Il-programm PEACE PLUS għall-Irlanda ta’ Fuq
L-għan tal-programm PEACE PLUS tal-UE hu li jappoġġja l-paċi u r-rikonċiljazzjoni u li jippromwovi l-progress ekonomiku, soċjali u l-istabbiltà u l-kooperazzjoni reġjonali fl-Irlanda ta’ Fuq u fir-Reġjun tal-Fruntiera tal-Irlanda.
Il-bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għall-ħames programm PEACE (PEACE PLUS) li jkopri l-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 hija r-Regolament (UE) 2021/1059 tal-24 ta’ Ġunju 2021 u r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-24 ta’ Ġunju 2021.
L-isfond
Il-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq ilu jirċievi appoġġ finanzjarju mill-UE mill-1989, kemm permezz tal-politika reġjonali tal-UE kif ukoll permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-UE lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (IFI).
Fl-1995, ġie approvat l-ewwel programm PEACE (1995-1999). Fl-1999, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li l-programm speċjali għandu jkompli sal-2004 bl-isem ta’ PEACE II. Il-programm ġie estiż sussegwentement sal-2006. Dawn iż-żewġ programmi ġew segwiti minn PEACE III, li jkopri l-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u PEACE IV, li jkopri l-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020.
F’referendum li sar fit-23 ta’ Ġunju 2016, il-maġġoranza tal-votanti (51,9 %) ivvutaw biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Ir-Renju Unit ħareġ mill-UE fil-31 ta’ Jannar 2020. L-Irlanda ta’ Fuq ibbenefikat b’mod sinifikanti mill-finanzjament tal-UE u l-ħruġ tar-Renju Unit qajjem tħassib fuq perjodu ta’ żmien itwal rigward firxa ta’ setturi fl-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll rigward il-proċess ta’ paċi u kooperazzjoni transfruntiera lil hinn mill-2020 (l-Irlanda ta’ Fuq hija l-uniku reġjun tar-Renju Unit li għandu fruntiera fuq l-art ma’ Stat Membru tal-UE: f’termini prattiċi, issa hemm fruntiera esterna tal-UE fuq il-gżira tal-Irlanda).
Il-programmi PEACE IV u INTERREG VA rċevew attenzjoni estensiva matul in-negozjati dwar it-termini tal-ħruġ tar-Renju Unit. Fil-Ftehim dwar il-Ħruġ bejn ir-Renju Unit u l-UE ġie inkluż impenn biex jiġi żgurat li dawn jitkomplew sal-konklużjoni tagħhom fl-2023. F’dan il-kuntest, ir-Regolament (UE) 2019/491 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġie adottat fil-25 ta’ Marzu 2019 bil-għan li jingħata lok għat-tkomplija tal-programmi għall-kooperazzjoni territorjali PEACE IV (l-Irlanda – ir-Renju Unit) u bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda (l-Irlanda – l-Irlanda ta’ Fuq – l-Iskozja).
L-objettivi u l-prijoritajiet
Il-programm PEACE PLUS huwa programm transfruntier ġdid tal-UE biex isaħħaħ il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq. Dan jgħaqqad il-fergħat preċedenti ta’ finanzjament INTERREG u PEACE fi programm ġdid għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027.
Il-programm PEACE PLUS jimmira l-investiment f’sitt oqsma tematiċi ewlenin:
- il-bini ta’ komunitajiet paċifiċi u li jirnexxu,
- it-twassil ta’ riġenerazzjoni u trasformazzjoni soċjoekonomika,
- l-għoti tas-setgħa u l-investiment fiż-żgħażagħ tagħna,
- komunitajiet b’saħħithom u inklużivi,
- l-appoġġ għal futur sostenibbli u konness aħjar,
- il-bini u l-inkorporazzjoni ta’ sħubija u kollaborazzjoni.
Fi ħdan kull qasam tematiku, hemm diversi oqsma ta’ investiment li għandhom fokus aktar speċifiku jew li jimmiraw lejn organizzazzjonijiet partikolari bħal awtoritajiet lokali jew gruppi komunitarji. B’kollox hemm 22 qasam ta’ investiment.
