Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE oħrajn u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 u r-Regolament (UE) 2019/816 (COM(2019)0003 – C8-0025/2019 – 2019/0001A(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0003),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-11 ta’ Frar 2021 li tawtorizza lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jaqsam il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq u jfassal żewġ rapporti leġiżlattivi separati abbażi ta’ dan,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0025/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Marzu 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0254/2020),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE oħrajn għall-finijiet tal-ETIAS u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1240, ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2018/1861 (COM(2019)0004 – C8-0024/2019 – 2019/0002(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0004),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(a), (b) u (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0024/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Marzu 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0255/2020),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2019/817 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/GMH Guss (COM(2021)0207 – C9-0156/2021 – 2021/0107(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0207 – C9-0156/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament tal-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), (FII tas-16 ta' Diċembru 2020), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0189/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna ssir permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;
B. billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/003 DE/GMH Guss għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 585 sensja(4) f'erba' sussidjarji tal-kumpanija Guss GmbH, ikklassifikata taħt id-Diviżjoni 24 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' metalli bażiċi) fil-livell NUTS 2 ta' Düsseldorf (DEA1)(5) u Arnsberg (DEA5)(6), f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-31 ta' Lulju 2020 sat-30 ta' Novembru 2020;
C. billi l-applikazzjoni tikkonċerna 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn erba' sussidjarji ta' GMH Guss GmbH fil-Ġermanja;
D. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkun ingħata s-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;
E. billi l-industrija tal-fonderiji fil-Ġermanja qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kbar bħal bidliet fil-kummerċ internazzjonali ta' oġġetti u servizzi u produzzjoni eċċessiva fiċ-Ċina, b'mod partikolari fl-industrija awtomobilistika u tal-magni, kif ukoll ir-rilokazzjoni ta' attivitajiet lejn pajjiżi terzi, inkluż lejn pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE, fejn japplikaw(7) standards ambjentali aktar baxxi u fejn l-industriji huma ssussidjati ħafna;
F. billi l-problemi ta' GMH Guss bdew meta l-klijent prinċipali tal-kumpanija sussidjarja Walter Hundhausen GmbH, li jirrappreżenta 60 % tal-produzzjoni tal-kumpanija sussidjarja, ħa d-deċiżjoni li jiddelokalizza parti mill-katina tal-provvista fit-Turkija;
G. billi l-kompetitur Tajwaniż MEITA fetaħ żewġ fonderiji f'Obrenovac, is-Serbja, li prinċipalment jipproduċu għall-industrija awtomobilistika Ewropea, u li, minħabba sussidji u spejjeż tax-xogħol aktar baxxi, MEITA setgħet toffri prezzijiet ħafna aktar baxxi mill-kompetitur Ġermaniż tagħha GMH Guss;
H. billi, bejn l-2018 u l-2019, il-produzzjoni globali tal-ikkastjar tal-metall fil-Ġermanja naqset bi 8,9 %(8) minħabba dawn l-isfidi relatati mal-globalizzazzjoni, u affettwat b'mod partikolari lin-Nordrhein-Westfalen fejn jinħadmu 25 % tal-metalli kkastjati fil-Ġermanja;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma sodisfatti, u li l-Ġermanja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 081 706 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 802 845, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 1 730 731 u n-nefqa għal attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 72 114;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni fil-15 ta' Diċembru 2020, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-27 ta' April 2021 u l-Parlament ġie nnotifikat fl-istess ġurnata;
3. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew sodisfatti;
4. Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur industrijali Ġermaniż; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Ġermanja tistenna li 476 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha, li minnhom 455 huma rġiel u 21 huma nisa, il-biċċa l-kbira minnhom f'età bejn 30 u 54 sena, se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);
5. Jissottolinja li dawk is-sensji huma mistennija jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, peress li seħħew f'kuntest ta' livell għoli ta' qgħad (10,7 % f'Settembru 2020) fiż-żona tar-Ruhr minħabba sfidi strutturali sa mis-snin 60 u l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19;
6. Jirrimarka li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja qegħdin fit-tieni nofs tal-karriera professjonali tagħhom, għandhom livell baxx ta' kwalifiki formali, u f'ħafna każijiet għandhom għarfien dgħajjef tal-lingwa Ġermaniża; jissottolinja wkoll li, kif spjegat fl-applikazzjoni, għadd kbir ta' benefiċjarji huma rġiel li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni u li s-suċċess fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol jista' jkun aġevolat minn membri oħra tal-familji tagħhom, li spiss ikollhom għarfien ħafna aħjar tal-Ġermaniż mill-ex impjegati;
7. Jissottolinja u jilqa' pożittivament l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' pari li jqisu s-sitwazzjonijiet personali tal-ex ħaddiema affettwati; jenfasizza l-ħtieġa li l-ex impjegati, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġati mill-miżuri inklużi f'dan il-proġett tal-FEG;
8. Iqis li hija responsabbiltà soċjali tal-Unjoni li tipprovdi lil dawn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja, il-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ekoloġika u ġusta tal-industrija tal-Unjoni f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, peress li dawn kienu jaħdmu f'settur b'intensità għolja ta' karbonju; jilqa' pożittivament, għalhekk, is-servizzi personalizzati fornuti minn dan il-FEG lill-ħaddiema, li jinkludu miżuri ta' titjib tal-ħiliet u korsijiet tal-Ġermaniż, workshops, orjentazzjoni vokazzjonali, konsulenza dwar l-impjiegi, kif ukoll allowances tat-taħriġ u servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju, biex iż-żona, u s-suq tax-xogħol ġenerali, isiru aktar sostenibbli u reżiljenti fil-futur;
9. Jinnota li l-Ġermanja bdiet tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Awwissu 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Awwissu 2020 sal-15 ta' Diċembru 2022;
10. Jinnota li l-Ġermanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Novembru 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Novembru 2020 sal-15 ta' Ġunju 2023;
11. Jilqa' favorevolment il-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Ġermanja f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, u li twaqqaf kumitat ta' monitoraġġ li jinkludi rappreżentanti tal-Ministeru tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, il-kumpanija ta' trasferiment, rappreżentanti tas-sħab soċjali, rappreżentanti tat-trade union IG Metall, il-likwidaturi tal-intrapriża li tat is-sensji u s-sussidjarji tagħha, kif ukoll rappreżentanti tal-kunsilli tax-xogħlijiet, biex imexxi l-intervent kofinanzjat mill-FEG; jissottolinja li s-sħab soċjali tal-intrapriżi kkonċernati diġà kkooperaw fix-xhur u s-snin qabel il-mobilizzazzjoni tal-FEG biex itejbu l-kundizzjonijiet u s-sitwazzjoni diffiċli mill-aspett ekonomiku, li kienu jinkludu wkoll konċessjonijiet salarjali sinifikanti min-naħa tal-ħaddiema;
12. Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli qed jikkomplementaw mingħajr ma jissostitwixxu l-miżuri offruti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) permezz tal-Programm Operattiv tal-FSE għan-Nordrhein-Westfalen;
13. Itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tissostitwixxi azzjonijiet li huma responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew bis-saħħa ta' ftehimiet kollettivi;
14. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/GMH Guss
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1021.)
Is-sussidjarja Dieckerhoff Guss GmbH f'Gevelsberg, u s-sussidjarja Walter Hundhausen GmbH (kif ukoll is-sede prinċipali ta' GMH Guss GmbH) fi Schwerte.
Riċerka ta' Deutsche Bank (2020): Automobilindustrie – Produktion in China überflügelt heimische Fertigung; Eurofound (2016): ERM report 2016: Globalisation slowdown? Recent evidence of offshoring and reshoring in Europe; Eurofound (2020): ERM report 2020: Restructuring across borders. Imkejjel f'tunnellaġġ gross ikkumpensat (cgt – compensated gross tonnage).
