Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0328/2021

Dibattiti :

PV 08/06/2021 - 11
CRE 08/06/2021 - 11

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2021 - 9
PV 10/06/2021 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2021)0293

Testi adottati
PDF 162kWORD 58k
Il-Ħamis, 10 ta' Ġunju 2021 - Strasburgu
Ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi
P9_TA(2021)0293RC-B9-0328/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi (2021/2741(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Belarussja tat-12 ta' Ottubru 2020 u tal-24 ta' Mejju 2021,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE, b'mod partikolari dik tal-24 ta' Mejju 2021 dwar id-devjazzjoni furzata tat-titjira tar-Ryanair FR4978 lejn Minsk fit-23 ta' Mejju 2021,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-ministri barranin tal-G7 u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' Mejju 2021 dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/908 tal-4 ta' Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja(1), li introduċiet projbizzjoni fuq it-titjiriet li jgħaddu minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE u fuq l-aċċess għall-ajruporti tal-UE minn trasportaturi Belarussi ta' kull tip,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Marzu 2021 dwar l-appoġġ tal-UE għall-Pjattaforma tal-Obbligu ta' Rendikont Internazzjonali għall-Belarussja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-rapporteur tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-5 ta' Novembru 2020 dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020 fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Konvenzjoni ta' Montreal dwar it-trażżin ta' atti illegali kontra s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lill-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja fl-2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-23 ta' Mejju 2021, ajruplan irreġistrat fil-Polonja u operat minn Rynair bħala parti mit-titjira FR4978, titjira internazzjonali tal-passiġġieri bejn żewġ bliet kapitali tal-UE (minn Ateni għal Vilnius), waqt li kienet fl-ispazju tal-ajru Belarussu, ġie ddevjat b'mod furzat fuq l-ordnijiet ta' Aliaksandr Lukashenka u ġie skortat minn ajruplan tal-gwerra Belarussu lejn l-Ajruport Nazzjonali ta' Minsk abbażi tal-pretensjoni falza ta' theddida ta' bomba, u dan ipperikola s-sikurezza ta' aktar minn 170 passiġġier u ekwipaġġ abbord, ħafna minnhom ċittadini tal-UE;

B.  billi l-awtoritajiet Belarussi ma skoprew l-ebda apparat splussiv, iżda żammew lil żewġ passiġġieri – Raman Pratasevich, ċittadin Belarussu, u s-sieħba tiegħu Sofia Sapega, ċittadina Russa u studenta tal-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi f'Vilnius;

C.  billi Raman Pratasevich huwa ġurnalist u attivist Belarussu u eks kap editur tal-kanal influwenti Telegram Nexta, li kellu rwol ċentrali biex jinforma lill-popolazzjoni dwar l-abbużi mwettqa mill-awtoritajiet u fil-mobilizzazzjoni tal-protesti fil-Belarussja wara l-elezzjoni presidenzjali ffalsifikata tad-9 ta' Awwissu 2020, u b'hekk ikkontribwixxa għall-iżvelar tar-repressjoni sistematika u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tar-reġim; billi Raman Pratasevich kien ilu jgħix f'eżilju fl-UE mill-2019 biex jevita akkużi kriminali foloz u kien ingħata ażil politiku fl-UE;

D.  billi d-detenzjoni illegali u t-trattament inuman ta' Raman Pratasevich mir-reġim Belarussu, inklużi l-konfessjonijiet sfurzati f'intervisti li ma kienu xejn għajr fares imxandra mit-televiżjoni statali tal-Belarussja, huma tal-akbar tħassib għall-komunità internazzjonali u jissottolinjaw l-urġenza ta' azzjoni internazzjonali kkoordinata, b'mod partikolari peress li l-Belarussja għadha l-uniku pajjiż Ewropew li għadu japplika l-piena kapitali, u għalhekk mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa; billi Raman Pratasevich ma tax l-impressjoni li kien qed jagħmel il-konfessjonijiet minn jeddu, u billi kwalunkwe konfessjoni sfurzata hija pprojbita fl-ambitu tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura; billi l-avukati tiegħu għadhom ma ngħatawx aċċess għalih u Aliaksandr Lukashenka hedded li jistieden investigaturi mir-reġjun ta' Donbas, li huwa okkupat mir-Russja, biex jinterrogawh; billi Raman Pratasevich tpoġġa fil-lista ta' sorveljanza tat-terroriżmu u għalhekk jaf jiffaċċja l-piena kapitali;

E.  billi l-interċettazzjoni ta' ajrupla ċivili tikkostitwixxi ksur serju tal-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni u tenfasizza l-konsegwenzi internazzjonali tar-repressjoni kontinwa u bla waqfien fil-Belarussja għas-sigurtà fl-Ewropa u turi b'mod ċar li r-reġim sar theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi l-inżul furzat tal-ajruplan bħala att ta' terroriżmu sponsorizzat mill-istat u l-arrest tal-hekk imsejjaħ għadu tar-reġim Belarussu kellhom l-għan li jibagħtu sinjal ta' tkexkix lill-avversarji kollha tiegħu, b'mod partikolari lil dawk li jgħixu barra mill-pajjiż, li r-reġim jinsab determinat li jsibhom u li mhumiex sikuri barra mill-pajjiż;

