Din l-iskeda informattiva tippreżenta l-isfond u d-dispożizzjonijiet essenzjali tat-Trattat ta’ Liżbona. L-objettiv huwa li jingħata kuntest storiku għall-ħolqien ta’ dan l-aħħar test fundamentali tal-UE minn dawk li ġew qablu. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi (b’referenzi għall-artikoli) u l-effetti tagħhom fuq il-politiki tal-Unjoni Ewropea huma spjegati f’aktar dettall fl-iskedi informattivi li jittrattaw politiki u kwistjonijiet partikolari.

Il-bażi legali

It-Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU C 306, 17.12.2007); huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

L-istorja

It-Trattat ta’ Liżbona beda bħala proġett kostituzzjonali fl-aħħar tal-2001 (id-dikjarazzjoni dwar il-Futur tal-Unjoni Ewropea jew, id-Dikjarazzjoni Laeken tal-Kunsill Ewropew), u kien segwit fl-2002 u fl-2003 mill-Konvenzjoni Ewropea li abbozzat it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (it-Trattat Kostituzzjonali) (1.1.4). Il-proċess li wassal għat-Trattat ta’ Liżbona kien ir-riżultat ta’ eżitu negattiv ta’ żewġ referendums dwar it-Trattat Kostituzzjonali li saru f’Mejju u f’Ġunju tal-2005, meta bħala rispons għalihom il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jkollu “perjodu ta’ riflessjoni” ta’ sentejn. Finalment, fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni ta’ Berlin ta’ Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew tal-21 sat-23 ta’ Ġunju 2007 adotta mandat dettaljat għal Konferenza Intergovernattiva sussegwenti taħt il-Presidenza Portugiża. Il-Konferenza Intergovernattiva temmet xogħolha f’Ottubru 2007. It-Trattat ġie ffirmat mill-Kunsill Ewropew f’Liżbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 u ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha.

Il-kontenut

A. L-objettivi u l-prinċipji ġuridiċi

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jingħata l-isem ġdid “it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea” (TFUE) u t-terminu “Komunità” huwa sostitwit bit-terminu “Unjoni” tul it-test kollu. L-Unjoni tieħu post il-Komunità u hija s-suċċessur legali tagħha. It-Trattat ta’ Liżbona ma joħloqx simboli tal-Unjoni bħala stat pereżempju bandiera jew innu. Għalkemm it-test il-ġdid ma għandux jissejjaħ trattat kostituzzjonali, xorta jippreserva l-biċċa l-kbira tal-kisbiet sostanzjali.

Ebda kompetenza esklużiva addizzjonali mhu qed tiġi trasferita lill-Unjoni mit-Trattat ta’ Liżbona. Madankollu, ibiddel il-mod kif l-Unjoni teżerċita s-setgħat eżistenti tagħha – u ċerti setgħat ġodda (kondiviżi) – billi jħeġġeġ il-parteċipazzjoni u l-protezzjoni taċ-ċittadini, joħloq ordni istituzzjonali ġdid u jimmodifika l-proċessi deċiżjonali għal aktar effikaċja u trasparenza. B’hekk jintlaħaq ukoll livell ogħla ta’ skrutinju parlamentari u responsabbiltà demokratika.

Għall-kuntrarju tat-Trattat Kostituzzjonali, it-Trattat ta’ Liżbona ma fih l-ebda artikolu li jistabbilixxi formalment is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, ġiet mehmuża dikjarazzjoni mat-Trattat għal dan l-għan (Dikjarazzjoni 17); din tispjega kif id-dritt tal-UE jieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

It-Trattat ta’ Liżbona, għall-ewwel darba jikkjarifika s-setgħat tal-Unjoni. Huwa jagħmel distinzjoni bejn tliet tipi ta’ kompetenzi: il-kompetenza esklużiva, meta l-Unjoni waħedha tista’ tilleġiżla, u l-Istati Membri jistgħu biss jimplimentaw; il-kompetenza kondiviża, meta l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw miżuri ġuridikament vinkolanti f’każ li l-Unjoni ma tkunx għamlet dan; u l-kompetenza ta’ appoġġ, meta l-UE tadotta miżuri sabiex tappoġġja jew tikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri. Il-kompetenzi tal-Unjoni jistgħu issa jingħataw lura lill-Istati Membri matul reviżjoni ta’ Trattat.

