L-Ewwel Trattati
L-effetti diżastrużi li ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinjija u t-theddida kostanti tal-konfrontazzjoni bejn il-Lvant u l-Punent fissru li r-rikonċiljazzjoni Franko-Ġermaniża kienet saret prijorità assoluta. Id-deċiżjoni li tiġi kondiviża l-industrija tal-faħam u l-azzar bejn sitt pajjiżi Ewropej, stabbilita bit-Trattat ta’ Pariġi fl-1951, ikkostitwiet l-ewwel pass lejn l-integrazzjoni Ewropea. It-Trattati ta’ Ruma tal-1957 saħħew il-pedamenti ta’ din l-integrazzjoni kif ukoll l-idea ta’ ġejjieni komuni għas-sitt pajjiżi Ewropej involuti.
Il-bażi ġuridika
- It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), jew it-Trattat ta’ Pariġi, ġie ffirmat fit-18 ta’ April 1951 u daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Lulju 1952. Għall-ewwel darba, sitt Stati Ewropej qablu li jaħdmu flimkien għall-integrazzjoni. Dan it-Trattat stabbilixxa l-pedamenti tal-Komunità billi waqqaf eżekuttiv magħruf bħala l-“Awtorità Għolja”, Assemblea Parlamentari, Kunsill tal-Ministri, Qorti tal-Ġustizzja u Kumitat Konsultattiv. It-Trattat tal-KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002 fi tmiem il-perjodu ta’ validità limitat ta’ 50 sena stipulat fl-Artikolu 97. F’konformità mal-Protokoll (Nru 37) anness mat-Trattati (it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), il-valur nett tal-assi tal-KEFA fil-mument tax-xoljiment tagħha ġie assenjat lill-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar biex tiġi finanzjata riċerka mill-Istati Membri fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u l-azzar.
- It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (KEEA, magħrufa wkoll bħala “Euratom”), jew it-Trattati ta’ Ruma, ġew iffirmati fil-25 ta’ Marzu 1957 u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1958. Kuntrarjament għat-Trattat tal-KEFA, it-Trattati ta’ Ruma ġew konklużi “għal żmien mingħajr limitu” (l-Artikolu 240 tat-Trattat tal-KEE u l-Artikolu 208 tat-Trattat KEEA), li tahom karattru kważi kostituzzjonali.
- Is-sitt pajjiżi fundaturi kienu l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands.
L-objettivi
- Il-fundaturi tal-KEFA kienu ċari dwar l-intenzjonijiet tagħhom għal dan it-Trattat, jiġifieri li dan kien sempliċiment l-ewwel pass lejn “Federazzjoni Ewropea”. Is-suq komuni tal-faħam u l-azzar kellu jkun esperiment li jkun jista’ jiġi estiż gradwalment għal sferi ekonomiċi oħra, biex jilħaq il-qofol tiegħu f’Ewropa politika.
- Il-Komunità Ekonomika Ewropea kellha l-għan li tistabbilixxi suq komuni, ibbażat fuq l-erba’ libertajiet tal-moviment (merkanzija, persuni, kapital u servizzi).
- L-għan tal-Euratom kien li jikkoordina l-provvista tal-materjali fissili u l-programmi ta’ riċerka diġà mnedija jew li kienu qed jitħejjew mill-Istati Membri għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari.
- Il-preamboli għat-tliet Trattati juru għaqda fl-għanijiet li biha nħolqu l-Komunitajiet, jiġifieri t-twemmin li l-Istati tal-Ewropa jridu jaħdmu flimkien biex jibnu ġejjieni komuni minħabba li dan biss kien se jippermettihom jikkontrollaw id-destin tagħhom.
Il-prinċipji ewlenin
Il-Komunitajiet Ewropej (il-KEFA, il-KEE u l-Euratom) nibtu minn xewqa għal Ewropa magħquda, proċess gradwali ta’ ħsieb li seħħ b’reazzjoni diretta għall-ġrajjiet li kienu farrku l-kontinent. Wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija, l-industriji strateġiċi, b’mod partikolari l-industrija tal-azzar, kellhom bżonn jiġu riorganizzati. Il-ġejjieni tal-Ewropa, li kien mhedded mill-konfrontazzjoni bejn il-Lvant u l-Punent, kien jiddependi mir-rikonċiljazzjoni Franko-Ġermaniża.