F.  billi attwalment għaddejja investigazzjoni mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali; billi minbarra Raman Pratasevich u Sofia Sapega żbarkaw ukoll diversi persuni mhux identifikati f'Minsk; billi l-Federazzjoni Russa żammet diversi attivisti tal-oppożizzjoni Belarussi li ħarbu lejn Moska u għadha tappoġġja lir-reġim Belarussu, anki finanzjarjament;

G.  billi l-awtoritajiet Belarussi komplew bir-repressjoni tagħhom kontra l-poplu Belarussu paċifiku, b'ħafna ċittadini li ġew ippersegwitati, arrestati u kkundannati talli esprimew oppożizzjoni għar-reġim jew għall-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħ fil-Belarussja; billi huwa stmat li aktar minn 34 000 Belarussu ġew miżmuma f'ċertu punt talli pprotestaw kontra r-reġim, qabel u wara l-elezzjonijiet tad-9 ta' Awwissu 2020; billi hemm aktar minn 470 priġunier politiku fil-Belarussja, fosthom 7 minorenni; billi nfetħu madwar 3 000 kawża kriminali b'motivazzjoni politika kontra d-dimostranti, u hemm 4 600 allegazzjoni ta' tortura, vjolenza u trattament ħażin;

H.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja qed tkompli tmur għall-agħar, b'għadd dejjem akbar ta' priġunieri politiċi; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw mijiet ta' każijiet ta' tortura u trattament ħażin, filwaqt li diversi persuni jinsabu neqsin jew instabu mejtin; billi t-trattament inuman, it-tortura u r-rifjut intenzjonat li tingħata kura medika għadhom għaddejjin fiċ-ċentri ta' detenzjoni u l-ħabsijiet Belarussi, fejn diversi dimostranti, bħal Vitold Ashurak, mietu f'ċirkostanzi suspettużi, filwaqt li oħrajn, bħal Stsiapan Latypou u Dzmitry Stakhouski ta' 17-il sena, ġew ippersegwitati u mhedda sal-punt li ppruvaw jagħmlu suwiċidju;

I.  billi fil-25 ta' Mejju 2021, l-attivisti Belarussi Ewropej Yauhen Afnahel, Pavel Yukhnevich, Maksim Viniarski u Andrei Voinich, il-kap tal-oppożizzjoni Pavel Seviarynets, il-blogger Dzmitry Kazlou, u l-attivista tal-komunità Iryna Shchasnaya ngħataw sentenzi ta' priġunerija li jvarjaw minn erba' sa seba' snin fuq akkużi foloz ta' "estremiżmu"; billi fit-2 ta' Ġunju 2021, il-priġunier politiku Dzmitry Furmanau, flimkien ma' Yauhen Raznichenka u Uladzimir Kniha, ingħataw sentenzi ta' priġunerija sa erba' snin f'dik li hija magħruf bħala l-"kawża Tsikhanouski"; billi fit-3 ta' Ġunju 2021, il-qorti kkundannat il-ħames grupp ta' konvenuti, li jikkonsisti mill-priġunieri politiċi Aliaksandr Khrapko, Radzivon Medusheuski, u Ihar Vinakurau, Andrei Aniskevich, Alena Loika, Halina Chuhunova, Andrei Niamirski, Dzmitry Kurhanau, Katsiaryna Smirnova, Mikita Uvarau, Safiya Nisht, Siarhei Ksenzhuk u Illia Palkhouski, fil-"proċess tal-protesta taż-żfin" billi tat sentenzi li jvarjaw minn 18-il xahar f'konfinament domiċiljari sa sena ħabs; billi fit-3 ta' Ġunju 2021, il-priġunier politiku Siarhei Piarfiliyeu ġie kkundannat għal sentejn priġunerija u ibnu Stanislau Piarfiliyeu għal sentejn ta' libertà ristretta (konfinament domiċiljari);

J.  billi l-awtoritajiet Belarussi qed ikomplu bir-repressjoni u l-persekuzzjoni tagħhom kontra ġurnalisti Belarussi indipendenti u qed jippruvaw ifixklu b'mod intenzjonat ir-rappurtar oġġettiv; billi mijiet ta' ġurnalisti ġew arrestati, inklużi żewġ ġurnalisti ta' Belsat li sussegwentement ġew ikkundannati; billi għexieren iffaċċjaw detenzjoni amministrattiva u esperjenzaw vjolenza u bosta ġew immultati; billi l-ġurnalisti tqiegħdu taħt arrest preventiv u ffaċċjaw akkużi kriminali; billi kien hemm bosta rapporti li l-awtoritajiet irrevokaw l-akkreditazzjoni ta' ġurnalisti, inklużi korrispondenti tal-media barranija, li bosta minnhom ġew arrestati u mkeċċija mill-Belarussja; billi fit-18 ta' Mejju 2021, l-awtoritajiet Belarussi rrejdjaw l-uffiċċji ta' Tut.by, l-akbar sit tal-aħbarijiet Belarussu indipendenti, arrestaw lill-ħafna membri tal-persunal tiegħu u mblukkaw is-sit web tiegħu;