It-Trattat ta’ Liżbona jagħti lill-UE personalità ġuridika sħiħa. Għalhekk, l-Unjoni tikseb l-abbiltà li tiffirma trattati internazzjonali fl-oqsma tas-setgħat attribwiti tagħha jew li taderixxi ma’ organizzazzjoni internazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jiffirmaw biss ftehimiet internazzjonali li huma kompatibbli mad-dritt tal-UE.

It-Trattat għall-ewwel darba jipprevedi proċedura formali li għandha tiġi segwita minn dawk l-Istati Membri li jixtiequ joħorġu mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħhom, jiġifieri l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

It-Trattat ta’ Liżbona jikkompleta l-assorbiment tal-aspetti li jifdal tat-tielet pilastru fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, jiġifieri l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, fl-ewwel pilastru. L-istruttura intergovernattiva preċedenti ma tibqax teżisti, peress li l-atti adottati f’dan il-qasam issa saru soġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja (maġġoranza kwalifikata u kodeċiżjoni) u, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, jintużaw l-istrumenti ġuridiċi tal-metodu Komunitarju (regolamenti, direttivi, u deċiżjonijiet).

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament jista’ jipproponi emendi għat-Trattati, bħalma kien diġà l-każ għall-Kunsill, għall-gvern ta’ Stat Membru jew għall-Kummissjoni. Normalment, tali emenda tirrikjedi l-konvokazzjoni ta’ konvenzjoni li tirrakkomanda emendi għall-Konferenza Intergovernattiva (il-Kunsill Ewropew jista’, madankollu, jiddeċiedi li ma jlaqqax konvenzjoni bħal din, jekk jingħata l-kunsens tal-Parlament (Artikolu 48(3) TUE, it-tieni paragrafu)). Tista’ tiġi msejħa Konferenza Intergovernattiva biex jiġu determinati l-emendi għat-Trattati bi qbil komuni. Huwa madankollu possibbli wkoll li t-Trattati jiġu riveduti mingħajr ma tkun konvokata Konferenza Intergovernattiva, bl-użu tal-proċeduri għal reviżjoni simplifikata, fejn ir-reviżjoni tikkonċerna l-politiki u l-azzjonijiet interni tal-Unjoni (l-Artikolu 48(6) u 48(7) tat-TUE). Ir-reviżjoni mbagħad tiġi adottata bħala deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, iżda tista’ tibqa’ soġġetta għal regoli nazzjonali ta’ ratifika.

B. Demokrazija msaħħa u protezzjoni aħjar tad-drittijiet fundamentali

It-Trattat ta’ Liżbona jesprimi t-tliet prinċipji fundamentali ta’ ugwaljanza demokratika, demokrazija rappreżentattiva u demokrazija parteċipattiva. Id-demokrazija parteċipattiva tieħu l-forma ġdida ta’ inizjattiva taċ-ċittadini (4.1.5).

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea mhijiex direttament inkorporata fit-Trattat ta’ Liżbona, iżda takkwista natura ġuridikament vinkolanti permezz tal-Artikolu 6(1) tat-TUE, li lill-Karta jagħtiha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati (4.1.2).

Il-proċess ta’ adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) infetaħ meta fl-1 ta’ Jannar 2010 daħlu fis-seħħ l-14-il protokoll tal-KEDB. Dan jippermetti li mhux biss stati iżda wkoll organizzazzjoni internazzjonali, jiġifieri l-Unjoni Ewropea, isiru firmatarji tal-KEDB. L-adeżjoni għad trid tiġi ratifikata mill-Istati kollha li huma partijiet mill-KEDB, kif ukoll mill-UE nnifisha. In-negozjati bejn il-Kunsill tal-Ewropa u r-rappreżentanti tal-UE wasslu għall-finalizzazzjoni ta’ abbozz ta’ ftehim f’April 2013, li, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fl-Opinjoni 2/13 tagħha, qieset inkompatibbli mal-Artikolu 6 tat-TUE. Se jkunu meħtieġa aktar negozjati qabel ma tkun tista’ sseħħ adeżjoni.

C. Struttura istituzzjonali ġdida

1. Il-Parlament Ewropew

Skont l-Artikolu 14(2) tat-TUE, il-Parlament issa huwa “magħmul minn rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni”, u mhux minn rappreżentanti “tal-popli tal-Istati”.

