Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1 għall-baġit ġenerali tal-2021: - Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit (10945/2021 – C9-0348/2021 – 2021/0022(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1) (ir-‘Regolament Finanzjarju’), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, adottat b'mod definittiv fit-18 ta' Diċembru 2020(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 – 2027(3) (‘Regolament dwar il-QFP)’,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(5),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit tal-25 ta' Diċembru 2020(6), (‘Regolament dwar il-BAR’),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 1/2021, adottat mill-Kummissjoni fit-22 ta' Jannar 2021 (COM(2021)0030),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2021, adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Lulju 2021 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Awwissu 2021 (10945/2021 – C9-0348/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0263/2021),
A. billi l-Kummissjoni, fil-25 ta' Diċembru 2020, ippreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi r-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit (ir-‘Riżerva’) fi ħdan l-istrumenti speċjali tematiċi barra mil-limiti massimi tal-baġit tal-Unjoni tal-QFP "biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi mhux previsti u negattivi fl-Istati Membri u s-setturi li huma l-aktar affettwati" bil-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni, u b'hekk jittaffa l-impatt tiegħu fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;
B. billi r-riżorsi massimi għall-implimentazzjoni tar-Riżerva jammontaw għal EUR 5 000 000 000 fi prezzijiet tal-2018 (EUR 5 370 994 000 fi prezzijiet attwali);
C. billi l-għan tal-abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2021 huwa li jdaħħal fil-baġit annwali tal-Unjoni 2021 EUR 4 244 832 000 fi prezzijiet attwali (EUR 4 000 000 000 fi prezzijiet tal-2018), kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f'approprjazzjonijiet ta' pagament, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' prefinanzjament li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit fl-2021;
D. billi, wara l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-BAR, l-approprjazzjonijiet se jiġu ttrasferiti għall-artikolu baġitarju "16 02 03"; billi l-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva lil Stat Membru mbagħad għandha tiġi implimentata fil-qafas ta' ġestjoni kondiviża f'konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju;
1. Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2021 kif ippreżentat mill-Kummissjoni, li għandu l-għan li jagħmel disponibbli EUR 4 244 832 000, kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f'approprjazzjonijiet ta' pagament, biex ikopru l-ħtiġijiet ta' prefinanzjament tar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit;
2. Jissottolinja li r-Riżerva hija waħda mill-istrumenti speċjali tematiċi fi ħdan ir-Regolament dwar il-QFP, u għalhekk l-approprjazzjonijiet relatati tagħha jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi għall-infiq tal-QFP;
3. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2021;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2021 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.