K.  billi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi tal-oppożizzjoni, rappreżentati tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti ta' trade union u attivisti oħrajn jiġu sistematikament soġġetti għal intimidazzjoni, fastidju u restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali tagħhom; billi m'hemm l-ebda indikazzjoni li l-awtoritajiet Belarussi qed jinvestigaw l-eluf ta' rapporti ta' brutalità min-naħa tal-pulizija li ġew ippreżentati minn nofs Awwissu 2020, jew il-qtil ta' dimostranti; billi l-impunità mifruxa għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tipperpetwa s-sitwazzjoni ddisprata tal-poplu tal-Belarussja; billi l-assenza tal-istat tad-dritt timpedixxi d-dritt tal-vittmi li jkollhom proċess ġust;

L.  billi skont l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti Belarussi, unjoni tal-istudenti indipendenti, aktar minn 460 student ġew miżmuma, li kważi terz minnhom huma nisa, u aktar minn 150 student ġew imkeċċija b'mod arbitrarju mill-universitajiet, b'ħafna li ħarbu lejn pajjiżi ġirien beżgħana għas-sikurezza tagħhom;

M.  billi fil-31 ta' Mejju 2021 l-awtoritajiet Belarussi komplew jirrestrinġu r-regoli diġà stretti tal-ivjaġġar, u għamluha kważi impossibbli li ċ-ċittadini Belarussi joħorġu mill-pajjiż, inkluż fir-rigward ta' dawk li għandhom permessi ta' residenza fit-tul barra mill-pajjiż;

N.  billi hemm repressjoni dejjem akbar kontra r-rappreżentanti tal-minoranza Pollakka fil-Belarussja, inkluż l-arrest u l-għoti ta' sentenza lill-President tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja, Andżelika Borys, u d-detenzjoni tal-ġurnalist, blogger u membru tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja, Andrzej Poczobut; billi s-sistema edukattiva Pollakka fil-Balarussja tinsab taħt pressjoni dejjem akbar mir-reġim; billi dawn l-azzjonijiet huma akkumpanjati minn propaganda anti-Pollakka fuq it-televiżjoni statali; billi Lukashenka ħoloq btala pubblika ġdida fil-Belarussja, li għandha tiġi ċċelebrata fis-17 ta' Settembru, li tfakkar l-anniversarju tal-invażjoni Sovjetika tal-Polonja fl-1939;

O.  billi l-Belarussja bdiet l-operazzjoni kummerċjali tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets mingħajr ma indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet ta' sikurezza kollha li jinsabu fir-rapport tal-UE dwar is-simulazzjoni ta' kriżi tal-2018, u b'riżultat ta' dan l-impjant ta' Astravyets mhuwiex sikur u joħloq theddid serju għas-sikurezza nukleari għall-Ewropa kollha;

P.  billi l-Unjoni Ewropea s'issa imponiet sanzjonijiet kontra 88 individwu Belarussu u 7 entitajiet, inkluż Aliaksandr Lukashenka;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif u l-inżul furzat tat-titjira FR4978 ta' Ryanair f'Minsk u d-detenzjoni tal-ġurnalist Raman Pratasevich u ta' Sofia Sapega min-naħa tal-awtoritajiet Belarussi; iqis dan l-att orribbli bħala ksur tad-dritt internazzjonali li jikkostitwixxi att ta' terroriżmu tal-Istat;

2.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Raman Pratasevich u ta' Sofia Sapega, kif ukoll tal-ġurnalisti u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha miżmuma fil-Belarussja;

3.  Ifakkar id-deċiżjoni tal-Kunsill li jsaħħaħ il-miżuri restrittivi eżistenti billi introduċa projbizzjoni fuq it-trasportaturi Belarussi ta' kull tip milli jidħlu fl-ispazju tal-ajru tal-UE u jaċċessaw l-ajruporti tal-UE, u jagħti parir lill-Kunsill ifassal pjan biex jiffaċilita t-tentattivi tal-Belarussi milli jitilqu mill-pajjiż; jistieden lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni biex jinvestigaw u jieħdu l-miżuri xierqa rigward dan l-inċident inaċċettabbli, li jisfida n-normi u l-istandards internazzjonali; jenfasizza li dan l-inċident gravi kiser b'mod sinifikanti l-fiduċja u li kull stat għandu jaġixxi b'mod responsabbli fit-twettiq tal-obbligi tiegħu skont il-Konvenzjoni ta' Chicago sabiex l-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu joperaw b'mod sikur u sigur; jistieden lil Ryanair tikkoopera u taqsam mal-awtoritajiet l-informazzjoni rilevanti kollha dwar dan l-inċident;