Is-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament żdiedu permezz tal-“proċedura leġiżlattiva ordinarja”, li tissostitwixxi l-proċedura ta’ kodeċiżjoni preċedenti. Din il-proċedura issa tapplika għal aktar minn 40 qasam politiku ġdid, u b’hekk in-numru totali laħaq il-85. Il-proċedura ta’ kunsens tkompli teżisti bħala “proċedura ta’ approvazzjoni”, u l-proċedura ta’ konsultazzjoni tibqa’ kif inhi. Il-proċedura baġitarja l-ġdida toħloq parità totali bejn il-Parlament u l-Kunsill għall-approvazzjoni tal-baġit annwali. Irid ikun hemm qbil min-naħa tal-Parlament dwar il-qafas finanzjarju pluriennali.

Il-President tal-Kummissjoni issa huwa maħtur mill-Parlament permezz ta’ maġġoranza tal-Membri tiegħu, fuq proposta mill-Kunsill Ewropew, li huwa obbligat li jagħżel kandidat permezz ta’ maġġoranza kwalifikata, filwaqt li jikkunsidra l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej. Il-Parlament ikompli japprova lill-Kummissjoni bħala kulleġġ.

In-numru massimu ta’ Membri tal-PE ġie stabbilit għal 751 u r-rappreżentanza taċ-ċittadini hija proporzjonalment digressiva. In-numru massimu ta’ siġġijiet għal kull Stat Membru jitnaqqas għal 96 siġġu, filwaqt li l-għadd minimu jiżdied għal 6 siġġijiet. Fis-7 ta’ Frar 2018, il-Parlament ivvota favur it-tnaqqis tan-numru ta’ siġġijiet tiegħu minn 751 għal 705 wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u t-tqassim mill-ġdid ta’ wħud mis-siġġijiet li b’hekk ġew disponibbli għal dawk il-pajjiżi tal-UE li kienu ftit sottorappreżentati (1.3.3).

Ir-Renju Unit ħareġ mill-UE fl-1 ta’ Frar 2020. Minn din id-data ’l quddiem, ġiet applikata l-kompożizzjoni l-ġdida ta’ 705 Membri tal-PE. Mit-73 siġġu li tbattlu minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit, ġew riallokati 27 siġġu biex jiġi rifless aħjar il-prinċipju ta’ proporzjonalità digressiva: is-27 siġġu tqassmu bejn Franza (+5), Spanja (+5), l-Italja (+3), in-Netherlands (+3), l-Irlanda (+2), l-Iżvezja (+1), l-Awstrija (+1), id-Danimarka (+1), il-Finlandja (+1), is-Slovakkja (+1), il-Kroazja (+1), l-Estonja (+1), il-Polonja (+1) u r-Rumanija (+1). Ebda Stat Membru mhu se jitlef siġġijiet.

2. Il-Kunsill Ewropew

It-Trattat ta’ Liżbona jirrikonoxxi formalment lill-Kunsill Ewropew bħala istituzzjoni tal-UE, responsabbli biex jipprovdi lill-Unjoni “bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha” u biex jiddefinixxi d-“direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha”. Il-Kunsill Ewropew ma jeżerċita ebda funzjoni leġiżlattiva. Presidenza fit-tul tieħu post is-sistema preċedenti ta’ rotazzjoni kull sitt xhur. Il-President huwa elett b’maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill Ewropew għal mandat ta’ 30 xahar li jista’ jiġġedded. Din is-sistema għandha ttejjeb il-kontinwità u l-koerenza tax-xogħol tal-Kunsill Ewropew. Il-President jirrappreżenta wkoll lill-Unjoni esternament, mingħajr preġudizzju għad-dmirijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ara hawn taħt).

3. Il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika tas-Sigurtà (VP/RGħ)

Il-VP/RGħ jinħatar b’maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill Ewropew bi qbil mal-President tal-Kummissjoni u huwa responsabbli mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, bid-dritt li jressaq proposti. Barra milli jippresiedi l-Kunsill Affarijiet Barranin, il-VP/RGħ għandu wkoll ir-rwol ta’ Viċi President tal-Kummissjoni. Il-VP/RGħ huwa megħjun mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li jinkludi persunal mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali.

4. Il-Kunsill

It-Trattat ta’ Liżbona jżomm il-prinċipju ta’ votazzjoni b’maġġoranza doppja (ċittadini u Stati Membri). Madankollu, l-arranġamenti preċedenti baqgħu fis-seħħ sa Novembru 2014; mill-1 ta’ Novembru 2014, bdew japplikaw ir-regoli l-ġodda.