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Swissport (COM(2021)0212 – C9-0159/2021 – 2021/0109(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0212 – C9-0159/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament tal-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), (il-FII tas-16 ta' Diċembru 2020), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0188/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta' appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom ikunu ħadmu;
B. billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2020/005 BE/Swissport għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 1 468 sensja(4) fil-kumpanija Swissport Belgium, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mid-9 ta' Ġunju 2020 sad-9 ta' Ottubru 2020;
C. billi fis-27 ta' April 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 1 468 benefiċjarju fil-mira;
D. billi l-applikazzjoni hija relatata ma' 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Swissport Belgium;
E. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;
F. billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi ekonomika globali li ġiet warajha kkawżaw xokk enormi għall-industrija tal-ivvjaġġar fil-Belġju, speċjalment għall-operaturi tal-ajru u l-intrapriżi li joperaw fl-Ajruport ta' Brussell, fejn fl-ewwel ġimgħa tal-lockdown (16-22 ta' Marzu 2020), l-għadd ta' titjiriet naqas bi 58 % meta mqabbel ma' Jannar 2020, u l-movimenti tal-ajruplani tal-passiġġieri fl-ajruport waqfu kważi kompletament matul il-ġimgħat ta' wara;
G. billi fl-2020, it-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri naqas b'mod kumplessiv b'60 % meta mqabbel mal-2019 (minn 4,5 biljun passiġġier għal 1,8 biljun) u 50 % ta' inġenji tal-ajru globali tqiegħdu għall-ħżin; billi Swissport Belgium, wieħed miż-żewġ ground handlers tal-Ajruport ta' Brussell, kien responsabbli għal 60 % tas-servizzi fuq l-art u ta' tindif fl-ajruport;
H. billi fid-9 ta' Ġunju 2020, wara ġimgħat sħaħ fejn is-servizzi fuq l-art kienu kważi ineżistenti fl-Ajruport ta' Brussell, Swissport Belgium ġiet iddikjarata falluta minħabba nuqqas ta' likwidità, li rriżulta fis-sensji kkonċernati ;
I. billi Swissport Belgium kienet qed timplimenta b'suċċess pjan ta' rkupru qabel ma faqqgħet il-pandemija, kienet qed tipprevedi tnaqqis ta' 37 % fit-telf għall-2020 meta mqabbel mal-2019, u ġiet iddikjarata falluta fid-9 ta' Ġunju 2020 mill-Qorti ta' Brussell;
J. billi minħabba l-inċertezza kbira dwar l-irkupru fuq terminu qasir tas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, l-ebda intrapriża ma wriet interess li tieħu f'idejha l-attivitajiet ta' handling ta' Swissport Belgium;
K. billi hemm riskju reali li jista' jkun hemm aktar fallimenti fost il-fornituri tal-ground handling matul l-2021;
L. billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(5), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;
M. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza(6);
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 719 224 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 6 198 708, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 5 977 108 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 221 600;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni fit-22 ta' Diċembru 2020 u wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-27 ta' April 2021 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;
3. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew sodisfatti;
4. Jinnota li l-applikazzjoni hija relatata b'kollox ma' 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Swissport Belgium li minnhom 1 086 huma rġiel u 382 huma nisa; jilqa' l-fatt li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;
5. Ifakkar li l-għeluq f'daqqa ta' ċerti setturi ewlenin fil-Belġju (il-forniment tal-ikel, it-turiżmu, il-kultura, eċċ.) wassal biex il-qgħad fi Brussell laħaq il-15 % fit-tielet trimestru tal-2020(7), u li proporzjon kbir tal-forza tax-xogħol preċedenti ta' Swissport Belgium huwa magħmul minn gruppi żvantaġġjati, peress li dawn fil-biċċa l-kbira huma ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u b'ħiliet medji u madwar terz (32,5 %) għandhom aktar minn 50 sena;
6. Jissottolinja l-ħtieġa li l-impjegati kollha, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f'din il-mobilizzazzjoni tal-FEG;
7. Jinnota li l-Belġju beda joffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fid-9 ta' Ġunju 2020, u għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mid-9 ta' Ġunju 2020 sat-22 ta' Diċembru 2022;
8. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: informazzjoni, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u gwida vokazzjonali, taħriġ, appoġġ u kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju, kif ukoll inċentivi u allowances, u jilqa' l-fatt li l-ħaddiema tal-ġeneru li huwa sottorappreżentat jagħżlu taħriġ vokazzjonali għal impjiegi li l-ġeneri tagħhom huma żbilanċjati(8) b'mod sinifikanti se jirċievu bonus addizzjonali ta' EUR 700; itenni l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ġeneru bħala karatteristika importanti tal-baġit tal-Unjoni, u jqis li din għandha tiġi promossa fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;
9. Jinnota li l-Belġju beda jġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex jimplimenta l-FEG fl-10 ta' Ġunju 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-10 ta' Ġunju 2020 sat-22 ta' Ġunju 2023;
10. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Belġju f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u s-sħab soċjali kif ukoll ma' ċentru tal-impjiegi speċjalizzat fis-settur tal-avjazzjoni;
11. Jisħaq li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li l-prinċipji tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;
12. Ifakkar li l-appoġġ finanzjarju permezz tal-FEG għandu jingħata malajr u b'mod effettiv kemm jista' jkun possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li l-perjodu ta' valutazzjoni tal-applikazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni jitqassar kemm jista' jkun;
13. Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;
14. Jinnota ż-żieda reċenti fl-għadd ta' applikazzjonijiet għal assistenza finanzjarja permezz tal-FEG; jesprimi tħassib dwar l-impatt persistenti tal-kriżi ekonomika globali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 fuq l-impjiegi u s-suffiċjenza tal-FEG biex iwieġeb għall-ħtiġijiet futuri kollha;
15. Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG qed ikompli juri solidarjetà fil-perjodu 2021-2027 filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda, id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikanti jkunu eliġibbli għall-appoġġ;
16. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Swissport
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1020.)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM (COM(2021)0226 – C9-0161/2021 – 2021/0115(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0226 – C9-0161/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament tal-FEG"),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda(3), ("il-FII tas-16 ta' Diċembru 2020"), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0187/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lil ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħin fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija magħmula permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;
B. billi n-Netherlands ippreżentaw l-applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 1 851 sensja(4) fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines fir-reġjun ta' livell NUTS 2 Noord-Holland (NL32) fin-Netherlands, fi żmien perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-15 ta' Awwissu 2020 sal-15 ta' Diċembru 2020;
C. billi l-applikazzjoni tirrigwarda 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-KLM Royal Dutch Airlines, li minnhom 650 sensja seħħew matul il-perjodu ta' referenza u 1 201 seħħew qabel jew wara l-perjodu ta' referenza u tista' tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza;
D. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1), punt (a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;
E. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 iġġenerat kriżi ekonomika u insistiet għal pjan ta' rkupru Next Generation EU li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-FEG fl-għajnuna tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;
F. billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk enormi lill-industrija tal-avjazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, li wasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru internazzjonali bi 98,9 % f'April 2020 meta mqabbel ma' April 2019, filwaqt li 64 % tal-inġenji tal-ajru globali nħażnu;
G. billi d-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019, u billi skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta' qabel il-kriżi;
H. billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(5), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;
I. billi qabel ma bdiet il-pandemija, il-prestazzjoni finanzjarja tal-KLM kienet qed tiżdied b'mod stabbli bejn l-2015 u l-2019, filwaqt li l-profitt nett tagħha żdied minn EUR 54 miljun fis-sena finanzjarja 2015 għal EUR 449 miljun fis-sena finanzjarja 2019;
J. billi fl-2020 l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati minn KLM naqas bi 68 % filwaqt li d-dħul ta' KLM naqas bi 53,8 % meta mqabbel mal-2019, u dan wassal biex KLM takkumula telf operattiv ta' EUR 1 154 miljun fl-2020 meta mqabbel mal-profitt ta' EUR 714-il miljun fl-2019(6), u billi l-ġestjoni tagħha ħabbret pjan ta' ristrutturar li jnaqqas il-forza tax-xogħol b'madwar 5 000 ekwivalenti full-time(7);
K. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza(8);
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li n-Netherlands għandhom id-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 019 218 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 365 364, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 8 030 750 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 334 614;
2. Jinnota li l-awtoritajiet tan-Netherlands ressqu l-applikazzjoni fit-22 ta' Diċembru 2020 u wara li n-Netherlands taw informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-6 ta' Mejju 2021 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;
3. Jiddispjaċih dwar il-proċess twil f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli u jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċess ta' valutazzjoni, filwaqt li tiżgura li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Unjoni fi żmien xieraq;
4. Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines; jieħu nota tal-fatt li n-Netherlands jipprevedu li 1 201 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri ("benefiċjarji fil-mira");