4.  Jitlob li ssir valutazzjoni dettaljata tal-konsegwenzi tal-ħtif minn ajruplan ċivili interċettat, mhux biss għat-trasport internazzjonali bl-ajru u għas-sikurezza tal-avjazzjoni iżda wkoll għas-sigurtà ġenerali fl-Ewropa u s-sikurezza tal-Belarussi u ta' ċittadini oħra eżiljati jew li qed ifittxu kenn jew ażil fl-Istati Membri tal-UE;

5.  jenfasizza li investigazzjoni bħal din għandha tesplora r-rwol possibbli tar-Russja fl-atti terroristiċi mwettqa mir-reġim Belarussu; jissottolinja li jekk dan jitqies li kien il-każ, kwalunkwe ċittadin Russu involut direttament jew indirettament fl-operazzjoni għandu jiġi sanzjonat skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE); jenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-UE fl-investigazzjoni, inkluż permezz tal-involviment ta' korpi tal-UE bħall-Europol, il-Eurojust jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-ħidma ta' skwadri u operazzjonijiet ta' investigazzjoni konġunta;

6.  Itenni n-nuqqas ta' rikonoxximent tiegħu tal-elezzjoni ta' Aliaksandr Lukashenkha għall-kariga ta' President tal-Belarussja; iqis ir-reġim attwali fil-Belarussja bħala illeġittimu, illegali u kriminali; ikompli jappoġġja lill-poplu tal-Belarussja fit-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, ir-rappreżentanza demokratika, il-parteċipazzjoni politika u d-dinjità; jikkundanna r-repressjoni tal-eluf ta' Belarussi li pprotestaw b'mod paċifiku għad-difiża tad-dritt tagħhom għal-libertà, għad-demokrazija u għad-dinjità;

7.  Jikkundanna u jitlob bil-qawwa li jintemmu minnufih il-vjolenza u r-repressjoni mill-awtoritajiet tal-Istat fil-Belarussja, u b'mod partikolari d-detenzjoni illegali, it-tortura u t-trattament ħażin fid-detenzjoni, u l-prosekuzzjoni kriminali ta' ċittadini paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà tiegħu mas-soċjetà Belarussa; jikkundanna r-repressjoni sistematika tar-reġim kontra ċ-ċivili, li mill-elezzjonijiet misruqa ta' Awwissu 2020 ġiegħel lil aktar minn 140 000 Belarussu jaħarbu mill-pajjiż, permezz tal-vjolenza, l-intimidazzjoni u forom oħra ta' koerċizzjoni; itenni li din il-kampanja ta' repressjoni li għaddejja bħalissa u l-ispostament furzat taċ-ċittadini jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jiddeplora l-fatt li l-Belarussja bħalissa hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn il-piena tal-mewt għadha infurzata u jinsisti fuq il-ħtieġa għall-abolizzjoni permanenti immedjata tagħha; jikkundanna l-miżuri reċenti meħuda mill-awtoritajiet Belarussi li pprojbixxew il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini Belarussi milli jitilqu mill-pajjiż, inklużi ħafna detenturi ta' permessi ta' residenza barranin;

8.  Jikkundanna s-sentenzi ħorox u inġusti tal-qorti li ngħataw reċentement lil bosta priġunieri politiċi u detenuti, inkluż il-mexxej tal-oppożizzjoni Pavel Seviarynets, u l-proċessi kontra personalitajiet demokratiċi tal-oppożizzjoni tal-Belarussja bħal Viktar Babaryka, Mikola Statkevich u Siarhei Tsikhanouski; jiddeplora s-sentenza ta' Pavel Sevyarynets, Yauhen Afnahel, Andrei Voynich, Pavel Yukhnevich, Dzmitry Kazlou, Maksim Viniarski u Iryna Shchasnaya fi proċess magħluq fil-belt ta' Mahiliou;

9.  Itenni l-importanza tal-midja u l-ġurnalisti Belarussi indipendenti u r-rwol importanti li jaqdu fis-soċjetà Belarussa; jikkundanna s-soppressjoni tal-midja u tal-aċċess għall-internet, kif ukoll is-swat, l-arrest u l-intimidazzjoni ta' ġurnalisti u bloggers; jissottolinja d-dritt tal-poplu tal-Belarussja li jkollu aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni;

10.  Jikkundanna ir-repressjoni u l-azzjonijiet ostili mwettqa mill-awtoritajiet kontra r-rappreżentanti tal-minoranza Pollakka u kontra s-sistema tal-iskola Pollakka fil-Belarussja; jitlob, f'dan ir-rigward, il-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet ta' Andżelika Borys, Andrzej Poczobut u detenuti politiċi oħra;

11.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kummissjoni u lir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri fil-Belarussja biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni u l-proċessi tal-priġunieri politiċi individwali fil-Belarussja, inklużi dawk ta' Raman Pratasevich u Sofia Sapega, joffrulhom appoġġ u jaħdmu biex jiżguraw il-ħelsien tagħhom; f'dan ir-rigward, jistieden lir-reġim ta' Lukashenka jwaqqaf immedjatament kwalunkwe azzjoni bl-għan li tintimida jew tagħti fastidju lill-membri tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali u Ewropej, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Belarussja fl-ambitu tal-Konvenzjonijiet ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari.

