It-trasport marittimu: approċċ strateġiku
Ir-regolamenti tal-UE dwar it-trasport marittimu jiffukaw fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi u l-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-kompetizzjoni, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza, kundizzjonijiet tax-xogħol u standards ambjentali tajbin.
Il-bażi legali u l-objettivi
L-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) hu l-bażi legali, issupplimentat bid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara l-iskeda informattiva 2.1.4). L-għan huwa l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi fl-industrija tat-trasport marittimu tal-UE u li tiġi żgurata l-konformità mar-regolamenti tal-kompetizzjoni. It-trasport marittimu huwa wkoll parti fundamentali mill-politika marittima integrata (PMI) (ara l-iskeda informattiva 3.3.8). Il-politika tas-sigurtà marittima tal-UE hija diskussa f’kapitolu separat (ara l-iskeda informattiva 3.4.11).
Il-kisbiet
A. Approċċ ġenerali
It-trasport marittimu kien is-suġġett ta’ memorandum tal-Kummissjoni tal-1985 intitolat “Progress lejn politika komuni tat-trasport – it-trasport marittimu” u tal-komunikazzjoni tal-1996, “Lejn strateġija marittima ġdida”. Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-portijiet marittimi u l-infrastrutturi marittimi (COM(1997)0678) ippreżentat eżami tal-industrija b’ħarsa mill-qrib lejn il-problemi konnessi mat-tariffi tal-portijiet u l-organizzazzjoni tas-suq, inkluża l-integrazzjoni tal-portijiet fin-networks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T).
F’Jannar 2009, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar l-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 (COM(2009)0008), li identifikat firxa wiesgħa ta’ sfidi fil-kompetizzjoni globali, ir-riżorsi umani, l-iskart u l-emissjonijiet, it-trasport marittimu fuq distanzi qosra, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
B. L-aċċess għas-suq
L-ewwel pakkett leġiżlattiv marittimu jmur lura għat-22 ta’ Diċembru 1986 u kien jikkonsisti fir-regolamenti li ġejjin: ir-Regolament (KEE) Nru 4055/86, li kellu l-ħsieb li jneħħi r-restrizzjonijiet applikabbli għas-sidien tal-bastimenti tal-UE, ir-Regolament (KEE) Nru 4057/86, li indirizza prattiki ta’ prezzijiet mhux ġusti fit-trasport marittimu, u r-Regolament (KEE) Nru 4056/86, li ppermetta li l-Komunità tagħmel tajjeb għall-miżuri “protezzjonisti” tal-pajjiżi terzi.
Fl-1992, il-Kunsill adotta pakkett ta’ miżuri għal-liberalizzazzjoni gradwali tal-kabotaġġ nazzjonali (l-aċċess ta’ operaturi tat-trasport li mhumiex residenti fi Stat Membru partikolari għas-suq tat-trasport marittimu bejn il-portijiet ta’ dak l-Istat Membru) u b’mod partikolari r-Regolament (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992.
C. Ir-regoli dwar il-kompetizzjoni
Ir-Regolament (KEE) Nru 4056/86 tħassar bir-Regolament (KE) Nru 1419/2006 li permezz tiegħu l-kamp ta’ applikazzjoni ġie estiż sabiex jinkludi l-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta’ trasport bi “tramp”.
Fl-1 ta’ Lulju 2008 il-Kummissjoni adottat sett ta’ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (sussegwentement sostitwit bl-Artikolu 101 tat-TFUE) għas-servizzi tat-trasport marittimu. Dwar il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni, fl-1997, kienet diġà adottat qafas ġuridiku li jawtorizza lill-Istati Membri jimplimentaw skemi ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur marittimu. Fl-2004, il-Kummissjoni kkonfermat dan il-qafas fil-forma ta’ linji gwida riveduti (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2004)0043).
Il-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-servizzi portwarji, madankollu, għadu proġett li ma tlestiex. Fi Frar 2001, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar it-titjib tal-kwalità tas-servizzi portwarji, li kienet akkumpanjata bi proposta għal direttiva dwar l-aċċess għas-suq ta’ dawn is-servizzi (“l-ewwel pakkett portwarju”)(COM(2001)0035). Madankollu, il-proposta ġiet irrifjutata mill-Parlament fl-20 ta’ Novembru 2003. Proposta riveduta tal-Kummissjoni mressqa fit-13 ta’ Ottubru 2004 (COM(2004)0654) ġiet irrifjutata wkoll. Fit-23 ta’ Mejju 2013 il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ġdid ta’ miżuri għal-liberalizzazzjoni tas-servizzi portwarji: komunikazzjoni intitolata “Portijiet: magna għat-tkabbir” (COM(2013)0295) u proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas fuq l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwarji u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (COM(2013)0296). Din l-istrateġija l-ġdida tal-UE hija parti mill-qafas tal-linji gwida riveduti TEN-T (ara l-iskeda informattiva 3.5.1) u tkopri 319-il port marittimu ewlieni.
Fil-15 ta’ Frar 2017, ġie adottat ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ir-Regolament jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom tapplika l-libertà li jiġu pprovduti servizzi portwarji, pereżempju t-tip ta’ rekwiżiti minimi li jistgħu jiġu imposti għal raġunijiet ambjentali jew ta’ sigurtà u ċ-ċirkostanzi li fihom in-numru ta’ operaturi jista’ jkun limitat. Huwa jintroduċi regoli komuni dwar it-trasparenza tal-finanzjament pubbliku u tal-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura tal-port u s-servizzi tal-port, b’mod partikolari billi jiżgura li l-utenti tal-port ikunu kkonsultati. Huwa jintroduċi f’kull Stat Membru mekkaniżmu ġdid li jindirizza l-ilmenti u t-tilwim bejn il-partijiet ikkonċernati tal-port. Fl-aħħar nett, jesiġi li l-fornituri kollha tas-servizzi portwarji jipprovdu taħriġ adegwat lill-impjegati.
D. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol
Diversi direttivi huma rilevanti għall-kundizzjonijiet tax-xogħol. Id-Direttiva 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 tikkonċerna s-sigħat tax-xogħol tal-baħħara abbord il-vapuri li jbaħħru taħt bandiera ta’ Stat Membru tal-UE, filwaqt li d-Direttiva 1999/95/KE tat-13 ta’ Diċembru 1999 tapplika dan għal vapuri minn pajjiżi terzi li jidħlu f’portijiet Komunitarji. Fit-23 ta’ Frar 2006, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottat il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC) u b’hekk inħoloq strument wieħed komplut li jinkludi l-istandards attwali kollha fir-rigward tax-xogħol fuq il-baħar: id-dritt tal-baħħara għal post tax-xogħol sikur u ħieles mill-perikli skont l-istandards tas-sikurezza attwali; kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja adegwati; il-protezzjoni tas-saħħa; il-kura medika u l-protezzjoni soċjali. Id-Direttiva 2009/13/KE li temenda d-Direttiva 1999/63/KE, timplimenta l-ftehim tal-MLC.
Id-Direttiva 2012/35/UE tal-21 ta’ Novembru 2012 li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara tistabbilixxi li t-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara huma rregolati mill-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, (“il-Konvenzjoni STCW”). Din ġiet adottata fl-1978 u daħlet fis-seħħ fl-1984, iżda ġiet emendata b’mod sinifikanti fl-1995 u għal darb’oħra fl-2010. Id-Direttiva (UE) 2019/1159 tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri, ġabet ir-regoli tal-UE f’konformità mal-Konvenzjoni STCW aġġornata. Hija ċċarat ukoll liema ċertifikati jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti b’mod reċiproku biex il-baħħara ċċertifikati minn pajjiż wieħed tal-UE jkunu jistgħu jaħdmu abbord bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż ieħor tal-UE. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2019 u l-Istati Membri kellhom jadattaw ir-regoli nazzjonali tagħhom sat-2 ta’ Awwissu 2021.
Id-Direttiva 2013/38/UE tat-12 ta’ Awwissu 2013 li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port tallinja t-test aktar mill-qrib mal-MLC tal-2006 msemmija hawn fuq. Id-Direttiva emendata tagħmel referenza wkoll għal: (i) il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll ta’ Sistemi Anti-fouling ta’ Ħsara fuq Bastimenti (“il-Konvenzjoni AFS”, 2001) u (ii) il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt, (2001). Fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-Port, li hija parti minn pakkett biex jiġu mmodernizzati r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza marittima u għandha l-għan li taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-UE u tallinjaha mar-regoli u l-proċeduri internazzjonali stabbiliti mill-OMI, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol jew mill-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port. Taġġorna wkoll il-mod kif il-bastimenti jaqgħu fil-mira għall-ispezzjoni u se tagħti aktar importanza lill-prestazzjoni ambjentali u n-nuqqasijiet tal-bastimenti fid-determinazzjoni tal-profil tar-riskju tagħhom. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa emendat ukoll sabiex il-bastimenti tas-sajd b’tul ta’ aktar minn 24 metru jkunu jistgħu jiġu spezzjonati taħt il-kontroll mill-Istat tal-port, minn dawk l-Istati Membri li jixtiequ jwettqu dawn l-ispezzjonijiet. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju fis-27 ta’ Frar 2024, li ġie kkonfermat mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fl-20 ta’ Marzu 2024 u sussegwentement mill-plenarja fl-10 ta’ April 2024. L-adozzjoni finali se ssir wara reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti skont il-proċedura ta’ rettifika fil-leġiżlatura l-ġdida.
Id-Direttiva 2013/54/UE tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ċerti responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-konformità mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu u l-infurzar tagħha implimentat il-ftehim milħuq bejn l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport dwar l-MLC tal-2006.
Fl-aħħar nett, id-Direttiva (UE) 2015/1794 tas-6 ta’ Ottubru 2015 emendat it-test ta’ ħames Direttivi (2008/94/KE, 2009/38/KE, 2002/14/KE, 98/59/KE u 2001/23/KE) rigward il-kunsilli tax-xogħlijiet, sensji kollettivi, it-trasferiment ta’ impriżi, l-insolvenza ta’ min iħaddem u l-informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni magħhom sabiex il-baħħara jkunu koperti bid-direttivi kollha fl-Istati Membri kollha.
E. L-istandards ambjentali għat-trasport marittimu
Fl-aħħar snin ġew adottati diversi miżuri fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Dawn jinkludu, b’mod partikolari:
- id-Direttiva 2000/59/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija, li tobbliga r-rimi ta’ żejt, ta’ taħlitiet żejtnija, ta’ skart tal-bastimenti u ta’ fdalijiet mill-merkanzija fil-portijiet tal-Unjoni Ewropea, u tipprevedi l-monitoraġġ sabiex dan jiġi infurzat. Dawn ir-regoli ġew aġġornati bid-Direttiva (UE) 2019/883 tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, bil-għan li l-ambjent tal-baħar jiġi protett aħjar billi jitnaqqas ir-rimi ta’ skart fil-baħar.
- ir-Regolament (KE) Nru 782/2003 tal-14 ta’ April 2003 dwar il-projbizzjoni tal-komposti tal-organotin fuq il-bastimenti. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, dawn il-komposti primarjament kienu jintużaw bħala aġenti tal-antifouling, biex ikun evitat li jikbru organiżmi fuq il-buq tal-bastimenti, iżda dawn għamlu ħafna ħsara lill-ambjent. Dan ir-Regolament jimplimenta l-Konvenzjoni AFS, adottata mill-OMI fil-5 ta’ Ottubru 2001;
- id-Direttiva 2005/35/KE tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur. Din tinkludi definizzjonijiet preċiżi tal-ksur u tipprevedi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi – kriminali jew amministrattivi – għall-ksur tar-regoli. Din kienet emendata mid-Direttiva 2009/123/KE tal-21 ta’ Ottubru 2009 sabiex tiżgura li dawk responsabbli għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu jkunu suġġetti għal penali adegwati, inklużi pieni kriminali (anke f’każijiet inqas serji). F’Jannar 2022, il-Kummissjoni adottat regolament ta’ implimentazzjoni biex isir rekwiżit li l-Istati Membri tal-UE jimmonitorjaw l-ammont ta’ skart li jinġabar b’mod mhux intenzjonat mill-bastimenti tas-sajd u mix-xbieki u li jittieħed fil-portijiet tagħhom u li jirrapportaw din id-data lill-Kummissjoni. Fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni adottat proposta biex temenda d-Direttiva 2005/35/KE (COM(2023)0273) biex tinkludi tipi ġodda ta’ skariki illegali minn vapuri fil-baħar, li tirrifletti modifiki reċenti fil-livell internazzjonali (Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, MARPOL 73/78). Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju fil-15 ta’ Frar 2024, li ġie kkonfermat mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu f’Marzu 2024 u sussegwentement mill-plenarja fl-10 ta’ April 2024. L-adozzjoni finali se ssir wara reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti skont il-proċedura ta’ rettifika fil-leġiżlatura l-ġdida.
- Id-Direttiva 2012/33/UE tal-21 ta’ Novembru 2012 (id-“Direttiva dwar il-kontenut tal-Kubrit”, li issa saret id-Direttiva (UE) 2016/802) tipprevedi li bastimenti tal-merkanzija li jbaħħru fit-territorji marittimi tal-Istati Membri ma jibqgħux jitħallew jużaw karburant li jkun fih aktar minn 0.1% massa ta’ kubrit mill-1 ta’ Jannar 2015. Dawn l-ibħra huma kklassifikati bħala żona ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-kubrit f’konformità mal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (Konvenzjoni MARPOL). Ara wkoll id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi.
Fl-14 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ proposti (magħruf bħala l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%”) fi ħdan il-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li għandu l-għan li jġib il-politiki tal-UE rigward il-klima, l-użu tal-art, it-trasport u t-tassazzjoni tajbin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti b’tal-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Xi wħud mill-proposti jkopru parzjalment jew kompletament it-trasport marittimu, inkluż:
- Proposta biex l-emissjonijiet mit-tbaħħir jiġu inklużi għall-ewwel darba fl-Iskema ta’ Negozjar tal-Emissjonijiet tal-Gassijiet Serra tal-UE. Il-plenarja tal-Parlament approvat ir-regoli l-ġodda u l-atti finali (id-Direttiva (UE) 2023/959 u r-Regolament (UE) 2023/957) u dawn ġew adottati f’Mejju 2023.
- Proposta għal Regolament rivedut dwar l-Infrastruttura ta’ Fjuwils Alternattivi (AFIR), u li b’mod partikolari jirrikjedi li l-vapuri jkollhom aċċess għall-elettriku nadif fil-portijiet ewlenin. Il-plenarja tal-Parlament approvat ir-regoli l-ġodda u l-atti finali (ir-Regolament (UE) 2023/1804) u dawn ġew adottati fit-13 ta’ Settembru 2023.
- Proposta dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu (FuelEU Maritime) u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE. Il-plenarja tal-Parlament approvat ir-regoli l-ġodda f’Lulju 2023. L-att finali (ir-Regolament (UE) 2023/1805) ġie adottat fit-13 ta’ Settembru 2023. Ir-reviżjoni tinkludi miżuri biex jiġi żgurat li l-intensità tal-gassijiet serra tal-fjuwils użati mis-settur tat-tbaħħir tonqos gradwalment maż-żmien, bi 2% fl-2025 sa 80% sal-2050
F. Ir-reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19
Wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġew adottati diversi miżuri b’reazzjoni għad-diffikultajiet li ffaċċja s-settur marittimu:
- Fit-8 ta’ April 2020, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-baħħara, tal-passiġġieri u ta’ persuni oħrajn li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti u dwar ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom, li jistiednu lill-Istati Membri joħolqu network ta’ portijiet għal bidliet rapidi fl-ekwipaġġ.
- Ir-Regolament (EU) 2020/698 tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport. Meta titqies is-sitwazzjoni sanitarja, dan ir-regolament ġie emendat ulterjorment fi Frar 2021 (ir-Regolament (UE) 2021/267).
- Ir-Regolament (UE) 2020/697 tal-25 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/352, sabiex il-korp ta’ ġestjoni ta’ port jew l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu joffru l-flessibbiltà fir-rigward tal-impożizzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19.