5. Jinnota li n-Netherlands iddeċidew li ma joffrux appoġġ għall-introjtu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja permezz tal-FEG; jieħu nota tal-fatt li l-gvern Netherlandiż kien vara għotja ġenerika ta' appoġġ għall-pagi għall-kumpaniji kollha li l-fatturat tagħhom ġie affettwat b'aktar minn 20 % bil-kriżi tal-COVID-19 u li l-Grupp KLM applika għall-għotja NOW (Noodmaatregel Overbrugging voorWerkgelegenheid); jieħu nota li l-Grupp KLM applika għall-perjodu kollu kopert mill-għotja NOW u diġà rċieva pagamenti bil-quddiem ta' EUR 683 miljun u għandu jirċievi EUR 488 miljun addizzjonali;
6. Jinnota li huwa f'idejn l-Istat Membru biex jiddeċiedi kemm mill-ħaddiema eliġibbli għandhom ikunu fil-mira għall-benefiċċju tal-appoġġ; jistieden lin-Netherlands jiggarantixxu l-inklużjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli li x'aktarx jiffaċċjaw l-aktar diffikultajiet fis-suq tax-xogħol, mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni; jisħaq fuq il-benefiċċju li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja, li għalihom din tirrappreżenta l-aħjar għażla tagħhom, jitħallew jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f’dan il-proġett tal-FEG;
7. Jissottolinja li l-impatt soċjali tas-sensji huwa mistenni li jkun konsiderevoli peress li KLM hija t-tieni l-akbar impjegatur privat tan-Netherlands b'aktar minn 33 000 impjegat(9) fl-2019; ifakkar li dawn is-sensji saru f'kuntest ta' rati tal-qgħad li qed jiżdiedu f'Noord-Holland, b'żieda ta' 1,5 punt perċentwali biex laħqu 4,8 % fir-raba' trimestru tal-2020 meta mqabbla mal-istess trimestru tal-2019;
8. Jinnota li n-Netherlands bdew joffru servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Frar 2021, u għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Frar 2021 sal-1 ta' Frar 2023;
9. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: orjentazzjoni professjonali, appoġġ biex jinstab xogħol f'setturi ddedikati, taħriġ, coaching u/jew edukazzjoni u pariri finanzjarji; jilqa' l-enfasi tal-awtoritajiet fuq it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema biex jiffaċilitaw ir-riorjentazzjoni tagħhom lejn setturi b'nuqqas ta' ħaddiema, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-loġistika, it-teknoloġiji u l-ġestjoni tal-informazzjoni;
10. Jinnota li n-Netherlands bdew iġarrbu n-nefqa amministrattiva biex jimplimentaw il-FEG fl-1 ta' Frar 2021 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Frar 2021 sal-1 ta' Awwissu 2023;
11. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal min-Netherlands f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u s-sħab soċjali, inklużi tmien trade unions, u, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsilli tax-Xogħol rilevanti, u li ġie stabbilit grupp ta' appoġġ biex jiżgura li dawn is-servizzi jiġu kkoordinati;
12. Jisħaq li l-awtoritajiet tan-Netherlands ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli mhux se jirċievu għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni(10);
13. Jappella għal tnaqqis kontinwu tal-piż amministrattiv matul il-proċess;
14. Jitlob li jsiru aktar sforzi ta' komunikazzjoni fir-rigward tal-miżuri appoġġjati mill-baġit tal-Unjoni permezz tal-FEG; jissottolinja l-importanza li tinxtered informazzjoni dwar il-valur miżjud tal-Unjoni u l-appoġġ għal setturi u ħaddiema vulnerabbli, speċjalment wara l-konsegwenzi tal-COVID-19;
15. Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;
16. Jinnota li, skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;
17. Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li fl-2021-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda d-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikaturi jkunu eliġibbli għall-appoġġ.
18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1022.)
Fit-13 ta' Lulju 2020, il-Kummissjoni Ewropea approvat, skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, miżura ta' għajnuna mill-Istat Netherlandiż ta' EUR 3,4 biljun li tikkonsisti f'garanzija mill-Istat fuq self u self subordinat mill-Istat lil KLM biex tipprovdi likwidità urġenti lill-kumpanija fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus. https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_1333
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2020/007 FI/Finnair - Finlandja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair (COM(2021)0227 – C9-0162/2021 – 2021/0116(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0227 – C9-0162/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament tal-FEG"),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), (il-"FII tas-16 ta' Diċembru 2020"), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0186/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta' appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom dawn ikunu ħadmu;
B. billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/007 FI/Finnair għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 508 sensji(4) fil-kumpanija Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed(5) fir-reġjun ta' livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (FI1B) fil-Finlandja, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-25 ta' Awwissu 2020 sal-25 ta' Diċembru 2020;
C. billi fis-6 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG sabiex tappoġġja r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 500 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat fl-ambitu ta' NACE Reviżjoni 2, jiġifieri d-Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru).