12.  Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jinżammu u li jiġu estiżi l-kuntatti u l-kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi f'Minsk u fl-eżilju, u b'mod partikolari ma' Sviatlana Tsikhanouskaya u mal-membri tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni u tal-Ġestjoni Nazzjonali Kontra l-Kriżijiet; jingħaqad għalhekk mat-talbiet biex jiġu mistiedna r-rappreżentanti tagħhom fl-okkażjoni tas-Summit tal-G7 tal-11-13 ta' Ġunju 2021 u tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fl-2021 u jirrakkomanda li jkomplu jiġu mistiedna għal laqgħat bilaterali ta' livell għoli fil-livell governattiv, kif ukoll għal sessjonijiet parlamentari u laqgħat interparlamentari, u jinħolqu gruppi ddedikati għall-Belarussja fil-parlamenti nazzjonali kollha tal-Istati Membri tal-UE;

13.  Jistieden lill-Kunsill jestendi kemm jista' jkun malajr il-listi ta' persuni u entitajiet taħt is-sanzjonijiet tal-UE billi jinkludi l-individwi u l-entitajiet involuti fl-interċetazzjoni u l-inżul furzat tat-titjira ta' Ryanair FR4978 u fid-detenzjoni ta' Raman Pratasevich u Sofia Sapega; ifakkar li l-ġurnalist Raman Pratasevich jinsab f'riskju li jiffaċċja l-piena tal-mewt;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jipproċedi bl-akbar urġenza bir-raba' pakkett ta' sanzjonijiet kontra l-individwi u l-entitajiet li ħadu sehem jew kienu kompliċi fil-frodi elettorali, ir-repressjoni, it-tortura jew it-trattament ħażin u l-ksur sussegwenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u bloggers, u jibda jaħdem fuq pakkett sussegwenti; jitlob is-sanzjonar ta' għadd sostanzjalment akbar ta' uffiċjali Belarussi, bħall-prosekuturi, l-imħallfin u l-impjegati tal-infurzar tal-liġi li għandhom rwol fir-repressjoni u l-kundanna inġusta tal-kritiċi tar-reġim, kif ukoll ta' pulizija, persunal tal-amministrazzjoni tal-ħabs, membri tal-parlament u tal-gvern u l-aġenti li jaħdmu għar-reġim fl-oqsma tal-propaganda, il-midja, id-diżinformazzjoni u d-diskors ta' mibegħda, ta' individwi u entitajiet li jappoġġjaw lil Lukashenka u r-reġim tiegħu, bħal Marat Markov, li intervista lil Raman Pratasevich fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Istat ONT fit-2 ta' Ġunju, u ta' dawk li pparteċipaw fl-inċident tat-23 ta' Mejju, bħall-uffiċjali tal-intelligence u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-ħtieġa li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-għażliet għal miżuri restrittivi fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE);

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiċħdu b'mod strett kwalunkwe appoġġ finanzjarju lir-reġim Belarussu u għalhekk jirrifjutaw kwalunkwe linja ta' kreditu ġdida lill-banek Belarussi u jwaqqfu kwalunkwe investiment fi proġetti ta' infrastruttura jew f'impriżi ekonomiċi fil-Belarussja; jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri biex twaqqaf lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej milli jakkwistaw bonds jew kwalunkwe strument finanzjarju ieħor maħruġ mill-Gvern Belarussu u mill-istituzzjonijiet pubbliċi affiljati; jilqa' l-fatt li l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp issospendew il-finanzjament ta' proġetti fis-settur pubbliku Belarussu u jitlob li ssir investigazzjoni dwar kif il-fondi mhux użati jistgħu jiġu orjentati mill-ġdid lejn is-soċjetà ċivili u s-settur privat meta dan ma jkunx relatat mar-reġim; jistieden lill-Fond Monetarju Internazzjonali u lill-Istati Membri tal-UE ma jipprovdux appoġġ baġitarju dirett lir-reġim fl-ebda ċirkostanza, u jżommu lura milli jużaw il-proċess speċjali ta' prelevament imħabbar għall-2021;

16.  Ifakkar lin-negozji kollha tal-UE li joperaw fil-Belarussja fit-talba preċedenti tiegħu biex jeżerċitaw diliġenza partikolari u jiddefendu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jitlobhom ukoll iżommu lura minn kwalunkwe investiment ġdid u li jipprotestaw ukoll pubblikament kontra r-repressjoni kontinwa tal-awtoritajiet Belarussi fil-pajjiż;