Tintlaħaq maġġoranza kwalifikata meta 55% tal-membri tal-Kunsill (fil-prattika, 15-il Stat Membru minn 27), li jirrappreżentaw minn tal-anqas 65% tal-popolazzjoni, jappoġġjaw proposta (l-Artikolu 16(4) tat-TUE). Meta l-Kunsill ma jkunx qiegħed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni jew tal-VP/RGħ, il-maġġoranza meħtieġa tal-Istati Membri tiżdied għal 72% (l-Artikolu 238(2) tat-TFUE). Sabiex leġiżlazzjoni tiġi mblokkata, mill-anqas erba’ pajjiżi jridu jivvutaw kontra l-proposta. Mekkaniżmu ġdid ispirat mill-“kompromess ta’ Ioannina” jippermetti li l-55% (75% sal-1 ta’ April 2017) tal-Istati Membri, li jikkostitwixxu minoranza li timblokka, jitolbu r-rikunsiderazzjoni ta’ proposta “fi żmien raġonevoli” (id-Dikjarazzjoni Nru 7).

Il-Kunsill jiltaqa’ fil-pubbliku meta jiddelibera jew jivvota fuq abbozz ta’ att leġiżlattiv. Għal dan l-għan, kull laqgħa tal-Kunsill tinqasam f’żewġ partijiet li jittrattaw rispettivament l-atti leġiżlattivi u l-attivitajiet mhux leġiżlattivi. Il-presidenza tal-Kunsill tkompli tinbidel fuq bażi ta’ rotazzjoni kull sitt xhur, iżda jkun hemm presidenzi fi gruppi ta’ tliet Stati Membri kull wieħed li jkopru 18-il xahar sabiex tkun żgurata kontinwità aħjar tax-xogħol. Bħala eċċezzjoni, il-Kunsill Affarijiet Barranin huwa ppresedut kontinwament mill-VP/RGħ.

5. Il-Kummissjoni

Billi l-President tal-Kummissjoni issa qed jintgħażel u jiġi elett b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej, il-leġittimità politika tal-kariga żdiedet. Il-President huwa responsabbli mill-organizzazzjoni interna tal-kulleġġ (il-ħatra tal-Kummissarji, id-distribuzzjoni tal-portafolli, it-talbiet ta’ riżenja taħt ċirkostanzi partikolari).

6. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti hija estiża għall-attivitajiet kollha tal-Unjoni bl-eċċezzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK). L-aċċess għall-Qorti huwa ffaċilitat għall-individwi.

D. Tfassil tal-politika aktar effiċjenti u demokratiku b’politiki u b’kompetenzi ġodda.

Bosta hekk imsejħa klawżoli passerelle jippermettu bidla minn teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod unanimu għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u mill-proċedura ta’ konsultazzjoni għal dik ta’ kodeċiżjoni (l-Artikolu 31(3) tat-TUE u l-Artikoli 81, 153, 192, 312 u 333 tat-TFUE, flimkien ma’ xi proċeduri tat-tip passerelle li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja kriminali) (1.2.4). Fid-diskors tiegħu tal-2017 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Juncker ħabbar inizjattivi biex ikun hemm tibdil fir-rigward tar-regola tal-unanimità f’għadd ta’ oqsma billi jintużaw il-klawżoli passerelle. Bħala segwitu, il-Kummissjoni adottat erba’ komunikazzjonijiet li jipproponu li jsaħħu l-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata minflok l-unanimità fl-oqsma tal-PESK (Settembru 2018), il-politika tat-taxxa (Jannar 2019), l-enerġija u l-klima (April 2019) u l-politika soċjali (April 2019). Dawn il-komunikazzjonijiet għandhom l-għan li jwasslu biex it-teħid ta’ deċiżjonijiet ikun aktar fil-pront, flessibbli u effiċjenti fejn diġà teżisti l-kompetenza tal-UE.

F’oqsma li fihom l-Unjoni ma għandha ebda setgħa esklużiva, tal-anqas disa’ Stati Membri jistgħu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom. L-awtorizzazzjoni għall-użu tagħha għandha tingħata mill-Kunsill wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-PESK, tapplika l-unanimità.

It-Trattat ta’ Liżbona jsaħħaħ b’mod konsiderevoli l-prinċipju tas-sussidjarjetà billi jinvolvi lill-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE (1.2.2) (1.3.5).

