditjar mid-DĠ AGRI għadu ma ġiex ippubblikat;
E. billi r-rapport tal-awditjar ippubblikat jenfasizza nuqqasijiet serji fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll(6) fir-Repubblika Ċeka u nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati permezz ta' korrezzjonijiet finanzjarji;
F. billi r-rapport tal-awditjar tad-DĠ REGIO identifika tliet għotjiet fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li kisru l-liġi Ċeka u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tal-UE;
G. billi l-investigazzjoni kriminali dwar il-Prim Ministru Babiš, li oriġinat mir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-użu irregolari tas-sussidji tal-UE maħsuba għal negozji żgħar, li inizjalment ingħalqet u mbagħad infetħet mill-ġdid u li kienet is-suġġett tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Ġunju 2020, għadha għaddejja;
H. billi wara sena l-Kummissjoni għadha ma tatx tweġiba komprensiva għat-talba tal-Parlament biex jiġi kkwantifikat l-ammont totali ta' sussidji riċevuti minn entitajiet tal-grupp Agrofert;
I. billi wara r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament ta' Diċembru 2018 u Ġunju 2020 dwar il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš u aktar minn sentejn wara l-bidu tal-awditi tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni marbuta mal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš għadha ma ġietx solvuta;
J. billi ġestjoni finanzjarja tajba tista' tiġi żgurata biss mill-Istati Membri jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f'konformità mal-liġi, kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE, u jekk imġiba kriminali ħażina li toriġina minn każijiet ta' kunflitt ta' interess li ma jkunux ġew trattati b'mod xieraq tiġi segwita b'mod effettiv minn servizzi investigattivi u ta' prosekuzzjoni;
K. billi skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 in-nuqqas li jiġi żgurat li m'hemmx kunflitti ta' interess jista' jkun indikattiv ta' ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt;
L. billi li jkun hemm stabbiliti politiki u regoli dettaljati dwar l-evitar u l-ġestjoni ta' kunflitti u ta' kunflitti ta' interess perċepiti huwa parti essenzjali għal governanza tajba u għal ġestjoni finanzjarja tajba;
M. billi l-missjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fi Frar 2020 żvelat limitazzjonijiet fil-qafas legali li jimpedixxu l-ħidma effiċjenti u effettiva tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar nazzjonali billi jżommuh milli jivverifika r-regolarità u l-prestazzjoni tal-infiq pubbliku fil-livell reġjonali u lokali jew iwettaq kontrolli fuq il-post tal-benefiċjarji finali;
1. Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-awditjar mid-DĠ REGIO u mid-DĠ EMPL dwar il-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fiċ-Ċekja, wara t-talbiet ripetuti mill-Parlament, li jikkonferma l-kunflitt ta' interess attwali u kontinwu tal-Prim Ministru Babiš fir-rigward tal-konglomerat ta' Agrofert, u b'hekk jikkonferma l-pożizzjoni tal-Parlament kif espressa f'riżoluzzjonijiet u rapporti ta' kwittanza preċedenti;
2. Jilqa' l-fatt li d-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL jirrikonoxxu l-interess pubbliku importanti fit-trasparenza u l-informazzjoni dwar din is-sitwazzjoni eċċezzjonali bħala raġunijiet raġonevoli għall-pubblikazzjoni; jesprimi dispjaċir madankollu għall-fatt li s-sejbiet ġew ippubblikati biss f'April 2021 minkejja li r-rapport finali tal-awditjar intbagħat lill-awtoritajiet Ċeki f'Novembru 2019 u li l-Kummissjoni rċeviet tweġibiet f'Mejju 2020; iħeġġeġ lid-DĠ AGRI jħaffef il-proċedura u s-segwitu tal-awditjar tiegħu, u jippubblika r-rapport finali tal-awditjar tiegħu mingħajr dewmien żejjed; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-pagamenti magħmula lill-kumpaniji li huma direttament jew indirettament proprjetà tal-Prim Ministru Babiš jew ta' membri oħra tal-Gvern Ċek;
3. Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-proċeduri ta' awditjar u dawk kontradittorji, kif ukoll il-proċeduri dwar l-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja, bħalissa huma mifruxa fuq bosta snin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tal-proċeduri ta' awditjar u ta' korrezzjoni finanzjarja biex tippermetti konklużjonijiet aktar f'waqthom u l-irkupru tal-fondi tal-UE indebitament imħallsa; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippubblika d-dokumenti kollha relatati mal-każ tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Ċek;
4. Huwa mħasseb ħafna bis-sejbiet tar-rapport tal-awditjar li juru li:
–
Il-Fondi SIE ngħataw bla bżonn lil entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp Agrofert,
–
Il-Prim Ministru huwa s-sid benefiċjarju ta' Agrofert Holding u minn Frar 2017 tal-Fondi Fiduċjarji AB Private Trust I u AB Private Trust II, li huwa jikkontrolla, billi jżomm interess ekonomiku dirett fis-suċċess ta' Agrofert,
–
Il-Prim Ministru Babiš kien involut b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka, u kien f'pożizzjoni li jeżerċita influwenza fuq korpi bħall-Kunsill tal-FSIE u l-Awtorità Nazzjonali ta' Koordinazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin kien involut f'deċiżjonijiet li jaffettwaw il-grupp Agrofert,
–
Il-proġetti identifikati ngħataw bi ksur tal-Artikolu 4c tal-Att Ċek rivedut dwar il-Kunflitt ta' Interess, kif ukoll tar-Regolament Finanzjarju tal-UE,
–
Matul il-perjodu awditjat l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet tas-Sur Babiš bħala Prim Ministru, President tal-Kunsill tal-FSIE, Ministru tal-Finanzi u Deputat Prim Ministru għall-Ekonomija ġie kompromess;
5. Jinnota li mill-1 ta' Ġunju 2021 l-Att Ċek Nru 37/2021 SB. dwar ir-Reġistrazzjoni tas-Sidien Benefiċjarji Aħħarin finalment ittraspona fil-liġi nazzjonali l-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li tirrikjedi l-istabbiliment ta' reġistri disponibbli pubblikament għall-kumpaniji, għat-trusts u għal arranġamenti legali oħra; ifakkar li l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' din id-direttiva kienet skadiet fl-10 ta' Jannar 2020; jikkritika bil-qawwa l-fatt li ċ-Ċekja ttrasponiet il-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus b'dewmien kbir; jinnota li l-Prim Ministru Babiš ilu elenkat fir-reġistru Ċek tas-sidien bħala "sid indirett reali" ta' Agrofert mill-1 ta' Ġunju 2021; jikkritika bil-qawwa d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Ministeru tal-Ġustizzja Ċek, li tiddikjara li s-sussidji jistgħu jkomplu jitħallsu lil Agrofert minkejja l-fatt li Andrej Babiš huwa elenkat bħala s-sid benefiċjarju ta' Agrofert fiċ-Ċekja;
6. Jinsisti li kunflitt ta' interess fl-ogħla livell ta' gvern ta' Stat Membru, issa kkonfermat bil-pubblikazzjoni, fit-23 ta' April 2021, tar-rapport finali tal-Kummissjoni dwar l-awditu tal-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti biex jiġi evitat kunflitt ta' interess fir-Repubblika Ċeka, ma jistax jiġi ttollerat u jrid jiġi indirizzat bis-sħiħ billi:
a)
jittieħdu miżuri li jiżguraw li l-Prim Ministru Babiš ma jibqa' jkollu l-ebda interess ekonomiku jew interessi oħra li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju tal-UE jew tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess fir-rigward tal-grupp Agrofert; jew
b)
jiġi żgurat li l-entitajiet kummerċjali taħt il-kontroll tal-Prim Ministru Babiš ma jibqgħu jirċievu l-ebda finanzjament mill-fondi tal-UE, mis-sussidji pubbliċi jew mill-finanzjament imqassam mil-livelli kollha tal-awtoritajiet pubbliċi madwar l-UE; jew