17.  Jistieden lill-Kunsill jadotta u jimplimenta malajr sanzjonijiet ekonomiċi, li jridu jkunu sostanzjali u jkollhom, kemm jista' jkun, effett immedjat fuq ir-reġim tal-Belarussja, il-persuni li jappoġġjawh u l-atturi ekonomiċi li jappoġġjaw ir-reġim; jitlob li dawn is-sanzjonijiet ekonomiċi jkollhom fil-mira l-kumpaniji pubbliċi u privati kkontrollati mir-reġim jew marbuta mill-qrib mal-interessi kummerċjali tar-reġim jew magħrufa li jkeċċu l-impjegati tagħhom minħabba li jipparteċipaw fi strajk jew protesti; jitlob li s-sanzjonijiet settorjali jkollhom fil-mira ż-żejt mhux raffinat u l-prodotti taż-żejt, il-potassa, l-azzar u l-industriji tal-ipproċessar tal-injam; jitlob ukoll li jintemmu l-kooperazzjoni u l-finanzjament għall-banek tal-Istat Belarussi u li jiġu limitati l-linji ta' kreditu mill-banek internazzjonali għall-banek sussidjarji fil-Belarussja u li titqies sospensjoni temporanja lill-Belarussja mis-sistema SWIFT; jitlob li l-kumpaniji rreġistrati fl-UE, b'mod partikolari Siemens AG, jieqfu jikkollaboraw mal-awtoritajiet Belarussi permezz tal-kondiviżjoni tat-teknoloġija u l-għarfien espert; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kuntrabandu sostanzjali tas-sigaretti mill-Belarussja lejn l-UE, li jipprovdi fondi lir-reġim ta' Lukashenka; jinkoraġġixxi azzjoni ta' solidarjetà tal-UE kkordinata biex jiġu kkumpensati d-diffikultajiet ekonomiċi għall-Istati Membri l-aktar affettwati mis-sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-Belarussja;

18.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU) li tissospendi s-sħubija mal-EBU tax-xandar Belarussu BTRC; jitlob is-sospensjoni tal-Belarussja minn korpi sportivi internazzjonali u avvenimenti sportivi internazzjonali, inklużi kampjonati Ewropej u dinjija u l-Logħob Olimpiku f'Tokyo; iħeġġeġ lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) tneħħi d-drittijiet tax-xandir għat-turnew tal-futbol EURO 2020 mit-televiżjoni tal-Istat Belarussu TVR u tassenjahom lill-istazzjon tat-televiżjoni indipendenti Belsat TV mingħajr ħlas;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet ta' intelligence rigward il-kriżi fil-Belarussja u jkeċċu uffiċjali tal-intelligence magħrufa u suspettati li huma attivi madwar l-Unjoni; iħeġġeġ lill-President tiegħu jirrestrinġi l-aċċess għall-Parlament Ewropew għall-persunal tal-Ambaxxata tal-Belarussja fi Brussell, inkluż l-aċċess fiżiku u remot għal-laqgħat ospitati mill-Parlament Ewropew, u biex jirrieżamina l-komunikazzjoni tal-Parlament mal-Ambaxxata tal-Belarussja;

20.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-involviment tar-Russja mar-reġim ta' Lukashenka, inkluż l-appoġġ finanzjarju u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tal-intelligence;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa għal impenn internazzjonali, inklużi diskussjonijiet fin-NU u fin-NATO; jitlob lill-UE tikkoordina mill-qrib il-miżuri tagħha mal-Istati Uniti, mas-sħab tal-G7 u ma' pajjiżi oħra tal-istess fehma u tfittex allinjament wiesa' mis-sħab tal-UE, b'mod partikolari mill-ġirien Ewropej bħall-Ukrajna, sabiex jinkiseb l-ogħla impatt possibbli tas-sanzjonijiet ; ifakkar fid-deċiżjoni tal-Gvern tal-Ukrajna li jingħaqad mal-Istati Membri tal-UE fl-impożizzjoni ta' sanzjonijiet tat-trasport fuq il-linji tal-ajru Belarussi, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimponu miżuri punittivi fuq il-linja tal-ajru Belavia u l-passiġġieri tagħha li jtiru lejn il-Krimea annessa mar-Russja; jilqa' s-summits li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Istati Uniti u r-Russja u jqishom opportunitajiet importanti biex jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet bejn l-UE u s-sħab tagħha;

22.  Jenfasizza li għalkemm l-aħjar opportunitajiet tal-UE biex tittratta b'mod xieraq l-istati illegali huma permezz ta' mekkaniżmi ta' sanzjonijiet, minbarra s-sanzjonijiet fuq intrapriżi tal-istat Belarussi, l-UE għandha tuża pressjonijiet interni eżistenti fil-Belarussja billi tappoġġja lis-soċjetà ċivili Belarussa;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ, flimkien mas-sħab internazzjonali, jagħtu bidu għall-organizzazzjoni ta' konferenza internazzjonali ta' livell għoli, "Il-Futur Demokratiku tal-Belarussja", dwar is-soluzzjoni għall-kriżi fil-Belarussja, u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati mill-awtoritajiet Belarussi kontra l-poplu tal-Belarussja u t-trasformazzjoni demokratika tal-Belarussja; iqis li konferenza bħal din, immexxija mill-UE u li għaliha jattendu l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-pajjiżi tal-G7, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE u oħrajn li lesti jwiegħdu pakkett finanzjarju ta' diversi biljuni ta' Euro, se sservi biex tappoġġja l-isforzi futuri ta' riforma u r-ristrutturar tal-ekonomija u se tibgħat sinjal qawwi ta' appoġġ lill-poplu Belarussu;