D. billi l-applikazzjoni tirrigwarda 504 ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Finnair Oyj u erba' li ngħataw is-sensja minn sottokuntrattur wieħed fil-Finlandja;
E. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;
F. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 iġġenerat kriżi ekonomika u insistiet għal pjan ta' rkupru Next Generation EU li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-FEG fl-assistenza tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;
G. billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk enormi fl-industrija tal-avjazzjoni minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u dan wassal biex it-traffiku internazzjonali tal-ajru naqas bi 98,9 % f'April 2020 meta mqabbel ma' April 2019(6), u d-dħul għal kull kilometru tal-passiġġieri għall-industrija kollha naqas b'86,5 % f'Ġunju 2020 meta mqabbel ma' Ġunju 2019(7);
H. billi d-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019; billi skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta' qabel il-kriżi;
I. billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara li l-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(8), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;
J. billi qabel ma bdiet il-pandemija, Finnair kellha riżultati finanzjarji sodi, fejn rat in-numru ta' passiġġieri jiżdied b'10,3 % fl-2019 u d-dħul tagħha jiżdied b'9,2 % fl-2019, biex jilħaq it-EUR 3 097 miljun, meta mqabbel ma' EUR 2 836 miljun fl-2018;
K. billi r-restrizzjonijiet stabbiliti kemm fil-Finlandja kif ukoll f'pajjiżi oħra affettwaw ħafna l-operazzjonijiet ta' Finnair, b'mod partikolari fir-rigward tat-titjiriet internazzjonali u interkontinentali; billi t-traffiku tal-ajru huwa mezz importanti ta' trasport li jgħaqqad żoni remoti, bħall-Finlandja, mal-bqija tad-dinja;
L. billi l-ajruport ta' Ħelsinki huwa ċentru ewlieni tal-ivvjaġġar bl-ajru u Finnair hija trasportatur ewlieni bejn l-Ewropa u l-Asja, u, f'Jannar 2020, il-volumi ta' passiġġieri lejn iċ-Ċina żdiedu bi 58 % meta mqabbla ma' Jannar 2019; billi fi Frar 2020, il-volumi ta' passiġġieri naqsu drastikament bi 73 % minħabba s-sitwazzjoni tal-epidemija;
M. billi l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati minn Finnair naqas b'76,2 % u d-dħul tagħha naqas bi 73,2 % fl-2020 meta mqabbel mal-2019, li wassal lill-kumpanija biex takkumula telf operattiv ta' EUR 464,5 miljun fl-2020(9); billi, b'reazzjoni għal dan, Finnair kellha tnaqqas l-ispejjeż tagħha sabiex tindirizza din il-kriżi u sar iffrankar fil-proprjetà immobbli, fil-kiri tal-inġenji tal-ajru, fl-IT (id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tal-klijenti tagħha), fl-ispejjeż tal-bejgħ u d-distribuzzjoni, kif ukoll fl-ispejjeż amministrattivi u fl-istrutturi ta' kumpens; billi dan wassal għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol ta'700 impjieg(10) u kważi l-forza tax-xogħol kollha tqiegħdet assenti bil-permess għal parti mis-sena, u din l-assenza bil-permess kompliet għaddejja fl-2021 għal sehem kbir tal-forza tax-xogħol;
N. billi l-mira fit-tul ta' Finnair hija li sal-2045 tkun kisbet in-newtralità karbonika, bi tnaqqis ta' 50 % fl-emissjonijiet netti sal-aħħar tal-2025 meta mqabbla mal-livell tal-2019(11), u skont il-kumpanija, Finnair kompliet tagħmel progress fl-isforzi ta' sostenibbiltà anki matul il-pandemija b'investimenti f'bijofjuwils sostenibbli;
O. billi l-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għall-ekonomija Finlandiża huwa wieħed sinifikanti, u jirrappreżenta 3,2 % tal-PDG totali(12), u s-sensji fl-akbar linja tal-ajru tal-pajjiż, Finnair, għandhom impatt serju fuq ir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa u fuq l-ekonomija nazzjonali;
P. billi 42 000 persuna (23 000 impjieg dirett u 19 000 impjieg indirett) kienu impjegati fis-settur tal-avjazzjoni fil-Finlandja fl-2020 u dawn is-sensji se jkollhom impatt serju fuq l-ekonomija nazzjonali; billi l-għadd ta' persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg fir-reġjun ta' Ħelsinki-Uusimaa fejn huma kkonċernati s-sensji żdied b'0,8 punti perċentwali, minn 6,4 % fl-2019 għal 7,2 % fl-2020;
Q. billi minħabba ż-żieda fil-qgħad li rriżultat mill-kriżi, l-impjieg mill-ġdid ta' dawk li kienu ħaddiema ta' Finnair jista' joħloq sfida;
R. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza(13);
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati, u li l-Finlandja għandha l-jedd għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 752 360 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 2 920 600, liema spiża tinkludi n-nefqa għas-servizzi personalizzati ta' EUR 2 730 600 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar ta' EUR 190 000;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fit-30 ta' Diċembru 2020, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-6 ta' Mejju 2021 u nnotifikat lill-Parlament biha fl-istess jum; jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni damet daqshekk żmien fiċ-ċirkostanzi kurrenti;
3. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;
4. Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 508 ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-kumpanija Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed; jinnota barra minn hekk li l-Finlandja tistenna li 500 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);
5. Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji mistennija jkunu konsiderevoli għall-ħaddiema fir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa, fejn Finnair għandha ċ-ċentru operazzjonali tagħha, u fejn l-għadd ta' persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg żdied bi 22,5 % bejn Frar u April 2020, u b'0,8 punti perċentwali bejn l-2019 u l-2020(14), biex wassal għal prospetti diffiċli f'dak li hu l-impjieg mill-ġdid tal-ħaddiema mogħtija s-sensja; jinnota pożittivament għalhekk li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jistgħu jibbenefikaw minn gwida u appoġġ personalizzati għat-tfittxija ta' impjieg, flimkien ma' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid imfassla apposta biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta' impjieg mill-ġdid;
6. Jissottolinja l-ħtieġa li l-impjegati kollha, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f'dan il-proġett tal-FEG;
7. Jindika li 44 % tal-persuni eliġibbli huma nisa u li minnhom l-aktar grupp ta' età affettwat huwa dak ta' bejn it-30 u l-54 sena; jinnota li t-tieni l-akbar grupp ta' età huwa dak ta' 55-64 sena (28,20 %), li jista' jħabbat wiċċu ma' sfidi addizzjonali fir-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol;
8. Jinnota li l-Finlandja bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fil-21 ta' Ottubru 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-21 ta' Ottubru 2020 sat-30 ta' Diċembru 2022;
9. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: coaching u miżuri oħra ta' tħejjija, servizzi ta' impjieg u negozju, taħriġ, sussidji għall-pagi, għotja biex jinbeda negozju u benefiċċji għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u t-tneħħija; jilqa' l-għoti ta' taħriġ għal kwalifiki vokazzjonali lill-benefiċjarji, inklużi korsijiet bħal fl-intelliġenza artifiċjali (IA), is-sigurtà diġitali u r-robotika; jilqa' wkoll l-użu tas-sussidju għall-pagi mill-Finlandja biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi tal-benefiċjarji kif ukoll l-għotjiet biex jinbeda negozju biex jiġi promoss il-ħolqien ta' attività ta' negozju iżda jfakkar li dan l-appoġġ għandu jkun soġġett għall-parteċipazzjoni attiva ta' dawn il-benefiċjarji f'attivitajiet ta' tfittxija ta' xogħol jew ta' taħriġ;
10. Jinnota li l-Finlandja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fil-21 ta' Ottubru 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-21 ta' Ottubru 2020 sat-30 ta' Ġunju 2023;
11. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Finlandja f'konsultazzjoni ma' grupp ta' ħidma; jenfasizza li l-attivitajiet ta' tħejjija inkludew laqgħat mar-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent u l-Uffiċċji għall-Impjieg u l-Iżvilupp Ekonomiku ta' Uusimaa, Finnair u Trade Unions, jiġifieri Ilmailualan Unioni (IAU), Finnairin insinöörit ja ylemmät toimihenkilöt (FINTO), Auto ja Kuljetusalan Työntekijäliitto ry (AKT) u Trade Union Pro;
12. Jenfasizza li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jibbenefikawx minn għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;
13. Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;
14. Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG qed ikompli juri solidarjetà fil-perjodu 2021-2027 filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikanti jkunu eliġibbli għall-appoġġ;
15. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1023.)
Air Transport Action Group (ATAG), Aviation Benefits Beyond Borders (Il-Benefiċċji tal-Avjazzjoni Lil Hinn mill-Fruntieri): https://aviationbenefits.org/downloads/aviation-benefits-beyond-borders-2020/
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE oħrajn għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (COM(2019)0003 – C8-0025/2019 – 2019/0001B(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0003),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-11 ta' Frar 2021 li tawtorizza lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jaqsam il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq u jfassal żewġ rapporti leġiżlattivi separati abbażi ta’ dan,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 82(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0025/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Marzu 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0083/2021),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-8 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi oħra ta' informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2021/1151.)