Biex tindirizza r-riskju ta’ reċessjoni ekonomika serja, il-Kummissjoni ppubblikat qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, li jippermetti lill-pajjiżi tal-UE jipprovdu assistenza lill-kumpaniji, minbarra l-possibbiltajiet disponibbli skont ir-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat.
G. Il-pakkett dwar is-sikurezza marittima
Fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni bit-titolu “Is-sikurezza marittima: fil-qalba tat-tbaħħir nadif u modern”. Din kienet akkumpanjata minn proposti biex jiġu riveduti ħames biċċiet ta’ leġiżlazzjoni rilevanti biex jiġu mmodernizzati r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza marittima u jiġi evitat it-tniġġis tal-ilma mill-vapuri:
- Id-Direttiva 2009/21/KE dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera. Din il-proposta tistabbilixxi sensiela ta’ miżuri li jinvolvu l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-awtoritajiet nazzjonali li se jtejbu l-kooperazzjoni u l-istandards fil-kontrolli tas-sikurezza u tal-ambjent.
- Id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-port. Din il-proposta għandha l-għan li taġġorna l-leġiżlazzjoni attwali biex tkopri regoli internazzjonali addizzjonali u tirrevedi l-mod kif il-bastimenti huma mmirati għall-ispezzjoni sabiex tirrifletti rekwiżiti ġodda.
- Id-Direttiva 2009/18/KE dwar l-investigazzjoni tal-aċċidenti tat-trasport marittimu. Din tipproponi li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi estiż biex ikopri bastimenti tas-sajd iżgħar u biex titrawwem id-diġitalizzazzjoni tal-investigazzjoni tal-aċċidenti marittimi, inkluża l-adozzjoni ta’ ċertifikati elettroniċi.
- Id-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ penali. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tipprevjeni kwalunkwe tip ta’ rimi illegali fl-ibħra Ewropej billi tallinja r-regoli tal-UE mar-regolamenti internazzjonali u testendi l-kamp ta’ applikazzjoni biex ikopri firxa usa’ ta’ sustanzi li jniġġsu, u billi tistabbilixxi qafas legali msaħħaħ għall-penali u l-applikazzjoni tagħhom. Il-proposta tfittex ukoll li tottimizza l-CleanSeaNet (il-bażi tad-data tal-EMSA), li se twassal għal infurzar u kooperazzjoni f’waqthom bejn l-Istati Membri. L-abbozz ta’ rapport mill-Kumitat tal-Parlament għat-Trasport u t-Turiżmu qed jistenna deċiżjoni tal-Kumitat.
- Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. Din il-proposta taġġorna l-mandat tal-EMSA biex tirrifletti aħjar ir-rwol dejjem jikber tal-Aġenzija f’ħafna oqsma tat-trasport marittimu, inklużi s-sikurezza, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-protezzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika, is-sigurtà, is-sorveljanza u l-ġestjoni tal-kriżijiet, inklużi l-kompiti l-ġodda tas-sikurezza u s-sostenibbiltà li jirriżultaw minn dan il-pakkett leġiżlattiv.
In-negozjati interistituzzjonali dwar l-erba’ Direttivi konklużi fi Frar 2024, u t-testi li ntlaħaq qbil dwarhom ġew ikkonfermati mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu f’Marzu 2024 u mill-plenarja f’April 2024. L-adozzjoni finali se ssir wara reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti skont il-proċedura ta’ rettifika fil-leġiżlatura l-ġdida. Fir-rigward tar-Regolament tal-EMSA, il-Parlament ikkonkluda l-ewwel qari tiegħu f’Marzu 2024 u se jkompli n-negozjati interistituzzjonali fil-leġiżlatura l-ġdida.
Ir-Rwol tal-Parlament Ewropew
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar l-objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018, il-Parlament appoġġja fil-prinċipju l-approċċ tal-Kummissjoni. Huwa talab ukoll aktar azzjoni kontra l-abbużi tal-bnadar ta’ konvenjenza; regoli ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat u linji gwida għall-portijiet; konsiderazzjoni akbar tar-rotot marittimi fi ħdan it-TEN-Ts (partikolarment permezz tal-awtostradi tal-baħar); titjib fis-sostenibbiltà tat-trasport marittimu billi jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vapuri; u l-iżvilupp tal-politika dwar it-trasport marittimu tal-UE għaż-żona marittima komuni.
Fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament adotta riżoluzzjoni intitolata “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” b’reazzjoni għall-White Paper tal-Kummissjoni tal-2011. Fir-rigward tat-trasport marittimu, il-Parlament talab:
- li tiġi ppreżentata proposta dwar iċ-“Ċinturin Blu” sal-2013 (ara COM(2013)0510 tat-8 ta’ Lulju 2013);
- l-introduzzjoni ta’ politika Ewropea għal trasport marittimu fuq distanzi qosra u medji;
- l-allokazzjoni ta’ mill-anqas 15% tal-finanzjament TEN-T għal proġetti li jtejbu l-konnessjonijiet sostenibbli u multimodali bejn il-portijiet marittimi, il-portijiet interni u l-pjattaformi multimodali.
Fit-2 ta’ Lulju 2013, il-Parlament segwa dan b’riżoluzzjoni intitolata “It-Tkabbir Blu: it-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu fl-UE”, li fiha ppreżenta l-pjan direzzjonali tiegħu għal aktar żvilupp u fejn ipprova jerġa’ jagħti l-ħajja lill-PMI. Il-Parlament irrakkomanda t-twaqqif ta’ sistemi ta’ ppjanar spazjali marittimu, titjib fl-infrastruttura u l-ħolqien ta’ aċċess għall-kompetenzi professjonali. Fuq kollox, il-Parlament tenna wkoll l-importanza assoluta ta’ kompetenzi marittimi u l-impjiegi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll is-sehem tal-UE fit-trasport marittimu u l-bini ta’ bastimenti.
Fit-28 ta’ April 2015 il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva fejn approva, mingħajr emendi, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757 tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE.
Fit-22 ta’ Novembru 2016, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-isfruttar tal-potenzjal tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma. L-għan kien li jinkoraġġixxi l-użu tal-kapaċità żejda disponibbli kemm f’termini ta’ infrastruttura kif ukoll ta’ bastimenti fl-oqsma tat-tbaħħir kostali (fuq distanzi qosra), tal-vapuri tal-passiġġieri interni u marittimi, tal-mobbiltà urbana u periferali, tal-kruċieri u tat-turiżmu.
Fl-2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Huwa appella lill-Kummissjoni biex titbiegħed mill-użu taż-żejt tal-fjuwil tqil fit-trasport marittimu, tinvesti fir-riċerka f’teknoloġiji ġodda għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tat-tbaħħir u twitti t-triq għall-iżvilupp ta’ bastimenti b’emissjonijiet żero.
Fis-27 ta’ April 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar miżuri tekniċi u operazzjonali għal trasport marittimu aktar effiċjenti u aktar nadif, li fiha fakkar b’mod partikolari li s-settur marittimu għandu jikkontribwixxi għall-isforzi tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, filwaqt li tiġi żgurata l-kompetittività tas-setturi. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati b’mod effettiv l-emissjonijiet tal-fjuwil tal-bastimenti u li gradwalment jitneħħa l-użu taż-żejt tal-fjuwil tqil fit-trasport marittimu, u stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proġetti mmirati lejn id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu u t-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu.
Fir-rigward tar-regolamenti AFIR u FuelEU Maritime, li ġew konklużi reċentement, il-Parlament irnexxielu jsaħħaħ b’mod konsiderevoli r-rekwiżiti u jżid il-livell ta’ ambizzjoni, jiġifieri fir-rigward tal-forniment ta’ infrastruttura għal fjuwils alternattivi, il-limiti tal-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord, l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-obbligu ta’ konnessjoni mal-provvista tal-elettriku fuq l-art.
F’Marzu u April 2024, il-Parlament ikkonkluda formalment negozjati interistituzzjonali dwar erba’ proposti li jiffurmaw parti mill-pakkett dwar is-sikurezza marittima, li għandu l-għan li jtejjeb l-istandards tas-sikurezza marittima tal-UE u jnaqqas l-impatt ambjentali tal-attivitajiet tat-trasport marittimu.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni.
Ariane Debyser / Olena Kuzhym