24.  Ifakkar fl-inizjattiva preċedenti tiegħu għal missjoni ta' livell għoli, li tinvolvi uffiċjali preċedenti Ewropej ta' grad għoli, biex tiġi esplorata kull triq possibbli biex titwaqqaf il-vjolenza u jinħelsu l-priġunieri politiċi u li tista' tgħin biex jinħoloq ambjent li jwassal għal djalogu politiku domestiku inklużiv fil-Belarussja;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex iżidu l-appoġġ dirett għall-oppożizzjoni Belarussa, is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media indipendenti fil-Belarussja u barra mill-pajjiż, u l-involviment magħhom, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u l-appoġġ finanzjarju, u jżidu l-appoġġ għall-Fond Ewropew għad-Demokrazija fl-attivitajiet tagħhom fil-prattika; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku lill-mezzi tal-media u lill-ġurnalisti indipendenti kollha biex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom li jinfurmaw lis-soċjetà dwar l-iżviluppi li għaddejjin fil-Belarussja; itenni, f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu għal aktar assistenza għall-istazzjon tat-televiżjoni Belsat;

26.  Jimpenja ruħu li jgħin fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi demokratiċi, fit-titjib tar-rwol tas-soċjetà ċivili, fl-appoġġ tad-djalogu politiku sħiħ li jwassal għal tranżizzjoni paċifika tal-poter fil-Belarussja, kif ukoll ta' mexxejja politiċi żgħażagħ u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, permezz tal-mekkaniżmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament;

27.  Jilqa' l-qafas ta' pjan komprensiv għall-appoġġ ekonomiku ta' EUR 3 biljun għal Belarussja demokratika futura ppreżentat mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jiżviluppaw u jippromwovu dan il-pjan u jikkomunikaw b'mod ċar li ladarba sseħħ bidla demokratika fil-Belarussja, l-UE se tkun lesta li tipprovdi assistenza tanġibbli biex tpoġġi lill-pajjiż fit-triq ta' riforma u modernizzazzjoni; jinnota li l-UE jeħtieġ li tipproponi sett komprensiv ta' azzjonijiet biex tħejji l-forzi demokratiċi tal-Belarussja għall-implimentazzjoni ta' dan il-pakkett;

28.  Jitlob lill-UE tikkoordina mal-Istati Uniti, is-sħab tal-G7 u pajjiżi oħra tal-istess fehma biex tiffriża l-kooperazzjoni mas-settur pubbliku ta' Lukashenka u torjenta mill-ġdid il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili Belarussa u mal-kumpaniji privati Belarussi mhux influwenzati mir-reġim;

29.  Jirrifjuta t-theddid inaċċettabbli ta' Aliaksandr Lukashenka li l-awtoritajiet Belarussi mhux se jwaqqfu l-migranti irregolari u t-traffikar tad-droga u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-migrazzjoni irregolari mill-Belarussja lejn l-UE u dwar l-involviment potenzjali tal-awtoritajiet Belarussi f'dan il-fenomenu; jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jsegwu l-iżviluppi f'dawn l-oqsma u jieħdu l-miżuri xierqa;

30.  Jikkundanna l-użu ħażin min-naħa tat-tmexxija Belarussa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal skopijiet politiċi; jistieden lill-Interpol biex immedjatament tirrieżamina bir-reqqa t-talbiet attwali u futuri mill-Belarussja u tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tipprevjeni lill-Belarussja milli tuża ħażin l-Interpol għal skopijiet politiċi;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' investigazzjoni komprensiva tad-delitti mwettqa mir-reġim ta' Lukashenka kontra l-poplu tal-Belarussja, li għandha tiġi konkluża bl-istabbiliment ta' tribunal internazzjonali għall-prosekuzzjoni ta' dawk ir-reati; iħeġġeġ li, fin-nuqqas tar-rieda tal-awtoritajiet Belarussi li jistabbilixxu l-istat tad-dritt u l-obbligu ta' rendikont, il-komunità internazzjonali jeħtiġilha tieħu azzjoni biex tgħin tiżgura evidenza ta' reati u tiżgura investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli tul il-katina sħiħa ta' kmand; jilqa' l-inizjattivi minn diversi Stati Membri tal-UE biex japplikaw il-prinċipju tal-ġuriżdizzjoni universali u jħejju każijiet tal-qorti kontra l-awturi ta' repressjoni Belarussi u jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra kollha jsegwu l-eżempju tagħhom; jitlob għal appoġġ attiv għall-inizjattivi internazzjonali kollha li jfittxu li jindirizzaw l-impunità fil-Belarussja, bħall-Pjattaforma Internazzjonali Kontra l-Impunità u ċ-Ċentru tal-Ġustizzja f'Vilnius;