Il-finanzjament
Bejn l-1995 u l-2020, kien hemm erba’ programmi PEACE, b’kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1,6 biljun. Filwaqt li PEACE I (1995-1999) u PEACE II (2000-2006) irċevew finanzjament mill-fondi strutturali kollha, PEACE III u PEACE IV (2007-2013 u 2014-2020) ġew iffinanzjati biss mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
Fil-perjodu 2021-2027, l-UE se tiffinanzja l-programm PEACE PLUS b’EUR 235 miljun mill-allokazzjoni tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tal-FEŻR. Flimkien mal-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit u l-kofinanzjament nazzjonali addizzjonali mill-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, il-programm PEACE PLUS se jipprovdi investiment totali ta’ EUR 1,1 biljun.
Ġestjoni
Iż-żona eliġibbli għall-inklużjoni fil-programm PEACE PLUS tikkonsisti mill-Irlanda ta’ Fuq u r-Reġjun tal-Fruntiera tal-Irlanda (dan tal-aħħar fih il-kontej Louth, Monaghan, Cavan, Leitrim, Sligo u Donegal).
PEACE PLUS huwa ġestit b’mod integrat u l-kontribuzzjoni tar-Renju Unit hija integrata fil-programm bħala dħul assenjat estern. Il-Korp għall-Programmi Speċjali tal-UE huwa awtorità maniġerjali għall-programm PEACE PLUS. Huwa wieħed minn sitt korpi transfruntiera stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Belfast.
Il-kisbiet
Il-programmi PEACE offrew opportunitajiet għall-parteċipazzjoni u d-djalogu, u ppermettew li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u r-responsabbiltà rigward l-iżvilupp tal-komunitajiet ikunu iżjed qrib il-poplu (jiġifieri applikaw approċċ minn isfel għal fuq). Huma ffinanzjaw medda wiesgħa ta’ proġetti, inklużi proġetti ta’ appoġġ għal vittmi u superstiti, żgħażagħ, intrapriżi żgħar u medji, proġetti ta’ infrastruttura u ta’ riġenerazzjoni urbana kif ukoll proġetti li jappoġġjaw l-immigranti u li jiċċelebraw id-diversità etnika tas-soċjetà b’mod globali.
Fuq kollox, dawn il-programmi issa huma meqjusin bħala eżempji ta’ politika ta’ konsolidazzjoni tal-paċi li għandha tkun kondiviża fl-Ewropa u f’reġjuni oħra.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament minn dejjem appoġġja l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-programmi PEACE. Wara r-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit, il-Parlament esprima, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit, tħassib dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u enfasizza l-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-paċi bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2018 dwar l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta’ Fuq, il-Parlament ħa nota tal-proposta tal-Kummissjoni biex jitkomplew il-programmi PEACE u Interreg, kif ukoll id-dokument ta’ pożizzjoni tar-Renju Unit ta’ April 2018 dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni, fejn ir-Renju Unit iddikjara r-rieda tiegħu li jesplora suċċessur potenzjali għal PEACE IV mal-Eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq, il-Gvern Irlandiż u l-UE. Il-Parlament ikkunsidra li l-appoġġ tal-UE għall-kooperazzjoni territorjali, speċjalment fir-rigward ta’ proġetti transfruntiera u transkomunitarji, għandu jitkompla fid-dawl tal-kisbiet tal-programmi ta’ koeżjoni tal-UE speċjali għall-Irlanda ta’ Fuq, jiġifieri l-programmi PEACE u Interreg, li huma partikolarment importanti għall-istabbiltà tar-reġjun.
Il-Parlament, fir-rwol tiegħu ta’ koleġiżlatur dwar il-pakkett ta’ koeżjoni (f’dan il-kuntest, dwar ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u r-Regolament dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea), appoġġja bis-sħiħ it-tkomplija tal-programmi PEACE fil-perjodu 2021-2027.
Kelly Schwarz