Il-produzzjoni tal-akkwakultura fl-Unjoni Ewropea
Il-produzzjoni tal-akkwakultura fl-Unjoni Ewropea għadha relattivament staġnata meta mqabbla mar-rati dejjem jiżdiedu tal-produzzjoni ta’ frott tal-baħar imrobbi fil-livell dinji. Matul dawn l-aħħar 20 sena, il-Kummissjoni ppruvat iżżid il-potenzjal ta’ produzzjoni tal-UE permezz tat-tnedija ta’ diversi dokumenti ta’ strateġija u linji gwida, u kien proprju għalhekk li fl-2016 ġie stabbilit il-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura (AAC). Dan il-korp huwa magħmul minn rappreżentanti tal-industrija u ta’ organizzazzjonijiet ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u jagħti pariri lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE. Fit-12 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida strateġiċi ġodda tagħha għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva. Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni (COM(2022)0592) intitolata “Lejn Settur tal-Algi tal-UE B’Saħħtu u Sostenibbli”.
L-isfond
Minkejja li bejn l-1990 u l-2020 globalment kien hemm żieda konsiderevoli fil-produzzjoni tal-akkwakultura, il-produzzjoni aggregata ta’ frott tal-baħar imrobbi fl-Istati Membri kollha tal-UE baqgħet stabbli għal żmien twil, għal madwar 1.2 miljun tunnellata. Il-valur tal-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE laħaq EUR 3.9 biljun fl-2020. Il-prodotti tal-ħut ammontaw għal 50 % ta’ din iċ-ċifra u l-krustaċji u l-molluski ammontaw għal 49 %, f’dak li huwa piż. Il-produtturi tal-akkwakultura tal-UE ffukaw primarjament fuq erba’ speċijiet – il-maskli (30 % tal-volum totali), it-trota (17 %), il-gajdri (9 %) u l-awrat (8 %) – u fost l-ispeċijiet importanti l-oħra imrobbija fl-UE nsibu l-karpjun, l-ispnott u t-tonn.
Il-produtturi prinċipali tal-akkwakultura fost l-Istati Membri tal-UE fl-2020 kienu Spanja (24 %), Franza (21 %), il-Greċja (11%) u l-Italja (10%), li flimkien kienu responsabbli għal madwar 67 % tal-produzzjoni totali tal-akkwakultura. Madankollu, f’termini ta’ valur ta’ produzzjoni, fuq quddiem nett fost il-produtturi kien hemm Franza (22 %), u warajha Spanja (15 %), il-Greċja (15 %) u l-Italja (9 %). Il-molluski bivalvi (il-maskli, il-gajdri u l-gandoffli) kienu dominanti fi Spanja, Franza u l-Italja, filwaqt li l-Greċja kienet tipproduċi l-aktar l-ispnott u l-awrat.
Strateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea
Bħala l-ewwel tentattiv biex jiġi indirizzat l-istaġnar tal-produzzjoni tal-akkwakultura, fl-2002 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni (COM(2002)0511) bit-titolu “A strategy for the sustainable development of European aquaculture” (Strateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea). L-objettivi ta’ din l-istrateġija kienu:
- il-ħolqien ta’ impjiegi siguri fuq perjodu twil, b’mod partikolari fiż-żoni dipendenti fuq l-industrija tas-sajd, u ż-żieda b’madwar 8,000 sa 10,000 impjieg ekwivalenti għal full-time fil-qasam tal-akkwakultura matul il-perjodu 2003-2008;
- l-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ prodotti għall-konsumaturi li jkunu tajbin għas-saħħa, sikuri u ta’ kwalità tajba, kif ukoll il-promozzjoni ta’ standards għolja tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali;
- l-iżgurar ta’ industrija b’saħħitha mil-lat ambjentali.
Madankollu, l-istrateġija ma laħqitx l-objettivi tagħha, b’mod partikolari rigward iż-żieda fil-produzzjoni u fl-impjiegi fejn: la nkisbet il-mira ta’ 4 % fir-rata ta’ tkabbir u lanqas ma nkisbet il-mira li jinħolqu minn 8,000 sa 10,000 impjieg ġdid.