32.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkomplu jqajmu s-sitwazzjoni fil-Belarussja fl-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali rilevanti kollha bħall-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-korpi speċjalizzati oħra tan-NU bil-għan li tiġi żgurata azzjoni internazzjonali urġenti dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja u li jingħeleb l-imblukkar tar-Russja u ta' pajjiżi oħra għal tali azzjoni;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jiffaċilitaw il-proċeduri għall-kisba ta' viżi u residenza għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi jew għal dawk li jirrikjedu trattament mediku minħabba l-vjolenza mwettqa kontrihom, u joffru lilhom u lill-familji tagħhom l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE fir-rigward tal-għoti tal-ażil f'każijiet ta' persekuzzjoni koperti mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Refuġjati u jkomplu jiffaċilitaw il-proċedura għall-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u l-għoti ta' kenn temporanju fil-pajjiżi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joffru boroż ta' studju lill-istudenti u lill-akkademiċi Belarussi mkeċċija mill-universitajiet u miżmuma l-ħabs minħabba l-pożizzjoni prodemokratika tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju lil dawk l-istituzzjonijiet eżiljati, bħall-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi f'Vilnius, li qed irawmu ġenerazzjoni ġdida ta' Belarussi li qed jisfidaw is-sistema korrotti u illeġittima tal-pajjiż;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-SEAE jikkooperaw ma' sħab internazzjonali, bħall-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fuq il-post, biex jiġu żgurati l-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u rappurtar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sussegwentement jiġi stabbilit l-obbligu ta' rendikont u tingħata ġustizzja lill-vittmi; jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma Internazzjonali ta' Obbligu ta' Rendikont għall-Belarussja u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-funzjonament tagħha; jimpenja ruħu għall-funzjonament effettiv tal-Pjattaforma tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-impunità fil-Belarussja u għall-koordinazzjoni ta' reazzjoni internazzjonali f'waqtha għall-iżviluppi fil-Belarussja;

35.  Itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jieħdu pożizzjoni unifikata fir-rispons għat-terroriżmu sponsorizzat mill-Istat orkestrat mir-reġim ta' Aliaksandr Lukashenko u appoġġjat mill-Kremlin; jissottolinja l-importanza li l-UE tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja fi ħdan l-UE, kif ukoll forom oħra ta' theddid ibridu mwettqa minn partijiet terzi f'dan ir-rigward; jesprimi solidarjetà mal-Latvja wara t-tkeċċija mhux ġustifikata tad-diplomatiċi tagħha mill-Belarussja; jikkundanna t-tnedija ta' investigazzjoni kriminali mill-Prosekutur Ġenerali tal-Belarussja kontra l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Latvja, kif ukoll is-Sindku tal-belt kapitali Riga; jikkundanna t-tentattivi kollha mill-awtoritajiet Belarussi biex jeżerċitaw pressjoni fuq l-Istati Membri tal-UE, inkluża t-talba tal-prosekuturi Belarussi biex jagħmlu mistoqsijiet lill-eks president tal-Litwanja Valdas Adamkus, abbażi tal-allegati konnessjonijiet tiegħu ma' battaljun awżiljarju tal-pulizija subordinat għall-SS li wettaq operazzjonijiet punittivi fil-Belarussja matul it-Tieni Gwerra Dinjija;

36.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-operazzjoni kummerċjali tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets li jinsab 45 km biss 'il bogħod minn Vilnius u jissottolinja r-riskji li jġorr għal pajjiżi tal-UE; jenfasizza l-importanza li jiġi indirizzat it-theddid għas-sikurezza nukleari kkawżat mill-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets, jiddispjaċih li l-Belarussja mhix timpenja ruħha fis-sikurezza nukleari tal-impjant ta' Astravyets bi trasparenza sħiħa u ma impenjatx ruħha għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami bejn il-pari tal-impjant mill-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG), u jitlob għall-introduzzjoni ta' salvagwardji effettivi kontra il-bejgħ dirett u indirett tal-elettriku Belarussu ġenerat mill-impjant ta' Astravyets lejn is-suq tal-UE;

37.  Jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali hija prova tal-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea u tal-effettività tat-tfassil tal-politika barranija tagħha; ifakkar li s-sitwazzjoni fil-Belarussja, pajjiż ġar u membru tas-Sħubija tal-Lvant, għandha impatt dirett fuq l-UE u li l-UE għandha turi biżżejjed determinazzjoni biex toffri appoġġ tanġibbli u fit‑tul lill-forzi demokratiċi li jagħmlu ħilithom biex iġibu l-libertà u d-demokrazija fil-Belarussja; jitlob lill-UE biex ma toqgħodx lura, billi taġixxi malajr u b'mod proattiv;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.

(1) ĠU L 197 I, 4.6.2021, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza