F’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-politiki dwar l-edukazzjoni għolja huma deċiżi fil-livell tal-Istati Membri individwali. Għaldaqstant ir-rwol tal-UE huwa prinċipalment rwol ta’ appoġġ u koordinament. L-objettivi ewlenin tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għolja jinkludu l-inkoraġġiment tal-mobilità tal-istudenti u l-għalliema, it-trawwim ta’ rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u l-perjodi ta’ studju, kif ukoll il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

Il-bażi ġuridika

L-edukazzjoni – u f’dan il-kuntest, l-edukazzjoni għolja wkoll – kienet rikonoxxuta formalment bħala qasam ta’ kompetenza tal-UE fit-Trattat ta’ Maastricht tal-1992. It-Trattat ta’ Liżbona, li jemenda t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ma biddel xejn fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-rwol tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Artikolu 165(1), fit-Titolu XII tat-Trattat, jipprevedi: “L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom”; L-Artikolu 165(2) jgħid li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata lejn:

  • l-iżvilupp ta’ dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni [...];
  • l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, fost l-oħrajn billi jiġi mħeġġeġ ir-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi u perjodi ta’ studju;
  • il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi; l-iżvilupp ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta’ edukazzjoni fl-Istati Membri;
  • l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ edukazzjoni mill-bogħod [...].

Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Liżbona introduċa dispożizzjoni li tista’ tiġi deskritta bħala “klawżola soċjali” orizzontali. L-Artikolu 9 tat-TFUE jiddikjara: “Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”.

Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tgħid hekk: “Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni” (l-Artikolu 14).

L-objettivi

A. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

F’komunikazzjoni ppubblikata f’Settembru 2020, il-Kummissjoni ddeskriviet “Żona Ewropea tal-Edukazzjoni”, li għandha tkun kompletament stabbilita sal-2025, sabiex ittejjeb il-livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ taċ-ċittadini Ewropej u tiżviluppa s-sens ta’ appartenenza tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tal-edukazzjoni għolja, l-objettivi ewlenin taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni huma:

  • żieda fis-sehem ta’ dawk bejn it-30 u l-34 sena b’edukazzjoni terzjarja għal 50% sal-2030 (ir-rata fl-2020: 40.3%);
  • l-istabbiliment ta’ networks ta’ universitajiet Ewropej bi status legali u li jagħtu lawrji Ewropej;
  • it-tisħiħ tal-Erasmus+, il-programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa, biex isir aktar inklużiv;
  • l-istabbiliment tal-inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti biex tiffaċilita l-mobilità tal-istudenti;
  • l-istabbiliment ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi u perjodi ta’ tagħlim minn Stat Membru għal ieħor (abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Liżbona dwar ir-Rikonoxximent)).

B. Il-Proċess ta’ Bolonja

Minbarra l-inizjattivi politiċi tal-Istati Membri, l-UE tappoġġa b’mod attiv il-prijoritajiet tal-Proċess ta’ Bolonja li, sa mill-bidu tiegħu fl-1999, kellu bħala objettiv li jiggarantixxi sistemi aktar komparabbli, kompatibbli u koerenti ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa u fir-reġjuni ġirien, li jwasslu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA), bid-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali ta’ Budapest-Vjenna ta’ Marzu 2010. Sal-lum, 49 pajjiż huma membri tal-EHEA.

C. L-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-edukazzjoni għolja

Fl-2017, il-Kummissjoni ppubblikat l-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja. Hija tiffoka fuq erba’ oqsma ta’ prijorità:

  • l-allinjament tal-iżvilupp tal-ħiliet fl-edukazzjoni għolja mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;
  • l-iżgurar ta’ edukazzjoni għolja aċċessibbli minn kullimkien, aktar inklużiva u b’interazzjoni akbar mas-soċjetà;
  • it-tisħiħ tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-edukazzjoni għolja;
  • it-tisħiħ tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-edukazzjoni għolja;

Il-kisbiet

A. Erasmus+

Il-programm Erasmus+ għandu l-għan li jinvesti fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa permezz ta’ programm uniku ta’ finanzjament. Erasmus+ jgħaqqad flimkien il-politiki settorjali u trażversali li qabel kienu implimentati separatament fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja (Erasmus, Erasmus Mundus, Tempus, Jean Monnet), l-edukazzjoni skolastika (Comenius), l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci), it-tagħlim għall-adulti (Grundtvig) u ż-żgħażagħ (Żgħażagħ fl-Azzjoni). Għall-ewwel darba fl-2014, l-isport ġie inkluż fil-programm. Il-programm huwa strutturat madwar tliet azzjonijiet ewlenin fis-setturi differenti fil-mira:

  • il-mobilità tal-individwi għal skopijiet ta’ tagħlim;
  • il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-iskambju tal-aħjar prattiki;
  • l-appoġġ għar-riforma politika.

Fl-arkitettura komprensiva ta’ Erasmus+, l-edukazzjoni għolja għandha rwol ċentrali fil-programm. Fil-perjodu 2021-2027, minimu ta’ 34.6% tal-baġit totali tal-programm Erasmus+ ġie allokat għall-edukazzjoni għolja. Erasmus+ ma jappoġġax biss il-mobilità tal-istudenti u tal-persunal fl-edukazzjoni għolja, iżda jiffinanzja wkoll il-Lawrji ta’ Master Konġunt tal-Erasmus Mundus u s-self għall-istudji fil-livell ta’ Master fl-ambitu tal-programm Erasmus+.

Is-sena 2018 rat it-tnedija tal-inizjattiva “Universitajiet Ewropej”, bl-appoġġ tal-programm Erasmus+. L-inizjattiva tappoġġja l-ħolqien ta’ networks ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja minn Stati Membri differenti bil-għan li jiżviluppaw strateġiji komuni, jippermettu lill-istudenti jistudjaw f’diversi pajjiżi tal-UE u jagħtu lawrji Ewropej. Wara is-sejħa tal-Erasmus+ 2023, intgħażlu 50 alleanza tal-Universitajiet Ewropea, li jinvolvu 430 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja mill-Istati Membri kollha kif ukoll tmien pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-programm Erasmus+. L-inizjattiva tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għan tagħha li tespandi għal 60 alleanza tal-Universitajiet Ewropej li jinvolvu aktar minn 500 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja sa nofs l-2024.

Fit-22 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni adottat qafas ġdid ta’ miżuri ta’ inklużjoni għall-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021-2027. Dan il-qafas għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess għal persuni b’inqas opportunitajiet u li jneħħi l-ostakli li jistgħu jipprevjenu l-aċċess. Huwa jappoġġa l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jixtiequ jorganizzaw attivitajiet ta’ mobilità għat-tagħlim għall-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ tal-istudenti u l-persunal. Il-kooperazzjoni hija wkoll fundamentali għall-qafas il-ġdid u tinkludi sħubijiet fuq skala żgħira, li jwessgħu l-aċċess għall-programm.

B. L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie

L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) jappoġġaw il-mobilità u t-taħriġ tar-riċerkaturi. Dawn l-azzjonijiet huma parti mill-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont Ewropa (2021-2027)” u huma strutturati madwar ħames subazzjonijiet. Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie saru l-programm ewlieni tal-Unjoni Ewropea għat-taħriġ fid-dottorat. Huma jiffinanzjaw taħriġ dottorali konġunt (subazzjoni “Doctoral Networks”) u jippromwovu l-mobilità transnazzjonali, intersettorjali u interdixxiplinari permezz ta’ boroż ta’ studju postdottorali (subazzjoni “Postdoctoral Fellowships”) kif ukoll permezz ta’ kofinanzjament minn programmi reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali oħra (subazzjoni “Cofund”). Jiffaċilitaw ukoll is-sekondar barra mill-pajjiż ta’ persunal tar-riċerka jew persunal amministrattiv u tekniku involut fir-riċerka u l-innovazzjoni (subazzjoni “Staff exchanges”). Fl-aħħar nett, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jappoġġaw il-Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi, sensiela ta’ avvenimenti pubbliċi li jsiru kull sena madwar l-Ewropa f’Settembru biex jippromwovu l-ħidma tar-riċerkaturi (bħala parti mis-subazzjoni “MSCA and Citizens”). Il-programm jistinka biex ineħħi l-ostakli reali u perċepiti bejn l-akkademja u setturi oħra, b’mod partikolari n-negozji. Il-programm Orizzont Ewropa jalloka baġit ta’ madwar €6.6 biljun lill-MSCA.

C. Kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja

F’April 2022, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar strateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-futur tal-Ewropa u rakkomandazzjoni dwar il-bini ta’ konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja. Dawn l-atti għandhom l-għan li jgħinu lill-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja jikkontribwixxu għat-tiswir ta’ ekonomiji sostenibbli u reżiljenti u biex l-UE ssir aktar ekoloġika, aktar inklużiva u aktar diġitali. Dawn għandhom l-għan ukoll li jintensifikaw il-kooperazzjoni tranżnazzjonali u jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u li jiżviluppaw dimensjoni ġenwinament Ewropea fis-settur tal-edukazzjoni għolja, mibnija fuq valuri kondiviżi.

D. Lawrja Ewropea

F’Marzu 2024, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ proposti ambizzjużi għas-settur tal-edukazzjoni għolja tal-Ewropa, bl-għan li taħdem lejn lawrja Ewropea. Il-pakkett fih pjan ta’ azzjoni għal din il-kwalifika ġdida u rikonoxxuta universalment, bħala riżultat ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali aktar profonda u usa’ bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja – komponent ewlieni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament għandu influwenza dejjem akbar fuq it-tfassil tal-politika Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni għolja.

A. Erasmus+

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2017, il-Parlament irrikonoxxa l-impatt estremament pożittiv tal-programm Erasmus+, b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-possibilitajiet ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol iżda wkoll fir-rigward tal-fatt li jitħeġġu ċ-ċittadinanza attiva u s-sens ta’ identità Ewropea. Madankollu, filwaqt li inqas minn 5% tal-Ewropej jistgħu jibbenefikaw minn Erasmus+, enfasizza li l-programm il-ġdid għandu jkun aktar miftuħ u aktar aċċessibbli u li għandu jiffoka aktar fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni mhux formali u informali. Ġibed l-attenzjoni wkoll għad-diffikultajiet assoċjati mal-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), li jikkostitwixxu ostaklu għall-mobilità, u appella għall-ħolqien ta’ Karta Ewropea tal-Istudenti elettronika sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi fil-livell Ewropew.

Fil-15 ta’ Settembru 2020, ġiet adottata riżoluzzjoni biex tissaħħaħ id-dimensjoni ambjentali tal-programm Erasmus +, fost inizjattivi oħra.

F’Mejju 2021, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2021/817 li jistabbilixxi l-programm Erasmus+ għall-perjodu 2021-2027. B’baġit ta’ €26.6 biljun (meta mqabbel ma’ €14.7 biljun fil-perjodu preċedenti), l-edizzjoni l-ġdida tal-programm għandha l-għan li tiżgura opportunitajiet ugwali għaċ-ċittadini kollha, inkluż billi żżid l-ilħuq tiegħu għall-persuni b’diżabilità kif ukoll għal dawk minn sfondi ekonomiċi żvantaġġati, dawk b’diffikultajiet edukattivi u dawk li jgħixu f’żoni rurali u remoti. Erasmus+ jappoġġa t-tagħlim tul il-ħajja għall-istudenti adulti, bil-formalitajiet amministrattivi jiġu diġitalizzati u ssimplifikati. Fl-aħħar nett, il-programm jikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi tal-UE permezz ta’ miżuri biex titnaqqas l-impronta klimatika tiegħu.

F’Jannar 2024, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+ 2021-2027 attwali bħala parti mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm. Il-Parlament enfasizza li Erasmus+ jibqa’ programm ta’ suċċess kbir, minħabba l-livelli għoljin ħafna ta’ parteċipazzjoni. Enfasizza wkoll li l-Erasmus+ jeħtieġ li jibqa’ ffukat fuq edukazzjoni ta’ kwalità b’azzjonijiet li huma faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini fil-livell lokali. Il-Parlament laqa’ s-suċċess tal-inizjattiva l-ġdida tal-Universitajiet Ewropej u indirizza modi kif nimxu ’l quddiem bl-alleanzi.

B. Rabtiet mal-impjieg

Matul is-snin, il-Parlament dejjem iffoka fuq l-edukazzjoni għolja u r-rabtiet tagħha mal-impjiegi. Wara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Mejju 2017 dwar aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja, fit-12 ta’ Ġunju 2018 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE. Fir-rigward tal-edukazzjoni għolja, din ir-riżoluzzjoni titlob il-ħolqien ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u tħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu aktar fl-edukazzjoni għolja u jrawmu l-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja, id-dinja tax-xogħol, l-industrija, il-komunitajiet tar-riċerka u s-soċjetà kollha kemm hi.

C. Il-Proċess ta’ Bolonja

Il-Parlament ilu żmien twil juri interess fil-konsolidazzjoni u l-progress tal-Proċess ta’ Bolonja. F’riżoluzzjoni tat-28 ta’ April 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bolonja, huwa enfasizza li l-Proċess ta’ Bolonja jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tas-sistemi tal-edukazzjoni, jiffaċilita l-komparabilità tal-istrutturi tal-edukazzjoni għolja billi jipprovdi sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għar-rikonoxximent tad-diplomi, u b’hekk iżid l-attraenza tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa.

F’April 2018, il-Parlament adotta riżoluzzjoni oħra dwar il-proċess ta’ Bolonja. Ir-riżoluzzjoni saħqet fuq il-ħtieġa li tiġi mtejba d-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni, billi jingħataw opportunitajiet speċifiċi għall-aċċess għal edukazzjoni għolja għal studenti b’diżabilitajiet u minn sfondi żvantaġġati. Hija ppromwoviet mekkaniżmi aċċessibbli u ekwi għall-għoti ta’ boroż ta’ studju u allowances għall-mobilità. Fl-aħħar nett, stiednet ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-baġits tagħhom għall-edukazzjoni bil-għan li jiggarantixxu li l-edukazzjoni għolja pubblika tkun mingħajr ħlas u aċċessibbli għal kulħadd.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni.

 

Lina Sasse / Kristiina Milt