c)
jiġi żgurat li l-Prim Ministru Babiš u l-membri tal-gvern tiegħu jastjenu bis-sħiħ milli jipparteċipaw fi kwalunkwe proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE li jista' jikkonċerna direttament jew indirettament l-interessi tal-grupp Agrofert; jisħaq madankollu li, fid-dawl tal-funzjonijiet u tas-setgħat tal-Prim Ministru u tal-membri tal-gvern tiegħu, jidher li huwa dubjuż li miżura bħal din tista' tindirizza b'mod adegwat il-kunflitt ta' interess fil-prattika, jekk il-persuni kkonċernati jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet pubbliċi tagħhom, u li r-riżenja mill-pożizzjoni pubblika għalhekk tikkostitwixxi mezz aktar adegwat biex tindirizza bis-sħiħ il-kunflitt ta' interess;
7. Jilqa' t-tħabbira li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) se jwettaq investigazzjoni imparzjali u bbażata fuq il-fatti fir-rigward tal-kunflitt ta' interess; jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni maħruġa mill-uffiċċju tal-prosekutur responsabbli li skontha l-kawża "tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' ġuriżdizzjoni obbligatorja tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew stabbilit dan l-aħħar skont ir-Regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea, li lilu trid tiġi trażmessa mingħajr dewmien";
8. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li s-sejbiet tal-awditjar jikkonfermaw l-eżistenza ta' nuqqasijiet sistemiċi serji fil-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll u b'mod partikolari fis-sejba ta' kunflitti ta' interess; jiddeplora li l-ineffettività tal-kontroverifiki u l-proċessi u l-istrutturi mhux trasparenti jfixklu l-affidabbiltà ta' kwalunkwe prevenzjoni u sejbien ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka;
9. Jinsab imħasseb ħafna li anke wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament Finanzjarju fl-2018, in-nuqqas tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll – fir-rigward tal-evitar ta' kunflitt ta' interess – għadu jeżisti u li l-awtoritajiet Ċeki għadhom jieħdu azzjoni żgħira u insuffiċjenti biex jiżguraw il-konformità;
10. Jiddeplora t-tentattivi rrappurtati mill-Gvern Ċek biex jillegalizza l-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš permezz ta' liġi, proposta fil-bidu tal-kriżi tal-COVID f'Marzu 2020 minflok ma jsolvi l-kunflitt ta' interess innifsu;
11. Jistenna li l-awtoritajiet nazzjonali jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha mitluba, bil-għan, fost affarijiet oħra, li jtejbu s-sistema ta' ġestjoni u kontroll u jivverifikaw l-għotjiet kollha mogħtija wara d-9 ta' Frar 2017 li jistgħu jiksru l-Att dwar il-Kunflitt ta' Interess;
12. Jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar mill-Gvern Ċek, b'mod partikolari rigward l-iskrutinju tal-fondi kollha mogħtija lill-grupp Agrofert li ma kinux parti mill-kampjun ta' awditu;
13. Jinsab imħasseb ħafna bid-dgħufijiet tal-qafas regolatorju ġenerali, li jagħmluha diffiċli li jiġu identifikati sistematikament is-sidien benefiċjarji ta' entitajiet li jirċievu fondi tal-UE; ifakkar li l-Kummissjoni kkonfermat li għamlet pagamenti fl-ambitu tal-PAK lil kumpaniji li jagħmlu parti mill-grupp Agrofert, kif ukoll lil kumpaniji oħra li s-sid benefiċjarju tagħhom huwa l-Prim Ministru Babiš f'diversi Stati Membri oħra, iżda mhijiex kapaċi tidentifika b'mod eżawrjenti l-operaturi ekonomiċi kollha li bbenefikaw; jinsisti li l-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b'ħarsa ġenerali kompleta u affidabbli tal-pagamenti kollha magħmula lill-kumpaniji tal-grupp Agrofert u lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju fl-Istati Membri kollha għas-snin finanzjarji 2018 u 2019; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi wkoll informazzjoni għas-sena 2020; iqis li dan juri l-ħtieġa urġenti li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-aġenziji nazzjonali, toħroġ b'format standardizzat u aċċessibbli għall-pubbliku biex tiżvela l-benefiċjarji finali tal-iżborżi tal-PAK;
14. Jinnota l-korrezzjoni reċenti fir-rekords tar-reġistru tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji (Transparenzregister), li issa jelenka l-Prim Ministru Babiš bħala benefiċjarju u azzjonist ta' sussidjarja ta' Agrofert fil-Ġermanja; itenni li l-Prim Ministru Babiš huwa elenkat bħala wieħed minn sitt persuni attivi b'influwenza sinifikanti jew b'kontroll fuq it-trustees ta' trust relatat mas-sussidjarja ta' Agrofert bl-isem GreenChem Solutions Ltd. fir-Renju Unit; jistieden lill-Istati Membri kollha li fihom is-sussidjarji ta' Agrofert huma attivi biex jirrieżaminaw ir-reġistru tas-sjieda benefiċjarja f'dan ir-rigward;
15. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li entitajiet tal-grupp Agrofert għadhom jirċievu pagamenti fl-ambitu tal-ewwel pilastru tal-PAK; ifakkar li l-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess jipprojbixxi li jingħata kwalunkwe sussidju, inklużi pagamenti diretti tal-PAK, lil kumpanija li fiha uffiċjal pubbliku jew entità kkontrollata minn uffiċjal pubbliku jkollha sehem ta' 25 % jew aktar; jisħaq fuq id-dubji serji dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet Ċeki li jiddeċiedu dwar l-eliġibbiltà u l-kontroll tal-pagamenti agrikoli diretti; jidentifika indikaturi tar-riskju fil-fatt li l-kumpaniji li huma parti mill-grupp Agrofert jibqgħu jirċievu dawn il-fondi bi ksur tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess;
16. Jinnota li l-leġiżlazzjoni Ċeka eżistenti dwar il-kunflitti ta' interess li ilha stabbilita mill-2006 kellha lakuni serji u nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni, li ppermettew t-twaqqif u t-tkabbir ta' strutturi oligarkiċi profondi; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-missjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fi Frar 2020 skopriet nuqqasijiet serji fis-sistemi għall-evitar, l-iskoperta u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti ta' interess fiċ-Ċekja;
17. Jinsab sorpriż bl-approċċi li jidhru differenti għal ksur simili tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess u l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju mid-DĠ REGIO u EMPL u mid-DĠ AGRI; filwaqt li d-DĠ REGIO u EMPL iqisu li ksur tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 61(2) tar-Regolament Finanzjarju, id-DĠ AGRI ma jidhirx li japplika l-istess loġika; jinnota, barra minn hekk, li l-kontrolli tal-eliġibbiltà tal-pagamenti bbażati fuq l-intitolamenti (pagamenti diretti) jinkludu wkoll element tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-verifika; jenfasizza li din id-deċiżjoni ta' verifika tista' tiġi influwenzata minn kunflitt ta' interess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament bi spjegazzjoni legali dettaljata dwar l-impatt differenti tal-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kunflitt ta' interess u l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, u tinkludi spjegazzjoni dettaljata dwar kif il-Kummissjoni tiżgura li d-deċiżjonijiet ta' verifika għall-pagament ibbażat fuq l-intitolamenti ma kinux affettwati minn kunflitt ta' interess;
18. Jinsab sorpriż bl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-Ministru Ċek għall-Agrikoltura mhuwiex f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess minkejja li l-membri tal-familja tiegħu jirċievu ammonti sostanzjali ta' sussidji agrikoli filwaqt li huwa responsabbli għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' programmi agrikoli fl-ambitu tal-PAK; jitlob lill-Kummissjoni taqsam din l-evalwazzjoni mal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju;
19. Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-effettività tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju biex tipprevjeni jew tiżvela u ssolvi b'suċċess każijiet ta' kunflitt ta' interess meta jseħħu, u, kif xieraq, tagħmel proposti fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju biex tkompli ssaħħaħ ir-regoli li jirregolaw il-kunflitti ta' interess, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali lid-definizzjonijiet, il-kamp ta' applikazzjoni (min huwa kopert), l-identifikazzjoni ta' funzjonijiet jew attivitajiet sensittivi f'riskju, is-"sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti b'mod oġġettiv bħala kunflitt ta' interess" u l-obbligi f'każijiet ta' kunflitt ta' interess; ifakkar li l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju ma jagħmilx distinzjoni bejn tipi differenti ta' pagamenti mill-baġit tal-UE u li s-sempliċi possibbiltà li tintuża pożizzjoni li tirriżulta mill-kunflitt ta' interess hija indikatur suffiċjenti;
20. Jinsab imħasseb dwar l-interpretazzjoni limitata tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju mill-Aġenzija Ċeka tal-Pagamenti għall-Agrikoltura (il-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu), li tqisha mhux applikabbli għall-membri tal-gvern; itenni t-tħassib tal-Parlament dwar għadd ta' nuqqasijiet identifikati fil-ġestjoni tal-Aġenzija Ċeka tal-Pagamenti għall-Agrikoltura, speċjalment in-nuqqas ta' indipendenza tal-Bord Superviżorju, kif enfasizzat fir-rapport tal-Parlament dwar il-missjoni tiegħu fir-Repubblika Ċeka fi Frar 2020(7); jitlob lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' awditjar biex tiżgura l-ġestjoni tajba tal-aġenzija;
21. Iqis il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-evitar u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fl-ambitu tar-Regolament Finanzjarju bħala għodda importanti biex jissaħħu aktar il-miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra l-frodi u l-irregolaritajiet; jitlob lill-Kummissjoni tqajjem sensibilizzazzjoni u tippromwovi interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-evitar tal-kunflitti ta' interess, inklużi l-pagamenti diretti fl-ambitu tal-ewwel pilastru tal-PAK, u tissorvelja l-funzjonament indipendenti tal-Aġenziji tal-Pagamenti u l-istrutturi tal-awditjar f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati b'aktar eżempji prattiċi, suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet biex tgħinhom jevitaw il-kunflitti ta' interess;
22. Itenni li ċ-ċittadini u l-kontribwenti Ċeki ma għandhomx iħallsu jew isofru minn konsegwenzi li jirriżultaw mill-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš, u li l-kumpaniji li jagħmlu parti mill-grupp Agrofert għandhom iħallsu lura s-sussidji kollha li ngħataw illegalment mill-baġit nazzjonali tal-UE jew tar-Repubblika Ċeka; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċeki jitolbu lura s-sussidji kollha li tħallsu indebitament lil kwalunkwe entità tal-grupp Agrofert;
23. Jinsisti li l-iżborż ulterjuri ta' fondi, kemm mill-baġit nazzjonali tal-UE kif ukoll minn dak Ċek, lill-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar huma kkontrollati mill-Prim Ministru Babiš jew mill-membri tal-Gvern Ċek irid jitwaqqaf sakemm il-każijiet ta' kunflitt ta' interess jiġu kompletament solvuti;
24. Iħeġġeġ lill-Gvern Ċek itejjeb il-ġustizzja ġenerali tad-distribuzzjoni tas-sussidji tal-UE u jistabbilixxi sistema li tiggarantixxi trasparenza sħiħa fid-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE; jinnota bi tħassib li skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, ma kien hemm l-ebda deċiżjoni li tibdel is-sistema Ċeka tal-pagamenti diretti minn mindu twaqqfet fl-2014 u li jinħoloq mekkaniżmu effettiv kontra l-kunflitti ta' interess;