Ċertu numru ta’ politiki ġodda jew estiżi ġew introdotti fil-politika ambjentali li issa tinkludi wkoll il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-politika dwar l-enerġija, u jagħmlu riferimenti ġodda għas-solidarjetà u għas-sigurtà u l-interkonnettività tal-provvista. Barra minn hekk, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-isport, l-ispazju, it-turiżmu, il-protezzjoni ċivili u l-kooperazzjoni amministrattiva issa huma oqsma possibbli ta’ tfassil ta’ liġijiet tal-UE.

Fir-rigward tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (5.1.2), it-Trattat ta’ Liżbona jintroduċi klawżola ta’ difiża reċiproka li tipprevedi li l-Istati Membri kollha huma obbligati jgħinu lil Stat Membru li jiġi attakkat. Klawżola ta’ solidarjetà tipprevedi li l-Unjoni u kull wieħed mill-Istati Membri tagħha jagħtu assistenza permezz tal-mezzi kollha possibbli lil Stat Membru milqut minn katastrofi umana jew naturali jew minn attakk terroristiku. “Kooperazzjoni strutturata permanenti” hija miftuħa għall-Istati Membri kollha li jimpenjaw ruħhom li jieħdu sehem fi programmi Ewropej ta’ tagħmir militari u li jipprovdu unitajiet tal-ġlied li jkunu disponibbli għal azzjoni immedjata. Biex tiġi stabbilita tali kooperazzjoni, trid tinkiseb maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill wara konsultazzjoni mal-VP/RGħ.

Ir-Rwol tal-Parlament Ewropew

Għall-kontribuzzjonijiet tal-Parlament għall-Konvenzjoni Ewropea u l-involviment tiegħu f’Konferenzi Intergovernattivi preċedenti ara 1.1.4. Fir-rigward tal-Konferenza Intergovernattiva tal-2007, li saret taħt il-Presidenza Portugiża u li wasslet għall-iffirmar tat-Trattat ta’ Liżbona, kienet l-okkażjoni li fiha l-Parlament bagħat, għall-ewwel darba, tliet rappreżentanti f’konferenza ta’ dan it-tip.

Kważi għaxar snin wara l-iffirmar tat-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament irrikonoxxa li xi dispożizzjonijiet tiegħu ma kinux qed jiġu sfruttati bl-aħjar mod possibbli. Għalhekk, fis-16 ta’ Frar 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta’ Liżbona, li tressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif jiġi żblukkat dan il-potenzjal ħalli tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza l-isfidi globali kurrenti.

Fl-istess jum, il-Parlament adotta wkoll riżoluzzjoni dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea, li tissuġġerixxi proposti konkreti għal riformi tat-Trattat.

Dan l-aħħar l-UE ffaċċjat diversi kriżijiet marbuta, b’mod partikolari, mal-Brexit, l-istat tad-dritt, il-qafas finanzjarju pluriennali, il-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. L-indirizzar ta’ dawn il-kriżijiet kixef għal darb’oħra nuqqasijiet fis-sistema attwali ta’ governanza, u n-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet effiċjenti kkontribwixxa għal tnaqqis fl-appoġġ pubbliku għall-proġett Ewropew. B’reazzjoni għall-isfidi attwali, fl-10 ta’ Marzu 2021, l-istituzzjonijiet tal-UE nedew il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, imfassla biex tagħti vuċi liċ-ċittadini dwar kif għandha tissawwar mill-ġdid l-UE u jiżdiedu l-effettività u t-trasparenza tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha. Fid-9 ta’ Mejju 2022, il-Konferenza kkonkludiet il-ħidma tagħha, li rriżultat f’49 proposta, li wħud minnhom jirrikjedu bidliet fit-Trattati tal-UE. Konsegwentement, fid-9 ta’ Ġunju 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar it-talba biex titlaqqa’ konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati; riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-klawżoli passerelle fit-Trattati tal-UE fil-11 ta’ Lulju 2023; u riżoluzzjoni dwar proposti għall-emendar tat-Trattati fit-22 ta’ Novembru 2023. Billi jħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jitlob għal konvenzjoni biex jiġu riveduti t-Trattati, il-Parlament irid jimmodernizza l-proċeduri leġiżlattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u tissaħħaħ l-effettività tal-UE.

 

Eeva Pavy