Ebda oġġezzjoni għal att delegat: li jestendi l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 89(1), fl-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012
124k
44k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2021 li jestendi l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 89(1), fl-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill C(2021)3114 - 2021/2680(DEA))
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2021)3114),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2021, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 3 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 85(2) u 82(6) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra l-fatt li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fit-8 ta' Ġunju 2021,
A. billi l-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi li, għal perjodu tranżizzjonali sat-18 ta' Ġunju 2021, l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament ma japplikax għall-kuntratti tad-derivati OTC li huma oġġettivament miżurabbli li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet (PSAs), u għal entitajiet stabbiliti biex jipprovdu kumpens lill-membri ta' tali arranġamenti f'każ ta' inadempjenza; billi dak il-perjodu tranżizzjonali ġie introdott biex jiġi evitat l-effett negattiv tal-ikklerjar ċentrali ta' kuntratti tad-derivattivi fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri, u biex jipprovdi żmien għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi vijabbli maħsuba biex l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet jittrasferixxu kollateral fi flus u mhux fi flus bħala marġnijiet ta' varjazzjoni;
B. billi t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li testendi dak il-perjodu tranżizzjonali darbtejn, kull darba b'sena, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li għadhom ma ġewx żviluppati tali soluzzjonijiet tekniċi vijabbli u li l-effett negattiv tal-ikklerjar ċentrali ta' kuntratti tad-derivati fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri jibqa' ma jinbidilx;
C. billi l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), fir-rapport tagħha ta' Diċembru 2020, irrakkomandat lill-Kummissjoni li testendi l-eżenzjoni b'sena, u b'hekk tipprovdi żmien addizzjonali lill-kontropartijiet ċentrali biex jirfinaw il-mudelli ta' aċċess tagħhom sabiex dawn isiru disponibbli b'mod aktar wiesa' għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet u, fl-istess ħin, tevita sitwazzjoni fejn jiġi introdott obbligu tal-ikklerjar għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet wara d-dinamika tas-suq tal-COVID-19;
D. billi l-Kummissjoni, filwaqt li tqis ir-rapport tal-ESMA, hija tal-opinjoni li huwa tabilħaqq meħtieġ li l-perjodu tranżizzjonali jiġi estiż b'sena biex is-soluzzjonijiet previsti jkunu jistgħu jimmaturaw u jiġu rfinati ulterjorment;
E. billi l-Kummissjoni għalhekk adottat ir-Regolament delegat li jestendi l-perjodu tranżizzjonali sat-18 ta' Ġunju 2022;
F. billi r-Regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza biex jipprovdi lill-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet tal-Unjoni ċ-ċertezza li jeħtieġu fir-rigward tal-eżenzjoni mill-ikklerjar ċentrali;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
L-istabbiliment tal-istrument ta' appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta' kontroll doganali ***II
127k
43k
Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-istrument ta' appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta' kontroll doganali bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (07234/1/2021 – C9-0196/2021 – 2018/0258(COD))
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (07234/1/2021 – C9-0196/2021),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(1),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0474),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0196/2021),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (06980/2/2021 – C9-0195/2021 – 2018/0206(COD))
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (06980/2/2021 – C9-0195/2021),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018(2),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0382),
– wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2020)0447),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0197/2021),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
4. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-investimenti tal-FSE+ fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal
Fl-2019 kien hemm 18-il miljun tifel u tifla f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE, b'għadd kbir ħafna f'xi wħud mill-Istati Membri. It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha aggravaw l-inugwaljanzi u l-faqar u kellhom effett aktar qawwi fuqhom. Il-faqar fost it-tfal huwa preżenti b'mod konsistenti fl-Istati Membri kollha u għadu ogħla minn dak għall-adulti fl-età tax-xogħol.
Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim ibbilanċjat li jagħmel lill-FSE+ għodda deċiżiva biex tiġi indirizzata l-isfida tal-faqar fost it-tfal. Il-ftehim jirrikonoxxi l-urġenza li jsir investiment fit-tfal fl-Istati Membri kollha.
Fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal bil-għan li tindirizza l-isfida b'mod strutturali. Meta tipprogramma l-FSE+, il-Kummissjoni ser tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jiddedikaw finanzjament xieraq għall-FSE+ biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Barra minn hekk, hija ser tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw ukoll strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE u riżorsi nazzjonali disponibbli biex jappoġġaw investimenti adegwati f'dan il-qasam.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-investimenti tal-FSE+ fl-impjieg taż-żgħażagħ
Il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żgħażagħ intlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kriżi soċjoekonomika b'segwitu għat-tifqigħa tal-COVID-19. Minn Diċembru 2019 sa Diċembru 2020 il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied bi 3 punti perċentwali fl-UE, u b'hekk l-għadd ta' żgħażagħ mingħajr impjieg tela' għal aktar minn 3.1 miljuni. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien konsistentement u b'mod sinifikanti ogħla minn dak tal-popolazzjoni adulta, bl-aħħar ċifri juru differenza ta' aktar minn 10 punti perċentwali (17.8 % meta mqabbel ma' 6.6 % f'Diċembru 2020).
Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim milħuq mill-koleġiżlaturi li jirrikonoxxi l-isfida fl-Istati Membri kollha. L-FSE+ huwa l-aktar strument ta' finanzjament importanti tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa li ġiet adottata reċentement kif ukoll ta' miżuri rilevanti oħra fl-ambitu tal-inizjattiva Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ.
Meta tipprogramma l-FSE+, il-Kummissjoni ser tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jiddedikaw finanzjament xieraq għall-FSE+ biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa. Barra minn hekk, hija ser tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw ukoll strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE u riżorsi nazzjonali disponibbli biex jappoġġaw investimenti adegwati f'dan il-qasam.