25. Ifakkar li bħala parti mill-proġett "Stork Nest", Agrofert ħolqot b'mod artifiċjali kumpanija ta' daqs medju, li baqgħet taħt il-kontroll ta' Agrofert, sabiex jinkisbu fondi maħsuba għal negozji żgħar u ta' daqs medju, li jammontaw għal total ta' madwar EUR 2 miljun; iqis li huwa inaċċettabbli li wara li ġew konklużi irregolaritajiet serji fl-investigazzjonijiet dwar "Stork Nest", l-awtoritajiet Ċeki rtiraw il-proġett mill-finanzjament tal-UE bil-għan li jiffinanzjawh mill-baġit nazzjonali, u jittrasferixxu l-piż finanzjarju lill-kontribwenti Ċeki; iqis li din hija konferma li l-awtoritajiet Ċeki naqsu milli jikkonvinċu lill-Kummissjoni dwar il-legalità u r-regolarità ta' dawn il-pagamenti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li dan ifisser li l-OLAF ma għadx għandu d-dritt li jinvestiga u huwa biss il-prosekutur nazzjonali li jista' jressaq l-akkużi; jinsab serjament imħasseb li l-prosekutur Ċek għalaq, fuq bażi temporanja, il-proċedimenti u wara fetaħ mill-ġdid il-każ; jistieden lill-awtoritajiet Ċeki jgħarrfu lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-eżitu tal-investigazzjoni dwar "Stork Nest" kemm jista' jkun malajr;
26. Jinnota li l-pulizija Ċeka rrakkomandat, għat-tieni darba, li l-Prim Ministru Babiš jitressaq b'allegazzjoni ta' frodi li tammonta għal madwar EUR 2 miljun fir-rigward tal-investigazzjonijiet "Stork Nest"; jinnota li l-prosekutur ta' superviżjoni Jaroslav Šaroch, li f'Settembru 2019 inizjalment iddeċieda li jwaqqa' l-każ, huwa responsabbli biex jiddeċiedi dwar il-kap ta' akkuża; ifakkar li l-Prosekutur Ġenerali Pavel Zeman, li issa rriżenja, fl-4 ta' Diċembru 2019 kien ordna l-ftuħ mill-ġdid tal-każ, filwaqt li kkwota nuqqasijiet fil-valutazzjoni legali tal-prosekutur Šaroch;
27. Jinsab imħasseb ħafna bil-pressjoni politika kontra l-media indipendenti u l-istituzzjonijiet indipendenti fir-Repubblika Ċeka, li reċentement ġiet enfasizzata bir-riżenja tal-Prosekutur Ġenerali, li ddikjara pressjoni mill-Ministru tal-Ġustizzja bħala r-raġuni għar-riżenja tiegħu;
28. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-vulnerabbiltajiet tas-sistema ġudizzjarja Ċeka u tniedi l-azzjonijiet meħtieġa; jitlob lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa u tanalizza jekk xi każijiet oħra li jinvolvu membri tal-Gvern Ċek ġewx irtirati jew magħluqa qabel iż-żmien potenzjalment wara pressjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat mingħajr dewmien żejjed dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha;
29. Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti li l-Gvern Ċek diġà ħallas aktar minn CZK 150 miljun lill-Agrofert mill-baġit nazzjonali Ċek matul il-perjodu awditjat(8); peress li dan jista' jikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat u jikkomprometti l-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku tal-UE, kif ukoll l-integrità tiegħu, jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga bis-sħiħ dawn il-każijiet ta' finanzjament mill-baġit nazzjonali u tinforma lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u l-miżuri meħuda;
30. Jikkundanna l-prattika li jiġu rtirati l-proġetti mill-fondi tal-UE sabiex jiġu ffinanzjati mill-baġit nazzjonali wara l-iskoperta ta' irregolaritajiet mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u twettaq analiżi legali bir-reqqa f'dawn il-każijiet, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-ksur potenzjali tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;
31. Jiddeplora l-kummenti pubbliċi li għamel il-Prim Ministru Babiš b'reazzjoni għall-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-awditar tad-DĠ REGIO u EMPL(9); iqis inaċċettabbli li l-awdituri tal-Kummissjoni jissejħu "mafja" minn membru tal-Kunsill Ewropew;
32. Jikkundanna l-kummenti diffamatorji tal-Prim Ministru Babiš kontra l-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet li jirrappurtaw dwar il-kunflitt ta' interess tiegħu u l-operazzjonijiet tan-negozji tiegħu; jindika f'dan ir-rigward il-kummenti negattivi tiegħu dwar ir-Referendum ta' Denik fil-Parlament Ċek f'Novembru 2020;
33. Jinsab imħasseb ħafna bil-livell baxx ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO li jinsabu fir-Rapport ta' Evalwazzjoni tar-Raba' Serje – waħda biss mill-erbatax-il rakkomandazzjoni ġiet implimentata b'mod sodisfaċenti, seba' rakkomandazzjonijiet ġew implimentati parzjalment u s-sitt rakkomandazzjonijiet li fadal ma ġew implimentati xejn;
34. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jipprojbixxu każijiet ta' pagamenti ta' sussidji ta' miljuni ta' euro bi tliet ċifri lil persuni fiżiċi individwali fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid u jimxu lejn il-pożizzjoni tal-Parlament li tiggarantixxi trasparenza sħiħa u l-possibbiltà ta' aggregazzjoni tal-pagamenti kif ukoll il-proċeduri ta' monitoraġġ u awditi diġitali bejn il-fruntieri tal-Istati Membri fi programmi b'ġestjoni kondiviża;
35. Jistieden lill-Kunsill fin-negozjati li għaddejjin dwar ir-Regolament tal-PAK iqis kif xieraq l-effettività baġitarja u d-distribuzzjoni aktar ġusta u trasparenti tal-pagamenti diretti, jimxi lejn il-pożizzjoni tal-Parlament li tistabbilixxi limiti speċifiċi għal kull persuna fiżika għaż-żewġ pilastri tal-PAK, kif ukoll digressività, limitazzjoni obbligatorja u pagamenti ridistributtivi biex tiġi żgurata perċezzjoni pożittiva tal-PAK b'mod ġenerali miċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li n-negozjati fil-Kunsill ma għandhomx jiġu affettwati minn kunflitti ta' interess u li l-ebda ministru, membru jew rappreżentant ta' gvern nazzjonali ma għandu jipparteċipa fin-negozjati waqt li jkun affettwat minn kunflitt ta' interess; iqis inaċċettabbli li l-Prim Ministru Babiš, waqt li kien is-sid benefiċjarju tal-grupp Agrofert, ħa sehem fin-negozjati dwar il-PAK u ġġieled kontra l-limitu tas-sussidji; jissottolinja bil-qawwa li l-limiti għal kull persuna fiżika għall-ewwel u t-tieni pilastru tal-PAK iridu jkunu applikabbli b'mod uniformi, inkluż għall-membri tal-gvernijiet nazzjonali sabiex ma jitħallewx jinnegozjaw fil-Kunsill għall-benefiċċju tagħhom stess;
36. Ma japprovax bil-qawwa l-istrutturi oligarkiċi li jużaw il-fondi agrikoli u ta' koeżjoni tal-UE, fejn minoranza żgħira ta' benefiċjarji jirċievu l-maġġoranza l-kbira tal-fondi tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jipprevjenu t-trawwim ta' strutturi bħal dawn, li qed inaqqsu l-kompetittività ta' bdiewa żgħar u ta' daqs medju u ta' rziezet tal-familja, li għandhom ikunu l-benefiċjarji ewlenin tal-PAK;
37. Jisħaq fuq it-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-Prim Ministru Babiš jinsab f'kunflitt ta' interess waqt li jipparteċipa fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-allinjament tal-PAK mal-għanijiet ġenerali tal-politika Ewropea dwar it-tibdil fil-klima, minħabba li l-interessi kummerċjali tal-grupp Agrofert jistgħu jegħlbu l-interess pubbliku fl-appoġġ ta' agrikoltura aktar sostenibbli u fil-limitazzjoni tal-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima;
38. Iqis li n-nuqqas ta' azzjoni mill-Gvern Ċek fl-indirizzar tal-kunflitti ta' interess tal-Prim Ministru Babiš għandu impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-awtoritajiet tal-Istat Ċek, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, u fuq il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni ta' hawn fuq, flimkien mal-influwenza tal-Prim Ministru Babiš fuq il-media Ċeka u fuq is-sistema ġudizzjarja, bil-ħsieb li tidentifika ksur tal-istat tad-dritt u, jekk ikkonfermata u abbażi tas-sejbiet tagħha, tattiva fi żmien xieraq il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni;
40. Għadu mħasseb dwar il-konċentrazzjoni dejjem tiżdied ta' sjieda tal-media f'idejn ftit oligarki(10);
41. Jinnota li għaddejjin investigazzjonijiet u awditi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew dwar kunflitti ta' interess potenzjali u l-użu tal-fondi tal-UE; jinsab imħasseb dwar it-tħassib espress fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt tal-2020 li każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli mhumiex segwiti biżżejjed u ġew identifikati xi lakuni fl-oqfsa ta' integrità applikabbli għall-membri tal-parlament;
42. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess f'konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju; jesprimi tħassib li l-Prim Ministru Ċek kien, u għadu, parti attiva min-negozjati dwar il-baġit tal-UE u l-programmi tal-UE waqt li jinsab f'kunflitt ta' interess; jitlob lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jispjegaw lill-Parlament kif qed jippjanaw li jqisu u jaġixxu fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru Babiš fit-teħid ta' deċiżjonijiet relatati mal-PAK u mal-baġit tal-UE wara l-konklużjoni fir-rapporti tal-awditjar tal-Kummissjoni;
43. Iqis li l-każ tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš jikkonferma wkoll il-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita sistema ta' rappurtar u monitoraġġ diġitali interoperabbli għall-finanzi tal-UE; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-koleġiżlaturi ma laħqux ftehim sodisfaċenti dwar id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT, li jippermettu rappurtar standardizzat u uniformi u jrawmu l-kooperazzjoni; jitlob li jsir sforz mill-atturi rilevanti kollha biex jistinkaw għal soluzzjonijiet ugwalment effettivi għall-fini ta' obbligu ta' rendikont imtejjeb;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju dwar kunflitt ta' interess, inkluż fil-każ tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš, jiġu applikati bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-QFP 2021-2027 u tan-Next Generation EU sabiex ma jsir l-ebda pagament lil kumpaniji li huma direttament jew indirettament proprjetà tal-Prim Ministru Babiš(11); jitlob aktar skrutinju ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali kif ukoll elementi oħra tal-istat tad-dritt fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru;
45. Jenfasizza bil-qawwa li l-Membri tal-Parlament Ewropew jeħtiġilhom ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr theddid u li l-gvernijiet nazzjonali jkunu responsabbli biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;
46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u liż-żewġ kmamar tal-Parlament tar-Repubblika Ċeka.
Ir-rapport tal-awditjar finali sab nuqqasijiet serji fit-tfassil tas-sistema ta' kontroll biex jiġi evitat kunflitt ta' interess, kif muri mis-seba' każijiet ta' ksur tal-Artikolu 4c tal-liġi Ċeka dwar il-kunflitti ta' interess u r-rata għolja ta' żball ta' 96.7 % fil-kampjun awditjat.
Euractiv, Czech PM slams EU Commission auditors as ‘mafia' (Il-Prim Ministru Ċek jirreferi għall-awdituri tal-Kummissjoni tal-UE bħala "mafja"), 26 ta' April 2021.
Lista ta' kumpaniji u proġetti approvati mill-Gvern Ċek biex jitressqu għall-finanzjament mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, tinkludi aktar minn CZK 6 biljun għal Lovochemie, kumpanija li hija parti mill-grupp Agrofert, li qabel kienet immexxija mill-Ministru Ċek għall-Ambjent fil-kariga, Richard Brabec.