L-appell imressaq minn Robert Schuman, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż, fid-9 ta’ Mejju 1950, jista’ jitqies bħala l-punt ta’ tluq għall-integrazzjoni Ewropea. Dak iż-żmien, l-għażla tal-faħam u l-azzar kienet verament simbolika: fil-bidu tas-snin 50, il-faħam u l-azzar kienu industriji vitali u l-bażi tal-qawwa ta’ pajjiż. Barra mill-benefiċċji ekonomiċi ċari tagħha, l-għaqda tar-riżorsi Franċiżi u Ġermaniżi kellha timmarka t-tmiem tal-antagoniżmu bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Fid-9 ta’ Mejju 1950 Robert Schuman iddikjara li: “L-Ewropa mhux se tinbena f’daqqa, jew skont pjan wieħed. Se tinbena permezz ta’ kisbiet konkreti li l-ewwel ma jibnu hi solidarjetà fil-fatt.” Kien proprju fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju li Franza, l-Italja, il-Ġermanja u l-pajjiżi tal-Benelux (il-Belġju, in-Netherlands u l-Lussemburgu) iffirmaw it-Trattat ta’ Pariġi, li kkonċentra prinċipalment fuq l-iżgurar ta’:
- il-moviment ħieles ta’ prodotti u l-aċċess ħieles għas-sorsi ta’ produzzjoni;
- il-monitoraġġ permanenti tas-suq biex jiġu evitati distorsjonijiet li jistgħu jwasslu għall-introduzzjoni ta’ kwoti ta’ produzzjoni;
- ir-rispett għar-regoli tal-kompetizzjoni u l-prinċipju tat-trasparenza tal-prezzijiet;
- l-appoġġ għall-modernizzazzjoni u għall-konverżjoni tas-setturi tal-faħam u l-azzar.
Wara li ġie ffirmat it-Trattat ta’ Pariġi, u minkejja li Franza kienet qiegħda topponi l-istabbiliment mill-ġdid ta’ forza militari nazzjonali Ġermaniża, René Pleven kien qed jikkontempla l-formazzjoni ta’ armata Ewropea. Il-Komunità Ewropea għad-Difiża (EDC), li kienet innegozjata fl-1952 kellha tkun akkumpanjata minn Komunità Politika (EPC). Iż-żewġ pjanijiet ġew abbandunati wara li l-Assemblea Nazzjonali Franċiża rrifjutat li tirratifika t-trattat fit-30 ta’ Awissu 1954.
L-isforzi biex jerġa’ jinbeda l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea wara l-falliment tal-EDC ħadu sura konkreta fil-forma ta’ proposti speċifiċi fil-Konferenza ta’ Messina (f’Ġunju 1955) dwar unjoni doganali u l-enerġija atomika. Dawn laħqu l-qofol tagħhom meta ġew iffirmati t-Trattat tal-KEE u t-Trattat KEEA.
Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (it-Trattat tal-KEE, it-Trattat ta’ Ruma) inkludew:
- l-eliminazzjoni tad-dazji doganali bejn l-Istati Membri;
- l-istabbiliment ta’ Tariffa Doganali Komuni esterna;
- l-introduzzjoni ta’ politiki komuni għall-agrikultura u t-trasport;
- il-ħolqien ta’ Fond Soċjali Ewropew;
- l-istabbiliment ta’ Bank Ewropew tal-Investiment;
- l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet eqreb bejn l-Istati Membri.
Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, it-Trattat tal-KEE stabbilixxa prinċipji gwida u stabbilixxa l-qafas għall-attivitajiet leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Dawn kienu jinvolvu politiki komuni: il-politika agrikola komuni (l-Artikoli 38 sa 43), il-politika tat-trasport (l-Artikoli 74 u 75) u l-politika kummerċjali komuni (l-Artikoli 110 sa 113).
Is-suq komuni huwa intiż biex jiggarantixxi l-moviment ħieles tal-merkanzija u l-mobilità tal-fatturi ta’ produzzjoni (il-moviment ħieles tal-ħaddiema u l-impriżi, il-libertà tal-forniment tas-servizzi u l-moviment ħieles tal-kapital).
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (It-Trattat Euratom) oriġinarjament kien stabbilixxa objettivi verament ambizzjużi, inkluż “l-istabbiliment u t-tkabbir rapidi tal-industriji nukleari”. Madankollu, minħabba n-natura kumplessa u sensittiva tal-qasam nukleari, li miss l-interessi vitali tal-Istati Membri (difiża u indipendenza nazzjonali), dawk l-ambizzjonijiet kellhom jonqsu.
Il-Konvenzjoni dwar ċerti istituzzjonijiet komuni għall-Komunitajiet Ewropej, li ġiet iffirmata u li daħlet fis-seħħ fl-istess żmien bħat-Trattati ta’ Ruma, stipulat li l-Assemblea Parlamentari u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu istituzzjonijiet komuni. Din il-Konvenzjoni skadiet fl-1 ta’ Mejju 1999. Kull ma kien għad fadal kien li jingħaqdu l-“Eżekuttivi”, biex b’hekk it-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ April 1965, magħruf bħala t-“Trattat li Jgħaqqad”, debitament ikkompleta l-proċess tal-unifikazzjoni tal-istituzzjonijiet.
Minn dakinhar, il-KEE kellha preċedenza fuq il-komunitajiet settorjali li huma l-KEFA u l-KEEA. Dan kien ifisser rebħa għas-sistema ġenerali tal-KEE fuq il-koeżistenza tal-organizzazzjonijiet b’kompetenza settorjali, u l-istabbiliment tal-istituzzjonijiet tagħha.
Din l-iskeda informattiva ġiet imħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali.
Mariusz Maciejewski / Rudolfs Verdins