Il-problema prinċipali tas-settur tal-akkwakultura s’issa kienet in-nuqqas ta’ tkabbir tal-produzzjoni, b’kuntrast qawwi mar-rata għolja ta’ tkabbir osservata fil-bqija tad-dinja. Is-settur, madankollu, irreġistra progress tajjeb f’oqsma bħall-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ prodotti ta’ kwalità għall-konsumatur u l-iżgurar tas-sostenibbiltà ambjentali.
Minbarra l-limitazzjonijiet u l-ostakli tradizzjonali, l-akkwakultura tal-UE ltaqgħet ma’ żieda fil-kompetizzjoni mill-produzzjoni f’pajjiżi mhux tal-UE sa mill-2002, u kellha tħabbat wiċċha ma’ kriżijiet ta’ governanza u mal-effetti tal-kriżi ekonomika wara l-2007.
Il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura – Spinta ġdida għall-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea
Seba’ snin wara, fit-8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ppubblikat it-tieni komunikazzjoni tagħha (COM(2009)0162) dwar l-akkwakultura, sabiex tidentifika u tindirizza l-kawżi tal-istaġnar tal-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE. Din il-komunikazzjoni l-ġdida kienet intitolata “Il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura: Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea”. L-għan tagħha kien li tiżgura li l-UE tibqa’ attur ewlieni f’dan is-settur strateġiku, permezz ta’ żieda fil-produzzjoni u fl-impjiegi bl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li ġejjin:
A. Il-promozzjoni tal-kompetittività tal-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE billi:
- titrawwem ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku;
- il-promozzjoni tal-ippjanar tal-ispazju għall-akkwakultura sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-kompetizzjoni f’termini ta’ spazju;
- l-għoti tas-setgħa lin-negozji tal-akkwakultura sabiex ilaħħqu mad-domanda tas-suq;
- jiġi promoss l-iżvilupp tal-akkwakultura fid-dimensjoni internazzjonali tagħha.
B. L-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura billi:
- l-iżgurar tal-kompatibbiltà bejn l-akkwakultura u l-ambjent;
- it-tiswir ta’ industrija b’rendiment għoli tat-trobbija fl-irziezet tal-annimali akkwatiċi;
- jiġi żgurat il-ħarsien tas-saħħa tal-konsumatur u r-rikonoxximent tal-benefiċċji tal-prodotti tal-ikel akkwatiċi fuq is-saħħa.
C. It-titjib tal-immaġni u l-governanza tas-settur billi:
- tiġi implimentata aħjar il-leġiżlazzjoni tal-UE;
- it-tnaqqis tal-piż amministrattiv;
- l-iżgurar ta’ parteċipazzjoni idonea mill-partijiet interessati u l-għoti ta’ informazzjoni xierqa lill-pubbliku;
- tal-iżgurar ta’ monitoraġġ adegwat tas-settur tal-akkwakultura.
Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE
Fl-aħħar mill-aħħar, il-linji gwida strateġiċi (COM(2013)0229) ippubblikati mill-Kummissjoni fid-29 ta’ April 2013 kellhom l-għan li jgħinu lill-Istati Membri jiddefinixxu l-miri nazzjonali tagħhom stess, filwaqt li jqisu l-pożizzjonijiet inizjali, iċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-arranġamenti istituzzjonali relattivi tagħhom. Dawn il-linji gwida koprew erba’ oqsma ta’ prijorità:
- is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u tnaqqis taż-żmien għall-għoti ta’ liċenzja għall-farms tal-akkwakultura;
- l-ippjanar spazjali kkoordinat biex jiġi megħlub l-effett ta’ xkiel ikkawżat min-nuqqas ta’ spazju;
- titjib tal-kompetittività tal-akkwakultura tal-UE;
- promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi.
Pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali (2014-2020)
Kif stabbilit permezz tal-Artikolu 34 tar-regolament bażiku tal-politika komuni tas-sajd (PKS) (ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013), l-Istati Membri kellhom iressqu pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali (MNSPs)għall-iżvilupp ta’ attivitajiet tal-akkwakultura fuq it-territorju tagħhom għall-perjodu 2014-2020. Il-Kummissjoni ħeġġet l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri permezz ta’ diversi sessjonijiet ta’ ħidma u laqgħat. Bħala miżura ta’ segwitu, iffaċilitat il-koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali previsti fl-MNSPs.
Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu mill-2021 sal-2030
Fit-12 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida strateġiċi ġodda tagħha (COM(2021)0236 inkluż l-anness) għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva. Dan jippreżenta viżjoni għall-iżvilupp ulterjuri tal-akkwakultura b’mod li jikkontribwixxi kemm għall-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll għall-irkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19. Il-linji gwida l-ġodda jibnu fuq l-esperjenza fil-livell strateġiku tal-UE u dak nazzjonali u jqisu l-aħħar żviluppi, inklużi r-riċerka, l-innovazzjoni u l-użu tal-finanzjament tal-UE. Huma jwieġbu wkoll għas-sejħiet fl-istrateġija mill-għalqa sal-platt biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli tal-UE, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-potenzjal tal-akkwakultura sostenibbli li tipprovdi ikel u għalf b’impronta tal-karbonju baxxa.
Il-kisba ta’ din il-viżjoni se tirrikjedi li jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet differenti tas-settur tal-akkwakultura tal-UE sabiex jintlaħqu l-objettivi interrelatati li ġejjin, jiġifieri:
- il-bini tar-reżiljenza u l-kompetittività;
- il-parteċipazzjoni fit-tranżizzjoni ekoloġika;
- l-iżgurar tal-aċċettazzjoni soċjali u l-informazzjoni tal-konsumatur; u
- iż-żieda tal-għarfien u tal-innovazzjoni.
Il-linji gwida strateġiċi jidentifikaw 13-il qasam fejn hija meħtieġa aktar ħidma biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà, il-kompetittività u r-reżiljenza tal-akkwakultura tal-UE. Il-linji gwida jipprovdu rakkomandazzjonijiet speċifiċi u jipproponu azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri tal-UE u mill-AAC.
Biex tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-Kummissjoni stabbiliet Mekkaniżmu tal-UE għall-Assistenza fl-Akkwakultura. Dan il-mekkaniżmu jservi bħala għodda biex jgħin lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-UE, lill-industrija u lil partijiet ikkonċernati oħra jiżviluppaw aktar gwida u jikkonsolidaw l-aħjar prattiki fl-oqsma koperti mil-linji gwida strateġiċi. Dan il-mekkaniżmu jinkludi pjattaforma online b’bażi ta’ għarfien aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha (pereżempju, gwida dwar il-finanzjament tal-UE u bażi tad-data ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE fis-settur). Dan jinkludi wkoll informazzjoni skont il-pajjiż dwar l-MNSPs differenti tal-Istati Membri kollha.
L-UE tappoġġja wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni dwar aspetti ewlenin tal-akkwakultura tal-UE: mill-interazzjonijiet tagħha mal-ambjent, għas-saħħa u n-nutrizzjoni tal-ħut imrobbi, għar-riproduzzjoni u t-trobbija. Ir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-akkwakultura sostenibbli huma prijorità taħt Orizzont Ewropa, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni.
Lejn settur tal-algi tal-UE b’saħħtu u sostenibbli
Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni (COM(2022)0592) intitolata “Lejn Settur tal-Algi tal-UE B’Saħħtu u Sostenibbli”. Din il-komunikazzjoni tħabbret wara l-linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu mill-2021 sal-2030. L-isforz biex jiġi żviluppat settur tal-algi b’saħħtu u sostenibbli jirriżulta mill-benefiċċji li l-UE tikseb mill-algi relatati mal-ilħuq tal-objettivi ta’ sostenibbiltà, l-appoġġ għall-bijodiversità tal-baħar u l-protezzjoni tas-servizzi tal-ekosistema. Is-settur tal-algi għandu wkoll il-potenzjal li jagħti spinta sinifikanti lill-impjiegi għall-ekonomija blu, u din hija r-raġuni għaliex l-UE rrikonoxxietu bħala settur emerġenti li jeħtieġ li jiġi żviluppat.
Il-Kummissjoni identifikat ħames kwistjonijiet ewlenin li l-UE qed tiffaċċja fis-settur tal-algi: kostijiet għoljin tal-produzzjoni, produzzjoni fuq skala baxxa, għarfien limitat tas-suq, għarfien limitat tal-impatt ambjentali tal-produzzjoni tal-algi, u qafas frammentat. Mod ewlieni li bih l-UE qed timmira li ssolvi dawn il-kwistjonijiet huwa permezz ta’ inizjattivi edukattivi biex jingħalqu l-lakuni fl-għarfien u tiżdied is-sensibilizzazzjoni tas-settur emerġenti. F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni identifikat 23 azzjoni speċifika għat-titjib tal-kundizzjonijiet fis-settur, primarjament bl-użu ta’ finanzjament minn Orizzont Ewropa. Il-Kummissjoni impenjat ruħha u appellat lill-Istati Membri biex jieħdu dawn l-azzjonijiet ħalli jtejbu l-iżviluppi fl-għarfien, id-data u t-teknoloġija f’dan il-qasam. Rapport ta’ progress dwar l-għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni f’din il-komunikazzjoni għandu jitfassal fl-2027.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament adotta bosta riżoluzzjonijiet bl-objettiv tat-tisħiħ ulterjuri tas-settur tal-akkwakultura tal-UE:
- Ir-riżoluzzjoni tas-16 ta’ Jannar 2003 intitolata “Aquaculture in the European Union: present and future” (L-akkwakultura fl-Unjoni Ewropea: il-preżent u l-futur);
- Il-pożizzjoni tas-27 ta’ April 2006 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard fl-annimali li jgħixu fl-ilma;
- Il-pożizzjoni tal-14 ta’ Novembru 2006 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-użu ta’ speċi eżotiċi u assenti lokalment fl-akkwakultura;
- Il-pożizzjoni tal-14 ta’ Novembru 2006 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jimmodifika r-Regolament (KE) Nru 104/2000 tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akwakultura;
- Ir-riżoluzzjoni tal-4 ta’ Diċembru 2008 dwar l-adozzjoni ta’ Pjan Ewropew ta’ kontroll tal-istokkijiet tal-marguni sabiex jitnaqqas l-effett dejjem jiżdied tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akkwakultura;
- Ir-riżoluzzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea;
- Ir-riżoluzzjoni tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar is-sistema ta’ importazzjoni fl-UE ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS;
- Il-pożizzjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura;
- Il-pożizzjoni tat-12 ta’ Settembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura;
- Il-pożizzjoni tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000;
- Ir-riżoluzzjoni tat-8 ta’ Settembru 2015 dwar l-isfruttament tal-potenzjal ta’ riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi;
- Ir-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Mejju 2016 dwar it-traċċabilità ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-ristoranti u l-bejgħ bl-imnut;
- Ir-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Ġunju 2018 intitolata “Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri”;
- Il-pożizzjoni tas-17 ta’ April 2020 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 508/2014 u (UE) Nru 1379/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, li ġiet adottata bħala r-Regolament (UE) 2020/560;
- Il-pożizzjoni tas-6 ta’ Lulju 2022 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik il-gwerra ta’ aggressjoni fuq il-katina tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li ġiet adottata bħala r-Regolament (UE) 2022/1278;
- Riżoluzzjoni tal-4 ta’ Ottubru 2022 dwar l-impenn favur akkwakultura sostenibbli u kompetittiva fl-UE: it-triq ’il quddiem.
- Riżoluzzjoni tal-11 ta’ Mejju 2023 lejn settur tal-algi tal-UE b’saħħtu u sostenibbli.
Marcus Ernst Gerhard Breuer / Dana Divera Twisk